|
A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?
|
|
Id-drittijiet tal-passiġġieri japplikaw għal suq li qed jikber ta’ madwar 13,4-il biljun passiġġier li permezz tat-trasport pubbliku jwettqu 107 miljun vjaġġ fis-sena. Dawn id-drittijiet jipproteġu lill-passiġġieri qabel, matul u wara l-vjaġġ tagħhom, u huma fil-qalba tal-politika tal-UE dwar it-trasport u l-konsumaturi; dawn saru inizjattiva ewlenija tal-Unjoni.
Il-qafas tad-drittijiet tal-passiġġieri jikkonsisti f’ħames Regolamenti differenti tal-UE għat-trasport bl-ajru (2), għat-trasport bil-ferrovija, għat-trasport fuq l-ilma u għat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ. L-implimentazzjoni tagħhom wasslet għal titjib sinifikanti fil-protezzjoni tal-passiġġieri f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Madankollu, minkejja l-progress sostanzjali li sar, inkluża r-riformulazzjoni tar-Regolament dwar il-ferroviji fl-2021, għad fadal sfidi kbar. L-ewwel nett, fil-mezzi kollha tat-trasport, il-passiġġieri ma jibbenefikawx bis-sħiħ minn drittijiethom minħabba nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tagħhom. It-tieni, il-qafas legali attwali ma jipprovdix protezzjoni lill-passiġġieri li jagħmlu vjaġġ multimodali. It-tielet, kif ġie osservat matul il-pandemija tal-COVID-19, ir-regoli dwar ir-rimborż għall-biljetti tal-ajru mhumiex ċari fil-każijiet meta t-titjiriet ikunu ġew ibbukkjati permezz ta’ intermedjarju.
|
|
X’għandu jinkiseb?
|
|
Din l-inizjattiva tfittex li tiżgura l-funzjonament xieraq tas-suq uniku għat-trasport tal-passiġġieri u li tikseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur għall-passiġġieri meta jivvjaġġaw. Għal dan l-għan, l-objettivi speċifiċi tagħha huma li: 1) jiġi żgurat infurzar effettiv u effiċjenti tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fl-Istati Membri kollha, 2) jiġi żgurat trattament effettiv tal-ilmenti għall-passiġġieri, 3) tiżdied il-protezzjoni tal-passiġġieri li jiffaċċjaw interruzzjonijiet fl-ivvjaġġar fil-kuntest tal-vjaġġi multimodali, 4) tiżdied l-informazzjoni u l-assistenza għall-persuni b’diżabilità jew b’mobilità mnaqqsa (PMM) meta jaqilbu bejn il-mezzi tat-trasport, u 5) jiġi żgurat proċess ċar ta’ rimborż meta l-passiġġieri tal-ajru jkunu bbukkjaw permezz ta’ intermedjarju.
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?
|
|
Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jasserixxu d-drittijiet tagħhom bl-istess mod u jibbenefikaw mill-istess protezzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha, jkun xi jkun l-Istat Membru fejn jivvjaġġaw. Għal dawn ir-raġunijiet, il-problemi msemmija hawn fuq jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-UE. Min-naħa l-oħra, l-infurzar u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni huma kompiti tal-Istat Membru.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’inhuma l-għażliet differenti biex jintlaħqu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?
|
|
Fil-kuntest ta’ din il-Valutazzjoni tal-Impatt ġew ivvalutati tliet settijiet ta’ għażliet ta’ politika (PO1, PO2, PO3). Kull sett ta’ għażliet jipproponi soluzzjonijiet għal waħda mit-tliet problemi identifikati, iżda jvarja fit-termini tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjonijiet previsti fil-livell tal-UE.
L-għażliet PO1.1 u PO1.2 jiffukaw fuq soluzzjonijiet għal nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-qafas regolatorju eżistenti tad-drittijiet tal-passiġġieri. PO1.1 għandu l-għan li jiżgura l-armonizzazzjoni tar-regoli ewlenin eżistenti f’dan il-qasam b’mod partikolari abbażi tal-miżuri inklużi fir-Regolament il-ġdid dwar il-ferroviji li daħal fis-seħħ f’Ġunju 2023. PO1.2 huwa bbażat fuq PO1.1 u għandu l-għan li jsaħħaħ il-konformità.
L-għażliet PO2.1, PO2.2 u PO2.3 jindirizzaw il-kwistjonijiet relatati mal-livell tal-protezzjoni tal-passiġġieri li jagħmlu vjaġġi multimodali, inklużi l-PMM, billi jirriproduċu miżuri li diġà ġew implimentati skont ir-Regolamenti eżistenti għall-vjaġġi b’mezz uniku. Il-miżuri ta’ politika jqisu diversi kategoriji ta’ biljetti multimodali, jiġifieri l-kuntratti ta’ ġarr uniċi offruti minn trasportatur (kategorija A), il-biljetti separati offruti f’pakkett minn intermedjarji (kategorija B) u l-biljetti separati mixtrija mill-passiġġieri separatament fuq l-inizjattiva tagħhom (kategorija C). PO2.1 tagħti lill-passiġġieri livell bażiku ta’ protezzjoni biex jiġi żgurat li jirċievu tal-anqas l-informazzjoni u l-assistenza minima, b’mod partikolarigħall-passiġġieri b’kuntratt ta’ ġarr uniku (kategorija A). PO2.2 tagħti livell ta’ protezzjoni aktar komprensiv minn PO2.1: il-passiġġieri (kategorija A u B) għandhom jiksbu l-informazzjoni f’ħin reali dwar l-interruzzjonijiet u l-konnessjonijiet possibbli li jkun imiss. Barra minn hekk, l-assistenza lill-PMM meta jaqilbu bejn mezz u ieħor issir aktar effiċjenti u komprensiva bl-introduzzjoni tal-“Punti Uniċi ta’ Kuntatt” fiċ-ċentri multimodali. PO2.3 tintroduċi livell ta’ protezzjoni ulterjuri billi żżid dritt addizzjonali lill-passiġġieri li jkollhom kuntatt ta’ ġarr uniku (kategorija A) biex jikkonkludu kuntratt tat-trasport alternattiv meta jitilfu konnessjoni.
L-għażliet PO3.1, PO3.2 u PO3.3 jindirizzaw regoli mhux ċari relatati mar-rimborż tal-biljetti tal-ajru bbukkjati permezz ta’ intermedjarju.. Dawn jinkludu l-obbligi fuq it-trasportaturi u l-intermedjarji li jinfurmaw lill-passiġġieri dwar il-proċess ta’ rimborż, u li jipprovdu mezz ta’ kuntatt lill-passiġġier. Skont PO3.1, il-passiġġieri jistgħu jitolbu r-rimborż mingħand it-trasportatur biss u l-intermedjarju mhux parti mill-ipproċessar tar-rimborż; l-intermedjarji għandhom jippermettu lill-passiġġieri jagħmlu dan, billi jagħtuhom id-data meħtieġa. Skont PO3.2, it-trasportatur jista’ jiddeċiedi jekk il-passiġġieri għandhomx jitolbu r-rimborż mingħand l-intermedjarju jew mingħand it-trasportatur, filwaqt li PO3.3 tippermetti lill-passiġġieri jagħżlu bejn rimborż permezz tal-intermedjarju jew permezz tat-trasportatur.
Il-pakkett ta’ politika ppreferut jikkombina l-għażliet ta’ politika PO1.2, PO2.2 u PO3.2.
|
|
X’inhuma l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati differenti? Min jappoġġa dawn l-għażliet?
|
|
Il-partijiet ikkonċernati jaqblu b’mod ġenerali mar-rilevanza tal-problemi identifikati kif ukoll mal-objettivi.
Fir-rigward tal-PO1, ħafna mill-korpi nazzjonali tal-infurzar (NEBs), mit-trasportaturi u mill-operaturi tat-terminals jappoġġaw il-PO1.1, peress li ma tinkludix obbligi dwar il-valutazzjonijiet tar-riskju u programmi ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għal dawn il-partijiet ikkonċernati. PO1.2 hija appoġġata mill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur peress li l-għażla tmur lil hinn mill-obbligi għat-trasportaturi u għall-operaturi tat-terminals li jipprovdu lill-passiġġieri b’informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom. Anke l-NEBs, it-trasportaturi, l-operaturi tat-terminals u l-intermedjarji bi prestazzjoni tajba jappoġġaw il-PO1.2, peress li din tiżgura li l-attivitajiet tal-monitoraġġ u tal-infurzar tal-NEBs ikunu aktar trasparenti u prevedibbli.
Fir-rigward tal-PO2, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jappoġġaw il-PO2.3, peress li din twassal għal protezzjoni għolja tal-konsumaturi. Minħabba l-livell attwali ta’ żvilupp tas-suq tal-biljetti multimodali, it-trasportaturi u l-intermedjarji pjuttost jappoġġaw il-PO2.1. L-NEBs aktar jiffavorixxu l-PO2.2.
Fir-rigward tal-PO3, il-linji tal-ajru u l-intermedjarji jappoġġaw il-PO3.2; il-PO3.2 għandha wkoll l-appoġġ ta’ assoċjazzjoni Ewropea tal-passiġġieri. Assoċjazzjoni Ewropea tal-konsumaturi tista’ tippreferi l-PO3.3, iżda tiffavorixxi wkoll il-PO3.2 minħabba li l-passiġġier dejjem jista’ javviċina lit-trasportatur bħala l-aħħar rikors (meta l-intermedjarju ma jħallasx sal-iskadenza). L-NEBs jappoġġaw il-PO3.1.
|
|
C. Impatti tal-għażla ppreferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
L-objettiv ġenerali ta’ dan l-intervent huwa li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku għat-trasport tal-passiġġieri u li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur għall-passiġġieri meta jivvjaġġaw b’mezz wieħed jew meta jaqilbu bejn mezz u ieħor matul il-vjaġġ tagħhom billi l-passiġġieri, it-trasportaturi, l-intermedjarji u (speċjalment għall-PMM) l-operaturi tat-terminals u l-amministrazzjonijiet nazzjonali jkunu jistgħu japplikaw u jinfurzaw dawn id-drittijiet b’mod effiċjenti u effettiv.
Il-benefiċċji tal-pakkett ta’ politika ppreferut huma mistennija li jmorru għall-gruppi differenti tal-partijiet ikkonċernati, jiġifieri: it-trasportaturi, il-bejjiegħa intermedjarji tal-biljetti, l-operaturi tat-terminals, il-korpi nazzjonali tal-infurzar u l-passiġġieri.
Passiġġieri: il-benefiċjarji aħħarin ta’ din l-inizjattiva huma l-passiġġieri, li s-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar drittijiethom hija mistennija li tiżdied grazzi għall-azzjoni tat-trasportaturi, tal-maniġers tat-terminals u tal-awtoritajiet tal-infurzar. Barra minn hekk, il-passiġġieri (inkluż il-PMM) se jgawdu minn aktar drittijiet għall-informazzjoni u għall-assistenza meta jagħmlu vjaġġi multimodali, u jistgħu jibbenifikaw mir-rimborż faċli tal-biljetti tal-ajru . Il-benefiċċji totali għall-passiġġieri huma stmati għal EUR 2 187 miljun, espressi bħala valur preżenti matul il-perjodu 2025–2050 meta mqabbel mal-linja bażi, li EUR 2 165,3 miljun minnhom jikkorrispondu għall-iffrankar tal-kostijiet tal-iskariġġ. L-iffrankar tal-kostijiet tal-iskariġġ huwa xprunat mill-ħin iffrankat bis-saħħa ta’: aktar ċarezza dwar il-proċedura tar-rimborż (EUR 1 679,1 miljun), il-Punt Uniku ta’ Kuntatt għall-PMM (EUR 277,3 miljun), l-użu ta’ formola standardizzata għall-UE kollha għar-rimborżi u għat-talbiet għal kumpens (EUR 147 miljun), il-mekkaniżmu għat-trattament tal-ilmenti għall-passiġġieri multimodali (EUR 43,3 miljun) u l-assistenza għall-passiġġieri PMM li jivvjaġġaw b’biljetti multimodali tal-kategorija A (EUR 18,6 miljun). Barra minn hekk, il-passiġġieri jibbenefikaw mid-drittijiet ta’ assistenza fil-każ ta’ konnessjoni mitlufa matul vjaġġ multimodali (b’mod partikolari d-dritt għar-rimborż u għar-ridirezzjonar tar-rotta kif ukoll id-dritt għall-kura fil-forma ta’ eż. xorb, ikliet u akkomodazzjoni), stmati għal EUR 20,1 miljun, u mill-użu tal-għażla aktar ekonomika ta’ korp għas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR), stmat għal EUR 1,6 miljun.
Trasportaturi: dawn se jibbenefikaw minn proċeduri aktar rapidi u aktar effiċjenti, minn aktar trasparenza dwar il-konformità tal-operaturi, minn regoli dwar il-B2B mal-intermedjarji tal-ivvjaġġar bl-ajru meta jipproċessaw ir-rimborżi flimkien magħhom, minn vantaġġ kompetittiv bis-saħħa tar-reputazzjoni tajba tagħhom, minn investigazzjonijiet koordinati bejn il-fruntieri, u minn kooperazzjoni effettiva bejn l-NEBs u l-korpi tal-ADR. Huma se jibbenefikaw b’mod indirett minn regoli aktar ċari dwar ir-responsabbiltà fil-kuntest tal-ivvjaġġar multimodali, kif ukoll mill-pubblikazzjoni tal-valutazzjonijiet tar-riskju, peress li dan se joħloq kundizzjonijiet ekwi fl-industrija madwar l-Istati Membri u jagħmel il-fatturi tal-monitoraġġ aktar trasparenti. Barra minn hekk, l-iffrankar tal-kostijiet tal-iskariġġ għat-trasportaturi minħabba l-mekkaniżmu għat-trattament tal-ilmenti għall-passiġġieri multimodali huwa stmat għal EUR 35,3 miljun, espress bħala valur preżenti matul il-perjodu 2025–2050 meta mqabbel mal-linja bażi.
Intermedjarji: dawn se jibbenefikaw minn rwol uffiċjali fil-proċess tar-rimborż tal-biljetti tal-ajru bbukkjati permezz tagħhom – jekk it-trasportatur jiddeċiedi hekk u jaqbel ma’ dan. L-intermedjarji jistgħu jibbenefikaw ukoll b’mod indirett minn regoli tar-responsabbiltà aktar ċari fil-kuntest tal-ivvjaġġar multimodali, b’mod partikolari meta jinfurmaw kif xieraq lill-passiġġieri dwar in-natura separata tal-biljetti tat-trasport li dawn l-intermedjarji jkunu kkombinaw u biegħu għal vjaġġ multimodali partikolari. Barra minn hekk, l-iffrankar tal-kostijiet tal-iskariġġ għall-intermedjarji minħabba l-mekkaniżmu għat-trattament tal-ilmenti għall-passiġġieri multimodali huwa stmat għal EUR 24 miljun, espress bħala valur preżenti matul il-perjodu 2025–2050 meta mqabbel mal-linja bażi.
Awtoritajiet pubbliċi nazzjonali: l-iffrankar tal-kostijiet tal-infurzar rikorrenti għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali huwa stmat għal EUR 5,9 biljun, espress bħala valur preżenti matul il-perjodu 2025–2050, meta mqabbel mal-linja bażi. L-iffrankar tal-kostijiet huwa dovut għall-mod aktar faċli kif tiġi evalwata l-konformità għat-trasportaturi u għall-operaturi tat-terminals, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jsiru aktar attivitajiet ta’ monitoraġġ eżawrenti u kostużi, għall-użu ta’ formoli standard għat-talbiet li jiffaċilitaw l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u għat-tnaqqis mistenni fl-għadd ta’ kawżi fil-qorti. Barra minn hekk, huma mistennija li jesperjenzaw iffrankar tal-kostijiet tal-iskariġġ minħabba l-mekkaniżmu għat-trattament tal-ilmenti għall-passiġġieri multimodali (EUR 71,4 miljun, espressi bħala valur preżenti matul il-perjodu 2025–2050 meta mqabbel mal-linja bażi).
Il-benefiċċji totali tal-għażla ta’ politika ppreferuta huma stmati għal EUR 2 323,6 miljun meta mqabbel mal-linja bażi, espressi bħala valur preżenti matul il-perjodu 2025–2050.
|
|
X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Il-kostijiet totali tal-pakkett ta’ politika ppreferut huma stmati għal EUR 575,2 miljun minbarra l-linja bażi matul il-perjodu 2025–2050, espressi bħala valur preżenti.
Għat-trasportaturi, il-kostijiet totali huma stmati għal EUR 144,5 miljun, espressi bħala valur preżenti matul il-perjodu 2025–2050 meta mqabbel mal-linja bażi, li EUR 51,2 miljun minnhom huma kostijiet ta’ aġġustament u EUR 93,3 miljun huma kostijiet amministrattivi. L-akbar sehem tal-kostijiet ta’ aġġustament huwa xprunat mid-dritt għar-rimborż jew għar-ridirezzjonar tar-rotta, mid-dritt għall-kura u mid-dritt għall-assistenza għall-PMM għall-passiġġieri li jkollhom kuntratt ta’ ġarr uniku (kategorija A), u mill-ħtieġa li tiġi stabbilita s-sistema li tagħti informazzjoni f’ħin reali lill-passiġġieri għal biljetti multimodali tal-kategoriji A (kuntratti ta’ ġarr uniċi) u B (biljetti separati offruti f’pakkett minn intermedjarji). Il-kostijiet amministrattivi huma fil-biċċa l-kbira xprunati mir-rekwiżit tar-rapportar, wara l-istabbiliment ta’ standards tal-kwalità tas-servizzi u ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità.
Għall-operaturi tat-terminals, il-kostijiet totali huma stmati għal EUR 321,9 miljun, espressi bħala valur preżenti matul il-perjodu 2025–2050 meta mqabbel mal-linja bażi, li EUR 319,5 miljun minnhom huma kostijiet ta’ aġġustament u EUR 2,3 miljun huma kostijiet amministrattivi. Ir-rekwiżit li jiġu stabbiliti “Punti Uniċi ta’ Kuntatt” (SPC) għall-PMM f’ċentri multimodali jikkostitwixxi parti kbira mill-kostijiet ta’ aġġustament (EUR 316,5 miljun), filwaqt li l-kostijiet amministrattivi huma xprunati mir-rekwiżit li jsir rapportar dwar ir-riżultati, wara l-istabbiliment ta’ standards tal-kwalità tas-servizzi u ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità.
Għall-intermedjarji, il-kostijiet totali huma stmati għal EUR 75,2 miljun, li EUR 17,8 miljun minnhom huma kostijiet ta’ aġġustament u EUR 57,5 miljun huma kostijiet amministrattivi. Il-kostijiet amministrattivi huma prinċipalment xprunati mill-ħtieġa li jinbidlu s-sistemi tal-informazzjoni, biex il-passiġġieri jiġu infurmati dwar il-proċess tar-rimborż. L-aġenziji responsabbli mill-ilmenti jistgħu jġarrbu xi telf, li huwa stmat għal EUR 1,6 miljun, minħabba l-użu tal-opzjoni aktar ekonomika ta’ korp għas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR).
Għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, il-kostijiet totali huma stmati għal EUR 32 miljun, li EUR 30,6 miljun minnhom huma kostijiet tal-infurzar, EUR 1,4 miljun huma kostijiet amministrattivi u EUR 0,02 miljun huma kostijiet ta’ aġġustament.
|
|
X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u l-kompetittività?
|
|
L-impatti tal-pakkett ta’ politika ppreferut se jaffettwaw intrapriżi akbar u iżgħar, u l-SMEs x’aktarx li jesperjenzaw impatt sinifikanti wkoll minħabba d-daqs u l-limitazzjonijiet tar-riżorsi tagħhom. Dan huwa speċjalment il-każ tal-bejjiegħa intermedjarji tal-biljetti u tal-operaturi tat-trasport żgħar bħall-operaturi tax-xarabanks u tal-kowċis u tat-trasport fuq l-ilma. F’dan il-kuntest, ġiet inkluża eżenzjoni għall-SMEs għal miżura ta’ politika li ġġib magħha kostijiet partikolarment kbar għall-SMEs (jiġifieri l-għoti ta’ informazzjoni f’ħin reali lill-passiġġieri għal biljetti multimodali tal-kategoriji A (kuntratti ta’ ġarr uniċi) u B (biljetti separati offruti f’pakkett minn intermedjarji)).
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Il-pakkett ta’ politika ppreferut jagħmilha possibbli li d-drittijiet tal-passiġġieri jiġu implimentati u infurzati aħjar, u b’hekk il-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali ssir aktar effiċjenti. Is-sensibilizzazzjoni tal-passiġġieri dwar il-possibbiltà tagħhom li jressqu talbiet għar-rimborż u għall-kumpens lil korp għas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) se tiffranka kostijiet amministrattivi għall-qrati, minħabba ammont inqas tal-atti ta’ litigazzjoni, li jfisser tnaqqis fil-kostijiet tal-litigazzjoni. Il-kostijiet totali għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali huma stmati għal EUR 32 miljun, filwaqt li l-iffrankar tal-kostijiet huwa ta’ EUR 77,3 miljun, li jwassal għal benefiċċji netti ta’ EUR 45,3 miljun, espressi bħala valur preżenti matul il-perjodu 2025–2050 meta mqabbel mal-linja bażi.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħrajn?
|
|
Il-pakkett ta’ politika ppreferut se jwassal għal xi impatti soċjali: filwaqt li l-impatt fuq l-impjiegi se jkun marġinali, il-benefiċċji relatati mad-drittijiet fundamentali jimmaterjalizzaw f’livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur, inkluż għall-PMM (eż. l-istabbiliment ta’ Punti Uniċi ta’ Kuntatt għall-PMM f’ċentri multimodali). Il-pakkett ta’ politika ppreferut huwa mistenni wkoll li jkollu xi impatti ambjentali pożittivi; dan se jagħmel il-mobilità b’soluzzjonijiet tat-trasport kollettiv aktar attraenti u jista’ jikkontribwixxi biex in-nies jagħżlu li jużaw inqas il-karozzi individwali; u dan jista’ jkollu impatt pożittiv f’termini tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ sustanzi niġġiesa oħra, kif ukoll fuq il-konġestjoni.
|
|
Proporzjonalità
|
|
Il-pakkett ta’ politika ppreferut ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ġenerali tal-politika li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq uniku għat-trasport tal-passiġġieri u li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur għall-passiġġieri meta jivvjaġġaw.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
|
Il-politika se tiġi rieżaminata wara perjodu ta’ żmien adegwat wara l-adozzjoni tal-proposta. Il-miżuri ta’ politika jirrikjedu ż-żmien biex jidħlu fis-seħħ u jiġġeneraw l-impatti; il-Kummissjoni se jkollha bażi solida biex timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva permezz tal-infurzar u tar-rappurtar mill-NEBs. Sakemm ma jkunx hemm kwistjonijiet b’rabta mal-implimentazzjoni, dan ir-rieżami mhux se jsir qabel 5 snin minn meta l-leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ.
|