SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

13 ta’ Frar 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Skema ta’ pagament uniku – Artikolu 33 – Regolament (KE) Nru 795/2004 – Drittijiet għall-pagament – Eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-għajnuna – Artikolu 15 – Kunċett ta’ ‘diviżjoni’ – Tnaqqis fis-superfiċji agrikola wara l-istabbiliment provviżorju tad-drittijiet għall-pagament – Rilevanza ta’ dan it-tnaqqis għall-għoti definittiv tal-għajnuna”

Fil-Kawża C‑625/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura

Società Agricola Circe di OL Società Semplice

vs

ST, f’ismu u fil-kapaċità tiegħu ta’ amministratur tal-impriża individwali Agricola Case Rosse di ST,

Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal ST, f’ismu u fil-kapaċità tiegħu ta’ amministratur tal-impriża individwali Agricola Case Rosse di ST, minn G.M. Masoni, avvocato,

–

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Di Benedetto u E. Feola, avvocati dello Stato,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u F. Moro, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad‑29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 4, p. 269), kif ukoll tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 226).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Società Agricola Circe di OL Società Semplice (iktar ’il quddiem “Società Agricola Circe”), u ST, li qed jaġixxi f’ismu u fil-kapaċità tiegħu ta’ amministratur tal-impriża individwali Agricola Case Rosse di ST (iktar ’il quddiem “Agricola Case Rosse”), minn naħa, u l-Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA) (l-Aġenzija għall-Għoti ta’ Għajnuna fis-Settur Agrikolu, l-Italja), min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għoti definittiv ta’ drittijiet għall-pagament fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament uniku lil Società Agricola Circe.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1782/2003

3

Ir-Regolament Nru 1782/2003 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad‑19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16, u r-rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7).

4

Il-premessi 16, 21, 24, 25, 28, 29 u 30 tar-Regolament Nru 1782/2003 kienu jiddikjaraw:

“(16)

L-identifikazzjoni ta’ biċċiet ta’ art agrikola hi element kruċjali fl-applikazzjoni korretta ta’ l-iskemi marbuta ma’ l-‘area’ tas-superfiċje. […]

[…]

(21)

L-iskemi ta’ appoġġ taħt il-politika agrikola komuni jipprovdu għal appoġġ permezz ta’ dħul dirett b’mod partikolari bil-għan li jiġi żgurat livell ta’ għajxien imparzjali għall-Komunità agrikola. Dan l-għan hu relatat mill-qrib mal-manteniment taż-żoni rurali. Biex tkun evitata l-misallokazzjoni tal-fondi tal-Komunità, l-ebda pagamenti m’għandhom isiru lill-bdiewa li artifiċjalment ħolqu l-kondizzjonijiet mitluba biex jinkisbu tali pagamenti.

[…]

(24)

Tkabbir fil-kompetittività tal-agrikoltura tal-Komunità u l-promozzjoni tal-kwalità ta’ l-ikel u ta’ livelli ambjentali neċessarjament iġibu magħhom tnaqqis fil-prezzijiet istituzzjonali tal-prodotti agrikoli u żjieda fil-prezz tal-produzzjoni għall-azjendi agrikoli fil-Komunità [Ewropea]. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet u biex ikun hemm promozzjoni ta’ agrikoltura sostenibbli u orjentata iktar lejn is-suq, hi neċessarja li tkun kompletata il-bidla mill-appoġġ lill-produzzjoni għall-appoġġ lill-produttur billi tiġi ntrodotta sistema ta’ dħul separat għal kull razzett. Waqt li l-imsemmija separazzjoni ma tbiddilx l-ammont attwali li jitħallas lill-bdiewa, iżżid b’mod sinifikanti l-effikaċja tad-dħul f’forma ta’ għajnuna. Hu għalhekk xieraq li l-pagament uniku lir-razzett ikun suġġett għall-kondizzjoni li jkun hemm ‘cross-compliance’ ma’ l-ambjent, sigurtà ta’ l-ikel, saħħa u benesseri ta’ l-annimali, kif ukoll il-manteniment tar-razzett f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba.

(25)

Tali sistema għandha tgħaqqad flimkien numru ta’ pagamenti diretti eżistenti li jirċievi bidwi minn skemi varji f’pagament uniku, determinat fuq il-bażi ta’ drittijiet preċedenti, fi żmien perjodu ta’ referenza, aġġustat biex jittieħed kont ta’ l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ntrodotti fl-isfond ta’ l-Aġenda 2000 u tal-bidliet fl-ammonti ta’ għajnuna magħmula b’dan ir-Regolament.

[…]

(28)

Biex il-bdiewa jitħallew liberi li jagħżlu x’jipproduċu fuq l-art tagħhom, inkluż prodotti li għadhom jirċievu appoġġ mhux separat, u b’hekk tiżdied l-orjentazzjoni tas-suq, il-pagament uniku m’għandux ikun kondizzjonat mill-produzzjoni ta’ prodott speċifiku. Madankollu, biex ikunu evitati distorzjonijiet tal-kompetizzjoni xi prodotti għandhom jiġu esklużi mill-produzzjoni fuq art eliġibbli.

(29)

Biex ikun stabbilit l-amont li l-bidwi għandu dritt għalih taħt l-iskema l-ġdida, hu xieraq li ssir referenza għall-ammonti mogħtija lilu matul il-perjodu ta’ referenza. […] Il-pagament uniku għandu jkun stabbilit fuq livell ta’ razzett.

(30)

L-ammont totali li għalih għandu dritt razzett għandu jinqasam f’partijiet (drittijiet għall-pagament) u għandu jintrabat ma’ ċertu numru ta’ ettari eliġibbli li jrid jiġu definiti, biex ikun faċilitat it-trasferiment tad-drittijiet ta’ ‘premium’. Biex ikunu evitati trasferimenti spekulattivi li jwasslu għall-akkumulazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament mingħajr bażi agrikola li tikkorrispondi magħhom, meta tingħata l-għajnuna, ikun xieraq li tkun ipprovduta rabta bejn id-drittijiet u ċerti numru ta’ ettari eliġibbli, kif ukoll il-possibilità li jiġu limitati t-trasferimenti ta’ drittijiet ġo reġjun. Dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom jiġu stabbiliti għall-għajnuna mhux direttament marbuta ma’ żona wara li jittieħed kont tas-sitwazzjoni partikolari tat-trobbija tan-nagħaġ u l-mogħoż.”

5

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament kien ifformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

– […]

–

appoġġ għad-dħul għall-bdiewa [iktar ’il quddiem imsejħa ‘l-iskema ta’ pagament uniku’];

– […]”

6

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

‘bidwi’ ifisser persuna naturali jew legali, jew grupp ta’ persuni naturali jew legali, hu x’inhu l-istatus legali mogħti lil dan il-grupp u lill-membri tiegħu mil-liġi nazzjonali, li l-ażjenda tiegħu tinsab f’territorju tal-Komunità […] u li jeserċita attività agrikola,

(b)

‘ażjenda’ tfisser il-‘units’ kollha ta’ produzzjoni immexxija minn bidwi li jinsab fit-territorju ta’ l-istess Stat Membru,

(ċ)

‘attività agrikola’ tfisser il-produzzjoni, trobbija jew tkabbir ta’ prodotti agrikoli inklużi l-ħsad, produzzjoni tal-ħalib, trobbija ta’ annimali u ż-żamma ta’ annimali għal skop ta’ biedja, jew il-manteniment ta’ l-art f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba […]

[…]”

7

L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1782/2003, intitolat “Eliġibilità”, kien jipprevedi:

“1.   Il-bdiewa għandu jkollhom aċċess għall-iskema ta’ pagament uniku jekk:

[…]

3.   Fil-kaz ta’ inkorporazzjonijiet matul il-perjodu ta’ referenza jew mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament uniku, il-bidwi li qiegħed imexxi l-azjenda l-ġdida għandu jkollu aċċess għall-iskema ta’ pagament uniku taħt l-istess kondizzjonijiet tal-bdiewa li kienu jmexxu l-azjendi oriġinali.

Fil-każ ta’ qsim matul il-perjodu ta’ referenza jew mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament uniku, il-bdiewa li qegħdin imexxu l-azjendi għandu jkollhom aċċess, ‘pro rata’, għall-iskema ta’ pagament uniku taħt l-istess kondizzjonijiet tal-bidwi li kien imexxi l-azjenda oriġinali.”

8

L-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

“Għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku għandha titħallas fir-rigward ta’ drittijiet għall-pagament kif definiti fil-Kapitolu 3, akkumpanjati b’numru ugwali ta’ ettari eliġibbli kif definiti fl-Artikolu 44(2).”

9

L-Artikolu 38 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi:

“Il-perjodu ta’ referenza għandu jinkludi s-snin kalendarji 2000, 2001 u 2002.”

10

Il-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 1782/2003, intitolat “Drittijiet għall-pagament”, kien jinkludi l-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament, li min-naħa tiegħu kien intitolat “Determinazzjoni tad-drittijiet għall-pagament”, li kien jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 48, bidwi għandu jirċievi dritt ġħall-pagament għal kull ettaru li jiġi kalkulat bid-diviżjoni ta’ l-ammont ta’ referenza bil-medja ta’ tlett snin tan-numru ta’ ettari kollha li fil-perjodu ta’ referenza taw id-dritt għall-pagamenti diretti mniżżla fl-Anness VI.

In-numru totali ta’ drittjiet għall-pagament għandu jkun ugwali għan-numru medju ta’ ettari fuq imsemmi.

[…]”

11

L-Artikolu 44(1) u (2) tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“1.   Kull dritt għhall-pagament akkumpanjat b’ettaru eliġibbli għandu jagħti dritt għall-pagament ta’ l-ammont iffissat mid-dritt ta’ pagament.

2.   ‘Ettaru eliġibbli’ ifisser kull żona agrikola ta’ l-azjenda meħuda minn art li tinħarat u mergħa permanenti ħlief żoni kkultivati bi prodotti permanenti, foresti jew żoni użati għall-attivitajiet mhux agrikoli.”

Ir-Regolament Nru 795/2004

12

Ir-Regolament Nru 795/2004 ġie mħassar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 tad‑29 ta’ Ottubru 2009 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa (ĠU 2009, L 316, p. 1).

13

Il-premessi 1, 2, 10 u 11 tar-Regolament Nru 795/2004 kienu jiddikjaraw:

“(1)

Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-Titolu III tar-Regolament [Nru 1782/2003] li jistabbilixxi skema ta’ ħlas waħdiena [pagament uniku] għall-bdiewa għandhom jiġu preskritti.

(2)

Għal raġuni ta’ ċarezza huwa xieraq li jiġu provduti ċerti definizzjonijiet. Fejn xieraq, id-definizzjonijiet li diġà jgħoddu f’sitwazzjonijiet simili u/jew li jkunu ntużaw għa numru ta’ snin għandhom jintużaw.

[…]

(10)

Sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdiena [pagament uniku], huwa xieraq li l-Istati Membru jkunu permessi li jipproċedu diġà fis-sena li tiġi qabel l-ewwel sena ta’ l-applikazzjoni ta’ l-iskema għall-identifikazzjoni tal-benefiċjarji potenzali, ta’ l-iskema b’mod partikolari, fil-każ ta’ modifikazzjoni fl-azjenda minħabba wirt jew bidliet legali u għall-istabbiliment provviżorju ta’ drittijiet ta’ ħlas.

(11)

L-Artikolu 33 tar-Regolament [Nru 1782/2003] jippermetti li l-bdiew jkollhom aċċess għall-iskema ta’ ħlas waħdieni [pagament uniku] taħt ċirkostanzi speċifiċi. Sabiex jiġi evitat li dawk iċ-ċirkostanzi jkunu jistgħt jintużaw biex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli dwar it-trasferimenti normali ta’ azjenda bl-ammonti ta’ referenza mehmuża, għandhom jiġu stabbiliti xi kondizzjonijiet u tifsiriet għall-applikazzjoni ta’ dakw iċ-ċirkostanzi.”

14

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 795/2004 kien jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jippreskrivi r-regoli ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni [pagament uniku] li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament [Nru 1782/2003].”

15

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 795/2004 kien jiddikjara:

“Għall-finijiet tat-Titolu III tar-Regolament [Nru 1782/2003] u ta’ dan ir-regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

[…]

(j)

‘Unità ta’ produzzjoni’ għandha tfisser ta’ l-anqas żona waħda li tagħti dritt għal ħlasijiet diretti fil-perjodu ta’ referenza, inkluża żona ta’ għalf għaż-żwiemel skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, jew annimal wieħed li jagħti d-dritt għal ħlasijiet diretti fil-perjodu ta’ referenza, akkumpanjat, fejn ikun il-każ, bi dritt ta’ premium li jikkorrispondi;

[…]”

16

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 795/2004, intitolat “Inkorporazzjonijiet u diviżjonijiet”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 33(3) tar-Regolament [Nru 1782/2003], [‘diviżjoni’] għandha tfisser id-diviżjoni ta’ bidwi […] skond it-tifsira [tal-punt (a) tal-Artikolu 2] tar-Regolament [Nru 1782/2003] f’ta’ lanqas żewġt ibdiewa separati [ġodda] skond it-tifsira [tal-punt (a) tal-Artikolu 2] tar-Regolament [Nru 1782/2003] li ta’ l-anqas wieħed minnhom jibqa’ kontrollat, skond l-amministrazzjoni, l-benefiċċju u r-riskji finanzjarji, minn ta’ l-anqas wieħed mill-persuni naturali jew legali li oriġinarjament kienu jimmaniġġaw l-azjenda jew id-diviżjoni ta’ bidwi wieħed skond it-tifsira [tal-punt (a) tal-Artikolu 2] tar-Regolament [Nru 1782/2003] f’ta’ l-anqas bidwi separat ġdid skond it-tifsira [tal-punt (a) tal-Artikolu 2] tar-Regolament [Nru 1782/2003] bl-ieħor jibqa’ kontrollat, skond l-amministrazzjoni, l-benefiċċji u r-riskji finanzjarji, mill-bidwi li oriġinarjament kien jimmaniġġa l-azjenda.

In-numru u l-valur tad-drittijiet għall-ħlas għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-ammont ta’ referenza u n-numru ta’ ettari li jirrelataw mal-unitajiet ta’ produzzjoni trasferiti ta’ l-azjenda oriġinali.”

Id-dritt Taljan

17

Permezz tad-decreto ministeriale n. 1688 (id-Digriet Ministerjali Nru 1688) tal‑20 ta’ Lulju 2004, tad-decreto ministeriale n. 1788 (id-Digriet Ministerjali Nru 1788) tal‑5 ta’ Awwissu 2004, u d-decreto ministeriale n. 2026 (id-Digriet Ministerjali Nru 2026) tal‑24 ta’ Settembru 2004, il-modalitajiet għall-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1782/2003 u 795/2004 ġew adottati fid-dritt Taljan.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

L-aħwa OL u ST kellhom sehem f’Società Agricola Circe di ST e OL fid-data tat-talba għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament taħt l-iskema ta’ pagament uniku, ifformulata minn din il-kumpannija, u fid-data tal-allokazzjoni provviżorja ta’ 130 drittijiet għall-pagament fuq il-bażi tas-superfiċji kkultivati mill-imsemmija kumpannija.

19

Fl‑1 ta’ Awwissu 2002, wara l-allokazzjoni provviżorja ta’ dawn id-drittijiet, dawn iż-żewġt aħwa kkonkludew ftehim li kien jipprevedi sensiela ta’ tranżazzjonijiet legali, jiġifieri trasferimenti ta’ ishma ta’ din l-istess kumpannija, iżda wkoll ta’ ishma ta’ kumpannija terza għal dan il-ftehim, u trasferiment ta’ superfiċji kkultivati. Dawn it-tranżazzjonijiet differenti kellhom bħala effett li Società Agricola Circe, jiġifieri l-kumpannija l-ġdida kkostitwita biss minn OL u martu, ma kellhiex iżjed, għall-koltivazzjoni, l-ettari kollha indikati fit-talba għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament taħt l-iskema ta’ pagament uniku, li fuq il-bażi tagħha tali drittijiet kienu ġew allokati provviżorjament.

20

L-AGEA allokat definittivament 71 dritt għall-pagament lil Società Agricola Circe. Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li 59 dritt għall-pagament oħra, li kienu ġew allokati provviżorjament, ġew allokati b’mod definittiv lil Agricola Case Rosse li mix-xahar ta’ Settembru 2002 kien iħaddem l-artijiet ittrasferiti minn Società Agricola Circe di ST e OL.

21

Fil‑5 ta’ Ġunju 2006, Società Agricola Circe ppreżentat rikors, quddiem it-Tribunale di Roma (il-Qorti ta’ Ruma, l-Italja), kontra l-AGEA, ST u Agricola Case Rosse, għall-konstatazzjoni tad-dritt tiegħu għall-ħlas ta’ għajnuna korrispondenti għal 130 dritt għall-ħlas u għall-kundanna ta’ dawn tal-aħħar għall-ħlas ta’ danni minħabba li l-allokazzjoni definittiva ta’ 71 dritt għall-ħlas kienet illegali ġaladarba din ma kinitx tirriżulta minn diviżjoni effettiva ta’ Società Agricola Circe di ST e OL. Skont Società Agricola Circe, kien seħħ sempliċi trasferiment ta’ ishma ta’ Società Agricola Circe di ST e OL.

22

Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2011, it-Tribunale di Roma (il-Qorti ta’ Ruma) ċaħdet dan ir-rikors. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tal-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja) tal‑21 ta’ April 2017.

23

Din l-aħħar qorti interpretat l-Artikolu 33(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 u, b’mod iktar preċiż, it-terminu “diviżjoni” li jinsab fih, billi kkunsidrat li dan it-terminu kien jintuża fir-regolament f’sens wiesa’ u “mhux tekniku”. B’hekk, skont l-imsemmija qorti, l-imsemmi terminu ma kienx jirreferi għall-kunċett kif iddefinit fid-dritt tal-kumpanniji iżda kien jirreferi għas-sitwazzjonijiet kollha li fihom bidwi jissuċċedi għal ieħor u li kienu jinvolvu bidla fis-superfiċji kkultivata inizjalment. Barra minn hekk, din l-istess qorti spjegat li l-għajnuna kellha tkun marbuta mas-superfiċji kkultivata. Għaldaqstant hija allokat proporzjonalment lill-bidwi li kien ikkultiva l-artijiet ittrasferiti mix-xahar ta’ Settembru 2002, jiġifieri lil Agricola Case Rosse, uħud mid-drittijiet għall-pagament li kienu ġew allokati provviżorjament lil Società Agricola Circe di ST e OL.

24

Società Agricola Circe ppreżentat appell kontra s-sentenza tal‑21 ta’ April 2017 quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, billi sostniet, b’mod partikolari, li din is-sentenza kienet tikser u kienet tapplika b’mod żbaljat l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 795/2004, l-Artikolu 2(a), l-Artikoli 33, 38, 45 u 46 tar-Regolament Nru 1782/2003 kif ukoll il-leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-Istat Taljan kien adotta l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri d-Digrieti Ministerjali Nru 1668 tal‑20 ta’ Lulju 2004, Nru 1788 tal‑5 ta’ Awwissu 2004, u Nru 2026 tal‑24 ta’ Settembru 2004.

25

Insostenn tal-appell tagħha fil-kassazzjoni, Società Agricola Circe tesponi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni jiddefinixxu t-terminu “diviżjoni” billi jirrigwardaw esklużivament is-sitwazzjoni li fiha azjenda agrikola tiġi diviża bejn żewġ azjendi ġodda. B’hekk, is-sempliċi trasferiment ta’ artijiet huwa nieqes minn rilevanza għall-finijiet tal-allokazzjoni definittiva tad-drittijiet għall-pagament.

26

Skont il-qorti tar-rinviju, biex tinstab soluzzjoni għat-tilwima li biha ġiet adita, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 795/2004 u tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1782/2003 kif ukoll dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-aħħar regolament hija neċessarja sabiex tiġi ddeterminata, l-ewwel nett, il-portata tal-kunċett ta’ “diviżjoni” tal-azjenda agrikola. It-tieni nett, jekk jitqies li dan il-kunċett jikkorrispondi għal dak ikkunsidrat fid-dritt tal-kumpanniji, inkluż, b’mod partikolari, fid-Direttiva (UE) 2019/2121 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward ta’ konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali (ĠU 2019, L 321, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2020, L 20, p. 24), u, għalhekk, ma jkoprix sitwazzjoni bħal dik li biha ġiet adita, tali interpretazzjoni hija wkoll neċessarja sabiex jiġi ddeterminat jekk u sa fejn tnaqqis fis-superfiċji kkultivata, li jkun sar wara t-tressiq ta’ talba għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament u l-allokazzjoni provviżorja tagħhom, iżda qabel l-allokazzjoni definittiva ta’ dawn id-drittijiet, hija rilevanti għal din l-allokazzjoni definittiva.

27

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-terminu ‘diviżjoni’ li jissemma fl-Artikolu 33(3) tar-Regolament [Nru 1782/2003] u fl-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 795/2004] għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-kunċett tad-dritt tal-kumpanniji u li għaldaqstant jippreżumi tibdil fil-kumpannija li jkollu bħala effett il-qsim tal-patrimonju inizjali u s-superfiċji kkultivata kollha tal-kumpanija waħdanija, f’żewġ patrimonji distinti li jappartjenu għal entitajiet legali differenti, jew tista’ tiġi interpretata b’mod wiesa’ u b’hekk tkun tapplika għal kull tranżazzjoni legali nnegozjata li l-eżitu finali tagħha jirriżulta fl-attribuzzjoni tal-patrimonju inizjali u s-superfiċji kkultivata kollha tal-kumpannija ‘bidwi’ oriġinali lil żewġ entitajiet differenti, b’mod partikolari permezz ta’ trasferimenti ta’ ishma u ta’ atti ta’ bejgħ ta’ artijiet?

2)

Skont interpretazzjoni korretta li għandha tingħata għat-totalità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1782/2003 (Artikoli 2, 23, 24, 33, 34, 36, 38, 43 u 44), għall-finijiet tal-għoti definittiv tad-drittijiet għall-pagament (titoli) PAC, fil-kuntest tal-ewwel applikazzjoni għal pagament uniku, it-tnaqqis fis-superfiċji kkultivata u l-ettari eliġibbli għall-għajnuna li seħħet matul l‑2002, wara t-tressiq tat-talba mill-‘bidwi’ u l-allokazzjoni provviżorja tad-drittijiet għall-pagament (titoli), huwa rilevanti jekk jirriżulta minn ftehimiet biex tiġi ttrasferita parti mill-artijiet ikkonċernati, dejjem matul l‑2002, u din il-bidla fis-sens ta’ tnaqqis, tista’ ssir ukoll ex officio fil-kuntest tal-għoti definittiv?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

28

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 795/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “diviżjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikopri sitwazzjoni li fiha tranżazzjonijiet legali konnessi mwettqa bejn numru ta’ bdiewa matul il-perijodu ta’ referenza, li jinkludu trasferiment ta’ ishma ta’ kumpannija u ta’ superfiċji agrikoli kkultivati, għandhom bħala effett li l-patrimonju inizjali ta’ bidwi u ta’ dawn is-superfiċji kollha jiġu allokati lil żewġt ibdiewa ġodda separati, anki meta tali sitwazzjoni ma tikkostitwixxix “diviżjoni” fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-Direttiva 2019/2121.

29

Preliminarjament, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-fatt li r-Regolamenti Nru 1782/2003 u 795/2004 ġew imħassra huwa mingħajr effett fuq is-suġġett tal-kawża prinċipali ġaladarba mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn ir-regolamenti huma, f’dan il-każ, applikabbli ratione temporis.

30

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat, it-tieni nett, li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, jekk iseħħu diviżjonijiet matul il-perijodu ta’ referenza, li jinkludi, skont l-Artikolu 38 ta’ dan ir-regolament, is-snin 2000 sa 2002, jew sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru tas-sena li tippreċedi s-sena ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku, il-bdiewa, il-partijiet f’din id-diviżjoni, li jġestixxu l-azjendi kkonċernati għandhom aċċess “pro rata” għall-iskema ta’ pagament uniku, jiġifieri dħul f’forma ta’ għajnuna.

31

B’dan premess, mid-deċiżjoni tar-rinviju, li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat, jirriżulta li t-tranżazzjonijiet legali konnessi, li taw lok, għal Società Agricola Circe, b’mod partikolari, għat-tnaqqis tas-superfiċji agrikoli kkultivati meta mqabbel ma’ dawk ikkultivati minn Società Agricola Circe di ST e OL, seħħew matul is-sena 2002 u, għalhekk, matul il-perijodu ffissat mill-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1782/2003.

32

It-tielet nett, għandu jiġi osservat li, skont il-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “diviżjoni”, bħal dak iddefinit fid-dritt tal-kumpanniji, jassumi li tkun saret bidla ta’ kumpannija waħda li jkollha bħala effett li taqsam il-patrimonju inizjali u s-superfiċji kkultivati kollha ta’ din il-kumpannija f’żewġ patrimonji distinti li jappartjenu lil entitajiet legali differenti. F’dan ir-rigward, hija tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għad-Direttiva 2019/2121 li tinkludi definizzjoni ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, din il-qorti tikkonstata li, f’dan il-każ, Società Agricola Circe di ST e OL ma kinitx suġġetta għal diviżjoni fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji. Għaldaqstant is-sempliċi interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett usa’ minn dik applikata fid-dritt tal-kumpanniji tippermetti lill-qorti tar-rinviju tikkunsidra li Società Agricola Circe di ST e OL kienet suġġetta għal diviżjoni, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 795/2004.

33

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 795/2004, għall-finijiet tal-Artikolu 1 tiegħu moqri flimkien mal-premessa 1 tiegħu, jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku previst fit-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003. Għal dan il-għan, kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 795/2004, dan ir-regolament, għal raġunijiet ta’ ċarezza, jifformula numru ta’ definizzjonijiet.

34

B’hekk, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 795/2004, għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, “diviżjoni” tfisser id-diviżjoni ta’ bidwi, hekk kif inhu ddefinit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1782/2003, f’mill-inqas żewġt ibdiewa ġodda separati li mill-inqas wieħed minnhom jibqa’ kkontrollat, fir-rigward tal-ġestjoni, tal-benefiċċji u tar-riskji finanzjarji, tal-inqas minn waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li inizjalment kienu jmexxu l-azjenda, jew id-diviżjoni ta’ bidwi fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(a), f’mill-inqas bidwi ġdid distint, fejn l-ieħor jibqa’ kkontrollat, fir-rigward tal-ġestjoni, tal-benefiċċji u tar-riskji finanzjarji, mill-bidwi li inizjalment assuma l-ġestjoni tal-azjenda.

35

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma fiha ebda riferiment għal strumenti tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt tal-kumpanniji, bħad-Direttiva 2019/2121, li jipprevedu definizzjoni iktar restrittiva tal-kunċett ta’ “diviżjoni”.

36

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn lanqas ma fihom riferiment għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, tal-kunċett ta’ “diviżjoni”.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑20 ta’ April 2023, EEW Energy from Waste, C‑580/21, EU:C:2023:304, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għalkemm l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 795/2004 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “diviżjoni” bħala d-diviżjoni ta’ bidwi f’mill-inqas żewġt ibdiewa ġodda separati li mill-inqas wieħed minnhom jibqa’ kkontrollat, fir-rigward tal-ġestjoni, tal-benefiċċji u tar-riskji finanzjarji, tal-inqas minn waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li inizjalment kienu jmexxu l-azjenda, jew tal-inqas minn bidwi ġdid separat, fejn il-bidwi l-ieħor jibqa’ kkontrollat, fir-rigward tal-ġestjoni, tal-benefiċċji u tar-riskji finanzjarji, mill-bidwi li inizjalment kien responsabbli mill-ġestjoni tal-azjenda, din id-dispożizzjoni ma tispjegax liema forma għandha tieħu l-operazzjoni ta’ diviżjoni tal-bidwi li jmexxi l-azjenda ta’ oriġini biex jaqa’ taħt dan il-kunċett u, għalhekk, sabiex il-bdiewa li jmexxu l-azjendi li jirriżultaw minn tali diviżjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ pagament uniku. B’hekk, billi tiffoka fuq is-sitwazzjoni li tirriżulta minn tali operazzjoni, l-imsemmija dispożizzjoni tiddefinixxi l-imsemmi kunċett b’relazzjoni mal-effetti ta’ din l-operazzjoni.

39

Għaldaqstant il-formulazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 795/2004 tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “diviżjoni”, imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 japplika għal sitwazzjoni li tirriżulta minn tranżazzjonijiet legali konnessi u, b’mod partikolari, minn trasferiment, matul il-perijodu ta’ referenza, ta’ superfiċji agrikoli kkultivati, anki jekk tali sitwazzjoni ma tkunx taqa’ neċessarjament taħt il-kunċett ta’ “diviżjoni” hekk kif iddefinit fl-istrumenti tad-dritt tal-kumpanniji tal-Unjoni, inkluż, b’mod partikolari, id-Direttiva 2019/2121.

40

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1782/2003 kif ukoll mill-għan imfittex minnu.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li minn qari flimkien tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, tal-Artikolu 43(1) ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 44(1) tal-imsemmi regolament, jirriżulta, qabel kollox, li d-dħul f’forma ta’ għajnuna tal-bdiewa, irċevuta taħt l-iskema ta’ pagament uniku, jitħallas għad-drittijiet għall-pagament, sussegwentement, li kull bidwi jgawdi minn dritt għall-pagament għal kull ettaru eliġibbli li jissarraf fl-imsemmija għajnuna u, fl-aħħar nett, li kull dritt għall-pagament marbut ma’ ettaru eliġibbli li jissarraf fl-imsemmija għajnuna jagħti dritt għall-ħlas tal-ammont iffissat minn dan id-dritt.

42

Għalhekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li r-Regolament Nru 1782/2003 jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ rabta bejn, minn naħa, id-drittijiet għall-pagament li fuq il-bażi tagħhom id-dħul f’forma ta’ għajnuna jiġi rċevut u, min-naħa l-oħra, is-superfiċji agrikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, van Dijk, C‑470/08, EU:C:2010:31, punti 28 sa 30).

43

B’dan premess, l-eżistenza ta’ din ir-rabta hija riflessa wkoll fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ diviżjoni ta’ bidwi, li sseħħ matul il-perijodu ta’ referenza. Fil-fatt, minn qari flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 795/2004 jirriżulta li minħabba d-diviżjoni, in-numru tad-drittijiet għall-pagament ta’ kull wieħed mill-bdiewa li jmexxi parti mill-azjenda agrikola ta’ oriġini għandu neċessarjament ikun inqas minn dak li tħallas lill-din l-azjenda agrikola kollha.

44

B’hekk, bis-saħħa tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, fil-każ ta’ diviżjoni matul il-perjodu ta’ referenza jew mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru tas-sena li tippreċedi s-sena ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku, il-bdiewa li jmexxu l-azjendi kkonċernati għandu jkollhom aċċess pro rata, għall-iskema ta’ pagament uniku taħt l-istess kundizzjonijiet tal-bidwi li kien imexxi l-azjenda inizjali. Barra minn hekk, skont it-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet, in-numru u l-valur tad-drittijiet għall-ħlas għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi, b’mod partikolari, tan-numru ta’ ettari li jikkorrispondu għall-unitajiet ta’ produzzjoni tal-azjenda ta’ oriġini li ġew ittrasferiti.

45

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1782/2003, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, kif ġie espost fil-premessa 24 ta’ dan ir-regolament, dan kellu l-għan li jippermetti t-tranżizzjoni tal-għajnuna għall-produzzjoni lejn l-għajnuna lill-produttur permezz tat-tnaqqis progressiv tal-pagamenti diretti u l-introduzzjoni ta’ skema ta’ dħul f’forma ta’ għajnuna separata mill-produzzjoni, jiġifieri l-pagament uniku ddeterminat fuq il-bażi tad-drittijiet preċedenti matul perijodu ta’ referenza, sabiex il-bdiewa tal-Unjoni jsiru iktar kompetittivi (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 17).

46

Sussegwentement, mill-premessa 29 tar-Regolament Nru 1782/2003,li skontha l-pagament uniku għandu jiġi stabbilit fuq livell ta’ azjenda, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jalloka l-ħlas tal-għajnuna, fuq il-bażi tad-drittijiet għall-pagament għal kull ettaru, lill-bidwi li effettivament imexxi l-azjenda agrikola, jiġifieri grupp ta’ unitajiet ta’ produzzjoni.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-superfiċji agrikoli jagħmlu parti mill-azjenda ta’ bidwi meta dan tal-aħħar ikollu s-setgħa li jmexxihom għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività agrikola, jiġifieri meta din tal-aħħar ikollha, fir-rigward ta’ dawn is-superfiċji, awtonomija suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Planes Bresco, C‑333/15 u C‑334/15, EU:C:2016:426, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessa 30 tiegħu, ir-Regolament Nru 1782/2003 pprova wkoll jilħaq l-għan li jevita t-trasferimenti tad-drittijiet għall-pagament għal finijiet spekulattivi li jwasslu għall-akkumulazzjoni ta’ tali drittijiet li ma jikkorrispondux ma’ realtà agrikola.

49

B’dan premess, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “diviżjoni”, imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, fis-sens li dan ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li bidwi ġdid, li lilu, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet legali konnessi, matul il-perijodu ta’ referenza, ġew ittrasferiti superfiċji agrikoli kkultivati, jista’ jaċċedi għall-iskema ta’ pagament uniku, tikkomprometti l-għanijiet kollha mfittxija mir-Regolament Nru 1782/2003, imsemmija fil-punti 45, 46 u 48 ta’ din is-sentenza, sa fejn din l-interpretazzjoni tkun timplika li, minn naħa, l-aċċess għal din l-iskema jingħata unikament u għalkollox lill-bidwi li ma jmexxix iżjed dawn is-superfiċji u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna titħallas għal drittijiet għall-pagament li ma humiex iżjed marbuta mal-imsemmija superfiċji.

50

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 795/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “diviżjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikopri sitwazzjoni li fiha tranżazzjonijiet legali konnessi mwettqa bejn numru ta’ bdiewa matul il-perijodu ta’ referenza, li jinkludu trasferiment ta’ ishma ta’ kumpannija u ta’ superfiċji agrikoli kkultivati, għandhom bħala effett li l-patrimonju inizjali ta’ bidwi u ta’ dawn is-superfiċji kollha jiġu allokati lil żewġt ibdiewa ġodda distinti, anki meta tali sitwazzjoni ma tikkostitwixxix “diviżjoni” fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-Direttiva 2019/2121.

Fuq it-tieni domanda

51

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tieni domanda saret fl-ipoteżi fejn ir-risposta għall-ewwel domanda tkun timplika li l-kunċett ta’ “diviżjoni”, imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 795/2004, jirreferi għal dak użat fid-dritt tal-kumpanniji.

52

B’dan premess, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad‑29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-kunċett ta’ “diviżjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikopri sitwazzjoni li fiha tranżazzjonijiet legali konnessi mwettqa bejn numru ta’ bdiewa matul il-perijodu ta’ referenza, li jinkludu trasferiment ta’ ishma ta’ kumpannija u ta’ superfiċji agrikoli kkoltivati, għandhom bħala effett li l-patrimonju inizjali ta’ bidwi u ta’ dawn is-superfiċji kollha jiġu allokati lil żewġt ibdiewa ġodda distinti, anki meta tali sitwazzjoni ma tikkostitwixxix “diviżjoni” fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-Direttiva (UE) 2019/2121 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward ta’ konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.