European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/466

6.3.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/466

tal-5 ta’ Marzu 2025

dwar l-implimentazzjoni tal-miri tal-mili tal-ħżin tal-gass fl-2025

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (1) introduċa miri minimi vinkolanti għall-ħżin tal-gass biex jissaħħu s-sigurtà tal-enerġija u r-reżiljenza fl-Unjoni. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miri kienet strumentali fis-salvagwardja tad-disponibbiltà tal-gass, speċjalment matul perjodi ta’ domanda għolja għall-gass u ta’ volatilità u inċertezza tas-suq, kif ħareġ fid-dieher mill-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass tal-UE li laħqu livell ta’ mili ta’ 90 % jew iktar qabel kull waħda mill-aħħar tliet xtiewi. Il-ħażniet tal-gass għadhom jagħmlu tajjeb għal 30 % tal-konsum tal-gass fix-xitwa tal-UE u għall-flessibbiltà lis-sistema tal-elettriku.

(2)

Is-sitwazzjoni fis-suq Ewropew tal-gass tjiebet b’mod konsiderevoli mill-2022, għalkemm l-esponiment għall-volatilità tal-prezzijiet għadu hemm b’mod partikolari minħabba s-sehem ogħla tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG, Liquefied Natural Gas) fit-taħlita tal-enerġija Ewropea u ż-żieda fil-kompetizzjoni għall-provvisti globali tal-LNG fil-kuntest ġeopolitiku.

(3)

Minn Novembru 2024, is-suq Ewropew tal-gass ilu jesperjenza sitwazzjoni fejn il-kuntratti għall-konsenji tal-gass matul is-sajf tal-2025 huma iktar għaljin mill-kuntratti għall-konsenji tal-gass matul ix-xitwa 2025-26 (firxa negattiva bejn il-prezzijiet tas-sajf u tax-xitwa) u bħala konsegwenza, l-inċentivi kummerċjali għall-impriżi tal-gass biex jaħżnu l-gass għax-xitwa li jmiss huma iktar dgħajfa milli fl-istaġuni tal-mili preċedenti.

(4)

Fl-istess ħin u filwaqt li d-domanda għall-gass fl-Ewropa naqset bi kważi 20 % mill-2022, huwa mistenni li l-livelli tal-ħżin tal-gass fi tmiem l-istaġun tat-tisħin tal-2025 se jkunu iktar baxxi meta mqabbla mal-aħħar sentejn, għalkemm simili għal-livelli medji tal-mili ta’ qabel il-kriżi (2) u ferm ogħla mil-livelli tal-2022. Dan se jirrikjedi injezzjoni ta’ iktar volumi matul is-sajf biex jimtlew il-ħażniet qabel ix-xitwa 2025/2026 meta mqabbla maż-żewġ staġuni preċedenti.

(5)

F’dan l-ambjent volatili u kumpless, huwa kruċjali li jinżamm ir-rwol essenzjali tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista billi tinżamm il-mira obbligatorja tal-mili tal-1 ta’ Novembru. Fl-istess ħin, l-għoti ta’ flessibbiltà suffiċjenti lill-Istati Membri biex jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin matul l-istaġun tas-sajf bil-kundizzjonijiet tax-xiri ottimali, se jnaqqas l-istress fuq is-sistema u se jevita d-distorsjonijiet tas-suq fiċ-ċirkostanzi attwali tas-suq.

(6)

F’dan il-kuntest huwa daqstant importanti li wieħed jastjeni minn miżuri nazzjonali li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv is-suq tal-gass jew jikkompromettu s-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-enerġija fi Stat Membru ieħor jew tal-Unjoni Ewropea. Meta jkun hemm entitajiet inkarigati biex jimplimentaw il-mili tal-ħżin tal-gass, jenħtieġ li dawn jagħmlu ħilithom biex isegwu strateġija ta’ negozjar prudenti li tfittex li tevita impatt negattiv sinifikanti fuq il-post u fis-swieq tad-derivattivi.

(7)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħżin tal-gass attwalment fis-seħħ, b’mod partikolari l-Artikolu 6(a) u 6(b) tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jiskadu f’Diċembru 2025.

(8)

Dan jimplika li l-flessibbiltà biex jimtlew il-ħażniet matul l-2025 trid tiġi mfittxija fil-qafas leġiżlattiv eżistenti. Gwida dwar kif għandhom jiġu identifikati u applikati d-dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà fil-qafas leġiżlattiv eżistenti tista’ tgħin lill-Istati Membri jikkoordinaw aħjar u jfasslu b’mod intelliġenti l-politiki tagħhom dwar il-mili tal-ħżin qabel ix-xitwa 2025/2026.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri, meta jfasslu u jimplimentaw miżuri nazzjonali biex jikkonformaw mal-obbligi tal-ħżin, jiżguraw li tali miżuri ma joħolqux distorsjonijiet fis-suq intern tal-enerġija jew jaffettwaw b’mod negattiv is-sigurtà tal-enerġija ta’ Stati Membri oħra jew tal-Unjoni, u jikkonsultaw lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass (GCG, Gas Coordination Group) għal dak l-iskop. Azzjoni kkoordinata hija essenzjali biex tinżamm l-integrità tas-suq komuni u tiġi żgurata sigurtà tal-enerġija ekwa madwar l-Unjoni.

2.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jirrieżaminaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri temporanji li ġew introdotti biex jappoġġaw it-trajettorji għall-mili u l-mira tal-mili tal-1 ta’ Novembru, filwaqt li jqisu mill-ġdid, b’mod partikolari, l-impatti tagħhom fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija. Huwa rrakkomandat ukoll li l-Istati Membri, meta jfasslu tali miżuri, jikkunsidraw l-impatt tagħhom fuq l-istabbiltà u l-funzjonament kif suppost tas-swieq tad-derivattivi. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jivverifikaw li l-entitajiet inkarigati biex jimplimentaw l-istrateġiji, jekk ikun hemm, ikollhom l-għarfien espert meħtieġ tan-negozjar fis-swieq tal-enerġija, inkluż tal-istrateġiji xierqa tal-iħħeġġjar.

3.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jqisu l-kundizzjonijiet reali tas-suq meta jiddeċiedu dwar il-miżuri rigward il-livell tal-mili tal-ħażniet matul is-sena. Meta tindirizza d-devjazzjonijiet mit-trajettorja għall-mili u tiddeċiedi dwar il-passi possibbli ta’ infurzar, il-Kummissjoni se tipprovdi iktar flessibbiltà billi tqis l-iżviluppi speċifiċi fis-suq tal-gass u l-effetti li jista’ jkollhom fuq l-ilħuq tal-miri tal-mili.

4.

Skont l-Artikolu 6a(2) tar-Regolament (UE) 2017/1938, l-Istati Membri li għandhom kapaċità sinifikanti tal-ħżin taħt l-art u li jkunu affettwati b’mod sproporzjonat mill-obbligu li jilħqu l-mira tal-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorju tagħhom jistgħu jaħżnu volum li jkun ibbażat fuq 35 % tal-konsum annwali medju tagħhom matul l-aħħar 5 snin. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6a(5) tar-Regolament (UE) 2017/1938, l-Istati Membri b’infrastruttura sostanzjali tal-ħżin tal-LNG (iktar minn 4 % tal-konsum nazzjonali medju tal-gass tagħhom matul l-aħħar 5 snin) jistgħu jgħoddu l-ħżin tal-LNG għall-mira tal-mili tagħhom tal-1 ta’ Novembru. L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw dawn il-flessibbiltajiet li ġew ipprovduti.

5.

F’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1938, l-Istati Membri huma obbligati jieħdu miżuri xierqa biex jilħqu l-mira tal-mili tal-1 ta’ Novembru. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 6a(8) jipprovdi xi flessibbiltà meta Stat Membru jiffaċċja kwistjonijiet tekniċi bħal problemi relatati mal-pipelines jew fil-faċilità tal-injezzjoni, li jippermettu lill-Istat Membru jilħaq il-mira tal-mili sal-1 ta’ Diċembru. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq li jwasslu għal rati ta’ injezzjoni eċċezzjonalment baxxi li jkunu fuq l-istess livell ma’ karatteristiċi tekniċi speċifiċi. Madankollu, dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istat Membru inkwistjoni li jipprovdi argumenti raġonevoli u dettaljati għaliex il-mira obbligatorja ma setgħetx tintlaħaq bis-sħiħ.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kummissjoni

Dan JØRGENSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 173, 30.6.2022, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1032/oj.

(2)  Issir referenza għal-livelli medji tal-mili tal-gass fi tmiem ix-xitwa, fl-1 ta’ April għas-snin 2017-2021.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1938/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2025/466/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)