SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l‑2021 – Setturi ekonomiċi eliġibbli – Esklużjoni tas-settur tal-manifattura ta’ prodotti tan-nitroġenu u ta’ fertilizzanti – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Dritt għal azzjoni legali ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun direttament ikkonċernat”
Fil-Kawżi magħquda C‑73/22 P u C‑77/22 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit‑3 u fl‑4 ta’ Frar 2022 rispettivament,
Grupa Azoty S.A., stabbilita f’Tarnów (il-Polonja),
Azomureș SA, stabbilita f’Târgu Mureş (ir-Rumanija),
Lipasmata Kavalas LTD Ypokatastima Allodapis, stabbilita f’Palaio Fáliro (il-Greċja),
irrappreżentati minn D. Haverbeke, L. Ruessmann u P. Sellar, avukati,
rikorrenti fil-kawża C‑73/22 P,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn A. Bouchagiar, G. Braga da Cruz u J. Ringborg, sussegwentement minn A. Bouchagiar u J. Ringborg, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
u
Advansa Manufacturing GmbH, stabbilita f’Hamm (il-Ġermanja),
Beaulieu International Group NV, stabbilita f’Waregem (il-Belġju),
Brilen SA, stabbilita f’Zaragoza (Spanja),
Cordenka GmbH & Co. KG, stabbilita f’Erlenbach am Main (il-Ġermanja),
Dolan GmbH, stabbilita f’Kelheim (il-Ġermanja),
Enka International GmbH & Co. KG, stabbilita f’Wuppertal (il-Ġermanja),
Glanzstoff Longlaville SAS, stabbilita f’Longlaville (Franza),
Infinited Fiber Company Oy, stabbilita f’Espoo (Il-Finlandja),
Kelheim Fibres GmbH, stabbilita f’Kelheim,
Nurel SA, stabbilita fi Zaragoza,
PHP Fibers GmbH, stabbilita f’Erlenbach am Main,
Teijin Aramid BV, stabbilita f’Arnhem (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Thrace Nonwovens & Geosynthetics monoprosopi AVEE mi yfanton yfasmaton kai geosynthetikon proïonton S.A., stabbilita f’Magikó (il-Greċja),
Trevira GmbH, stabbilita f’Bobingen (il-Ġermanja),
irrappreżentati minn D. Haverbeke, L. Ruessmann u P. Sellar, avukati,
rikorrenti fil-kawża C‑77/22 P,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Dralon GmbH, stabbilita f’Dormagen (il-Ġermanja),
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn A. Bouchagiar, G. Braga da Cruz u J. Ringborg, sussegwentement minn A. Bouchagiar u J. Ringborg, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appelli tagħhom, Grupa Azoty S.A., Azomureș SA u Lipasmata Kavalas LTD Ypokatastima Allodapis (C‑73/22 P), kif ukoll Advansa Manufacturing GmbH, Beaulieu International Group NV, Brilen SA, Cordenka GmbH & Co. KG, Dolan GmbH, Enka International GmbH & Co. KG, Glanzstoff Longlaville SAS, Infinited Fiber Company Oy, Kelheim Fibres GmbH, Nurel SA, PHP Fibers GmbH, Teijin Aramid BV, Thrace Nonwovens & Geosynthetics monoprosopi AVEE mi yfanton yfasmaton kai geosynthetikon proïonton S.A. u Trevira GmbH, (C‑77/22 P), jitolbu l-annullament, fir-rigward tal-ewwel grupp ta’ appellanti, tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Novembru 2021, Grupa Azoty et vs Il-Kummissjoni (T‑726/20), u, għat-tieni grupp ta’ appellanti, tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Novembru 2021, Advansa Manufacturing et vs Il-Kummissjoni (T‑741/20) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“digrieti appellati”), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikorsi rispettivi tagħhom intiżi għall-annullament parzjali tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l‑2021” ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal‑25 ta’ Settembru 2020 (ĠU 2020, C 317, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida kontenzjużi”). |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑Direttiva 2003/87
|
2 |
Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018 (ĠU 2018, L 76, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), ħolqot skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-livell tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“EU ETS”). |
|
3 |
L-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi: “Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw, f’konformità mat-tieni u r-raba’ subparagrafi, miżuri finanzjarji li jiffavorixxu setturi jew subsetturi li huma esposti għal riskju ġenwin ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba spejjeż indiretti sinifikanti li huma effettivament imġarrba mill-ispejjeż tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jingħaddu għall-prezzijiet tal-elettriku, dment li tali miżuri finanzjarji jkunu f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari ma jikkawżawx distorsjonijiet mhux ġustifikati tal-kompetizzjoni fis-suq intern […]” |
|
4 |
L-Artikolu 10b(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Is-setturi u s-subsetturi li fir-rigward tagħhom il-prodott li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-intensità tal-kummerċ tagħhom ma’ pajjiżi terzi, definita bħala l-proporzjon bejn il-valur totali tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi flimkien mal-valur tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u d-daqs totali tas-suq għaż-Żona Ekonomika Ewropea (il-fatturat annwali flimkien mal-importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi), bl-intensità tal-emissjonijiet tagħhom, imkejla f’kgCO2 diviża bil-valur miżjud gross (f’euro) tagħhom, jeċċedi 0,2. […]” |
|
5 |
L-Artikolu 10b(2) u (3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi l-kundizzjonijiet li fihom setturi u subsetturi li ma jeċċedux dan il-limitu jistgħu wkoll jitqiesu li huma esposti għal riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u inklużi fil-grupp imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni. |
Il‑Linji Gwida kontenzjużi
|
6 |
Fil-punt 7 tal-Linji Gwida kontenzjużi, il-Kummissjoni Ewopea “tistipula l-kundizzjonijiet li taħthom il-miżuri tal-għajnuna fil-kuntest tal-EU ETS jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) [TFUE]”. |
|
7 |
Il-punt 9 ta’ dawn il-linji gwida huwa fformolat kif ġej: “Il-prinċipji stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida japplikaw biss għall-miżuri ta’ għajnuna speċifiċi previsti fl-Artikoli 10a(6) u 10b tad-Direttiva [2003/87].” |
|
8 |
Skont il-punti 19 sa 21 tal-imsemmija linji gwida: “19. L-għajnuna għal spejjeż ta’ emissjonijiet indiretti se titqies kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) [TFUE] dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ hawn taħt. 20. L-objettiv ta’ din it-tip ta’ għajnuna huwa li tipprevjeni riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju, partikolarment minħabba l-kostijiet tal-[kwoti tal-Unjoni Ewropea] ttrasferiti fil-prezzijiet tal-elettriku mġarrba mill-benefiċjarju, f’każ li l-kompetituri tiegħu minn pajjiżi terzi ma jintlaqtux minn kostijiet simili fil-prezzijiet tal-elettriku tagħhom u f’każ li l-benefiċjarju ma jkunx kapaċi jittrasferixxi dawn il-kostijiet fil-prezzijiet tal-prodott mingħajr ma jġarrab telf sinifikanti tas-sehem mis-suq. L-indirizzar tar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju, billi jiġu megħjuna l-benefiċjarji biex inaqqsu l-esponiment tagħhom għal dan ir-rskju, għandu għan ambjentali, ġaladarba l-għajnuna jkollha l-għan li tiġi evitata żieda fl-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra minħabba ċ-ċaqliq tal-produzzjoni barra mill-Unjoni, fin-nuqqas ta’ ftehim internazzjonali li jorbot dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra. 21. Sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, l-għajnuna trid tkun limitata għal setturi li huma esposti għal riskju ġenwin ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba spejjeż indiretti sinifikanti li huma effettivament imġarrba minħabba li l-ispejjeż tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jiġu ttrasferiti fil-prezzijiet tal-elettriku. Għall-fini ta’ dawn il-Linji Gwida, jitqies li jeżisti riskju ġenwin ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju biss meta l-benefiċjarju jkun attiv f’settur elenkat fl-Anness I.” |
|
9 |
Dan l-Anness I jikkonsisti f’lista ta’ erbatax-il settur meqjusa li huma esposti għal riskju reali ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-ispejjeż tal-emissjonijiet indiretti. |
|
10 |
Il-punt 64 tal-Linji Gwida kontenzjużi jipprovdi li, mill‑1 ta’ Jannar 2021, dawn jissostitwixxu l-Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l‑2012 ippubblikati fil‑5 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, C 158, p. 4). Fil-punti 65 u 66 tal-Linji Gwida kontenzjużi, il-Kummissjoni tipprovdi li hija ser tapplika l-prinċipji stabbiliti fihom mill‑1 ta’ Jannar 2021 sal‑31 ta’ Diċembru 2030 għall-miżuri kollha ta’ għajnuna nnotifikati li fuqhom hija mitluba tiddeċiedi mill‑1 ta’ Jannar 2021, anki jekk l-abbozzi ġew innotifikati qabel il-pubblikazzjoni tagħhom. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
11 |
L-appellanti huma impriżi attivi fis-settur tal-produzzjoni ta’ prodotti tan-nitroġenu u ta’ fertilizzanti. |
|
12 |
Dan is-settur ma huwiex inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi, intitolat “Setturi meqjusa li huma esposti għal riskju ġenwin ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju minħabba l-kostijiet indiretti tal-emissjonijiet”, filwaqt li kien inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness II tal-Linji Gwida ppubblikati fil‑5 ta’ Ġunju 2012, intitolata “Setturi u subsetturi meqjusa ex ante li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju minħabba l-kosti indiretti tal-emissjonijiet”, li kien applikabbli sal‑31 ta’ Diċembru 2020. |
Il‑proċeduri quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digrieti appellati
|
13 |
Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 u fis‑16 ta’ Diċembru 2020, l-appellanti, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, fetħu kawżi intiżi għall-annullament tal-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi. |
|
14 |
B’atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 u fit‑12 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
15 |
Permezz tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikorsi inammissibbli minħabba li l-appellanti, li ma humiex destinatarji tal-Linji Gwida kontenzjużi, ma humiex direttament ikkonċernati minnhom, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li dawn il-linji gwida ma jipproduċux direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti. |
|
16 |
Insostenn ta’ din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali indikat, b’mod partikolari, fil-punti 39 sa 43 tad-digrieti appellati, li minkejja l-kunsiderazzjoni, fil-Linji Gwida kontenzjużi, li jeżisti riskju reali ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju biss meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’wieħed mis-setturi elenkati fl-Annes I ta’ dawn il-linji gwida, dan ma jeskludix il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jikkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri ta’ għajnuna favur impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’setturi barra dawk elenkati f’dan l-anness u jistgħu jippruvaw juru li, minkejja n-nuqqas tal-issodisfar ta’ wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-imsemmija linji gwida, l-għajnuna maħsuba għal dawn l-impriżi tikkonforma mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Filwaqt li tirrikonoxxi li, f’każ bħal dan, huwa probabbli ħafna li l-Kummissjoni tadotta, skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), deċiżjoni li tikkonstata li l-għajnuna ppjanata hija inkompatibbli mas-suq intern, il-Qorti Ġenerali indikat li din id-deċiżjoni biss tkun tista’ tikkawża effetti legali diretti fir-rigward tal-impriżi li setgħu jibbenefikaw mill-għajnuna. |
|
17 |
Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll, fil-punt 38 tad-digrieti appellati, li, fil-każ li Stat Membru ma jadotta ebda miżura ta’ għajnuna li taqa’ taħt il-Linji Gwida kontenzjużi, il-Kummissjoni ma tieħu ebda deċiżjoni skont ir-Regolament 2015/1589. Għalhekk, f’dan il-każ ukoll, dawn il-linji gwida ma jipproduċux direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti. |
It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
18 |
Permezz tal-appelli tagħhom, l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
19 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
20 |
B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Settembru 2022, il-Kawżi C‑73/22 P u C‑77/22 P ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza. |
Fuq it‑talba għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura
|
21 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ April 2023, l-appellanti talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
|
22 |
Insostenn ta’ din it-talba, dawn l-appellanti jsostnu li l-kwistjoni dwar jekk il-Linji Gwida kontenzjużi jikkonċernawhomx direttament, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma ġietx debitament eżaminata fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u ma kinitx is-suġġett ta’ dibattitu komplet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
23 |
Id-dibattitu dwar din il-kwistjoni għandu, skont l-imsemmija appellanti, jissokta fil-kuntest ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali u għandu jirrigwarda l-kontenut, in-natura, l-għanijiet u l-effetti legali tal-att ikkontestat, kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-analiżi li tinsab fil-konklużjonijiet ma tiħux debitament inkunsiderazzjoni dawn l-elementi. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li jkun għadu ma ġiex dibattut bejn il-partijiet. |
|
25 |
Fir-rigward, minn naħa, tal-osservazzjonijiet magħmula mill-appellanti fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, għandu jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jressqu osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha jasal għalihom l-Avukat Ġenerali. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti fil-kawża mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet li huwa jeżamina f’tali konklużjonijiet, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, id-dibattitu li seħħ bejn il-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li hija għandha, fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura li nżammet quddiemha, l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi, peress li l-argumenti li jinsabu fit-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ġew barra minn hekk diskussi b’mod estensiv matul din il-fażi bil-miktub. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għal smigħ ma jimponix obbligu assolut li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali fil-proċeduri kollha. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-kawża ma tqajjimx kwistjonijiet ta’ fatt jew ta’ dritt li ma jistgħux jiġu solvuti b’mod adegwat fuq il-bażi tal-proċess u tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi speċifikament li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li ma ssirx seduta għas-sottomissjonijiet orali jekk tqis, minn qari tan-noti jew tal-osservazzjonijiet ippreżentati matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi. |
|
28 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq l‑appelli
|
29 |
Insostenn tal-appelli rispettivi tagħhom, l-appellanti jinvokaw, prinċipalment, żewġ aggravji identiċi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, u, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kundizzjoni li l-persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta rikors għal annullament kontra att li ma hijiex destinatarja tiegħu, għandu jkun direttament ikkonċernat minn dan l-att. Permezz ta’ aggravju sussidjarju, li huwa wkoll identiku fiż-żewġ kawżi, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha tgħaqqad l-eżami tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni mal-eżami tal-mertu tar-rikorsi. |
Fuq l‑ewwel aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
30 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tistabbilixxi l-fatti u li ma indirizzatx l-argumenti invokati quddiemha. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti jenfasizzaw li huma kienu esponew quddiem il-Qorti Ġenerali li, b’differenza minn linji gwida oħra, il-Linji Gwida kontenzjużi ma humiex biss indikattivi iżda joħolqu obbligi ġuridiċi għall-Istati Membri. Billi stabbilixxiet, fl-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi, lista eżawrjenti tas-setturi li favur tagħhom għandha tingħata l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni ċaħħdet lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jagħtu, skont din id-dispożizzjoni, għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern lil settur mhux imsemmi f’dan l-anness. Minn dan isegwi li l-imsemmi anness huwa vinkolanti għall-Istati Membri. |
|
32 |
Madankollu, minkejja l-preżentazzjoni ta’ dan l-argument, il-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda konstatazzjoni fattwali dwar il-kontenut, in-natura jew il-kuntest tal-Linji Gwida kontenzjużi. Dan in-nuqqas wassal għal motivazzjoni insuffiċjenti, li tikkuntrasta, b’mod partikolari, ma’ dik tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570) u tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Novembru 2015, EREF vs Il-Kummissjoni (T‑694/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:915). F’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ġudizzjarji, li jirrigwardaw rispettivament komunikazzjoni dwar is-settur bankarju u linji gwida fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, il-qorti tal-Unjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq analiżi fid-dettall tal-atti inkwistjoni. |
|
33 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-evalwazzjoni tagħha, li tinsab fil-punt 38 tad-digrieti appellati, li tgħid li, anki fil-każ fejn Stat Membru ma jadotta ebda miżura ta’ għajnuna li taqa’ taħt il-Linji Gwida kontenzjużi, il-kundizzjoni li l-persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta rikors kontra att li ma hijiex id-destinatarja tiegħu għandha tkun direttament ikkonċernata minn dan l-att, ma hijiex issodisfatta. |
|
34 |
Huma josservaw li dan il-każ jista’ jokkorri, peress li l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87 ma jobbligax lill-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ għajnuna. Għaldaqstant, għandu jiġi mifhum għal liema raġunijiet il-Qorti Ġenerali tqis li, fl-assenza ta’ miżuri ta’ għajnuna adottati mill-Istati Membri, l-appellanti ma jistgħux ikunu direttament ikkonċernati mil-Linji Gwida kontenzjużi. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li twassal sabiex jiġi kkonstatat li hija biss deċiżjoni tal-Kummissjoni skont ir-Regolament 2015/1589 li tista’ tikkonċerna direttament lill-appellanti, hija insuffiċjentement motivata. |
|
35 |
Skont il-Kummissjoni, dan l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
36 |
Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija ġurisprudenza stabbilita li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħha, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2022, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, C‑177/19 P sa C‑179/19 P, EU:C:2022:10, punt 37, u tad‑9 ta’ Marzu 2023, Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni, C‑682/20 P, EU:C:2023:170, punt 40). |
|
37 |
Fid-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali qabelxejn iddeskriviet, f’taqsima ddedikata għall-fatti li wasslu għall-kawża, il-kontenut u l-kuntest tal-Linji Gwida kontenzjużi, u sussegwentement fakkret, fl-ewwel parti tal-evalwazzjoni tagħha, il-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti li ma humiex id-destinatarji tagħhom. |
|
38 |
Sussegwentement hija esponiet, fil-punt 34 ta’ dawn id-digrieti, li l-lista ta’ setturi ekonomiċi li tinsab fl-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi għandha l-effett li tobbliga, bħala prinċipju, lill-Kummissjoni tqis, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida, bħala kompatibbli mas-suq intern biss l-għajnuna mill-Istat mogħtija favur setturi msemmija f’din il-lista. |
|
39 |
Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 36 sa 43 tad-digrieti appellati, id-diversi każijiet li jistgħu jqumu dwar għajnuna koperta minn dawn il-Linji Gwida kontenzjużi, li l-għoti tagħha huwa inkorraġġit fl-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87. Il-punti 36 u 37 ta’ dawn id-digrieti jirrigwardaw każijiet li fihom Stat Membru jiddeċiedi li jagħti din l-għajnuna, filwaqt li l-punt 38 jittratta s-sitwazzjoni li fiha Stat Membru jiddeċiedi li ma jagħtihiex. Il-punti 39 sa 43 tal-imsemmija digrieti jirrigwardaw is-sitwazzjoni fejn Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti tali għajnuna favur settur mhux imsemmi fl-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi u jinnotifika din l-għajnuna lill-Kummissjoni, billi jibbaża ruħu fuq id-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. |
|
40 |
Permezz ta’ din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali esponiet raġunament fid-dettall li jispjega b’mod inekwivoku ċ-ċaħda tal-argumenti tal-appellanti. Fil-fatt, dawn kienu sostnew li l-Linji Gwida kontenzjużi jorbtu lill-Istati Membri, jipprekludu lill-Istati Membri milli jagħtu għajnuna favur setturi mhux imsemmija fl-Anness I ta’ dawn il-linji gwida u b’hekk jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-impriżi li huma attivi f’dawn is-setturi. |
|
41 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-każ, enfasizzat mill-appellanti, li fih Stat Membru jiddeċiedi li ma jadotta ebda miżura ta’ għajnuna li taqa’ taħt il-Linji Gwida kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali fformulat b’mod ċar, fil-punt 38 ta’ dawn id-digrieti, l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li, f’tali sitwazzjoni, dawn il-linji gwida ma jistgħux jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, peress li, fl-assenza ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ma hijiex ser ikollha tapplika l-imsemmija linji gwida. |
|
42 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali esponiet fid-dettall, fil-punti 39 sa 43 tad-digrieti appellati, li l-kontenut tagħhom huwa miġbur fil-qosor fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, li l-Istati Membri jibqa’ jkollhom il-possibbiltà li jinnotifikaw lill-Kummissjoni miżuri ta’ għajnuna favur settur ekonomiku li, filwaqt li ma jkunx imsemmi f’dan l-anness, jista’, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi espost għal riskju reali ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u jkun eliġibbli għall-għoti ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. |
|
43 |
Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li huwa sostnut fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali analizzat l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fid-dawl tal-kontenut u tal-kuntest tal-Linji Gwida kontenzjużi u, fil-punti 36 sa 43 tad-digrieti appellati, wieġbet għall-argumenti tal-appellanti u b’hekk esponiet b’mod ċar il-motivi tad-deċiżjoni tagħha. Il-punt 38 ta’ dawn id-digrieti, li huwa speċifikament ikkritikat mit-tieni parti tal-ewwel aggravju, jifforma parti mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali u jippermetti mingħajr diffikultà li jinftiehmu l-motivi li għalihom din qieset li l-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi ma jipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti meta ma tingħata ebda għajnuna koperta minn dawn il-linji gwida. |
|
44 |
Minn dan isegwi ebda waħda miż-żewġ partijiet tal-ewwel aggravju ma hija fondata. Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq it‑tieni aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
45 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li huma ma humiex direttament ikkonċernati mil-Linji Gwida kontenzjużi. |
|
46 |
Huma josservaw li, sabiex jiġu ddeterminati l-effetti legali prodotti minn att tal-Unjoni, għandhom jiġu eżaminati b’mod partikolari l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att, kif ukoll il-kuntest li fih ġie adottat dan l-att. Id-digrieti appellati ma humiex ibbażati fuq tali eżami konkret iżda fuq raġunament iktar ġenerali, li huwa vvizzjat b’diversi żbalji. |
|
47 |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali telqet mill-premessa żbaljata li, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-linji gwida kollha tal-Kummissjoni għandhom jiġu kklassifikati bl-istess mod. F’dan ir-rigward, l-appellanti josservaw li d-digrieti appellati jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570), u mad-digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Novembru 2015, EREF vs Il-Kummissjoni (T‑694/14, EU:T:2015:915), minkejja li dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jirrigwardaw atti li, kuntrarjament għal-Linji Gwida kontenzjużi, iħallu marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri. |
|
48 |
Billi segwiet tali approċċ, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Linji Gwida kontenzjużi huma indirizzati lill-Istati Membri u ma jħallulhom ebda marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tas-setturi ekonomiċi eliġibbli għall-għajnuna li tista’ tingħata skont l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87. |
|
49 |
Fir-rigward ta’ din l-assenza ta’ marġni ta’ evalwazzjoni għall-Istati Membri, il-Qorti Ġenerali kellha, skont l-appellanti, issegwi r-raġunament espost fis-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni (C‑386/96 P, EU:C:1998:193), li l-punt 44 tagħha jipprovdi li individwu, li ma huwiex id-destinatarju ta’ att tal-Unjoni, jista’ jitqies li huwa direttament ikkonċernat minn dan l-att meta l-possibbiltà għad-destinatarji tal-imsemmi att li ma jagħtux segwitu għalih tkun purament teoretika. |
|
50 |
Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-possibbiltà li Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni miżuri ta’ għajnuna favur impriżi li jwettqu l-attivitajiet tagħhom f’setturi differenti minn dawk elenkati fl-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi u jipprova juri li dawn il-miżuri huma madankollu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti josservaw li, filwaqt li huwa minnu li din il-possibbiltà teżisti legalment, dan il-fattur ma jbiddilx il-fatt li l-Linji Gwida kontenzjużi jeskludu l-għoti, lil operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw attivitajiet fis-setturi mhux imsemmija fl-Anness I, tal-għajnuna prevista fl-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87. Din l-esklużjoni ma hijiex ikkumpensata mill-possibbiltà ġenerali li tingħata għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fil-fatt, kull previżjoni dwar l-għoti ta’ tali għajnuna tkun purament spekulattiva, filwaqt li l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87 hija formalment prevista u inkoraġġita minn din id-dispożizzjoni. |
|
52 |
Barra minn hekk, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq premessa żbaljata li operatur ekonomiku jista’ jkun direttament ikkonċernat biss jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont ir-Regolament 2015/1589. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li operatur ekonomiku jista’ jkun direttament ikkonċernat minn teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni mingħajr ma din tkun adottat formalment deċiżjoni fir-rigward tiegħu (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punti 48 sa 50). |
|
53 |
Minħabba l-evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali, l-appellanti ċċaħħdu minn kull rimedju ġudizzjarju, minkejja li l-każ tagħhom jaqa’ taħt is-sitwazzjoni, imsemmija b’mod partikolari fil-punt 33 tas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462), li fiha rikors għal annullament għandu jkun jista’ jiġi ppreżentat sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li l-Istati Membri ma humiex obbligati jadottaw miżuri ta’ għajnuna skont l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87. Fil-fehma tagħhom, huwa probabbli li ebda għajnuna msemmija f’din id-dispożizzjoni ma tingħata u għalhekk ebda deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tiġi adottata fir-rigward ta’ tali għajnuna. Finanzjarjament, sitwazzjoni bħal din tkun komparabbli ma’ dik li fiha l-Kummissjoni tiddikjara għajnuna nnotifikata bħala inkompatibbli mas-suq intern. Madankollu, fl-ewwel sitwazzjoni, skont ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali, l-appellanti ma jkollhom ebda rimedju ġudizzjarju, filwaqt li fit-tieni sitwazzjoni huma jiddisponu minn tali rimedju. Din id-differenza hija inammissibbli peress li, fiż-żewġ każijiet, l-appellanti huma kkonċernati bl-istess mod. |
|
55 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ma huwiex leġittimu li l-operaturi ekonomiċi affettwati minn att tal-Unjoni jkunu mistennija jipprovokaw deċiżjoni negattiva ta’ Stat Membru sabiex ikunu jistgħu jikkontestaw dan l-att tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 66). Lanqas ma huwa plawżibbli li wieħed jistenna li l-Istati Membri jiksru d-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE billi jinnotifikaw għajnuna lis-settur tal-manifattura ta’ prodotti tan-nitroġenu u ta’ fertilizzanti minkejja li l-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi ma jsemmix dan is-settur. |
|
56 |
Skont il-Kummissjoni, dan it-tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
57 |
Kif jirriżulta mill-punti 7 u 9 tal-Linji Gwida kontenzjużi, dawn jistabbilixxu r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-miżuri ta’ għajnuna li jaqgħu taħt l-EU ETS, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87, ikunu jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. |
|
58 |
L-adozzjoni ta’ tali linji gwida tagħmel parti mill-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tal-kompetenza esklużiva tagħha li tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE. Il-Kummissjoni għandha, f’dan ir-rigward, setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 37 sa 39, kif ukoll tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Veejaam u Espo, C‑470/20, EU:C:2022:981, punt 29). |
|
59 |
Billi tistabbilixxi, permezz ta’ linji gwida, il-kundizzjonijiet li taħthom miżuri ta’ għajnuna jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern, u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida, li hija ser tapplika r-regoli inklużi fihom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, fis-sens li, jekk Stat Membru jinnotifika proġett ta’ għajnuna mill-Istat li huwa konformi ma’ dawn ir-regoli, il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tawtorizza dan il-proġett. Hija ma tistax, bħala prinċipju, tmur kontra l-imsemmija regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 40, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il-Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 90). |
|
60 |
Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra l-atti li hija d-destinatarja tagħhom jew li jikkonċernawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni. |
|
61 |
L-appellanti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala destinatarji tal-Linji Gwida kontenzjużi. Konsegwentement, fid-dawl tal-formulazzjoni stess tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-locus standi tal-appellanti jippreżupponi, tal-inqas, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 27 tad-digrieti appellati, li dawn il-linji gwida jikkonċernawhom direttament. |
|
62 |
Peress li l-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun direttament ikkonċernat mill-att ikkontestat tinsab, f’termini identiċi, kemm fit-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kif ukoll fit-tielet parti ta’ din id-dispożizzjoni, din għandu jkollha l-istess tifsira f’kull waħda minn dawn il-partijiet ta’ din is-sentenza (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 73). Skont ġurisprudenza stabbilita, din il-kundizzjoni teżiġi li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti kumulattivament, jiġifieri li l-imsemmi att, minn naħa, jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma jħalli ebda setgħa ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu, peress li huwa ta’ natura purament awtomatika u jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il-Kummissjoni vs Jiangsu Seraphim Solar System u Il-Kunsill vs Jiangsu Seraphim Solar System u Il-Kummissjoni, C‑439/20 P u C‑441/20 P, EU:C:2023:211, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
Il-Linji Gwida kontenzjużi, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-miżuri ta’ għajnuna li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87, għandhom, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, l-effett li, fil-każ ta’ notifika ta’ proġett ta’ għajnuna mill-Istat li jsegwi l-kriterji stabbiliti f’dawn il-linji gwida, fosthom il-lista tas-setturi eliġibbli li tinsab fl-Anness I tagħhom, il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tawtorizza dan il-proġett. |
|
64 |
Peress li l-appellanti huma attivi f’settur li ma jaqax taħt dan l-anness, tali obbligu tal-Kummissjoni ma jistax ikun ta’ benefiċċju għalihom. |
|
65 |
Dan premess, kif esponiet il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 39 sa 41 tad-digrieti appellati, dawn il-linji gwida ma għandhomx, legalment, l-effett li jċaħħdu lill-appellanti mill-possibbiltà li jkunu eliġibbli għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87. |
|
66 |
Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-adozzjoni ta’ linji gwida ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżamina ċ-ċirkustanzi speċifiċi eċċezzjonali li jista’ jinvoka Stat Membru, f’każ partikolari, sabiex jitlob l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3) TFUE. L-Istati Membri jżommu d-dritt li jinnotifikaw lill-Kummissjoni proġetti ta’ għajnuna mill-Istat li ma jissodisfawx il-kriterji previsti f’dawn il-linji gwida u l-Kummissjoni tista’ tawtorizza tali proġetti f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 41 u 43, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il-Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punti 92 u 93). |
|
67 |
Għalhekk, fil-kuntest tal-EU ETS, xejn ma jipprekludi lil Stat Membru milli jinnotifika lill-Kummissjoni, favur impriżi ta’ settur ekonomiku mhux imsemmi fl-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi, proġett ta’ għajnuna intiż, skont l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87, li jnaqqas riskju reali ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju li, fil-fehma tiegħu, ikun suġġett għalih dan is-settur, u milli jippreżenta ċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw l-approvazzjoni ta’ dan il-proġett skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, minkejja l-fatt li, f’dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni ma tkunx identifikat dan is-settur bħala li huwa espost għal tali riskju. |
|
68 |
Minn dan isegwi, kif ġustament qieset il-Qorti Ġenerali, li l-Linji Gwida kontenzjużi, filwaqt li jnaqqsu l-possibbiltajiet tal-appellanti li jiksbu għajnuna skont l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87, madankollu ma jiddeterminawx, fihom infushom, l-eliġibbiltà tagħhom għal tali għajnuna u għalhekk ma jipproduċux direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom. |
|
69 |
Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-fatt li ma jistgħux jeżerċitaw rimedju dirett kontra l-Linji Gwida kontenzjużi ma jċaħħadhomx minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, id-dritt proċedurali tal-Unjoni jippermetti lil persuna fiżika jew ġuridika tinvoka l-illegalità ta’ linji gwida insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra att, adottat fid-dawl ta’ dawn il-linji gwida, li jaffettwa lil din il-persuna b’mod li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 209 sa 212). |
|
70 |
Barra minn hekk, sa fejn l-appellanti jinvokaw is-sitwazzjoni fejn l-Istati Membri ma jiddeċiedu li jagħtu ebda għajnuna msemmija fl-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87, b’tali mod li ebda deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett ta’ għajnuna ma tiġi adottata mill-Kummissjoni fid-dawl tal-Linji Gwida kontenzjużi, għandu jitqies li, f’tali każ, l-appellanti ma jistgħux isibu ruħhom, minħabba dan il-fatt, f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata meta mqabbla ma’ impriżi oħra li l-attività ekonomika tagħhom tinsab fl-istess settur bħal tagħhom. F’tali ċirkustanzi, id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jeżiġix li huma jkunu jistgħu jikkontestaw il-legalità ta’ dawn il-linji gwida. |
|
71 |
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jisiltu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BCE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, id-dritt li l-individwi jisiltu mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat huwa dak li ma jiġux suġġetti għal kompetizzjoni distorta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
72 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali ma huwiex ivvizzjat bi żball ta’ liġi u li t-tieni aggravju huwa infondat. |
Fuq il‑motiv sussidjarju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
73 |
Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina r-rikorsi fuq il-mertu qabel ma tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tagħhom. Huma jfakkru li, skont l-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar għandha tirriżerva d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżami tal-oġġezzjonijiet jew ta’ aspetti proċedurali oħra sal-mertu “meta jkun ġustifikat minħabba ċirkustanzi partikolari”. Għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali kellha tqis li tali ċirkustanzi jeżistu f’dan il-każ. Fil-fatt, sabiex jiġu evalwati l-effetti legali tal-Linji Gwida kontenzjużi, kien neċessarju li jinstemgħu l-argumenti fil-mertu. |
|
74 |
Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju sussidjarju huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
75 |
Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax jew le li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi deċiża immedjatament jew li l-eżami tagħha jingħaqad mal-mertu. Inklużjoni mal-mertu ma hijiex meħtieġa meta l-evalwazzjoni tal-eċċezzjoni ma tkunx dipendenti fuq il-motivi sostantivi invokati mir-rikorrent (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
76 |
F’dan il-każ, mill-eżami tat-tieni wieħed miż-żewġ aggravji invokati prinċipalment insostenn tal-appelli jirriżulta li l-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tikkonkludi, mingħajr eżami tar-rikorsi fuq il-mertu, li l-appellanti ma kellhomx locus standi. |
|
77 |
Għaldaqstant, dan l-aggravju sussidjarju ma jistax jintlaqa’. |
|
78 |
Peress li ebda wieħed mill-aggravji ma huwa fondat, l-appelli għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. |
Fuq l‑ispejjeż
|
79 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, jipprevedi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
|
80 |
Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu fir-rigward tal-aggravji tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni b’rabta mal-appelli. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.