SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)
13 ta’ Frar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-vjaġġaturi bil-ferrovija u bit-triq – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Servizzi ta’ trasport pubbliku tal-vjaġġaturi bix-xarabank – Il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) – Għoti tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku – Għoti ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi tat-trasport pubbliku bix-xarabank – Għoti fil-forma ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi – Għoti dirett minn awtorità lokali kompetenti lil operatur intern – Artikolu 5(3) – Proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti – Għoti ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi tat-trasport pubbliku bix-xarabank minn awtorità kompetenti oħra – Parteċipazzjoni tal-operatur intern – Kundizzjonijiet”
Fil-Kawża C‑684/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura
“Latvijas Sabiedriskais Autobuss” SIA
vs
Iepirkumu uzraudzības birojs,
“Autotransporta direkcija” VSIA,
IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, E. Regan (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal “Latvijas Sabiedriskais Autobuss” SIA, minn A. Hartpenga, advokāte, |
|
– |
għal “Autotransporta direkcija” VSIA, minn A. Caune, valdes priekšsēdētājs, u T. Vectirāns, valdes loceklis, |
|
– |
għall-Gvern Latvjan, minn E. Bārdiņš, J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Messina u I. Rubene, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 354, p. 22) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1370/2007”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Latvijas Sabiedriskais Autobuss” SIA, kumpannija rregolata mid-dritt Latvjan, u, min-naħa l-oħra, il-Iepirkumu uzraudzības birojs (l-Uffiċċju ta’ Sorveljanza tal-Kuntratti Pubbliċi, il-Latvja) (iktar ’il quddiem l-“USKP”) u “Autotransporta direkcija” VSIA (iktar ’il quddiem “ATD”), impriża pubblika responsabbli mill-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ trasport pubbliku fil-Latvja, dwar l-għoti tad-dritt li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport pubbliku bix-xarabank tal-linja fuq in-network ta’ linji ta’ interess reġjonali fil-belt ta’ Ventspils (il-Latvja). |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir-Regolament Nru 1370/2007
|
3 |
Skont il-premessi 6, 7 u 18 tar-Regolament Nru 1370/2007:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Skop u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu: “L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.” |
|
5 |
Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku”, jipprevedi: “1. Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-[Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19),] jew [fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)], għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz kif definit f’dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw. 2. Dment li ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hija awtorità individwali jew grupp ta’ awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, tista’ tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija stess jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lil entità legalment distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew, fil-każ ta’ grupp ta’ awtoritajiet tal-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess. […] Fejn awtorità lokali kompetenti tieħu tali deċiżjoni, għandu japplika dan li ġej: […]
[…] 3 Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta’ sejħa kompetittiva għal offerti, ħlief fil-każijiet speċifikati filparagrafi 3a, 4, 4a, 4b, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa kompetittiva għal offerti għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni […] […] 5 F’każ ta’ interruzzjoni fis-servizzi jew ir-riskju immedjat ta’ tali sitwazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’ tieħu miżuri ta’ emerġenza. Il-miżuri ta’ emerġenza għandhom jieħdu l-forma ta’ għotja diretta jew ftehim formali għall-estensjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku jew rekwiżit biex jiġu provduti ċerti obbligi ta’ servizz pubbliku. L-operatur ta’ servizz pubbliku għandu jkollu d-dritt li jappella d-deċiżjoni li jiġi impost il-forniment ta’ ċerti obbligi ta’ servizz pubbliku. Il-perijodu li fih kuntratt għal servizz pubbliku jingħata, jiġi estiż jew jiġi impost b’miżuri ta’ emerġenza m’għandux jeċċedi sentejn.” |
Id-Direttiva 2014/23/UE
|
7 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17), intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
|
8 |
Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Esklużjonijiet applikabbli għal konċessjonijiet mogħtija minn awtoritajiet kontraenti u entitajiet kontraenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika […] għal konċessjonijiet għas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fis-sens tarRegolament (KE) Nru 1370/2007.” |
Id‑dritt Latvjan
|
9 |
L-Artikolu 8 tas-Sabiedriskā transporta pakalpojumu likums (il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Trasport Pubbliku) tal‑14 ta’ Lulju 2007(Latvijas Vēstnesis, 2007, Nru 106), jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. L-awtorità kontraenti għandha torganizza l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku konformement mal-Publisko iepirkumu likums (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) jew mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jirregolaw l-għoti tal-konċessjonijiet, sa fejn din il-liġi ma tipprovdix mod ieħor. 3. L-awtorità kontraenti tista’ tagħti direttament id-dritt li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport pubbliku, mingħajr ma ssegwi l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, fil-każijiet u skont il-modalitajiet previsti mir-Regolament Nru 1370/2007. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
Il‑kuntratt pubbliku inkwistjoni fil‑kawża prinċipali
|
10 |
Fid‑19 ta’ Mejju 2021, ATD, bħala awtorità kontraenti, nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa rigward l-għoti tad-dritt li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport pubbliku bix-xarabank fuq in-network ta’ linji ta’ interess reġjonali, li fil-kuntest tiegħu l-offerti kellhom jiġu sottomessi sat‑30 ta’ Awwissu 2021 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssottomettiet offerta fil-kuntest ta’ din il-proċedura, inkluż għal-lott “Ventspils”. |
|
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2022”), ATD ċaħdet din l-offerta u tat il-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil kumpannija li l-kapital kollu tagħha huwa miżmum mill-Muniċipalità ta’ Ventspils, jiġifieri Ventspils Reiss PSIA (iktar ’il quddiem “VR”). |
Il‑kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament
|
12 |
Fit‑13 ta’ Jannar 2012, il-Muniċipalità ta’ Ventspils, bħala awtorità lokali kompetenti, tat direttament lil VR, fil-kwalità tagħha ta’ operatur intern, kuntratt ta’ servizz pubbliku għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku bix-xarabank fil-belt ta’ Ventspils, li kellu jiskadi fil‑31 ta’ Diċembru 2023 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament”). |
|
13 |
Fis‑27 ta’ Settembru 2019, din il-muniċipalità ddeċidiet li tressaq ’il quddiem id-data ta’ skadenza ta’ dan il-kuntratt għat‑30 ta’ Settembru 2021 u li torganizza proċedura ta’ sejħa għal offerti li kienet tirrigwarda d-dritt li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport pubbliku fil-belt ta’ Ventspils. Madankollu, l-imsemmi kuntratt kien jipprevedi li t-tul tiegħu seta’ jiġi estiż fil-każijiet previsti fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1370/2007. |
|
14 |
Fil‑31 ta’ Marzu 2021, il-Muniċipalità ta’ Ventspils nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku b’xarabank f’din il-belt. |
|
15 |
Fit‑2 ta’ Settembru 2021, minħabba d-dewmien sostnut bil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, din il-muniċipalità ddeċidiet, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1370/2007, li testendi l-kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament sal-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid jew, mhux iktar tard minn, it‑30 ta’ Settembru 2022. |
|
16 |
Fl‑10 ta’ Settembru 2021, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti ġiet interrotta, wara deċiżjoni tal-USKP, minħabba n-neċessità li ssir modifika fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. |
|
17 |
Fid‑19 ta’ Settembru 2021, il-Muniċipalità ta’ Ventspils nediet proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku bix-xarabank f’din il-belt. |
|
18 |
Fit‑22 ta’ Settembru 2022, minħabba d-dewmien subit bil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku, din il-muniċipalità ddeċidiet, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1370/2007, li għal darba oħra testendi l-kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament sal-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid jew, mhux iktar tard minn, it‑30 ta’ Settembru 2023. |
|
19 |
Fl‑1 ta’ Ġunju 2023, din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti ġiet interrotta, wara deċiżjoni tal-USKP, minħabba n-neċessità li jiġu eliminati inkoerenzi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. |
Il‑proċedura ġudizzjarja nazzjonali dwar il‑kuntratt pubbliku inkwistjoni fil‑kawża prinċipali
|
20 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat, quddiem l-USKP, id-deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2022, billi sostniet li ATD kellha teskludi lil VR mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba l-ksur tat-terminu ta’ sentejn, previst fil-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, li matulu dan l-operatur intern jista’ jiġi ammess jipparteċipa f’tali proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti. |
|
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 2023, l-USKP ikkonferma d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2022, minħabba li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 kienu ssodisfatti fid-data ffissata għas-sottomissjoni tal-offerti, jiġifieri t‑30 ta’ Awwissu 2021. Skont l-USKP, l-estensjoni sat‑30 ta’ Settembru 2023 tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament seħħet konformement mal-Artikolu 5(5) ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz ta’ trasport pubbliku fit-territorju tal-Muniċipalità ta’ Ventspils. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-eventwali eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat illegali, din għandha tiġi evalwata fil-kuntest mhux ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt miftuħa u trasparenti, bħall-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali organizzat minn ATD, iżda ta’ deċiżjonijiet meħuda u ta’ kuntratti konklużi minn din il-muniċipalità. |
|
22 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat azzjoni amministrattiva quddiem l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), li hija l-qorti tar-rinviju, kontra d-deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 2023. |
|
23 |
Fil-fehma tagħha, l-USKP ma ħax kunsiderazzjoni tal-fatt li l-estensjoni tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament, bħala miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1370/2007, hija ekwivalenti għall-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid mogħti direttament, bi ksur tal-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament. |
|
24 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tikkontestax li, fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta, li seħħet bejn id‑19 ta’ Mejju u t‑30 ta’ Awwissu 2021, it-terminu ta’ sentejn li jippreċedi t-tmiem tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament, previst f’din l-aħħar dispożizzjoni, kien ġie osservat, peress li t-terminu ta’ dan il-kuntratt tressaq il-quddiem għat‑30 ta’ Settembru 2021. Madankollu, hija tqis li kien neċessarju li tiġi eżaminata mill-ġdid is-sitwazzjoni fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Issa, f’dak il-mument, jiġifieri s‑7 ta’ Diċembru 2022, l-iskadenza tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament kienet ġiet posposta għat‑30 ta’ Settembru 2023, tant li s-sottomissjoni tal-offerta kienet, fir-realtà, saret barra mit-terminu ta’ sentejn, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li kien beda jiddekorri, minħabba dan il-posponiment, biss fit‑30 ta’ Settembru 2021. |
|
25 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni wkoll li t-tqassir, mill-Muniċipalità ta’ Ventspils, tat-tul tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament, segwit mill-estensjoni, diversi drabi, ta’ dan il-kuntratt sabiex VR tkun tista’ tipparteċipa fis-sejħa għal offerti organizzata minn ATD, jikkostitwixxi prassi li, fiha nnifisha, tmur kontra l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1370/2007, li jikkonsisti fit-tnaqqis tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni mogħtija lil fornituri ta’ servizzi bħalha li jipparteċipaw f’sejħiet għal offerti u li jorganizzaw servizzi ta’ trasport pubbliku barra mit-territorju tal-awtorità lokali kompetenti kkonċernata. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistaqsi wkoll jekk din il-muniċipalità kellhiex id-dritt li tiddeċiedi li testendi l-kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament, peress li t-titwil jew id-dewmien ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti ma jistax, b’mod ġenerali, jitqies li huwa każ ta’ urġenza, fis-sens tal-Artikolu 5(5) ta’ dan ir-regolament. |
|
26 |
L-USKP u ATD iqisu li l-“prinċipju ta’ kompetizzjoni leali” ma nkisirx, peress li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku konkluż wara l-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tibda tiddekorri biss mill‑1 ta’ Lulju 2024, b’tali mod li VR ma tirċevix ħlas kemm għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament kif ukoll għal dik tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku konkluż fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
27 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tevalwa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament. |
|
28 |
Dik il-qorti tirrileva li l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe qies, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2018:869, punti 89 sa 104), li l-ksur tar-rekwiżit ta’ limitazzjoni tal-attivitajiet tal-operatur intern, previst fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, ma jistax ikollu effett fuq proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament. Għalkemm dan ir-raġunament jista’ jiġi traspost fil-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament, xorta jibqa’ l-fatt, skont din il-qorti, li, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx, fis-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), ir-relazzjoni bejn il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) u l-paragrafu 3 tal-Artikolu 5 tal-istess regolament u, min-naħa l-oħra, l-effettività sħiħa tar-restrizzjonijiet previsti fil-punti (b) u (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 tista’ tiġi affettwata jekk l-osservanza tagħhom ma kellhiex tiġi mistħarrġa fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti. |
|
29 |
Fil-fatt, mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 1370/2007 jirriżulta li l-għoti dirett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku relatat mat-trasport tal-vjaġġaturi għandu jiġi strettament irregolat sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza fil-kompetizzjoni. L-għoti dirett ta’ tali kuntratt għandu għalhekk jitqies bħala li huwa vantaġġ ekonomiku li mhux kull operatur ikollu dritt għalih f’kundizzjonijiet normali tas-suq, b’tali mod li dan il-vantaġġ u l-pagamenti relatati miegħu jkollhom effetti fuq il-kompetizzjoni. Għal din ir-raġuni, il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament jipprojbixxi lill-operaturi interni milli jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti barra mit-territorju tal-awtorità lokali kompetenti. Madankollu, sabiex jippromwovi l-ftuħ tas-suq tas-servizzi ta’ trasport pubbliku, l-imsemmi regolament jipprevedi, fil-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tiegħu, eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni, permezz tal-osservanza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet, iffokati fuq ir-rinunzja għall-provvista ta’ servizz mogħti direttament. Id-deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni futura tal-attivitajiet ekonomiċi tal-operatur intern ikollhom impatt fuq il-prezz propost mill-offerent. Għalhekk huwa essenzjali, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni jiġu kkontrollati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti. |
|
30 |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, dwar il-kwistjoni jekk hemmx lok li jiġu mistħarrġa, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, dwar il-parteċipazzjoni ta’ operatur intern fi proċedura ta’ sejħa għal offerti. |
|
31 |
Jekk din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv, din il-qorti jkollha, fit-tieni lok, tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) u l-applikazzjoni tagħhom għall-fatti tal-kawża prinċipali. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li operatur intern jista’ jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, sa fejn, l-ewwel nett, l-iskadenza tal-kuntratt ta’ servizz mogħti direttament isseħħ f’terminu ta’ sentejn, it-tieni nett, tkun ittieħdet deċiżjoni definittiva intiża li tissottometti għal sejħa għal offerti ġusta s-servizzi ta’ trasport tal-vjaġġaturi li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt u, it-tielet nett, l-operatur intern ma jkun ikkonkluda ebda kuntratt ta’ servizz pubbliku ieħor mogħti direttament. |
|
32 |
F’din il-kawża, huwa importanti, qabelxejn, li jiġi ppreċiżat f’liema mument għandhom jiġu osservati l-kundizzjonijiet kollha previsti fil-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għall-parteċipazzjoni ta’ operatur intern fi proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti. Peress li tali parteċipazzjoni tiġi kkonfermata minn offerta sottomessa mill-offerent u li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-organizzazzjoni futura tal-attivitajiet ekonomiċi tal-operatur intern jistgħu jkollhom effett fuq il-prezz offrut minn dan l-offerent, il-kundizzjonijiet rilevanti għandhom jiġu osservati fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta. |
|
33 |
Fid-dawl ta’ dan kollu, mill-fatti tal-kawża prinċipali jirriżulta li s-sitwazzjoni tista’ tinbidel ulterjorment. Għalhekk, f’dan il-każ, it-tul tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament kien ġie estiż diversi drabi abbażi tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1370/2007, li fit-total jaqbeż it-terminu ta’ sentejn mis-sottomissjoni tal-offerta, tant li tqum il-kwistjoni dwar jekk ATD, bħala awtorità kontraenti, kellhiex tivverifika, fil-mument tal-għoti, jekk il-kundizzjonijiet tal-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament kinux għadhom issodisfatti fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta u jekk, għaldaqstant, VR, fil-kwalità tagħha ta’ operatur intern, kellhiex tiġi eskluża mis-sejħa għal offerti. |
|
34 |
Il-qorti tar-rinviju taqbel mal-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tgħid li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll bidliet fiċ-ċirkustanzi fattwali li kienu seħħew wara s-sottomissjoni tal-offerta. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5 (2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jiġu formalment issodisfatti biss fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta, b’mod partikolari fid-dawl tal-interdipendenza bejn l-awtorità lokali kompetenti u l-operatur intern. Fid-dawl ta’ dan, din il-qorti hija inklinata li taqbel mal-pożizzjoni difiża minn ATD u l-USKP, li tgħid li bidliet fiċ-ċirkustanzi fattwali wara s-sottomissjoni ta’ offerta għandhom jitqiesu mill-perspettiva tal-kwistjoni dwar jekk dawn jaffettwawx il-kompetizzjoni leali bejn l-offerenti. |
|
35 |
Il-qorti tar-rinviju tqis għalhekk li għandu jiġi ddeterminat jekk il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kontraenti, meta tiddeċiedi li tagħti kuntratt pubbliku, hija obbligata tivverifika jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti minn din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta, inkluż billi tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li kienu seħħew wara s-sottomissjoni tal-offerta li jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni leali bejn l-offerenti. |
|
36 |
Fit-tielet lok, din il-qorti tqis li huwa neċessarju li ssir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk, kif fil-fatt issostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-estensjoni ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti direttament għandhiex tiġi assimilata mal-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid ta’ servizz pubbliku mogħti direttament, fis-sens tal-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007. Minħabba li l-estensjoni tat-tul ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt isseħħ fil-kuntest ta’ kuntratt eżistenti, mingħajr ma jiġu emendati l-klawżoli l-oħra, l-imsemmija qorti tiddubita li l-kundizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, li timponi li “l-operatur intern ma jkun ikkonkluda l-ebda kuntratt għal servizz pubbliku ieħor mogħti direttament”, tista’ tingħata interpretazzjoni daqstant wiesgħa. |
|
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Kunsiderazzjonijiet preliminari
|
38 |
Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1370/2007, hekk kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tiegħu, jinkludi, fir-rigward tas-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-vjaġġaturi bil-ferrovija u bit-triq, regoli speċjali li jipprevedu modalitajiet ta’ intervent fis-sistemi ġenerali ta’ kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen, C‑292/15, EU:C:2016:817, punti 44 sa 46, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2018, Rudigier, C‑518/17,EU:C:2018:757, punt 49), li kienu stabbiliti, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, bid-Direttivi 2004/17 u 2004/18, illum issostitwiti rispettivament bid-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243, rettifika fi-ĠU L, 2023/90064), u bid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68 u fil-ĠU L, 2023/90063). |
|
39 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedi, fil-paragrafi 2 sa 6 tiegħu, regoli speċifiċi għall-għoti tal-“kuntratti ta’ servizz pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 2(i) ta’ dan ir-regolament, dwar it-trasport tal-vjaġġaturi bil-ferrovija u bit-triq, billi joffri lill-“awtorità kompetenti”, kif iddefinita fl-Artikolu 2(b) tiegħu, il-libertà li tagħżel bejn proċedura ta’ “għoti dirett”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tal-imsemmi regolament, li hija rregolata bl-Artikolu 5(2) tiegħu, u proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, kif imsemmija fl-Artikolu 5(3) tal-istess regolament. |
|
40 |
Madankollu, hekk kif jirriżulta mit-tieni u mit-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, l-għoti ta’ kuntratt għal servizz pubbliku relatat mat-trasport tal-vjaġġaturi bix-xarabank jew bit-tram huwa rregolat, meta dan il-kuntratt ma jkollux il-forma ta’ kuntratt ta’ konċessjoni għal servizzi, mhux bir-regoli speċjali previsti fl-Artikolu 5(2) sa (6) ta’ dan ir-regolament, iżda bir-regoli ġenerali ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi stabbiliti bid-Direttivi 2014/24 u 2014/25 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen, C‑292/15, EU:C:2016:817, punti 36 sa 41). |
|
41 |
Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, il-kuntratti ta’ servizz pubbliku ta’ trasport tal-vjaġġaturi bix-xarabank jew bit-tram li ma għandhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi kienu diġà suġġetti b’mod sħiħ għar-regoli ġenerali ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li kienu previsti mid-Direttivi 2004/17 u 2004/18 qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Verkehrsbetrieb Hüttebräucker u Rhenus Veniro, C‑266/17 u C‑267/17, EU:C:2019:241, punt 73). |
|
42 |
Mill-banda l-oħra, il-kuntratti ta’ “konċessjoni ta’ servizzi”, kif iddefiniti fil-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/23, dwar servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-vjaġġaturi bil-ferrovija u bit-triq imsemmija fir-Regolament Nru 1370/2007, huma espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva permezz tal-Artikolu 10(3) tagħha. |
|
43 |
Minn dan jirriżulta li kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri bix-xarabank, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) u (3) tar-Regolament Nru 1370/2007, li huma s-suġġett tat-tliet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, biss jekk jikkostitwixxi tali kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi. Konsegwentement, ir-risposta għal dawn id-domandi għandha tkun ibbażata fuq din il-premessa, li madankollu hija dik il-qorti li għandha tivverifika. |
Fuq l‑ewwel domanda
|
44 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5 (2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kontraenti għandha, meta operatur intern, li preċedentement ikun ingħata direttament kuntratt ta’ servizz pubbliku minn awtorità lokali kompetenti, jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, tivverifika l-osservanza minnu tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5 (2) sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-operatur għandux id-dritt li jipparteċipa f’tali proċedura. |
|
45 |
Għandu jitfakkar li l-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5 (2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprojbixxi lil “operatur intern”, fis-sens tal-Artikolu 2(j) ta’ dan ir-regolament, li lilu “awtorità lokali kompetenti”, kif iddefinita fl-Artikolu 2(ċ) tiegħu, tkun tat direttament kuntratt ta’ servizz pubbliku, milli jipparteċipa, konformement ma’ rekwiżit imsejjaħ ta’ “limitazzjoni ġeografika”, fi proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti barra mit-territorju ta’ din l-awtorità lokali. |
|
46 |
Madankollu, il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5 (2) tal-imsemmi regolament jipprevedi li, minkejja din il-projbizzjoni, operatur intern jista’ jipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti permezz tal-osservanza ta’ tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel, li din il-parteċipazzjoni sseħħ matul is-sentejn li jippreċedu t-tmiem tal-kuntratt pubbliku għal pubbliċi li kien ingħata lilu direttament, it-tieni, li tkun ittieħdet deċiżjoni definittiva intiża li tissottometti s-servizzi ta’ trasport ta’ vjaġġaturi li jkunu s-suġġett ta’ dan il-kuntratt għal sejħa għal offerti ġusta u, it-tielet nett, li l-operatur intern ma jkun ikkonkluda ebda kuntratt ta’ servizz pubbliku ieħor mogħti direttament. |
|
47 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu, għalhekk, jiġi ddeterminat jekk l-osservanza tal-kundizzjonijiet, previsti fil-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5 (2) tar-Regolament Nru 1370/2007 hijiex imposta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, kif imsemmija fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li operatur intern għandu jiġi eskluż minn tali proċedura fil-każ ta’ ksur ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet. |
|
48 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni, mhux biss kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, DOBELES AUTOBUSU PARKS et, C‑421/22, EU:C:2023:1028, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1370/2007, għandu jiġi rrilevat li, skont il-kliem mingħajr ambigwità tiegħu, l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi, hekk kif jirriżulta mill-ewwel u mit-tielet subparagrafu tiegħu, id-dispożizzjonijiet applikabbli, meta awtorità lokali kompetenti tiddeċiedi li “tagħti […] direttament” kuntratti ta’ servizz pubbliku ta’ trasport tal-vjaġġaturi lil “operatur intern”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(j) tal-imsemmi regolament. Fost il-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet hemm dawk stabbiliti fil-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 5(2). |
|
50 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 japplika, skont il-kliem ukoll daqstant ċari tal-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, meta awtorità kompetenti “tirrikorri għal parti terza”, iktar milli għal wieħed mill-operaturi interni tagħha stess fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti dirett, u “tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta’ sejħa kompetittiva għal offerti”. Issa, it-tieni sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni teżiġi espliċitament li din il-proċedura tkun “miftuħa għall-operaturi kollha”, mingħajr ma jsir riferiment għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament u jidhru, f’dan l-Artikolu 5(3), kundizzjonijiet simili. |
|
51 |
Minn dan isegwi, minn naħa, li l-awtoritajiet kompetenti, meta jkollhom l-intenzjoni li jagħtu kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport ta’ vjaġġaturi li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, huma obbligati li jirrikorru jew għall-proċedura ta’ għoti dirett, jew għall-proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, u, min-naħa l-oħra, li, meta dawn l-awtoritajiet jagħżlu din il-proċedura tal-aħħar, huma għandhom jiftħuha lil kull operatur, inkluż lill-operaturi interni li jaqgħu taħt awtoritajiet kompetenti oħra li jkunu bbenefikaw minn għoti dirett minnhom. |
|
52 |
Jirriżulta għalhekk mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1370/2007 li l-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5 (2) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ validità unikament tal-proċeduri ta’ għoti dirett, tant li l-parteċipazzjoni ta’ operatur intern li jkun ibbenefika minn tali għoti dirett fi proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament, bi ksur ta’ waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5 (2), tista’ taffettwa biss il-validità ta’ dan l-għoti dirett, iżda mhux dik tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti. Din l-aħħar dispożizzjoni hija għalhekk irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 5(3). |
|
53 |
Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li jifforma parti minnu l-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5 (2) tar-Regolament Nru 1370/2007. |
|
54 |
Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, sa fejn tippreċiża, hekk kif jirriżulta mill-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, il-projbizzjoni stabbilita fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5(2) ta’ dan ir-regolament, tikkontribwixxi, flimkien ma’ dan tal-aħħar, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tar-rekwiżit ta’ limitazzjoni ġeografika tal-attivitajiet tal-operatur intern, li huwa stabbilit fih. |
|
55 |
Issa, mill-kliem “il-kondizzjoni biex jiġi applikat dan il-paragrafu hija li”, li jintroduċu din id-dispożizzjoni tal-aħħar, moqrija fid-dawl tal-premessa 18 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li dan ir-rekwiżit huwa kundizzjoni għall-validità unikament tal-proċeduri ta’ għoti dirett, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, b’mod partikolari, meta awtorità nazzjonali tiddeċiedi li tafda l-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-vjaġġaturi lil operatur intern. |
|
56 |
Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, sa fejn din tippermetti lil kull operatur intern li jkun ibbenefika minn għoti dirett li jipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, hija wkoll konformi ma’ wieħed mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1370/2007, li huwa, hekk kif jirriżulta mill-premessi 6 u 7 tiegħu, li jiżdied l-użu ta’ dawn il-proċeduri għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-vjaġġaturi. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa fl-interess tad-dritt tal-Unjoni li tiġi żgurata l-ikbar parteċipazzjoni possibbli ta’ offerenti għal sejħa għal offerti (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, BTA Baltic Insurance Company, C‑769/21, EU:C:2022:973, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li ċerti operaturi interni jistgħu jiġu dissważi milli jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, peress li tali parteċipazzjoni tista’ tiġi ssanzjonata bl-invalidità tal-għoti dirett li huma bbenefikaw minnu, xorta jibqa’ l-fatt, madankollu, li l-effettività tal-proċeduri ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti hija għalhekk ippreżervata, peress li kull operatur intern iżomm kompletament id-dritt li jipparteċipa f’tali proċeduri. |
|
58 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 jeżiġi li kull proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti tkun mhux biss “miftuħa għall-operaturi kollha”, iżda tkun wkoll ġusta u li hija “tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni”. Hekk kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, huma għalhekk l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi jippermettu lil kull operatur intern li jkun ibbenefika minn għoti dirett li juri n-natura ġusta, trasparenti u nondiskriminatorja tal-offerta tiegħu. |
|
59 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5 (2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kontraenti ma għandhiex, meta operatur intern, li preċedentement ikun ingħata direttament kuntratt ta’ servizz pubbliku minn awtorità lokali kompetenti, jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, tivverifika l-osservanza minnu tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5 (2) sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-operatur għandux id-dritt li jipparteċipa f’tali proċedura. |
Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda
|
60 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
|
61 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu5 (2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70, kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑14 ta’ Diċembru 2016 |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li |
|
l-awtorità kontraenti ma għandhiex, meta operatur intern, li preċedentement ikun ingħata direttament kuntratt ta’ servizz pubbliku minn awtorità lokali kompetenti, jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, kif emendat bir-Regolament 2016/2338, tivverifika l-osservanza minnu tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-operatur għandux id-dritt li jipparteċipa f’tali proċedura. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.