SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
27 ta’ April 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikoli 6 u 7 – Kuntratti ta’ self f’munita barranija – Konsegwenzi ġuridiċi tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ kuntratt ta’ self minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt – Klawżola kuntrattwali li tqiegħed ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur”
Fil-Kawża C‑705/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Győri Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Győr, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura
MJ
vs
AxFina Hungary Zrt.
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, N. Piçarra u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal MJ, minn L. Marczingós, ügyvéd, |
|
– |
għal AxFina Hungary Zrt., minn T. L. Horváth, ügyvéd, |
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u Zs. Teleki, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MJ u AxFina Hungary Zrt. (iktar ’il quddiem “AxFina”) dwar il-konsegwenzi ġuridiċi tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, iżda rimborsabbli fil-munita nazzjonali, minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt li tqiegħed ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jgħid li: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
|
4 |
L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
Id‑dritt Ungeriż
|
5 |
L-Artikolu 231(1) tal-Polgári Törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. törvény (il-Liġi Nru IV tal‑1959 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), kien jipprevedi li, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, dejn ta’ somma ta’ flus għandu jitħallas fil-munita legali fil-post tal-ħlas. |
|
6 |
Mill-Artikolu 232(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili jirriżulta li, fir-relazzjonijiet kuntrattwali, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni prevista mil-liġi, huma dovuti interessi u li r-rata ta’ interessi applikabbli hija ugwali għar-rata bażika tal-bank ċentrali. |
|
7 |
Skont l-Artikolu 237(1) ta’ dan il-kodiċi, fil-każ ta’ kuntratt li ma huwiex validu, għandha tipprevali s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt. |
|
8 |
Skont l-Artikoli 237(2) tal-imsemmi kodiċi, jekk ma jkunx possibbli li tipprevali s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, il-qorti tista’ tiddikjara dan il-kuntratt applikabbli sakemm tkun tat id-deċiżjoni. Skont din id-dispożizzjoni, kuntratt li ma huwiex validu jista’ jiġi ddikjarat validu jekk ikun possibbli li tintemm il-kawża ta’ invalidità. F’każ bħal dan, għandha tiġi ordnata r-restituzzjoni tas-servizz li jkun għadu dovut, jekk ikun il-każ, mingħajr korrispettiv. |
|
9 |
Skont id-dispożizzjonijiet tal-az egyes fogyasztói kölcsönszerződések devizanemének módosulásával és a kamatszabályokkal kapcsolatos kérdések rendezéséről szóló 2014. évi LXXVII. törvény (il-Liġi Nru LXXVII tal‑2014 li Tirregola Kwistjonijiet Marbuta mat-Tibdil tal-Munita li Fiha Huma Ddenominati Ċerti Kuntratti ta’ Self u mar-Regoli fil-Qasam tal-Interessi), il-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija ġew emendati għall-futur, b’effett mill‑1 ta’ Frar 2015. Permezz ta’ din il-liġi, il-leġiżlatur Ungeriż ippreveda b’mod partikolari l-konverżjoni f’munita nazzjonali tal-krediti li jkunu għadhom dovuti, iddenominati f’munita barranija fid-data prevista mil-liġi, u ppreċiża l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata r-rata tal-interessi applikabbli fil-kuntratti inkwistjoni. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
10 |
Fit‑13 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludiet kuntratt ta’ self u ta’ opzjoni mal-predeċessur legali ta’ AxFina, sabiex tixtri vettura. L-ammont effettiv ta’ dan is-self kien jammonta għal 2830000 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 7126), b’perijodu ta’ rimbors ta’ 120 xahar, fejn ammont ta’ HUF 920862 (madwar EUR 2319) kien previst bħala interessi għal dan il-perijodu kollu. |
|
11 |
Dan il-kuntratt kien jipprevedi self iddenominat fi franki Svizzeri (CHF) u rimborsabbli f’forint Ungeriżi. Il-varjazzjoni fir-rata tal-kambju bejn il-forint Ungeriż u l-frank Svizzeru affettwat l-obbligu ta’ rimbors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kompliet tħallas pagamenti mensili sax-xahar ta’ Awwissu 2015. |
|
12 |
Il-Győri Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Győr, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju, iddikjarat l-imsemmi kuntratt null għar-raġuni li l-klawżola tiegħu li tqiegħed ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur kienet inġusta. |
|
13 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża applikabbli, il-kuntratt ta’ self inkwistjoni kien ukoll invalidu għar-raġuni li l-klawżola tiegħu li tgħid li l-rata tax-xiri kienet ser tiġi applikata mal-ħruġ tas-self, filwaqt li r-rata tal-bejgħ, jew kwalunkwe rata tal-kambju oħra differenti minn dik stabbilita waqt dan il-ħruġ tas-self, tapplika għar-rimbors ta’ dan is-self. |
|
14 |
Wara d-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dan il-kuntratt mill-qorti tar-rinviju, il-proċedura kompliet quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, is-Szombathelyi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szombathely, l-Ungerija), dwar id-determinazzjoni tal-konsegwenzi ġuridiċi ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
15 |
Fil-kuntest ta’ appell, il-kawża tressqet mill-ġdid quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
16 |
Din il-qorti tqis li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni ma jistax jiġi eżegwit billi titwarrab il-klawżola inġusta msemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza. |
|
17 |
Fir-rigward tal-effetti legali tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dan il-kuntratt, l-imsemmija qorti tirrileva li l-ġurisprudenza Ungeriża ssegwi fil-parti l-kbira tagħha l-pożizzjoni adottata mill-korp konsultattiv tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), fl-opinjoni tiegħu tad‑19 ta’ Ġunju 2019, li ma hijiex formalment vinkolanti. |
|
18 |
Skont din l-opinjoni, l-unika konsegwenza ġuridika li tista’ tiġi applikata meta kuntratt ta’ self jinkludi klawżola inġusta li tqiegħed ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur hija “dikjarazzjoni ta’ validità” skont id-dritt Ungeriż. |
|
19 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li huwa biss meta l-motiv ta’ invalidità ta’ kuntratt ma jkunx jista’ jiġi eliminat li l-qorti adita tista’ tiddikjara dan il-kuntratt bħala provviżorjament applikabbli sad-data li fiha tagħti d-deċiżjoni tagħha, li hija neċessarjament marbuta max-xoljiment tal-imsemmi kuntratt għall-futur. F’dan il-kuntest, it-tneħħija tal-kawża tal-invalidità timplika, għall-konsumatur, l-eliminazzjoni tar-riskju tal-kambju kollu li jirriżulta mill-klawżola inġusta kkonċernata (konverżjoni tas-self f’forint Ungeriżi minn qorti), jew ta’ parti minnu (stabbiliment ta’ limitu massimu tar-riskju tal-kambju minn qorti), permezz tal-modifika effettiva tal-kontenut tal-istess kuntratt. Għaldaqstant, l-ebda waħda mill-partijiet ma tibbenefika minn vantaġġ patrimonjali sproporzjonat. |
|
20 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13, tali approċċ huwiex kompatibbli ma’ din id-direttiva. |
|
21 |
Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà, għall-qorti nazzjonali, li tiddikjara validu kuntratt ta’ self li jinkludi klawżola inġusta li tqiegħed ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur, u li tissostitwixxi din il-klawżola inġusta bid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili li jikkonċernaw il-munita tar-rimbors ta’ self, il-ħlas ta’ interessi fir-relazzjonijiet kuntrattwali u d-determinazzjoni tar-rata ta’ interessi. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Győri Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Győr) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
23 |
AxFina u l-Gvern Ungeriż esprimew dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
24 |
Skont AxFina, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà tad-dritt Ungeriż mad-dritt tal-Unjoni, fatt li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din il-qorti. Barra minn hekk, id-domandi magħmula ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni stabbiliti fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan huwa l-każ, minn naħa, fir-rigward tar-raġunijiet li wasslu lill-imsemmija qorti sabiex tagħmel dawn id-domandi u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-identifikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni rilevanti fil-kuntest tat-tieni domanda magħmula. |
|
25 |
Il-Gvern Ungeriż huwa tal-opinjoni li din it-tieni domanda hija ipotetika, peress li tirrigwarda ipoteżi estranja għar-realtà tal-kawża prinċipali, jiġifieri dik li fiha jeżisti kuntratt bejn il-bejjiegħ jew il-fornitur u l-konsumatur ikkonċernat. |
|
26 |
Għandu jitfakkar li, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura jeżiġi li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Lombard Lízing, C‑472/20, EU:C:2022:242, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għal din id-domanda (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Lombard Lízing, C‑472/20, EU:C:2022:242, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Skont ġurisprudenza stabbilita huwa paċifiku wkoll li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni, abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Lombard Lízing, C‑472/20, EU:C:2022:242, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-konsegwenzi ġuridiċi tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, iżda rimborsabbli fil-munita nazzjonali, u li din l-invalidità tirriżulta min-natura inġusta ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt li tqiegħed ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq, permezz tat-tliet domandi preliminari tagħha, tiddetermina jekk l-approċċ li jikkonsisti f’li tiġi segwita l-opinjoni tal-korp konsultattiv tal-Kúria (il-Qorti Suprema), tad‑19 ta’ Ġunju 2019, li tgħid li l-qrati nazzjonali għandhom jiddikjaraw validu tali kuntratt billi jadattaw l-obbligi tal-konsumatur permezz ta’ emenda tal-kontenut tiegħu, huwiex konformi mad-Direttiva 93/13. |
|
30 |
Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari t-tieni domanda, għandu jiġi ppreċiżat li, minn naħa, fost l-ipoteżijiet imsemmija f’din id-domanda hemm ukoll is-sitwazzjoni fejn ma jkunx jeżisti iktar kuntratt bejn il-bejjiegħ jew il-fornitur u l-konsumatur ikkonċernati u li, min-naħa l-oħra, dawn l-ipoteżijiet jikkompletaw dawk imsemmija fl-ewwel domanda, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13. |
|
31 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jidhirx b’mod manifest li d-domandi magħmula huma irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika. |
|
32 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
|
33 |
Preliminarjament, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-klawżola kuntrattwali kklassifikata bħala inġusta mill-qorti tar-rinviju tqiegħed ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur. Skont din il-qorti, din il-klawżola tirrigwarda s-suġġett prinċipali tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola wasslitha sabiex tiddikjara dan il-kuntratt invalidu. Huwa f’dan il-kuntest li l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-invalidità tal-imsemmi kuntratt għall-perijodu mid-data tal-konklużjoni tiegħu fit‑13 ta’ Frar 2008 sal‑1 ta’ Frar 2015, liema data tikkorrispondi għat-terminu previst mil-leġiżlazzjoni Ungeriża għall-konverżjoni f’munita nazzjonali tal-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija. |
|
34 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula. |
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda
|
35 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu li, meta klawżola li tqiegħed ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur twassal, minħabba n-natura inġusta tagħha, għall-invalidità tal-kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, iżda rimborsabbli f’munita nazzjonali, li fih tkun tinsab din il-klawżola, dan il-kuntratt jiġi ddikjarat validu u l-kontenut tal-obbligi tal-konsumatur li jirriżultaw mill-imsemmija klawżola jiġi adattat permezz tat-tibdil tal-munita tal-imsemmi kuntratt u tar-rata ta’ interessi stabbilita fih jew permezz tal-istabbiliment ta’ limitu massimu tar-rata tal-kambju ta’ din il-munita. |
|
36 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fin-nuqqas ta’ elementi suffiċjenti fid-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward tar-rilevanza, sabiex tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, tal-fatt li d-dikjarazzjoni ta’ validità tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni u l-adattament tal-obbligi tal-konsumatur li jirriżultaw mill-klawżola ta’ dan il-kuntratt meqjusa inġusta huma intiżi sabiex jippermettu lill-qorti nazzjonali tirregola l-obbligi reċiproċi tal-bejjiegħ jew tal-fornitur ikkonċernat kif ukoll sabiex ittemm ir-relazzjoni ġuridika eżistenti bejn dawn tal-aħħar, ma hemmx lok li dawn iż-żewġ domandi jiġu eżaminati fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza. |
|
37 |
Madankollu, fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, għandu jitfakkar li l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 93/13 jikkonsisti fl-istabbiliment mill-ġdid tal-bilanċ bejn il-partijiet, filwaqt li tinżamm, bħala prinċipju, il-validità tal-kuntratt kollu, u mhux li jiġu annullati l-kuntratti kollha li fihom klawżoli inġusti (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Lombard Lízing, C‑472/20, EU:C:2022:242, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-qorti nazzjonali tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, din il-qorti ma tistax tikkompleta dan il-kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Għaldaqstant, klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jista’ jkollha ebda effett fuq il-konsumatur. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha bħala konsegwenza l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li l-konsumatur kien ikun fiha fl-assenza ta’ din il-klawżola, b’mod partikolari billi tistabbilixxi dritt għar-restituzzjoni tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tiegħu, mill-bejjiegħ jew mill-fornitur fuq il-bażi tal-imsemmija klawżola inġusta (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Lombard Lízing, C‑472/20, EU:C:2022:242, punti 50 u 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, li kieku l-qorti nazzjonali tkun tista’ tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, tali possibbiltà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan fuq żmien twil imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, li huwa li jitwaqqaf l-użu tal-klawżoli inġusti f’tali kuntratti. Din il-possibbiltà tkun qiegħda tikkontribwixxi sabiex jiġi eliminat l-effett dissważiv eżerċitat fuq bejjiegħa jew fornituri bin-nuqqas pur u sempliċi ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumatur ta’ tali klawżoli inġusti, sa fejn dawn jibqgħalhom it-tentazzjoni li jużaw dawn il-klawżoli, minħabba li jkunu jafu li, anki li kieku dawn kellhom jiġu ddikjarati invalidi, il-kuntratt ikun jista’ madankollu jiġi kkompletat, kif meħtieġ, mill-qorti nazzjonali b’tali mod li jiġu għaldaqstant iggarantiti l-interessi tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Għaldaqstant, sabiex ma jiġix ippreġudikat dan l-għan, il-qorti nazzjonali ma tistax tirrimedja l-invalidità ta’ kuntratt, li tirriżulta min-natura inġusta ta’ klawżola inkluża fih, billi tiddikjara dan il-kuntratt validu kif ukoll tibdel simultanjament il-munita ta’ dan tal-aħħar u r-rata ta’ interessi stabbilita fl-imsemmi kuntratt, jew billi tistabbilixxi limitu massimu tar-rata tal-kambju ta’ din il-munita. Tali intervent mill-qorti jwassal, b’mod definittiv, għal reviżjoni tal-kontenut ta’ din il-klawżola u, konsegwentement, imur kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
|
42 |
Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta madankollu li meta, bħal f’dan il-każ, il-kuntratt ta’ self inkwistjoni għandu jiġi annullat kollu kemm hu wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta tiegħu, tali klawżola tista’, eċċezzjonalment, titħassar u tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew applikabbli fil-każ ta’ ftehim bejn il-partijiet. Tali possibbiltà hija limitata għall-każijiet li fihom l-annullament tal-kuntratt kollu kemm hu jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’tali mod li dan tal-aħħar jiġi ppenalizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Lombard Lízing, C‑472/20, EU:C:2022:242, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Huwa minn din il-perspettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali għandha tkun f’pożizzjoni li tilqa’, jekk ikun il-każ, talba intiża għall-annullament ta’ kuntratt ta’ self ibbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżola dwar ir-riskju tal-kambju, meta jiġi kkonstatat li din il-klawżola hija inġusta u li dan il-kuntratt ma jistax jibqa’ jeżisti mingħajr l-imsemmija klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 56). |
|
44 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, meta l-qorti nazzjonali tqis li l-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni jkollu l-konsegwenza li jippenalizza lill-konsumatur, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, is-sostituzzjoni tal-klawżola inġusta kkonċernata b’dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari ma tikkostitwixxix l-unika konsegwenza konformi mad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punti 39 u 40). |
|
45 |
Għalhekk, l-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew ta’ dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ ftehim bejn il-partijiet għall-kuntratt ta’ self inkwistjoni li tista’ tissostitwixxi l-klawżoli inġusti kkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sa fejn il-konsumatur ma jkunx esprima x-xewqa tiegħu li jżomm dawn il-klawżoli inġusti u sa fejn l-annullament ta’ dan il-kuntratt jesponi lil dan il-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, li għandu jiġi żgurat skont id-Direttiva 93/13, jeżiġi li, sabiex il-bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-partijiet kontraenti jiġi stabbilit mill-ġdid, il-qorti nazzjonali għandha tieħu, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali tagħha fl-intier tiegħu, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni jista’ jikkawża, b’mod partikolari minħabba l-eżiġibbiltà immedjata tal-kreditu tal-bejjiegħ jew tal-fornitur fil-konfront tiegħu (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Lombard Lízing, C‑472/20, EU:C:2022:242, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Huwa għalhekk li, f’ċirkustanzi speċifiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet b’mod partikolari tqis li xejn ma jipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tistieden lill-partijiet jinnegozjaw, bil-kundizzjoni li hija tiffissa l-qafas ta’ dawn in-negozjati u li dawn ikunu intiżi sabiex jistabbilixxu bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti bilanċ reali li b’mod partikolari jieħu inkunsiderazzjoni l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur li fuqu hija bbażata d-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 42). |
|
47 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jekk, fid-dawl tan-natura tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, il-qorti nazzjonali tqis li ma huwiex possibbli li l-partijiet jerġgħu jitqiegħdu fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku dan il-kuntratt ma kienx ġie konkluż, hija għandha tiżgura li l-konsumatur ikun jinsab finalment fis-sitwazzjoni li kien ikun fiha li kieku l-klawżola meqjusa inġusta qatt ma eżistiet (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Lombard Lízing, C‑472/20, EU:C:2022:242, punt 57). |
|
48 |
Konsegwentement, huwa b’mod partikolari possibbli għall-qorti nazzjonali, sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-konsumatur, li tordna rimbors favurih tas-somom indebitament irċevuti mill-persuna li ssellef abbażi tal-klawżola meqjusa inġusta, peress li tali rimbors iseħħ abbażi tal-arrikkiment indebitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Lombard Lízing, C‑472/20, EU:C:2022:242, punt 58). |
|
49 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li s-setgħat tal-qorti ma jistgħux jestendu lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ kuntrattwali bejn il-partijiet għall-kuntratt u b’hekk jiġi protett il-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni jista’ jikkawża (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Lombard Lízing, C‑472/20, EU:C:2022:242, punt 59). |
|
50 |
Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu li, meta klawżola li tqiegħed ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur twassal, minħabba n-natura inġusta tagħha, għall-invalidità tal-kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, iżda rimborsabbli f’munita nazzjonali, li fih tkun tinsab din il-klawżola, dan il-kuntratt jiġi ddikjarat validu u l-kontenut tal-obbligi tal-konsumatur li jirriżultaw mill-imsemmija klawżola jiġi adattat permezz tat-tibdil tal-munita tal-imsemmi kuntratt u tar-rata ta’ interessi stabbilita fih jew permezz tal-istabbiliment ta’ limitu massimu tar-rata tal-kambju ta’ din il-munita. |
Fuq it‑tielet domanda
|
51 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi li, meta klawżola li tqiegħed ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur twassal, minħabba n-natura inġusta tagħha, għall-invalidità ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, iżda rimborsabbli f’munita nazzjonali, li fih tinsab din il-klawżola, dan il-kuntratt, matul il-perijodu mid-data tal-konklużjoni tiegħu sa dik tad-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-konverżjoni f’munita nazzjonali tal-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija, jinżamm fis-seħħ billi l-imsemmija klawżola tiġi ssostitwita b’dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jikkonċernaw il-munita tar-rimbors ta’ self, il-ħlas tal-interessi fir-relazzjonijiet kuntrattwali u d-determinazzjoni tar-rata ta’ interessi. |
|
52 |
Kif ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lill-qorti nazzjonali l-possibbiltà li tissostitwixxi klawżola inġusta ta’ kuntratt ta’ self b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, din il-possibbiltà hija madankollu limitata għall-każijiet eċċezzjonali, jiġifieri għall-każijiet li fihom id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din il-klawżola inġusta tobbliga lill-qorti tannulla dan il-kuntratt kollu kemm hu u b’hekk tesponi lill-konsumatur ikkonċernat għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’tali mod li dan tal-aħħar jiġi ppenalizzat. |
|
53 |
Madankollu, tali possibbiltà ta’ sostituzzjoni, li hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tgħid li l-kuntratt inkwistjoni jibqa’ vinkolanti għall-partijiet biss jekk dan ikun jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti li jkun fih, hija limitata għad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern ta’ natura supplimentari jew applikabbli fil-każ ta’ ftehim bejn il-partijiet u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-raġuni li tali dispożizzjonijiet huma intiżi li ma jinkludux klawżoli inġusti (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet huma preżunti li jirriflettu l-bilanċ li l-leġiżlatur nazzjonali ried jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti għall-każijiet fejn il-partijiet jew ma tbegħdux minn regola standard prevista mil-leġiżlatur nazzjonali għall-kuntratti kkonċernati, jew inkella espressament għażlu l-applikabbiltà ta’ regola stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali għal dan il-għan (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Barra minn hekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-lakuni ta’ kuntratt, ikkawżati mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti li jinsabu fih, ma jistgħux jiġu rrimedjati abbażi biss ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 62). |
|
56 |
Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi li, meta klawżola li tqiegħed ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur twassal, minħabba n-natura inġusta tagħha, għall-invalidità ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, iżda rimborsabbli f’munita nazzjonali, li fih tinsab din il-klawżola, dan il-kuntratt, matul il-perijodu mid-data tal-konklużjoni tiegħu sa dik tad-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-konverżjoni f’munita nazzjonali tal-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija, jinżamm fis-seħħ billi l-imsemmija klawżola tiġi ssostitwita b’dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ natura ġenerali, sa fejn tali dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ma jistgħux jissostitwixxu b’mod utli l-istess klawżola b’sempliċi sostituzzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali li ma teħtieġx intervent min-naħa tagħha, li jkun jammonta għal reviżjoni tal-kontenut ta’ klawżola inġusta li tinsab fl-imsemmi kuntratt. |
Fuq l‑ispejjeż
|
57 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.