|
9.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 206/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1441
tat-30 ta' Ġunju 2017
dwar l-iskema ta' għajnuna mill-istat notifikata mill-Polonja msemmija “Skema ta' għajnuna għall-produtturi tal-ħalib” (SA.45447 (2016/C) (ex 2016/N))
(notifikata bid-dokument C(2017) 4359)
(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmijin qabel,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE u permezz tal-ittra tat-23 ta' Mejju 2016, il-Polonja nnotfikat skema ta' għajnuna għall-produtturi tal-ħalib (“l-iskema ta' għajnuna”). |
|
(2) |
Il-Polonja bagħtet informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittra tal-1 ta' Ġunju 2016. Permezz tal-ittra tal-11 ta' Lulju 2016 il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali, li l-awtoritajiet Pollakki pprovdew fl-ittra tal-15 ta' Lulju 2016. |
|
(3) |
Permezz tal-ittra tas-16 ta' Settembru 2016 (1) (“id-Deċiżjoni ta' Ftuħ”), il-Kummissjoni infurmat lill-Polonja li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-iskema ta' għajnuna. Fl-istess ittra, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta' għajnuna mas-suq intern. |
|
(4) |
Permezz tal-ittra tat-12 ta' Ottubru 2016, il-Polonja ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni ta' Ftuħ. |
|
(5) |
Id-Deċiżjoni ta' Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. (2) Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom dwarha fi żmien xahar. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment mill-partijiet interessati u infurmat lill-Polonja dwar dan permezz tal-ittra tat-13 ta' Jannar 2017. |
|
(7) |
Permezz tal-ittri tal-14 ta' Novembru 2016 u tat-13 ta' Jannar 2017, il-Kummissjoni talbet lill-Polonja għal informazzjoni addizzjonali. Il-Polonja wieġbet dawn l-ittri permezz tal-ittra tal-20 ta' Jannar 2017. |
2. SFOND
|
(8) |
Fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, il-limitazzjoni kwantitattiva tal-produzzjoni (“is-sistema tal-kwoti tal-ħalib”) kienet strument ta' politika tas-suq essenzjali. Wara li ġiet introdotta fl-1984, ġiet estiża bosta drabi, u l-aktar reċentement sal-31 ta' Marzu 2015 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (3) (“Regolament dwar l-OKS Unika”). Għalhekk l-aħħar sena ta' kwota kienet l-2014/2015. L-għan ewlieni tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib kien jikkonsisti fit-tnaqqis tal-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq rispettiv u l-eċċessi strutturali li jirriżultaw, biex b'hekk jintlaħaq bilanċ aħjar fis-suq. Ġiet applikata imposta għall-kwantitajiet ta' ħalib miġbura jew mibjugħa għall-konsum dirett 'il fuq minn ċertu soll ta' garanzija. L-imposta kienet titħallas mill-Istati Membri hekk kif tinqabeż il-kwota nazzjonali. L-Istati Membri kellhom iħallsu lill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (l-FAEG) l-imposta li tikkorrispondi għall-ammont żejjed tal-kwota nazzjonali tagħhom, imnaqqsa b'ammont b'rata fissa ta' 1 % sabiex jitqiesu l-każijiet ta' falliment jew in-nuqqas definittiv ta' ħila ta' ċerti produtturi li jagħmlu l-kontribut tagħhom għall-ħlas tal-imposta dovuta. L-Istati Membri kellhom imbagħad jaqsmu l-piż tal-ħlas fost il-produtturi li jkunu kkontribwew għall-ammont żejjed. Dawk il-produtturi kienu responsabbli lejn l-Istat Membru kkonċernat għall-ħlas tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-imposta dovuta minħabba l-fatt li jkunu qabżu l-kwantità li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom. (4) |
|
(9) |
Fis-sena tal-kwota 2014/2015, il-kwota nazzjonali assenjata lill-fornituri grossisti (produtturi tal-ħalib) fil-Polonja nqabżet b'580,3 miljun kg, biex b'hekk kellha titħallas imposta ta' PLN 659,8 miljun (bejn wieħed u ieħor EUR 152,7 miljun) lil baġit tal-Unjoni. Il-produtturi tal-ħalib Pollakki li qabżu l-kwota individwali tagħhom kienu mitluba jħallsu imposta minħabba li qabżu l-kwota tal-ħalib b'rata ta' PLN 90,98 għal kull 100 kg ta' produzzjoni żejda. |
|
(10) |
F'Marzu 2015, f'kuntest ta' prezzijiet baxxi għall-ħalib u ta' diffikultajiet finanzjarji fis-settur tal-ħalib, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 (5) ġie emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/517 (6) sabiex jitnaqqas il-piż finanzjarju għall-produtturi li kellhom iħallsu imposta minħabba eċċess ta' produzzjoni marbuta mas-sena ta' kwota 2014/2015. |
|
(11) |
Abbażi ta' dak, il-Polonja adottat regoli li ppermettew lill-produtturi tal-ħalib Pollakki kkonċernati biex iħallsu l-imposta minħabba li qabżu l-kwota tal-ħalib fi tliet ħlasijiet parzjali (7). L-ewwel ħlas parzjali, li jinkludi mill-inqas terz tal-imposta dovuta, kellu jitħallas minn dawk il-produtturi tal-ħalib sat-30 ta' Settembru 2015, b'somma oħra ta' mill-inqas terz tal-imposta totali dovuta li kellha titħallas sat-30 ta' Settembru 2016. Il-bilanċ tal-imposta dovuta kellu jiġi finalizzat sat-30 ta' Settembru 2017. Is-sistemi għall-pagament fi ħlas parzjali ġew applikati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 (8). |
|
(12) |
Kif diġà msemmi hawn fuq fil-premessa 1, fit-23 ta' Mejju 2016, il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar l-iskema ta' għajnuna li tippermetti t-tħassir tal-imposta dovuta pendenti (“l-imposta dovuta”) mill-produtturi tal-ħalib minħabba l-eċċess tal-kwoti individwali fis-sena ta' kwota 2014/2015. |
3. DESKRIZZJONI
|
(13) |
Il-bażi legali nazzjonali għall-iskema ta' għajnuna hija Riżoluzzjoni tal-Kabinett li tistabbilixxi skema ta' għajnuna għall-produtturi tal-ħalib (9) (“Ir-Riżoluzzjoni tal-Kabinett”) u l-Att dwar il-Finanzi Pubbliċi (10). |
|
(14) |
Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kabinett, il-Ministru għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jista', wara applikazzjoni minn produttur tal-ħalib, joħroġ deċiżjoni li tippermetti tħassir sħiħ jew parzjali tal-imposta dovuta. |
|
(15) |
Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kabinett tista' tingħata għajnuna lill-produtturi tal-ħalib li:
|
|
(16) |
Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kabinett tista' tingħata għajnuna b'effett mid-data li fiha l-Kummissjoni toħroġ deċiżjoni pożittiva dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta' għajnuna mas-suq intern, sal-31 ta' Ottubru 2017. |
4. RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA STIPULATA FL-ARTIKOLU 108(2) TAT-TFUE
|
(17) |
Skont il-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha għall-eżistenza ta' għajnuna kif stipulat fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE (premessi 28–33 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ). |
|
(18) |
Għal dak li għandu x'jaqsam mal-kwistjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern, il-Kummissjoni nnutat li l-għajnuna ma tikkwalifikax għad-derogi stipulati fl-Artikolu 107(2)(a) (b) u (c) tat-TFUE u lanqas fl-Artikolu 107(3)(a),(b) u (d) tat-TFUE (premessi 35–36 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ). |
|
(19) |
Barra minn dan, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jkunx applikabbli, peress li l-għajnuna ma kinitx tidher li tikkorrispondi għal xi waħda mill-kategoriji ta' għajnuna previsti fis-settur agrikolu, jiġifieri r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 (11), il-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u fiż-żoni rurali 2014 sa 2020 (12) (“il-Linji Gwida Agrikoli”), il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-irkupu u l-irristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà (13) (“Il-Linji Gwida dwar l-Irkupru u l-Irristrutturar”) jew ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 (premessi 37–39 u 48–49 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ). Barra minn dan, l-għajnuna ma kinitx tidher li tiffaċilita l-iżvilupp tas-settur tal-ħalib fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. |
|
(20) |
Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ irriżulta wkoll li l-iskema ta' għajnuna dehret bħala ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-OKS Unika li jirregolaw l-imposta fuq il-ħalib (premessi 40–47 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ) |
5. IL-KUMMENTI TAL-POLONJA
|
(21) |
Il-Polonja ma ppreżentat ebda kumment biex ittaffi d-dubji mqanqla meta bdiet il-proċedura formali ta' investigazzjoni. Iżda, fl-ittri tat-12 ta' Ottubru 2016 u tal-20 ta' Jannar 2017, il-Polonja spjegat li l-għajnuna ma ġietx u mhux se tiġi implimentata fil-Polonja minħabba n-nuqqas ta' deċiżjoni pożittiva mill-Kummissjoni (ara l-premessa 16). |
6. KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI
|
(22) |
Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment mingħand il-partijiet interessati. |
7. VALUTAZZJONI DWAR L-EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT
|
(23) |
Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”. |
|
(24) |
Il-kwalifika ta' miżura bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE għalhekk tenħtieġ li jintlaħqu l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli għall-Istat u ffinazjata permezz tar-riżorsi tal-Istat; (ii) din trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid tkun waħda li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
Għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat
|
(25) |
L-iskema ta' għajnuna tipprevedi tħassir tal-imposta dovuta. Hija tirriżulta minn dispożizzjonijiet nazzjonali u għalhekk hija imputabbli għall-Istat. Hija ffinanzjata wkoll mill-baġit tal-Istat fis-sens li l-imposta diġà tħallset mill-Polonja lill-FAEG u issa l-Istat Pollakk, bit-tħassir tal-imposta dovuta, jitlef dħul li jista' jintuża għal skopijiet oħra. Rinunzja tad-dħul li kieku kien ikun imħallas lill-Istat tikkostitwixxi trasferiment ta' riżorsi tal-Istat (14). |
Vantaġġ selettiv/Impriżi
|
(26) |
Il-benefiċjarji potenzjali tal-iskema ta' għajnuna huma ċerti azjendi agrikoli li jipproduċu l-ħalib fil-Polonja (il-premessa 15) (15). |
|
(27) |
Fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, vantaġġ ifisser kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li impriża ma setgħetx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta' intervent mill-Istat (16). Sabiex tikkostitwixxi għajnuna, il-miżura trid tagħti lill-benefiċjarju vantaġġi li jilliberawh mill-ispejjeż li normalment jitħallsu mill-baġit tiegħu. |
|
(28) |
Il-ġurisprudenza reċenti, jiġifieri s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-każ T-538/11 ir-Renju tal-Belġju vs il-Kummissjoni Ewropea tenniet li “il-kunċett ta' spejjeż li normalment huma ta' piż għall-baġit ta' impriża jinkludi, b'mod partikolari, l-ispejjeż supplimentari li l-impriżi għandhom ibatu minħabba obbligi legali, regolamentari jew kuntrattwali li japplikaw għal attività ekonomika” (17). |
|
(29) |
Spejjeż, bħall-imposta fuq il-ħalib fil-każ attwali, huma nfiq li produttur tal-ħalib ikollu jġarrab mill-baġit tiegħu stess fil-qafas tal-attività tiegħu ta' negozju normali. L-obbligu li titħallas l-imposta fuq il-ħalib ġej mir-Regolament dwar l-OKS Unika u r-regoli nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ara l-premessi 8–10). Jekk ċerti impriżi jiġu lliberati kompletament jew parzjalment minn spejjeż bħal dawn, dan ifisser li jibbenefikaw minn vantaġġ. |
|
(30) |
Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-iskema ta' għajnuna tagħti vantaġġ selettiv lill-produtturi tal-ħalib. |
Distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ
|
(31) |
Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva ta' impriża permezz tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat ġeneralment ifixkel il-kompetizzjoni ma' impriżi oħra li jkunu qed jikkompetu magħha u li ma jkunux ibbenefikaw minn din l-għajnuna (18). L-għajnuna għal impriża li topera f'suq miftuħ għall-kummerċ fl-Unjoni hija soġġetta li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (19). Hemm kummerċ intra-UE sostanzjali fi prodotti agrikoli, inkluż il-ħalib (20), u l-Polonja hija waħda mill-ikbar produtturi tal-ħalib fl-Unjoni (21). |
|
(32) |
L-iskema ta' għajnuna li qed tiġi vvalutata f'din id-Deċiżjoni hija ddisinjata biex tappoġġa l-attivitajiet fis-settur agrikolu, b'mod partikolari l-attivitajiet tal-imħaleb. Kif deskritt hawn fuq, fl-Unjoni jeżisti l-kummerċ fil-prodotti tal-imħaleb. Il-Kummissjoni għaldaqstant hija tal-fehma li l-iskema inkwistjoni taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
(33) |
Fid-dawl tal-livell sostanzjali ta' kummerċ fil-prodotti agrikoli, wieħed jista' għalhekk jassumi li l-iskema inkwistjoni toħloq distorsjoni jew thedded li toħoloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
Konklużjonijiet dwar il-preżenza tal-għajnuna
|
(34) |
Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-iskema ta' għajnuna tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. |
8. VALUTAZZJONI TAL-LEGALITÀ TA' GĦAJNUNA
|
(35) |
Skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe pjan biex jagħtu l-għajnuna u ma għandhomx idaħħlu fis-seħħ din l-għajnuna sakemm il-Kummissjoni tawtorizzaha bħala kompatibbli (obbligazzjoni stand still). |
|
(36) |
L-iskema ta' għajnuna ġiet notifikata lill-Kummissjoni fit-23 ta' Mejju 2016 u ma ġietx implimentata. Għaldaqstant, il-Polonja kkonformat mal-obbligu tagħha skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE. |
9. VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ
|
(37) |
Sakemm l-iskema ta' għajnuna tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-kompatibbiltà tagħha trid tiġi vvalutata fid-dawl tar-regoli ta' għajnuna fil-qasam tal-agrikoltura tal-Istat rilevanti. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-piż tal-prova biex jintwera li miżura hija kompatibbli mas-suq intern jaqa' fuq l-Istat Membru (22). Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Pollakki ma ppreżentaw ebda informazzjoni dwar għaliex l-iskema ta' għajnuna tista' titqies kompatibbli mas-suq intern abbażi ta' kwalunkwe strument ta' għajnuna tal-Kummissjoni lill-Istat, b'mod partikolari bħal dawk elenkati hawn taħt. |
|
(38) |
Kif diġà ntwera fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-iskema ta' għajnuna vvalutata ma tikkorrispondi ma' ebda waħda mill-kategoriji ta' għajnuna previsti fil-Linji Gwida Agrikoli jew fir-Regolament (UE) Nru 702/2014. Fin-nuqqas ta' kummenti rilevanti mill-Polonja, il-Kummissjoni tinnota li d-dubji tagħha dwar l-applikabbiltà tal-Linji Gwida Agrikoli u r-Regolament (UE) Nru 702/2014 huma kkonfermati. |
|
(39) |
Barra minn hekk, kif diġà ntwera fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-għajnuna skont l-iskema vvalutata ma tissodisfax il-kriterji ta' għajnuna għal impriżi fid-diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida dwar l-Irkupru u r-ristrutturar. Fin-nuqqas ta' kummenti rilevanti mill-Polonja, il-Kummissjoni tinnota li d-dubji tagħha dwar l-applikabbiltà tal-Linji Gwida dwar l-Irkupru u r-ristrutturar huma kkonfermati. |
|
(40) |
Fin-nuqqas ta' kummenti rilevanti mill-Polonja dwar l-għajnuna de minimis, il-Kummissjoni ulterjorment tinnota li d-dubji tagħha dwar l-applikabbiltà tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 huma kkonfermati. |
|
(41) |
Fin-notifika tagħha, il-Polonja rreferiet għall-punt 30 tal-Linji Gwida Agrikoli. Skont il-punt 30 tal-Linji Gwida Agrikoli, il-Kummissjoni tivvaluta l-iskemi ta' għajnuna mhux koperti mil-Linji Gwida Agrikoli jew minn xi regoli oħra rilevanti ta' għajnuna mill-Istat fuq bażi ta' kull każ għalih direttament abbażi tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE, filwaqt li tqis ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE, il-Politika Agrikola Komuni u mutatis mutandis il-Linji Gwida Agrikoli, fejn ikun possibbli. L-Istati Membri li jinnotifikaw għajnuna mill-Istat li ma tkunx koperta mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Linji Gwida Agrikoli jridu juru li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni tissodisfa l-prinċipji ta' valutazzjoni komuni kif jistabbilixxi l-Kapitolu 3 tal-Parti I tal-Linji Gwida Agrikoli. Il-Kummissjoni tapprova miżuri bħal dawn biss jekk il-kontribut pożittiv għall-iżvilupp tas-settur jegħleb b'mod ċar ir-riskji li tixxekkel il-kompetizzjoni fis-suq intern u jiġi affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
(42) |
Fil-każijiet ta' għajnuna li jaqgħu taħt l-Artikolu 107(3) tat-TFUE l-Kummissjoni għandha diskrezzjoni fil-wisa' (23). |
|
(43) |
L-Artikolu 107(3) tat-TFUE jispeċifika erba' tipi ta' każijiet li fihom l-għajnuna mill-Istat tista' titqies kompattibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni tqis li d-derogi previsti fl-Artikolu 107(3)(a), (b) u (d) tat-TFUE mhumiex applikabbli fil-każ attwali billi l-iskema ta' għajnuna kkonċernata mhix maħsuba biex tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku ta' reġjuni fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b'mod anormali jew fejn hemm livell serju ta' qgħad, u lanqas mhi maħsuba għal proġetti ta' interess komuni Ewropew jew bħala kumpens minħabba tfixkil serju tal-ekonomija jew għall-promozzjoni tal-kultura jew għall-konservazzjoni tal-wirt. |
|
(44) |
Skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta' ċerti oqsma ekonomiċi tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni, meta tali għajnuna ma taffettwax b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b'mod li jmur kontra l-interess komuni. |
|
(45) |
Sabiex tkun kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, l-għajnuna trid tfittex li ssegwi għan ta' interess komuni. F'dan ir-rigward, l-għajnuna fis-settur agrikolu għandha b'mod partikolari tkun konformi mar-regoli dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli. Fejn hemm regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq f'qasam partikolari, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiefqu milli jieħdu miżuri li jistgħu jxekklu jew joħolqu eċċezzjonijiet għar-regolament (24). |
|
(46) |
Fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, ir-regoli kkonċernati huma stabbiliti fir-Regolament dwar l-OKS Unika u r-Regolament (KE) Nru 595/2004. Ir-Regolament (KE) Nru 595/2004 jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, fost l-oħrajn, il-ħlas tal-imposta. Emenda introdotta bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/517 ppermettiet lill-Istati Membri jiddeċiedu li l-ammont tal-imposta dovuta b'rabta mal-perjodu ta' 12-il xahar li jibda fl-1 ta' April 2014 jitħallas sat-30 ta' Settembru 2017 fi tliet ħlasijiet parzjali annwali mingħajr imgħax. Ir-Regolament dwar l-OKS Unika ma jipprevdix aktar eċċezzjonijiet fir-rigward tal-ħlas tal-imposta. Il-Polonja għamlet użu mill-permess imsemmi permezz tal-użu ta' għajnuna de minimis. Barra minn hekk, l-iskema ta' għajnuna attwali tipprevedi t-tħassir tal-imposta (it-tieni u t-tielet ħlas parzjali) għall-bdiewa li qabżu l-kwantità disponibbli tagħhom u għalhekk, skont ir-regoli dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq ta' prodotti agrikoli, huma responsabbli fil-konfront tal-Istat Pollakk għall-ħlas tal-imposta. L-eżenzjoni għal ċerti produtturi tal-ħalib Pollakki mill-obbligu li jħallsu l-imposta xxekkel is-sistema tal-kwoti u tfixkel il-kompetizzjoni fost dawk il-produtturi li rrispettaw il-kwoti tagħhom u dawk li ħadu passi biex iħallsu l-kontijiet ta' imposta individwali tagħhom (25). |
|
(47) |
Abbażi ta' dak, il-Kummissjoni tqis li t-tħassir tal-imposta fuq il-ħalib mhux kompatibbli mar-Regolament dwar l-OKS Unika u r-Regolament (KE) Nru 595/2004 u għaldaqstant mar-regoli dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq ta' prodotti agrikoli fir-rigward tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib. |
|
(48) |
It-tħassir tal-imposta fuq il-ħalib huwa biss strument maħsub biex itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi u li b'ebda mod ma jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur jew ifittex li jikseb għan ta' interess komuni u li mhux kompatibbli mar-regoli tal-OKS. |
|
(49) |
Barra min dan, jekk mizura ta' għajnuna tal-Istat tfisser vjolazzjoni indiviżibbli tal-liġi tal-Unjoni, l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (26). |
|
(50) |
Għaldaqstant, l-iskema ta' għajnuna ma tistax titqies bħala waħda kompatibbli mas-suq intern. |
Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà
|
(51) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema ta' għajnuna nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u hija inkompatibbli mas-suq intern. |
|
(52) |
Peress li l-iskema ta' għajnuna ma ġietx implimentata (il-premessa 21), m'hemmx il-ħtieġa li tiġi rkuprata l-għajnuna mill-Istat, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iskema ta' għajnuna għall-produtturi tal-ħalib innotifikata mill-Polonja fit-23 ta' Mejju 2016 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Din l-għajnuna mill-Istat mhijiex kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqsant, l-awtoritajiet Pollakki ma jistgħux jimplimentaw din l-għajnuna.
Artikolu 2
Il-Polonja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu sabiex tikkonforma magħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kummissjoni
Phil HOGAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) C(2016) 5770 final.
(2) ĠU C 406, 4.11.2016, p. 86.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).
(4) Fil-Polonja dan l-obbligu kien stabbilit fl-Att tal-20 ta' April 2004 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (Ġurnal tal-Liġijiet 2004, Nru 93, unità 897, kif emendat sussegwentement).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 tat-30 ta' Marzu 2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 22).
(6) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/517 tas-26 ta' Marzu 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 82, 27.3.2015, p. 73).
(7) Ir-Regolament tal-Kabinett tad-29 ta' Lulju 2015 dwar il-qsim fi ħlasijiet parzjali mill-Aġenzija tas-Suq Agrikolu tal-imposta dovuta mill-produtturi tal-ħalib minħabba l-eċċess tal-kwoti individwali fis-sena ta' kwota 2014/2015 (Il-Ġurnal tal-Liġijiet 2015, unità 1105) [Rozporządzenie Rady Ministrów z dnia 29 lipca 2015 r. w sprawie realizacji przez Agencję Rynku Rolnego zadania polegającego na rozkładaniu na raty opłaty należnej od producentów mleka za przekroczenie kwot indywidualnych w roku kwotowym 2014/2015, Dz. U. 2015, poz. 1105].
(8) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9)
(9) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kabinett tad-19 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi skema ta' għajnuna għall-produtturi tal-ħalib [Uchwała Rady Ministrów z dnia 19 maja 2016 r. w sprawie ustanowienia programu pomocy producentom mleka].
(10) L-Att dwar il-Finanzi Pubbliċi tas-27 ta' Awwissu 2009 (Il-Ġurnal tal-Liġijiet 2013, unità 885, kif ġiet sussegwentement emendata) [Ustawa z dnia 27 sierpnia 2009 r. o finansach publicznych (Dz.U. z 2013 r., poz. 885, z późn. zm.)].
(11) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta' għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f'żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1).
(12) ĠU C 204, 1.7.2014, p. 1.
(13) ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.
(14) Ara s-sentenza fil-Każ Franza vs Ladbroke Racing Ltd u l-Kummissjoni, C-83/98 P, EU:C:2000:248, il-paragrafi 48 sa 51.
(15) Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ (il-premessa 31, in-nota 8 f'qiegħ il-paġna), il-Kummissjoni qajmet dubji, b'mod partikolari, dwar il-probabbiltà ta' kemm il-benefiċjarji effettivament kienu se jibbenefikaw mill-għajnuna. Madankollu, l-awtoritajiet Pollakki ma pprovdew ebda informazzjoni li biha l-Kummissjoni tkun tista' tiċċara d-dubji tagħha.
(16) Ara s-sentenza fil-Każijiet SFEI u Oħrajn, C-39/94, EU:C:1996:285, il-paragrafu 60; Spanja v il-Kummissjoni, C-342/96, EU:C:1999:210, il-paragrafu 41.
(17) EU:T:2015:188, il-paragrafu 76.
(18) Ara s-sentenza fil-Każ Philip Morris Holland BV vs il-Kummissjoni, C-730/79, EU:C:1980:209, il-paragrafi 11 u 12.
(19) Ara, b'mod partikolari, is-sentenza fil-Każ ir-Repubblika ta' Franza vs il-Kummissjoni, C-102/87, EU:C:1988:391, il-paragrafu 19.
(20) Fl-2015, il-kummerċ intra-UE kien jammonta għal aktar minn EUR 4,5 biljun għall-ħalib u għal aktar minn EUR 28 biljun għall-prodotti kollha tal-ħalib. Sors: Eurostat.
(21) Fl-2015, il-Polonja kienet il-ħames l-akbar produttur ta' ħalib tal-baqra fl-Unjoni, b'aktar minn 10 miljun tunnellata ta' ħalib. Sors: Eurostat.
(22) Ara s-sentenza fil-każijiet l-Italja vs il-Kummissjoni, C-364/90, EU:C:1993:157, il-paragrafu 20; Freistaat Sachsen u Oħrajn vs il-Kummissjoni, Każijiet Konġunti T-132/96 u T-143/96, EU:T:1999:326, il-paragrafu 140; L-Italja vs il-Kummissjoni, C-372/97, EU:C:2004:234, il-paragrafu 81.
(23) Ara, pereżempju, is-sentenza fil-Każijiet SFEI u Oħrajn, C-39/94, EU:C:1996:285, il-paragrafu 36; Vlaamse Gewest vs il-Kummissjoni, T-214/95, EU:T:1998:77, il-paragrafu 86.
(24) Ara, pereżempju, is-sentenza fil-Każ Franza vs il-Kummissjoni, C-456/00, EU:C:2002:753, il-paragrafi 30-33.
(25) Attwalment hemm proċedura ta' ksur għaddejja kontra l-Italja li naqset milli tirkupra l-imposti fuq il-ħalib mill-produtturi Taljani (il-każ C-433/15).
(26) Ara pereżempju s-sentenza fil-każijiet l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, C-156/98, EU:C:2000:467, il-paragrafu 78 u Régie Networks vs Rhone Alpes Bourgogne, C-333/07 EU:C:2008:764, il-paragrafi 94 sa 116.