5.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 77/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/398

tal-5 ta’ Marzu 2021

li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/932/PESK rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/932/PESK tat-18 ta' Diċembru 2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/932/PESK.

(2)

Fil-25 ta' Frar 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2564 (2021) waqt li esprima tħassib dwar l-isfidi kurrenti, politiċi, ta’ sigurtà, ekonomiċi u umanitarji fil-Jemen, u sejjaħ mill-ġdid lill-partijiet kollha fil-Jemen sabiex jaderixxu mar-riżoluzzjoni, permezz tad-djalogu u l-konsultazzjoni, tad-differenzi tagħhom.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2564 (2021) tiddeżinja individwu wieħed sabiex ikun soġġett għall-miżuri restrittivi imposti mill-paragrafi 11 u 15 tal-UNSCR 2140 (2014) u l-paragrafu 14 tal-UNSCR 2216 (2015).

(4)

L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/932/PESK għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/932/PESK huwa b'dan emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)   ĠU L 365, 19.12.2014, p. 147.


ANNESS

L-entrata li ġejja tiżdied mal-lista li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/932/PESK (Lista ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikoli 1(1), 2a(1) u l-Artikolu 2b(1) u (2)):

"6.

Sultan Saleh Aida Aida Zabin

Informazzjoni oħra: Direttur tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali (CID) f'Sanaa. Involva ruħu f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà, ul-istabbiltà tal-Jemen. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 25.2.2021.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Sultan Saleh Aida Aida Zabin involva ruħu f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Jemen, inkluż ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli u abbuż tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen.

Sultan Saleh Aida Aida Zabin huwa d-direttur tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali (CID) f'Sanaa. Huwa qeda rwol prominenti f'politika ta' intimidazzjoni u użu ta' arrest, detenzjoni, tortura, vjolenza sesswali u stupru sistematiċi kontra nisa politikament attivi. Zabin bħala direttur tas-CID huwa direttament responsabbli għal, jew bis-saħħa tal-awtorità tiegħu responsabbli għal, u kompliċi fl-użu ta' diversi postijiet ta' detenzjoni inkluż l-arrest domiċiljari, l-għases tal-pulizija, il-ħabsijiet formali u ċ-ċentri ta' detenzjoni u ċentri ta' detenzjoni mhux żvelati. F'dawn il-postijiet, in-nisa, inkluż mill-inqas minorenni waħda, għebu bil-forza, ġew kemm-il darba interrogati, stuprati, ittorturati, miċħuda trattament mediku f'waqtu u ġew soġġetti għal xogħol furzat. Zabin stess wettaq tortura direttament f'xi każijiet."