31990D0514



Official Journal L 286 , 18/10/1990 P. 0029 - 0032


Deċiżjoni tal-kummissjoni

tal-25 ta' Settembru 1990

li tagħraf li l-iskema tal-eżami mediku tal-persunal preżentata mid-Danimarka toffri garanziji ekwivalenti

(90/514/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju tal-laħam frisk [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/662/KEE [2], u b'mod partikolari l-punt 24 tal-Kapitolu IV t'Anness I mehmuż,

Wara li kunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 71/118/KEE tal-15 ta' Frar 1971 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ tal-laħam frisk tat-tjur [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/662/KEE, u b'mod partikolari l-punt 12 tal-Kapitolu III t'Anness I mehmuż,

Wara li kunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 77/99/KEE tal-21 ta' Diċembru 1976 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju tal-prodotti tal-laħam [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/662/KEE, u b'mod partikolari il-punt 20 tal-Kapitolu II t'Anness A mehmuż,

Billi l-punt 24 tal-Kapitolu IV t'Anness I tad-Direttiva 64/433/KEE, il-punt 12 tal-Kapitolu III t'Anness I tad-Direttiva 71/118/KEE, u l-punt 20 tal-Kapitolu II t'Anness A tad-Direttiva 77/99/KEE jistabbilixxu li skond il-proċeduri stabbiliti f'Artikoli 16, 12a u 18 tad-Direttivi msemmija hawn fuq rispettivament, il-Kummissjoni tagħraf skema ta' eżami mediku tal-personal li toffri garanziji ekwivalenti għal dawk ibbażati fuq it-tiġdid fis-sena taċ-ċertifikat mediku;

Billi, permezz tal-ittri tad-29 ta' Marzu u tad-19 ta' Ġunju 1990, l-awtoritajiet Daniżi għarrfu lill-Kummissjoni bi skema alternattiva ta' eżami mediku għall-persunal;

Billi din l-iskema tista' titqies li toffri garanziji ekwivalenti għal dawk bażati fuq it-tiġdid fis-sena taċ-ċertifikat mediku;

Billi l-miżuri stabbiliti f'din id-Deċizjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema tal-eżami mediku għall-personal li jkollhom kuntatt mal-laħam frisk, laħam frisk tat-tjur u prodotti tal-laħam preżentata mid-Danimarka u stabbilita fl-Anness hija hawnhekk magħrufa bħala li toffri l-garanziji ekwivalenti għal dawk ibbażati fuq it-tiġdid ta' kull sena taċ-ċertifikat mediku.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija Indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmulha fi Brussel, fil-25 ta' Settembru 1990.

Għall-Kummissjoni

Ray Mac Sharry

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU Ċ 121, tad- 29.7.1964, p. 2012/64.

[2] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13.

[3] ĠU L 55, tat-8.3.1971, p. 23.

[4] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 85.

--------------------------------------------------

ANNESS

SKEMA ALTERNATTIVA TA’ EŻAMI MEDIKA GĦAL PERSUNI IMPJEGATI LI JKOLLHOM KUNTATT MA’ JEW JAĦDMU BIL-LAĦAM FRISK, LAĦAM TAT-TJUR U PRODOTTI TAL-LAĦAM PREŻENTATA MILL-AWTORITAJIET TAD-DANIMARKA

A. Eżami mediku qabel jibda’ l-impjieg

- Għandha tiġi eżaminata s-saħħa ta’ kull persuna li tkun se tiġi impjegata biex ikollha kuntatt mal-laħam, laħam tat-tjur jew prodotti tal-laħam. L-imsemmija eżami għandha tkun kundizzjoni preliminari għal dan it-tip ta’ impjieg.

- Il-kontroll tas-saħħa, li fuq il-bażi tiegħu jiġi evalwat ir-riskju ta’ kontaminazzjoni mill-persuna in kwistjoni, għandu jinkludi inkjesta dwar l-istorja medika imwettqa permezz ta’ stħarriġ (ara taħt E), li għandu jiġi evalwat minn tabib, u eżami mediku ġenerali mwettaq minn tabib mediku.

Dan l-eżami mediku jista’, jekk it-tabib in kwistjoni jidhirlu li dan huwa meħtieġ, jinkludi numru ta’ testijiet.

B. Eżami ta’ rutina (ta’ kull sena)

- Is-saħħa tal-personal imsemmi f’A għandha tiġi eżaminata permezz ta’ stħarriġ kulmeta s-servizz tal-awtoritajiet mediċi in-kwistjoni (marbut ma’ ażjenda) jew it-tabib tal-familja tal-impjegat in kwistjoni jidhrilhom li dan huwa meħtieġ, b’mod partikolari meta jkun hemm suspett fir-rigward tal-mard elenkat fl-istħarriġ taħt E u F, u ta’ mill-anqas darba fis-sena (ara taħt F).

- L-istħarriġ, meta jimtela mill-personal, għandu jintbagħat lill-awtoritajiet mediċi involuti. It-tabib inkarigat għandu jiffirma din id-dikjarazzjoni, b’mod li jġedded iċ-ċertifikat mediku għal sena. Jekk it-tabib mediku, fuq il-bażi tal-istħarriġ jew fuq il-bażi ta’ xi informazzjoni oħra jidhirlu li hija meħtieġa evalwazzjoni medika ulterjuri, it-tiġdid taċ-ċertifikat mediku jista’ jsir biss wara li jkunu disponibbli r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni.

Din l-evalwazzjoni tista’, jekk it-tabib involut jidhirlu li hija meħtieġa, tinkludi numru ta’ testijiet.

- Meta jkun hemm ġustifikazzjoni fuq bażi epidemjoloġika jew klinika, is-servizz mediku (marbut ma’ ażjenda) jew it-tabib tal-familja tal-impjegat involut għandhom jiżguraw li dawk il-persuni li huma sors possibbli ta’ kontaminazzjoni ma jitħallewx jaħdmu jew imissu l-laħam frisk, il-laħam tat-tjur jew il-prodotti tal-laħam.

Ċ. Gwida dwar kwistjonijiet ta’ iġjene

Kulmin jaħdem jew ikollu kuntatt ma’ laħam frisk, laħam tat-tjur jew prodotti tal-laħam irid jgħaddi minn taħriġ xieraq, b’mod partikolari rigward ir-responsabbilta tiegħu/tagħha fl-affarijiet tal-ikel u tal-iġjene partikolari.

D. Aktar kummenti

Għalkemm ċertifikat tas-saħħa mħejji qabel jibda l-impjieg ma joffri l-ebda garanzija assoluta li l-persuna konċernata mhux se tkun sors ta’ kontaminazzjoni, huwa importanti meta jinbeda l-impjieg li l-attenzjoni tinġibed lejn aspetti essenzjali tas-saħħa pubblika bħar-responsabbilta fl-affarijiet tal-iġjene ġenerali u l-obbligu li tkun irrappurtata kull marda li tista’ tittieħed matul il-perjodu tal-impjieg.

F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li l-persuna konċernata hija informata biżżejjed fl-irwol tagħha bħala trasmittent tal-mard.

L-eżami medika ta’ rutina (li normalment issir kull sena) tal-personal impjegat li jkollhom kuntatt mal-laħam, laħam tat-tjur u prodotti tal-laħam ilha ssir għal ħafna snin f’numru ta’ pajjiżi, bil-għan li jitnaqqas ir-riskju li xi mikro-organiżmi patoġeniċi jiġu trasmessi lill-konsumatur mil-laħam, mil-laħam tat-tjur jew prodotti tal-laħam mill-persuna involuta.

F’diversi laqgħat internazzjonali tqajmet il-mistoqsija jekk dawn l-eżamijiet ta’ rutina, b’mod partikolari tal-ħmieġ tal-imsaren, għandhomx ta’ bilfors jifformaw parti mill-miżuri li jipproteġu lill-konsumatur kontra mard li jittieħed li jista’ jiġi trasmess mil-laħam, mil-laħam tat-tjur jew mill-prodotti tal-laħam li jkunu ġew mimsusa b’mod ħażin. B’mod partikolari, qamu kemm-il darba mistoqsijiet dwar il-valur tal-eżami ta’ rutina tal-ħmieġ tal-imsaren għall-batterja intestinali patoġenici.

Mill-istudju tar-rapporti tal-laqgħa hawn fuq imsemmija jirriżulta li l-eżamijiet ta’ rutina, b’mod partikolari tal-kampjuni tal-ħmieġ tal-imsaren, ma jikkontribwixxu b’ebda mod sinifikanti lejn il-prevenzjoni tat-trasmissjoni tal-mard li jittieħed lill-konsumatur permezz tal-laħam, tal-laħam tat-tjur jew tal-prodotti tal-laħam; fi kliem ieħor, l-eżami f’intervalli regolari tal-ħmieġ tal-imsaren u tal-awrina tal-personal għas-Salmonella u għax-Shigellae m’għadhiex titqies bħala relevanti. Għandu jsir eżami biss meta dan ikun ġustifikat fuq bażi epidemjoloġika jew klinika.

E. Iċ-ċertifikat tas-saħħa għall-persuni li jieħdu l-impjieg fl-industrija tal-ikel

(Dan iċ-ċertifikat għandu jimtela fil-preżenza ta’ tabib)

+++++ TIFF +++++

F. Ċertifikat tas-saħħa għall-persuni mpjegati fl-industrija tal-ikel

(Dan iċ-ċertifikat għandu jintbagħat (mimli kif suppost) lis-Servizz Mediku tal-impriża jew lit-tabib tal-familja, marbut ma’ l-impjegat in kwestjoni)

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------