|
3.3.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 73/86 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/380
tal-1 ta’ Marzu 2021
li tapprova l-pjan għall-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi f’ċerti żoni tal-Ġermanja
(notifikata bid-dokument C(2021) 1248)
(It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2002/60/KE tistabbilixxi l-miżuri minimi tal-Unjoni li għandhom jittieħdu biex jiġi kkontrollat id-deni Afrikan tal-ħnieżer, fosthom dawk li għandhom jiġu applikati jekk jiġi kkonfermat każ tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi. |
|
(2) |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE (2) tistabbilixxi miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Istati Membri jew fiż-żoni tagħhom kif stipulat fl-Anness (l-Istati Membri kkonċernati), u fl-Istati Membri kollha fir-rigward ta’ movimenti ta’ ħnieżer selvaġġi u l-obbligi ta’ informazzjoni. L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE jiddemarka u jelenka ċerti żoni tal-Istati Membri kkonċernati, imqassmin skont il-livell tar-riskju abbażi tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward ta’ dik il-marda, inkluż lista ta’ żoni ta’ riskju għoli. Dak l-Anness ġie emendat diversi drabi sabiex jitqiesu l-bidliet fis-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, u li kellhom bżonn jiġu riflessi f’dak l-Anness. |
|
(3) |
Fl-2020 il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni bil-każijiet tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi u ħadet il-miżuri biex tikkontrolla l-marda kif meħtieġ mid-Direttiva 2002/60/KE. |
|
(4) |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali u f’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/60/KE, il-Ġermanja ppreżentat lill-Kummissjoni pjan għall-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-11 ta’ Diċembru 2020 (il-pjan ta’ eradikazzjoni). |
|
(5) |
L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE ġie emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2021/123 (3) u jqis, fost l-oħrajn, il-każijiet tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi fil-Ġermanja, u l-Partijiet I u II ta’ dak l-Anness issa jinkludu ż-żoni infettati fil-Ġermanja. |
|
(6) |
Il-pjan ta’ eradikazzjoni ppreżentat mill-Ġermanja ġie eżaminat mill-Kummissjoni u nstab li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/60/KE. Għalhekk, jenħtieġ li l-pjan ta’ eradikazzjoni jiġi approvat skont dan. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pjan ippreżentat mill-Ġermanja fil-11 ta’ Diċembru 2020, f’konformità mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2002/60/KE, dwar l-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer mill-popolazzjoni tal-ħnieżer selvaġġi fiż-żoni msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE huwa b’dan approvat.
Artikolu 2
Il-Ġermanja għandha ddaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ eradikazzjoni fi żmien perjodu ta’ 30 jum mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2021.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE tad-9 ta’ Ottubru 2014 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/178/UE (ĠU L 295, 11.10.2014, p. 63).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/123 tat-2 ta’ Frar 2021 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri (ĠU L 38, 3.2.2021, p. 63).