24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 339/123


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1711

tat-23 ta’ Settembru 2021

li taħtar membri tal-bord li jassistu lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kandidati biex iwettqu d-dmirijiet ta’ membri ta’ qrati u tribunali internazzjonali tal-investiment

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-16 ta’ Diċembru 2020 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2020) 8905 final li tistabbilixxi bord biex jassisti lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kandidati biex iwettqu d-dmirijiet ta’ membri ta’ qrati u tribunali internazzjonali tal-investiment u ta’ rosters jew qrati u tribunali internazzjonali oħra (il-“bord”).

(2)

Skont id-Deċiżjoni C (2020) 8905 final, l-għan tal-bord huwa li jiżgura proċess ta’ għażla rigoruż u jiżgura l-ogħla standards ta’ indipendenza, imparzjalità u kompetenza tal-individwi magħżula.

(3)

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni C (2020) 8905 final, il-bord jenħtieġ li jkun magħmul minn erba’ membri, li wieħed minnhom għandu jiġi nnominat mill-Kummissjoni, wieħed mill-Kunsill, wieħed mill-Istati Membri, u wieħed mill-Parlament Ewropew.

(4)

F’Jannar 2021, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa miftuħa għal applikazzjoni għall-persuna nominata tal-Kummissjoni għall-bord (1). Sadattant, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill, flimkien mal-Istati Membri, wettqu l-proċeduri tagħhom għall-għażla tal-persuni nominati rispettivi tagħhom għall-bord.

(5)

Fit-17 ta’ Marzu 2021 il-President tal-Parlament Ewropew informa lill-President tal-Kummissjoni bl-ismijiet ta’ kandidata mara kandidat u raġel bħala l-persuni nominati tal-Parlament għall-panel, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tqis il-bilanċ kumplessiv bejn is-ġeneri tal-bord fid-deċiżjoni tan-nomina tagħha.

(6)

Fit-17 ta’ Mejju 2021 il-Kummissjoni temmet il-proċess tal-għażla tagħha.

(7)

Fit-22 ta’ Lulju 2021 il-Kunsill informa lill-Kummissjoni bl-ismijiet tal-kandidati nominati rispettivi tal-Kunsill u tal-Istati Membri,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-persunili li ġejjin huma nominati bħala membri tal-bord stabbilit bid-Deċiżjoni C (2020) 8905 final:

(1)

Is-Sur Bruno Simma;

(2)

Is-Sinjura Inge Govaere;

(3)

Is-Sur Jan Klabbers;

(4)

Is-Sur Pavel Šturma.

Artikolu 2

Skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni C (2020 ) 8905 finali u wara t-tligħ bil-polza:

(1)

Is-Sinjura Inge Govaere u s-Sur Pavel Šturma jinħatru għal perjodu ta’ sitt snin li ma jiġġeddidx li jibda mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni;

(2)

Is-Sur Bruno Simma u s-Sur Jan Klabbers jinħatru għal perjodu ta’ disa’ snin li ma jiġġeddidx li jibda mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Disponibbli hawn: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2021/january/tradoc_159356.01.2021.pdf