|
1.10.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 348/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1743
tat-28 ta’ Settembru 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-istabbiliment ta’ Kumitat Tekniku dwar it-Trasport fuq l-Ilma u l-Multimodalità
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“TCT”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019. |
|
(2) |
Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali ġie stabbilit mit-TCT għall-amministrazzjoni u għal implimentazzjoni kif suppost tat-TCT. Skont l-Artikolu 26 tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu jadotta deċiżjonijiet biex jistabbilixxi kumitati tekniċi. |
|
(3) |
Il-kumitati tekniċi jistgħu jagħmlu proposti għal deċiżjoni fl-isfera tar-responsabbiltà tagħhom lill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali. Il-kumitati tekniċi jikkonsistu minn rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti għat-TCT. Il-parteċipazzjoni bħala osservatur hija miftuħa għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni. |
|
(4) |
Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali dalwaqt se jadotta deċiżjoni biex jistabbilixxi Kumitat Tekniku dwar it-Trasport fuq l-Ilma u l-Multimodalità. |
|
(5) |
L-istabbiliment ta’ Kumitat Tekniku dwar it-Trasport fuq l-Ilma u l-Multimodalità se jgħin fil-kisba tal-għan tat-TCT, jiġifieri l-ħolqien ta’ Komunità tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bil-passaġġi fuq l-ilma intern u marittimu kif ukoll l-iżvilupp tan-network tat-trasport bejn l-Unjoni u l-Partijiet fix-Xlokk tal-Ewropa. |
|
(6) |
Kumitat Tekniku dwar it-Trasport fuq l-Ilma u l-Multimodalità jenħtieġ li jkollu l-għan li jindirizza kwistjonijiet kritiċi li jirrigwardaw it-trasport fuq l-ilma, li jinkludi affarijiet marittimi, passaġġi fuq l-ilma intern u portijiet, kif ukoll li jindirizza l-aspetti ta’ multimodalità, u li jippromwovi l-użu effiċjenti, ta’ tali trasport. |
|
(7) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali fir-rigward tal-istabbilment ta’ Kumitat Tekniku dwar it-Trasport fuq l-Ilma u l-Multimodalità, peress li tali deċiżjoni hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-TCT u se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali stabbilit bit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-istabbiliment ta’ Kumitat Tekniku dwar it-Trasport fuq l-Ilma u l-Multimodalità għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali (2).
Jista’ jintlaħaq qbil mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali dwar bidliet minuri fir-rigward ta’ dak l-abbozz ta’ deċiżjoni mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
S. KUSTEC
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1.).
(2) Ara d-dokument ST 11514/21 fuq http://register.consilium.europa.eu.