KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fis‑16 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )
Kawża C‑459/20
X
vs
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Utrecht (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li dan il-wild għandu n-nazzjonalità tiegħu – Wild li jirrisjedi barra mit-territorju tal-Unjoni – Rifjut ta’ residenza li jista’ jċaħħad lill-wild mill-possibbiltà li jmur fit-territorju tal-Unjoni – L-aħjar interessi tal-wild – Relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild minuri, ċittadin tal-Unjoni”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Sa fejn ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 TFUE, fl-Istat Membru li tiegħu l-wild tiegħu għandu n-nazzjonalità, meta dan il-wild jirrisjedi, sa mit-twelid tiegħu, barra mit-territorju tal-Unjoni? |
|
2. |
Din hija, essenzjalment, il-kwistjoni mqajma f’din il-kawża. |
|
3. |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, ser ikun neċessarju li jiġi ddeterminat sa fejn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat fis-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano ( 2 ), tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et ( 3 ), tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et ( 4 ), u tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et ( 5 ), kif affermati mill-ġdid fis-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) ( 6 ) huma applikabbli għal sitwazzjoni li fiha, fil-mument li fih l-applikazzjoni intiża għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat hija ppreżentata fi Stat Membru, minn naħa, il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild tiegħu, ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat, ma jirrisjedux flimkien, u min-naħa l-oħra, dan il-wild qatt ma rrisjeda fit-territorju tal-Unjoni. |
|
4. |
Din l-analiżi ser teħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet. L-ewwel sitwazzjoni hija dik fejn din l-applikazzjoni tkun parti minn proċedura “iżolata” tal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, li ma għandha l-ebda rabta mad-dħul jew mar-residenza tal-wild, ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità. It-tieni sitwazzjoni hija dik fejn din l-applikazzjoni tkun parti, min-naħa l-oħra, minn proċedura “konġunta” tal-ġenitur u tal-wild li beħsiebu jeżerċita l-libertà ta’ moviment li jagħtih l-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, billi jitlaq mill-pajjiż terz li fih għandu r-residenza abitwali tiegħu sabiex imur fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità. |
|
5. |
Ir-risposta għal din id-domanda ser teħtieġ ukoll li jsiru ċerti kjarifiki dwar, minn naħa, il-modalitajiet dwar l-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri u, min-naħa l-oħra, il-kriterji relatati mal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza li tista’ tkun il-bażi għal dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE f’tali sitwazzjoni. |
II. Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
A. Il-fatti
|
6. |
Ir-rikorrenti, ta’ nazzjonalità Tajlandiża, irrisjediet b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn hija kienet miżżewġa ma’ A, ċittadin Olandiż. Minn din l-unjoni twieled, fit‑28 ta’ Marzu 2012, wild ta’ nazzjonalità Olandiża. Dan il-wild, li llum għandu għaxar snin, twieled fit-Tajlandja fejn trabba min-nanna materna tiegħu, peress li r-rikorrenti rritornat fil-Pajjiżi l-Baxxi wara dan it-twelid. Il-wild dejjem għex f’dan il-pajjiż terz u qatt ma rrisjeda fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Ir-rikorrenti żaritu xi drabi fit-Tajlandja. Dan it-tifel la jitkellem bl-Olandiż u lanqas bl-Ingliż ( 7 ). |
|
7. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Mejju 2017, id-dritt ta’ residenza tar-rikorrenti ġie rrevokat b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Ġunju 2016, minħabba li r-relazzjoni tagħha ma’ A kienet, de facto, intemmet f’din id-data. Id-divorzju ġie ddikjarat fis‑17 ta’ Mejju 2018 u l-ġenituri kellhom ipso iure l-kustodja konġunta tal-wild. |
|
8. |
Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fl‑14 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji, li ġiet miċħuda fis‑26 ta’ Ġunju 2018. Ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud ukoll permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2018. |
|
9. |
Fis‑6 ta’ Mejju 2019, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) innotifika lir-rikorrenti li hija kienet ser titkeċċa lejn Bangkok (it-Tajlandja) fit‑8 ta’ Mejju 2019. |
|
10. |
Fis‑7 ta’ Mejju 2019, B, ċittadin ta’ nazzjonalità Olandiża, ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza (“Aanvrag voor het verblijfsdoel “Familie en gezin” (talba għal residenza bħala membru tal-familja)”) għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mar-rikorrenti bħala membru tal-familja estiża. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2019, minħabba li ma kienx hemm relazzjoni fit-tul u esklużiva bejn ir-rikorrenti u B, u li dan tal-aħħar ma kellux riżorsi suffiċjenti għal dan il-għan. F’din id-deċiżjoni, is-Segretarju tal-Istat, barra minn hekk, ippreċiża li r-rikorrenti ma setgħetx tinvoka dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE, kif irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Chavez-Vilchez et. |
|
11. |
Ir-rikorrenti tkeċċiet lejn Bangkok (it-Tajlandja) fit‑8 ta’ Mejju 2019. |
|
12. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Lulju 2019, is-Segretarju tal-Istat ikkonferma ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza tar-rikorrenti. |
B. Il‑proċedura quddiem il‑qorti tar‑rinviju u d‑domandi preliminari
|
13. |
Ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tat‑2 ta’ Lulju 2019 għar-raġuni li din id-deċiżjoni ċċaħħad lill-wild tagħha mill-possibbiltà ta’ residenza fi ħdan l-Unjoni, u b’dan il-mod tippreġudika l-effettività tad-drittijiet li huwa għandu abbażi tal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni. |
|
14. |
F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-wild tagħha għandu, minħabba n-nazzjonalità Olandiża tiegħu, id-dritt li jirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni. Hija tenfasizza, barra minn hekk, li hija dejjem kellha relazzjoni affettiva ma’ dan il-wild u dejjem assumiet ir-responsabbiltà legali u finanzjarja tiegħu. Għalkemm, matul il-perijodu qabel ir-ritorn tagħha fit-Tajlandja, hija kienet imġiegħla taqdi, mill-bogħod, il-kompiti marbuta mal-kura tal-imsemmi wild u tal-edukazzjoni tiegħu permezz tan-netwerks soċjali, hija, min-naħa l-oħra, ħadet ħsiebu kuljum minn meta rritornat lejn it-Tajlandja, fit‑8 ta’ Mejju 2019. Hija żżid li skont sentenza tal-Qorti ta’ Surin (it-Tajlandja), tal‑5 ta’ Frar 2020, hija kisbet il-kustodja esklużiva tiegħu. Ir-rikorrenti tippreċiża li ommha ma tistax tibqa’ tieħu ħsieb il-wild minħabba s-sitwazzjoni medika tagħha. Barra minn hekk, hija ssostni li missier dan tal-aħħar qatt ma assuma r-responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva tal-wild tiegħu. |
|
15. |
Is-Segretarju tal-Istat isostni, essenzjalment, li l-prinċipji identikati fis-sentenza Chavez-Vilchez et ma humiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ppreżentata mir-rikorrenti ma ġġiegħelx lill-wild jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, peress li huwa rrisjeda fit-Tajlandja sa mit-twelid tiegħu. Huwa jenfasizza li ma teżisti ebda prova oġġettiva tal-fatt li r-rikorrenti tassumi b’mod effettiv ir-responsabbiltà legali, finanzjarja u affettiva tal-wild tagħha, jew li relazzjoni ta’ dipendenza bħal din teżisti bejn din ir-rikorrenti u dan il-wild, u lanqas li dan tal-aħħar huwa mġiegħel jirrisjedi barra mit-territorju tal-Unjoni. Fir-rigward tal-involviment ta’ missier il-wild, huwa jindika li l-elementi mressqa mir-rikorrenti huma ta’ natura suġġettiva. Barra minn hekk, peress li s-sentenza mogħtija mill-Qorti ta’ Surin (it-Tajlandja) ma ġietx iċċertifikata, ma jistax jitqies awtomatikament li r-rikorrenti għandha l-kustodja esklużiva tal-wild tagħha. Is-Segretarju tal-Istat iżid li r-rikorrenti lanqas ma pprovat li binha jixtieq huwa stess jiġi jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi jew li l-awtorizzazzjoni ta’ residenza tagħha hija fl-interess ta’ dan tal-aħħar. |
|
16. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Utrecht (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi) għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
17. |
Il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, tad-Danimarka u tal-Ġermanja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
|
18. |
Barra minn hekk, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn tal-aħħar instemgħu fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali tat‑23 ta’ Frar 2022. |
III. Analiżi
|
19. |
Id-domandi li l-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 TFUE, li jista’ jiġi invokat miċ-ċittadina ta’ pajjiż terz, omm ta’ wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li fih dan tal-aħħar għandu n-nazzjonalità, meta dan il-wild, sa mit-twelid tiegħu, kellu r-residenza abitwali tiegħu f’pajjiż terz ( 8 ). |
|
20. |
Kif indikajt, ir-risposta għal dawn id-domandi teħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet. |
|
21. |
L-ewwel sitwazzjoni, li fil-fehma tiegħi tinsab fil-qalba tal-ewwel domanda preliminari, hija dik li fiha l-applikazzjoni intiża għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE tkun parti minn azzjoni meħuda mill-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz li ma għandha l-ebda rabta mad-dħul u r-residenza tal-wild, ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu dan tal-aħħar għandu n-nazzjonalità. Fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din is-sitwazzjoni tidher li taqa’ f’dan il-kuntest. |
|
22. |
It-tieni sitwazzjoni hija dik li fiha l-applikazzjoni tkun parti, min-naħa l-oħra, mill-azzjoni meħuda mill-wild li jixtieq jeżerċita l-libertà ta’ moviment li jagħtih l-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, billi jitlaq mill-pajjiż terz li fih għandu r-residenza abitwali tiegħu sabiex imur fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità. Fil-fehma tiegħi, din hija s-sitwazzjoni li l-qorti tar-rinviju qed tirreferi għaliha, essenzjalment, fit-tieni u t-tielet domanda preliminari tagħha, peress li hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni relatati, minn naħa, mal-aħjar interessi tal-wild (it-tieni domanda preliminari) u, min-naħa l-oħra, mal-eżistenza jew le ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-wild u l-ġenitur tiegħu li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-ġenitur l-ieħor tiegħu, ċittadin tal-Unjoni (it-tielet domanda preliminari). |
A. Fuq l-ewwel domanda preliminari
|
23. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 20 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jassumi r-responsabbiltà tal-wild minuri tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, jiġi rrifjutat minħabba li dan il-wild, li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, ikun ilu jgħix barra mit-territorju tal-Unjoni sa mit-twelid tiegħu. |
|
24. |
Ir-risposta għal din id-domanda għandha titqiegħed fil-kuntest tal-eżami klassiku tal-prinċipji identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano ( 9 ), tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et ( 10 ), tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et ( 11 ) u Chavez-Vilchez et. |
|
25. |
Skont dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja ġabret fil-qosor fil-punti 47 sa 52 tas-sentenza K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat kif ukoll għall-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali, inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw id-dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-parti essenzjali tad-drittijiet mogħtija permezz tal-istatus tagħhom. |
|
26. |
Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Id-drittijiet eventwali mogħtija lil dawn tal-aħħar ma humiex drittijiet proprji, iżda drittijiet idderivati minn dawk li jgawdi minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni. L-għan tal-għoti ta’ dawn id-drittijiet huwa li tiġi ggarantita l-possibbiltà għal ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu li jgħix ma’ membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, abbażi tal-Artikolu 20 TFUE, u b’hekk li tiġi żgurata r-riunifikazzjoni tal-familja. |
|
27. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju, dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ma huwiex applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma għamilx użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, għaliex inkella jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut tal-għoti ta’ dan id-dritt, l-imsemmi ċittadin ikun obbligat, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni meħud fl-intier tiegħu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-parti essenzjali tad-drittijiet mogħtija permezz ta’ dan l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. |
|
28. |
Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, tali sitwazzjonijiet huma kkaratterizzati mill-fatt li, minkejja li huma rregolati minn leġiżlazzjonijiet li jaqgħu a priori taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, jiġifieri dawk li jikkonċernaw id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipprevedu l-għoti ta’ tali dritt, dawn is-sitwazzjonijiet madankollu għandhom rabta intrinsika mal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jipprekludi li dan id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza jiġi rrifjutat lill-imsemmija ċittadini fl-Istat Membru fejn jirrisjedi dan iċ-ċittadin, sabiex ma tiġix ippreġudikata din il-libertà ( 12 ). |
|
29. |
Madankollu, ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jippreġudika l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss jekk ikun hemm, bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni u li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni meħud fl-intier tiegħu. |
|
30. |
Issa, nikkonstata li l-kliem u l-għan ta’ din il-ġurisprudenza juru li din ma hijiex intiża li tapplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, minn naħa, l-applikazzjoni għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat tiġi ppreżentata minn ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, filwaqt li l-wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, ma jirrisjedix u qatt ma rrisjeda ma’ dan il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità u fejn, min-naħa l-oħra, din l-applikazzjoni ma tinkludi l-ebda indikazzjoni fir-rigward tax-xewqa tal-wild li jeżerċita d-drittijiet li huwa għandu permezz tal-istatus tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni billi jidħol u jirrisjedi, flimkien ma’ dak il-ġenitur, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
31. |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fis-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2018, Altiner u Ravn ( 13 ), “huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni li jikkostitwixxi l-persuna ta’ referenza sabiex ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, ikun jista’ jingħata dritt ta’ residenza dderivat” ( 14 ). |
|
32. |
F’dan il-każ, nikkonstata li fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni, omm il-wild dejjem irrisjediet f’dan l-Istat Membru, filwaqt li l-wild minuri tagħha, ċittadin tal-Unjoni, dejjem għex fit-Tajlandja. Għalhekk, sa fejn l-omm u l-wild tagħha dejjem għexu b’mod separat f’żewġ pajjiżi differenti, huma ma setgħux jgħixu ħajja tal-familja effettiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza dderivat lill-omm tal-wild ma jidhirx li jikser id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-persuni kkonċernati. |
|
33. |
Barra minn hekk, fil-jum tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal dritt ta’ residenza, ċerti elementi jippermettu li tiġi ddubitata l-intenzjoni ta’ omm il-wild li toqgħod miegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, Stat Membru li tiegħu l-wild għandu n-nazzjonalità. Wara d-divorzju tal-ġenituri u r-revoka tal-permess ta’ residenza “riunifikazzjoni tal-familja” li kellha omm dan il-wild, din tal-aħħar ippreżentat, fl‑14 ta’ Marzu 2018, applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji, li ġiet miċħuda, qabel ma għamlet l-applikazzjoni inkwistjoni fis‑7 ta’ Mejju 2019. Din l-applikazzjoni, mehmuża mal-fajl nazzjonali u intitolata (“Aanvrag voor het verblijfsdoel ‘Familie en gezin’ (applikazzjoni għal residenza bħala membru tal-familja)”), hija qabelxejn applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata minn B, is-sieħeb tar-rikorrenti, favur omm il-wild. Mill-atti tal-proċess nazzjonali jirriżulta li l-imsemmija applikazzjoni ma tinkludix indikazzjonijiet dwar il-passi konkreti li l-omm kienet ħadet sabiex il-wild jidħol u jirrisjedi magħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
34. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza dderivat lil omm il-wild ma għandux bħala effett jew bħala konsegwenza li jċaħħad lil dan il-wild mit-tgawdija effettiva tal-parti essenzjali tad-drittijiet li huwa għandu permezz tal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, peress li la huwa obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni — li fih huwa ma jirrisjedix — u lanqas li jirrinunzja li jmur u jirrisjedi fih — fl-assenza ta’ passi meħuda f’dan is-sens. |
|
35. |
Tali sitwazzjoni, sa fejn ma hijiex marbuta mal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza li minnha jibbenefika l-wild minuri minħabba l-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma tista’ tagħti lok għal ebda dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE ( 15 ). |
|
36. |
Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha dritt ta’ residenza dderivat fit-territorju ta’ dan l-Istat jiġi rrifjutat liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild minuri li għandu n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat, meta dan il-wild qatt ma jkun irrisjeda fit-territorju tal-Unjoni, ikollu r-residenza abitwali tiegħu barra minn dan it-territorju u ma jkollux l-intenzjoni li jeżerċita d-drittijiet marbuta mal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni billi japplika biex jidħol u jirrisjedi fl-istess Stat Membru fil-kumpannija ta’ dan il-ġenitur li fuqu jkun dipendenti. |
|
37. |
Issa għandha tiġi eżaminata t-tieni sitwazzjoni, li fiha l-applikazzjoni intiża għall-għoti tad-dritt ta’ residenza dderivat hija intiża, għall-kuntrarju, sabiex jiġi ggarantit li l-wild ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet li huwa għandu abbażi tal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, billi tippermettilu jidħol u jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità. Fil-fatt, it-tgawdija tad-dritt ta’ residenza minn wild żgħir timplika neċessarjament li dan tal-aħħar ikun akkumpanjat mill-persuna li tassumi effettivament il-kustodja jew ir-responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tesprimi għalhekk il-biża’ li r-rifjut li jingħata tali dritt ta’ residenza ma jwassalx hawnhekk sabiex iċaħħad lil dan il-wild mill-possibbiltà li jmur u jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, u dan minħabba r-rabta ta’ dipendenza li huwa għandu ma’ ommu. |
|
38. |
F’sitwazzjoni bħal din, huwa għalhekk neċessarju li jiġi żgurat li l-eżerċizzju tad-drittijiet relatati mal-istatus ta’ ċittadin, u l-benefiċċju tad-drittijiet idderivati li huma assoċjati miegħu, huma fl-interessi tal-wild u jkunu ġġustifikati fid-dawl tar-relazzjoni ta’ dipendenza li dan tal-aħħar għandu mal-ġenitur tiegħu li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz. |
|
39. |
Dawn l-aspetti huma analizzati fil-kuntest tal-eżami tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari. |
B. Fuq it-tieni domanda preliminari dwar il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri
|
40. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni relatati mal-aħjar interessi tal-minuri f’sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni intiża għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE issir fil-kuntest taċ-ċaqliq tal-minuri mill-pajjiż terz li fih għandu r-residenza abitwali tiegħu lejn l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità. |
|
41. |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex neċessarju li jintwera li dan iċ-ċaqliq huwa ta’ interess reali jew plawżibbli għall-wild u jekk id-drittijiet relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni humiex drittijiet assoluti, fis-sens li l-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità huwa marbut b’mod pożittiv li jippermetti l-eżerċizzju tiegħu u li ma jostakolahx. |
|
42. |
Dawn id-domandi jidhru li jqumu mit-tħassib espress mill-qorti tar-rinviju dwar il-fatt li ċ-ċaqliq tal-wild jista’ jkun essenzjalment immotivat mix-xewqa tal-omm, ċittadina ta’ pajjiż terz, li tidħol mill-ġdid fil-Pajjiżi l-Baxxi u b’hekk iżżomm dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli għalhekk importanti, fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata, li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża u li ma jiġux issostitwiti l-qorti tar-rinviju jew l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-kompitu tagħhom, jiġifieri li jiddeċiedu dwar l-eventwali ċirkustanzi relatati mal-applikazzjoni għad-dritt ta’ residenza dderivat ippreżentata mill-omm ta’ dan il-wild. |
|
43. |
Fl-ewwel lok, naħseb li l-eżerċizzju tad-drittijiet relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-benefiċċju tad-drittijiet idderivati marbuta magħhom ma jistgħux jiġu kkonċepiti ħlief sa fejn dawn iservu l-aħjar interessi tal-wild u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ dan tal-aħħar, konformement mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 16 ). |
|
44. |
Fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat li hija ppreżentata b’rabta mad-dħul u mar-residenza ta’ wild, ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu dan tal-aħħar għandu n-nazzjonalità, l-evalwazzjoni għandha għalhekk issir mill-perspettiva tal-wild u mhux mill-perspettiva tal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz ( 17 ). |
|
45. |
L-Artikolu 24(1) tal-Karta jeżiġi għalhekk li l-awtorità nazzjonali kompetenti tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex tagħti lill-wild ikkonċernat possibbiltà reali u effettiva li jinstema’. |
|
46. |
L-Artikolu 24(2) tal-Karta jimponi, barra minn hekk, fuq l-awtorità nazzjonali kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi ta’ dan il-wild. Għaldaqstant, hija din l-awtorità li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi attwali u rilevanti ta’ kull każ inkwistjoni, li ċ-ċaqliq tal-imsemmi wild iseħħ b’kunsiderazzjoni tal-interessi tiegħu ( 18 ). Dan jimplika li għandu jiġi vverifikat li ma jkunx hemm riskju li dan iċ-ċaqliq ikollu impatt detrimentali fuq is-sitwazzjoni tal-wild u li huwa ta’ interess għal dan tal-aħħar, billi jagħmel parti minn pjan ta’ ħajja familjari tanġibbli jew, sabiex nuża t-termini użati mill-Kummissjoni fis-seduta, “pjan kredibbli”. |
|
47. |
Attenzjoni partikolari għandha, f’dan ir-rigward, tingħata lill-ambjent soċjali u familjari tal-wild kif ukoll, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, lill-pjan li fil-kuntest tiegħu jseħħ iċ-ċaqliq ta’ dan il-wild u l-intenzjonijiet li ommu għandha f’dan ir-rigward. |
|
48. |
Fit-tieni lok, għandhom għalhekk jiġu eżaminati dawn il-kriterji differenti. |
1. L-ambjent soċjali u tal-familja tal-wild
|
49. |
Bħala regola ġenerali, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ambjent ta’ wild żgħir huwa essenzjalment ambjent familjari, iddeterminat mill-persuna jew mill-persuni ta’ referenza li magħhom jgħix il-wild, li effettivament iħarsuh u jieħdu ħsiebu ( 19 ). F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-wild għandu għaxar snin, u għalhekk ta’ età skolastika, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha konsegwentement tevalwa l-eventwali impatt negattiv li ċ-ċaqliq ta’ dan il-wild jista’ jkollu fuq il-benesseri fiżiku u morali kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet affettivi, familjari u soċjali tiegħu jew anki fuq is-sitwazzjoni materjali tiegħu ( 20 ). |
|
50. |
F’dan il-każ, mill-proċess nazzjonali jirriżulta li, sa mit-twelid tiegħu fit-Tajlandja, il-wild trabba min-nanna materna tiegħu, b’tali mod li ċertament ħoloq relazzjoni affettiva qawwija ħafna magħha. Huwa jattendi l-iskola wkoll fit-Tajlandja, li jixhed ir-rabtiet li jżomm mal-ambjent lingwistiku u kulturali ta’ dan il-pajjiż fejn jgħixu membri oħra tal-familja tiegħu. Min-naħa l-oħra, mill-proċess nazzjonali jirriżulta li dan il-wild qatt ma mar fil-Pajjiżi l-Baxxi u li la għandu għarfien tal-lingwa Olandiża u lanqas tal-lingwa Ingliża. |
|
51. |
Madankollu, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-iżviluppi iktar reċenti fil-ħajja tal-familja tal-wild. Għalhekk, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-intensità tar-relazzjonijiet li (eventwalment) inħolqu bejn dan il-wild u ommu wara r-ritorn tagħha fit-Tajlandja. Barra minn hekk, għalkemm l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess nazzjonali ma jippermettux li wieħed ikun jaf la n-natura tar-relazzjonijiet li A għandu mal-wild tiegħu u lanqas il-portata attwali tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-ispejjeż tal-manteniment ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi ddeterminat jekk missier il-wild huwiex fl-impossibbiltà jew l-inkapaċità li xi darba jieħu ħsiebu u jekk dan il-wild jixtieqx ikollu relazzjonijiet personali u kuntatti diretti ma’ missieru, u b’hekk jitlob il-benefiċċju tad-dritt ibbażat fuq l-Artikolu 24(3) tal-Karta. |
2. L-eżistenza ta’ pjan ta’ ħajja kredibbli
|
52. |
L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet għaċ-ċaqliq tal-wild mill-pajjiż terz li fih huwa għandu r-residenza abitwali tiegħu lejn l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, iżda fejn huwa qatt ma għex ( 21 ). Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-eventwali riskju li dan il-wild jitqies bħala l-mezz għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni, li jkun jikkostitwixxi użu ħażin tad-dritt ta’ residenza dderivat mogħti skont l-Artikolu 20 TFUE ( 22 ). |
|
53. |
Tali eżami japplika iktar u iktar f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha omm il-wild għandha l-oriġini ġeografika u tal-familja tagħha fil-pajjiż terz fejn dan il-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu u fejn, skont l-affermazzjonijiet tagħha stess, il-missier u l-wild tiegħu jkollhom ftit jew ebda relazzjonijiet. |
|
54. |
F’dan il-każ, l-intenzjonijiet tal-omm tal-wild, li tidher li hija l-unika proprjetarja tal-awtorità tal-ġenituri fir-rigward ta’ din tal-aħħar, jikkostitwixxu għalhekk element ta’ rilevanza partikolari. |
|
55. |
Fil-fatt, ir-rieda tal-omm li tibqa’ fil-Pajjiżi l-Baxxi ftit li xejn kienet fid-dubju fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza inkwistjoni. Barra minn hekk, elementi oħra, imsemmija fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kienu jqajmu dubji, f’dak iż-żmien, dwar l-intenzjoni soda tagħha li tmur tgħix mal-wild tagħha f’dak l-Istat. Fl-aħħar nett, għalkemm l-omm issostni li żviluppat ħajja tal-familja effettiva mal-wild tagħha minn meta rritornat fit-Tajlandja, dan jidher li huwa r-riżultat mhux ta’ deċiżjoni konxja li tgħix ma’ dan tal-aħħar, iżda tad-deċiżjoni ta’ ritorn li ġiet eżegwita fil-konfront tagħha fit‑8 ta’ Mejju 2019. |
|
56. |
Madankollu, lanqas ma għandu jiġi preżunt riskju ta’ abbuż sempliċement fir-rigward tal-fatt li ċ-ċittadina ta’ pajjiż terz għexet ’il bogħod mill-wild tagħha għal diversi snin. Għalhekk, dawn iċ-ċirkustanzi kollha ma jistgħux jitqiesu li jistabbilixxu b’mod irrevokabbli l-post ta’ residenza tal-wild fit-Tajlandja. Dan tal-aħħar ma għandux jiċċaħħad mill-possibbiltà li jmur u jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità u omm dan il-wild lanqas ma tista’ tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tkompli, fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-ħajja tal-familja li hija setgħet bdiet mat-tifel tagħha fit-Tajlandja sa mill‑2019. |
|
57. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-intenzjonijiet tal-omm li tistabbilixxi ruħha mal-wild fl-Istat Membru li tiegħu dan tal-aħħar għandu n-nazzjonalità għandhom ikunu jistgħu jiġu rriċerkati u żvelati f’elementi oġġettivi jew tanġibbli, li juru li ċ-ċaqliq ta’ dan il-wild huwa reali, li r-residenza tiegħu fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità ma għandha ebda natura temporanja jew okkażjonali u li ġiet deċiża b’kunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tiegħu. B’hekk, pereżempju, l-akkwist jew il-kiri ta’ akkomodazzjoni f’dan l-Istat Membru ( 23 ) jew ir-reġistrazzjoni fi skola jistgħu jikkostitwixxu indizji relattivament qawwija. |
|
58. |
Minkejja li dawn l-elementi huma importanti, dawn ċertament ma humiex l-uniċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, l-eżami li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati jwettqu għandu dejjem iseħħ wara evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni u ta’ bbilanċjar tal-elementi rilevanti kollha, bil-għan li jiġi stabbilit l-ambjent familjari u soċjali tal-wild u li jiġu ggarantiti l-interessi tiegħu. |
3. L-intervista mal-wild u mal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz
|
59. |
Jidhirli li l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-wild ma tistax isseħħ mingħajr ma dan tal-aħħar kellu l-possibbiltà li jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar ir-rieda tiegħu li jmur u li jistabbilixxi ruħu ma’ ommu fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, u dan konformement mal-Artikolu 24 tal-Karta. F’dan il-każ, għalkemm il-wild għadu dipendenti fuq ommu, huwa madankollu għandu għaxar snin llum, li hija età skolastika, li tippermettilu jinstema’, jekk ikun jixtieq, kuntrarjament għal wild ta’ età żgħira ħafna. Barra minn hekk, jidhirli li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha wkoll tagħti lill-persuna li għandha waħedha l-awtorità tal-ġenituri u li inizjat iċ-ċaqliq ta’ dan il-wild il-mezzi sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-raġunijiet għal dan iċ-ċaqliq. |
|
60. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena naħseb, konsegwentement, li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni li fiha ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, jippreżenta applikazzjoni intiża għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li tiegħu l-wild għandu n-nazzjonalità u li lejh dan tal-aħħar għandu l-intenzjoni li jiċċaqlaq sabiex jirrisjedi fih, l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għandha tistabbilixxi li ċ-ċaqliq ta’ dan il-wild isir fl-aħjar interessi tiegħu, konformement mal-Artikolu 24(2) tal-Karta. Tali konstatazzjoni għandha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, tippermetti li jiġi ddeterminat l-eventwali impatt ta’ dan iċ-ċaqliq fuq il-benesseri fiżiku u morali tal-wild, is-sitwazzjoni materjali tiegħu u r-relazzjonijiet affettivi, familjari u soċjali li dan tal-aħħar għandu. Din il-konstatazzjoni għandha tkun ibbażata wkoll fuq elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li ċ-ċaqliq ta’ dan il-wild huwa reali u li r-residenza tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat bl-ebda mod ma hija ta’ natura temporanja jew okkażjonali u ma għandhiex bħala għan waħdieni l-kisba ta’ permess ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE għal wieħed mill-ġenituri. |
C. Fuq it-tielet domanda preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza li tista’ tkun il-bażi ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE
|
61. |
Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika d-diversi kriterji dwar l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza li tista’ tkun il-bażi ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE f’sitwazzjoni li fiha l-wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità. |
|
62. |
L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-importanza li għandha tingħata lill-mument li fih il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz assuma jew le l-manteniment ta’ kuljum tal-wild tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, kif ukoll lill-fatt li, fil-passat, persuni oħra assumew dan il-manteniment u/jew huma f’pożizzjoni li jassumuha fil-futur. |
|
63. |
It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar sa fejn il-wild, ċittadin tal-Unjoni, jista’ jistabbilixxi ruħu fit-territorju tal-Unjoni ma’ missieru, li huwa wkoll ċittadin tal-Unjoni. Minn naħa, hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-importanza li għandha tingħata lill-fatt li missier dan il-wild kellu (jew ma kellux) il-kustodja jew ir-responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva ta’ dan il-wild u huwa lest (jew le) li jieħu din ir-responsabbiltà fil-futur. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-importanza tal-kriterju bbażat fuq ir-responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva li jassumi l-ġenitur, ċittadin tal-Unjoni, fir-rigward tal-wild fil-każ li jiġi stabbilit li l-ġenitur l-ieħor, ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu l-kustodja esklużiva tal-wild. |
|
64. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni dwar l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 TFUE, l-eżami li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha twettaq jikkonċerna l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn, minn naħa, il-wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz. F’dan il-kuntest, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għal sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkollux għażla oħra ħlief li jsegwi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għaliex huwa r-responsabbiltà tiegħu, u b’hekk jiddependi kompletament fuqu sabiex jiżgura l-għajxien tiegħu u jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu. Dawn is-sitwazzjonijiet jikkonċernaw qabel kollox lill-ġenituri, ċittadini ta’ pajjiż terz, li jassumu l-kustodja effettiva ta’ wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, jew li jassumu effettivament ir-responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva ta’ dan tal-aħħar. B’dan il-mod, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Chavez-Vilchez et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, il-fatt li l-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-Unjoni, huwa fil-fatt kapaċi u lest li jassumi waħdu r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild jikkostitwixxi element rilevanti, iżda li ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li ma hemmx, bejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild, relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk dritt ta’ residenza kellu jiġi rrifjutat lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz” ( 24 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “tali konstatazzjoni għandha tkun ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interess tal-wild ikkonċernat, taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-età tiegħu, tal-iżvilupp fiżiku u emozzjonali tiegħu, tal-livell tar-relazzjoni affettiva tiegħu kemm mal-ġenitur ċittadin tal-Unjoni kif ukoll mal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, kif ukoll tar-riskju li s-separazzjoni tiegħu minn dan tal-aħħar iġġib għall-bilanċ [ekwilibriju] ta’ dan il-wild” ( 25 ). |
|
65. |
Fil-fehma tiegħi, dawn il-prinċipji japplikaw bl-istess mod għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni jeżiġi li dan il-wild ma jiċċaħħadx milli jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità jekk il-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat. |
|
66. |
Minn dan jirriżulta li ċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju tirreferi għalihom, dwar ir-rwol u l-involviment, minn naħa, tal-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, tan-nanna materna tal-wild, ċittadina ta’ pajjiż terz, minkejja li jistgħu jikkostitwixxu indizji qawwija fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-familja ta’ dan il-wild, ma humiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-assenza bejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild ċittadin tal-Unjoni ta’ relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar jiċċaħħad mill-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet relatati mal-istatus tiegħu ta’ ċittadin fil-każ ta’ tali rifjut. Tali konstatazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat fis-sentenza Chavez-Vilchez et, imfakkra preċedentement. F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn in-nanna materna tal-wild tidher li assumiet ir-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva ta’ dan il-wild matul l-ewwel għaxar snin ta’ ħajtu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-grad tar-relazzjoni affettiva li l-wild għandu magħha kif ukoll ir-riskju li tista’ toħloq is-separazzjoni ta’ dan il-wild minn man-nanna materna tiegħu għall-ekwilibriju tiegħu. |
|
67. |
Fit-tieni lok, il-mument li fih inħolqot ir-relazzjoni ta’ dipendenza, u b’mod partikolari l-mument li fih il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz beda jieħu ħsieb il-manteniment ta’ kuljum tal-wild tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, jikkostitwixxi fattur determinanti. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li din ir-relazzjoni għandha teżisti fil-pajjiż li fih jinsab il-wild, ċittadin tal-Unjoni, u dan mill-inqas fil-mument li fih il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz jitlob li jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat f’dan tal-aħħar. |
|
68. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tiddistingwi s-sitwazzjoni li tippreċedi l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal dritt ta’ residenza minn dik li tippreċedi d-deċiżjoni li biha din l-applikazzjoni tiġi miċħuda u dik, fl-aħħar nett, li tippreċedi l-eżitu tal-azzjoni ġudizzjarja ppreżentata kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda. Dik il-qorti tesprimi għalhekk it-tħassib tagħha li jiġi ggarantit li r-relazzjoni ta’ dipendenza li għandu l-wild, ċittadin tal-Unjoni, mal-ġenitur tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz hija waħda reali u li ma ġietx ipprovokata biss bil-għan li jinkiseb dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 TFUE. |
|
69. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-perijodu li jippreċedi l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal dritt ta’ residenza kif ukoll dak li jippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda jikkorrispondu t-tnejn li huma għal perijodi li matulhom il-wild, ċittadin tal-Unjoni, u l-ġenitur tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz la kienu jgħixu flimkien u lanqas jirrisjedu flimkien fl-istess Stat, peress li dan il-wild trabba fit-Tajlandja min-nanna materna tiegħu, filwaqt li ommu kienet residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et ( 26 ), u fis-sentenza K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) li ma kienx neċessarju li l-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz jgħix flimkien mal-wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejniethom, din il-koabitazzjoni tibqa’ madankollu element ta’ importanza partikolari, b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn minbarra l-fatt li dan il-ġenitur ma jgħix mal-wild tiegħu, ikun jirrisjedi f’pajjiż ieħor, f’kontinent ieħor, b’tali mod li ma setax, f’dan il-każ, jieħu r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild tiegħu matul dawn il-perijodi. |
|
70. |
Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ rabta familjari, kemm jekk tkun ta’ natura bijoloġika jew ġuridika, bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni minuri u l-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika r-rikonoxximent, taħt l-Artikolu 20 TFUE, ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan il-ġenitur fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu l-wild minuri huwa ċittadin ( 27 ). |
|
71. |
Fir-rigward, fil-preżent, tas-sitwazzjoni qabel l-eżitu tal-azzjoni ġudizzjarja ppreżentata kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda, din tikkorrispondi għal perijodu li matulu l-ħajja tal-familja tal-wild setgħet għaddiet minn bidliet, b’mod partikolari minħabba r-ritorn tal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għalhekk, fid-dawl tat-termini li timponi l-preżentazzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja, il-qorti nazzjonali kompetenti jidhirli li għandha tfittex, fil-mument li hija tipprevedi li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal residenza ppreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, jekk, mill-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, iċ-ċirkustanzi fattwali jkunux inbidlu b’tali mod li setgħet tinħoloq relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-wild u ommu. F’dan il-kuntest, sabiex tiġi evitata kull manuvra abbużiva, jidhirli neċessarju wkoll li din il-qorti tiżgura ruħha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jassumi l-kustodja jew ir-responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva tal-wild b’mod effettiv fil-kuntest ta’ ħajja familjari reali u stabbli. |
|
72. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi, konsegwentement, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni li fiha ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, jippreżenta applikazzjoni intiża għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li tiegħu dan il-wild għandu n-nazzjonalità u li lejh dan il-wild għandu l-intenzjoni li jiċċaqlaq sabiex jirrisjedi hemmhekk, il-mument li fih il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz assuma l-manteniment ta’ kuljum tal-wild tiegħu jikkostitwixxi fatt deċiżiv għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan il-ġenitur u dan il-wild. Hija l-awtorità nazzjonali kompetenti li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti kollha tal-każ, il-punt sa fejn l-imsemmi ġenitur jassumi l-kustodja jew ir-responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva ta’ dan il-wild fil-mument li fih tittieħed deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tiegħu u li tiżgura ruħha li din ir-responsabbiltà tiġi eżerċitata fil-kuntest ta’ ħajja familjari reali u stabbli. |
|
73. |
Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-Unjoni, u li membru ieħor tal-familja, ċittadin ta’ pajjiż terz, ikunu assumew fil-passat jew ikunu f’pożizzjoni li fil-futur jassumu l-kustodja jew ir-responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva tal-wild ma jippermettix li jiġi dedott li ma teżistix, bejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u dan il-wild, relazzjoni ta’ dipendenza tali li l-wild jiċċaħħad milli jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità jekk il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat. |
IV. Konklużjoni
|
74. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Utrecht (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) C-34/09, EU:C:2011:124.
( 3 ) C-256/11, EU:C:2011:734.
( 4 ) C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776.
( 5 ) C‑133/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Chavez-Vilchez et, EU:C:2017:354.
( 6 ) C‑82/16, iktar ’il quddiem is-sentenza K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), EU:C:2018:308.
( 7 ) Il-lingwa Ingliża hija wkoll lingwa użata spiss fil-Pajjiżi l-Baxxi.
( 8 ) Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” ara, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63), is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tindika li “r-residenza abitwali tal-minuri, fis-sens ta’ dan ir-regolament, tikkorrispondi għall-post fejn jinstab, effettivament, iċ-ċentru ta’ ħajtu” (punt 42), kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, iktar ’il quddiem is-sentenza Mercredi, EU:C:2010:829), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “residenza abitwali” jikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-minuri f’ambjent soċjali u familjari (punt 47).
( 9 ) C‑34/09, EU:C:2011:124.
( 10 ) C‑256/11, EU:C:2011:734.
( 11 ) C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776.
( 12 ) Ara s-sentenza Chavez-Vilchez et (punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) C‑230/17, EU:C:2018:497.
( 14 ) Punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata ta’ din is-sentenza.
( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Altiner u Ravn (C‑230/17, EU:C:2018:497), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-fatt li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ma seħħitx ‘fl-estensjoni naturali’ tar-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni jikkostitwixxi element rilevanti li, mingħajr ma jippreżenta waħdu karattru determinanti, jista’, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, jwassal lill-Istat ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat biex jikkonkludi dwar l-ineżistenza ta’ rabta bejn din l-applikazzjoni u l-eżerċizzju minn qabel, mill-imsemmi ċittadin, tal-libertà ta’ moviment tiegħu u, bħala konsegwenza, għar-rifjut li jingħatalu tali permess ta’ residenza” (punt 34).
( 16 ) Ara, fl-aħħar lok, is-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2021, État belge (Ritorn ta’ ġenitur ta’ minuri) (C‑112/20, EU:C:2021:197, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayonPancharevo (C‑490/20, EU:C:2021:1008, punti 59 u 63).
( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:738, punt 93). F’dan il-kuntest, naħseb, fil-fatt, li din l-evalwazzjoni ma hijiex differenti minn dik li għandhom iwettqu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti meta jkollhom jiddeċiedu fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri meta l-wild jiċċaqlaq minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor.
( 18 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt il-kafala Alġerina) (C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara s-sentenza Mercredi (punti 53 u 54).
( 20 ) Ara, b’mod konformi mal-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D. (C 428/15, EU:C:2016:819, punt 59).
( 21 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 44), u s-sentenza Mercredi (punt 44).
( 22 ) Kif tenfasizza d-duttrina, infakkar li “iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, fl-aħħar mill-aħħar, ma huwiex ikkunsidrat ħlief sa fejn huwa mezz għaċ-ċittadin [minuri dipendenti fuq il-ġenitur tiegħu] li jirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni”. Ara V. Réveillère, “La protection statutaire du citoyen: demeurer sur le territoire de l’Union (dans son État de nationalité)”, Revue trimestrielle de droit européen, 11/2020, Nru 3, p. 721.
( 23 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 40), u s-sentenza Mercredi (punt 50).
( 24 ) Punt 71 ta’ din is-sentenza. Korsiv miżjud minni.
( 25 ) Ara, wkoll, is-sentenza K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (punt 72).
( 26 ) C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776.
( 27 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (punt 75).