31972R1703



Official Journal L 180 , 08/08/1972 P. 0001 - 0004
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 37 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 37 P. 0003
Danish special edition: Series II Volume II P. 0056
English special edition: Series II Volume II P. 0054
Greek special edition: Chapter 03 Volume 8 P. 0108
Spanish special edition: Chapter 11 Volume 1 P. 0208
Portuguese special edition Chapter 11 Volume 1 P. 0208


Ir-Regolament (KEE) Nru 1703/72 tal-Kunsill

tat-3 ta’ Awissu 1972

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2052/69 dwar il-finanzjament ta’ l-ispiża tal-Komunità li toriġina mill-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ l-Għajnuna bl-Ikel tal-1967, u li jistabilixxi r-regoli għall-finanzjament ta’ l-ispiża tal-Komunità li toriġina mill-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna bl-Ikel tal-1971

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ.

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 43 u 209 tiegħu;

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew;

Billi, minħabba fid-Deċiżjoni ta’ l-21 ta’ April 1970 [1] dwar it-tibdil tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri bir-risorsi stess tal-Komunitajiet infushom, minħabba f’ċerti miżuri speċjali ta’ għajnuna bl-ikel meħuda mill-Komunità u minħabba fid-dewmien amministrattiv fil-finanzjament ta’ l-ispiża permezz tal-Konvenzjoni ta’ l-Għajnuna bl-Ikel tal-1967, dispożizzjonijiet varji tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/69 [2] tas-17 ta’ Ottubru tal-1969 dwar il-finanzjament ta’ l-ispiża tal-Komunità li joriġinaw mill-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna bl-Ikel għandhom ikunu emendati;

Billi, minħabba li r-Regolament msemmi hawn fuq ikopri biss il-finanzjament ta’ l-ispiża taħt il-Konvenzjoni ta’ l-Għajnuna bl-Ikel tal-1967, dispożizzjoni għandha ssir għall-finanzjament ta’ l-ispiża taħt il-Konvenzjoni tal-1971 fid-dawl ta’ l-impenji li daħlet fihom il-Komunità u l-esperjenza miksuba mill-Komunità fil-qasam ta’ l-għajnuna bl-ikel;

Billi metodu ta’ finanzjament permezz ta’ ħlasijiet bil-quddiem fuq il-valur ta’ l-oġġetti, bbażat fuq dak użat mis-Sezzjoni tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija għandu jkun introdott sabiex ikunu ffaċillitati l-miżuri ta’ l-għajnuna bl-ikel mil-Komunità; billi dispożizzjonijiet speċjali huma meħtieġa biex ikopru l-ftehim konklużi ma’ l-organizzazzjonijiet risponsabbli għall-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

Emenda tar-Regolament (KEE) Nru 2052/69

Artikolu 1

"B’dankollu, spiża li għandha x’taqsam mal-miżuri meħuda fil jew wara l-1 ta’ Jannar 1971 għandhom ikunu koperti bl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 [3] ta ‘ l-21 ta’ April 1970 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni."

Artikolu 2

"1. L-ispiża mhux koperta bl-Artikolu 1 u li għandha x’taqsam mat-transazzjonijiet tal-Komunità li joriġinaw mill-Konvenzjoni ta’ l-Għajnuna bl-Ikel għandha tkun finanzjata mill-Komunità u, permezz tad-Deċiżjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, għandhom jinkludu:

(a) il-valur ta ‘ l-oġġetti mwassla frank abbord (fob), bit-tnaqqis tan-nefqa koperta bl-Artikolu 1;

(b) f’ċerti każi, bħala eċċezzjoni, l-ispiża li tkopri l-ispejjeż kollha jew parti minnhom għat-twassil mill-port tal-Komunità sal-port tad-destinazzjoni, jekk il-Komunità, wara Deċiżjoni unanima tal-Kunsill, tassumi d-dmir għal dan l-iskop fil-ħin li jiġi konkluż il-kuntratt tat-twassil.

2. B’danakollu:

(a) rigward il-miżuri ta’ l-għajnuna bl-ikel favur ir-Repubblika tar-Ruwanda taħt il-Programm Annwali tal-1970/71, l-ispejjeż tat-twassil bejn il-port tal-ħatt u l-post tad-destinazzjoni għandhom jiġu finanzjati wkoll mill-Komunità. Jekk xieraq, il-Kummissjoni għandha jew, fuq il-bażi tad-dokumenti ta’ l-appoġġ mogħtija lilha, tħallas lura dawn l-ispejjeż lill-organizzazzjoni li tkun wettqet it-transazzjoni, jew tħallas il-kontribuzzjoni f’somma waħda;

(b) f’dak li jirrigwarda il-miżuri permezz tal-Programm Dinji ta’ l-Ikel li għandhom jittieħdu taħt il-Programm Annwali tal-1970/71, spejjeż tat-twassil mill-istadju c.i.f. u spejjeż tad-distribuzzjoni għandhom jiġu finanzjati wkoll mill-Komunità. Spejjeż bħal dawn u spejjeż tat-twassil bejn l-istadji tal-frank abbord u dawk ċ.i.f. għandhom jiġu koperti minn kontribuzzjoni f’somma waħda li għandha titħallas mill-Kummissjoni.

3. Rigward il-miżuri favur il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, il-Kummissjoni għandha tħallas għall-ispejjeż tat-twassil mill-port tal-Komunità sal-port tad-destinazzjoni, fuq il-bażi ta’ dokumenti ta’ appoġġ,meta l-Ftehim konkluż mal-Komunità jipprovdi hekk.

4. Regoli għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom, kif meħtieġ, jiġu adottati b’mod konformi mal-proċedura stabbilità fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 120/67/KEE."

Artikolu 3

"Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw biss fir-rigward ta’ l-ispiża li toriġina taħt il-Programm Annwali tal-1968/69."

Artikolu 4

"Wara li jitlesta kull programm annwali tal-miżuri tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom iwasslu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni ta’ l-ispiża tagħhom. Dik id-dikjarazzjoni għandha turi għal kull miżura tal-Komunità:

- in-nefqa effettwata taħt l-Artikolu 4(1)(a), maqsuma fi kwantitajiet meħuda minn ħażniet ta’ l-intervent u kwantitajiet mixtrija fis-suq, u

- Fejn xieraq, in-nefqa effettwata taħt l-Artikolu 4(1)(b).

Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Kumitat tal-Fondi u fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti, tistabbilixxi l-għajnuna tal-Komunità għall-miżuri tal-Komunità kollha taħt kull programm annwali."

Artikolu 5

"Bil-għan li titħallas in-nefqa msemmija fl-Artikolu 4(1) il-Kummissjoni għandha, għall-Programm Annwali tal-1968/69, tiftaħ, fl-isem ta’ kull Stat Membru, kont li għandu jkun:

- akkreditat bl-ammonti li jridu jitħallsu mill-ġdid lil dak l-Istat Membru skond id-Deċiżjoni li għandha x’taqsam ma’ dak il-programm meħud skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6;

- debitat bil-kontribuzzjoni minn dak l-Istat, ikkalkolata skond l-Artikolu 5, lejn l-ammont totali tan-nefqa msemmija fl-Artikolu 4(1) għal dak il-programm."

TITOLU II

Finanzjament tan-nefqa tal-Komunità li għandha x’taqsam mal-Konvenzjoni tal-1971

Sezzjoni 1. Finanzjament tar-rifużjonijiet ta’ frank abbord (fob)

Artikolu 6

1. Għall-miżuri meħuda permezz tal-Konvenzjoni ta’ l-Għajnuna bl-Ikel tal-1971 għal liema intużaw prodotti miġbura fil-Komunità, is-Sezzjoni tal-Garanziji tal-Fond għandha tiffinanzja dik il-parti ta’ l-ispiża li tikkorespondi għar-rifużjoni fuq esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, li minnhom jitnaqqsu l-ispejjeż involuti lil hinn mill-istadju tal-frank abbord (fob). Ir-regoli għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-proċedura stabbilità fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70.

2. Dak li ġej għandu għandu jkun japplika mutatis mutandis;

(a) l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70;

(b) ir-regoli ġenerali u r-regoli dettaljati ta’ l-applikazzjoni tar-rifużjoni ta’ l-esportazzjoni, stabbiliti għaċ-ċereali fl-Artikolu 16 ta’ Regolament Nru 120/67/KEE u għar-ross fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 359/67/KEE.

Sezzjoni 2. Determinazzjoni tal-valur tal-merkanzija

Artikolu 7

Il-prezz li bih l-aġenzija ta’ l-intervent tippreżenta l-merkanzija fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ l-Għajnuna bl-Ikel tal-1971, għandu jkun il-prezz ta’ l-intervent għax-xahar li fih il-merkanzija tkun imċaqilqa, fiċ-ċentru tas-suq ta’ fejn tinstab.

Jekk il-merkanzija tinstab lokalizzata x’imkien ieħor għajr fiċ-ċentru tas-suq, il-prezz għandu jiġi aġġustat skond id-dispożizzjonijiet li jiffissaw il-prezz li bih l-aġenzija ta’ l-intervent għandha tixtri l-merkanzija u adottati permezz ta’ l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 120/67/KEE jew, kif ikun il-każ, l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 359/67/KEE.

Sezzjoni 3. Finanzjament tar-rigali permezz tal-miżuri tal-Komunità

Artikolu 8

1. Għal miżuri permezz tal-Konvenzjoni ta’ l-Għajnuna bl-Ikel tal-1971 meħuda permezz tad-Deċiżjonijiet adottati mill-Istituzzjoniiet tal-Komunità, b’żieda ma xi spiża msemmija fl-Artikolu 6:

(a) Il-Komunità għandha tipprovdi finanzjament għall-valur, fl-istadju tal-frank abbord (fob) jew stadju ekwivalenti, taċ-ċereali jew tar-ross, kemm jekk fl-istat naturali jew ipproċessat, bi tnaqqis ta’ l-ispiża koperta mill-Artikolu 6 jew, meta l-merkanzija tkun akwistata fis-suq dinji, għall-valur miksub billi jiżdied il-prezz tax-xiri ma’ xi spiża meħtieġa li għandha x’taqsam ma’ dan.

(b) Bħala eċċezzjoni, l-ispiża addizzjonali li ġejja tista’ tkun finanzjata bis-sħiħ jew parzjalment mill-Komunità jekk il-Kunsill, billi jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, hekk jiddeċiedi:

- l-ispejjeż tat-twassil lejn il-fruntiera tal-pajjiż tad-destinazzjoni u, jekk meħtieġ, lejn id-destinazzjoni innifisha;

- l-spejjeż tad-distribuzzjoni, meta l-merkanzija tkun imqassma permezz ta’ aġenzija internazzjonali.

2. Ir-regoli għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandhom, skond kif meħtieġ, ikunu adottati b’mod konformi mal-proċedura stabbilità fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 120/67/KEE jew 359/67/KEE, skond kif ikun il-każ.

Artikolu 9

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet u lill-aġenziji awtorizzati minnhom biex jeffettwaw in-nefqa msemmija fl-Artikolu 8. Dawn għandhom, kemm-il darba jkunu diġa għamlu dan, mingħajr dewmien jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-regolamenti li jirregolaw lill-dawk l-awtoritajiet u l-aġenziji u bil-proċeduri amministrattivi u tal-kontijiet tagħhom u għandhom jipprovduha ta’ kull sena b’xi rapport jew parti minnu, li jinvolvi nefqa bħal din mfassla minnhom jew mill-awtoritajiet kompetenti ta’ reviżjoni jew ta’ sorveljanza.

2. L-Istati Membri għandhom perjodikament iwasslu lill-Kummissjoni d-dokumenti li ġejjin rigward l-awtoritajiet u l-aġenziji msemmija hawn fuq:

(a) dikjarazzjonijiet tal-kontijiet u l-estimi proviżorji tal-ħtiġiet finanzjarji:

(b) kontijiet annwali flimkien ma’ d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa għal għanijiet ta’ auditing.

3. Fuq il-bażi tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Kumitat tal-Fond, tistabbilixxi perjodikament il-ħlasijiet bil-quddiem li huma meħtieġa biex ikopru n-nefqa msemmija fl-Artikolu 8 u għandha, qabel l-aħħar tas-sena suċċessiva, tgħamel l-awditjar tal-kontijiet ta’ l-awtoritajiet u l-aġenziji.

4. Ir-regoli għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati b’mod konformi mal-proċedura stabbilità fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70.

Artikolu 10

1. Il-Kummissjoni għandha teffettwa n-nefqa msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) fil-każi meta ftehim konkluż mill-Komunità jipprovdi, fir-rigward ta’ dik in-nefqa, għal ħlas mill-ġdid fuq il-bażi ta’ dokumenti ta’ sostenn jew għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni f’somma waħda jew lill-aġenzija intermedjarja, jew, meta ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali hekk jiġġustifikaw u Deċiżjoni meħuda mill-Kunsill skond l-Artikolu 8(1)(b) hekk tipprovdi, lill-pajjiż benefiċjarju. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel pagamenti bil-quddiem għal nefqa bħal din.

2. Meta l-merkanzija tkun mixtrija fis-suq dinji, il-metodu tal-finanzjament għandu, kif meħtieġ, ikun iddeterminat b’mod konformi mal-proċedura stabbilità fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70.

TITOLU III

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 11

L-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-ispiża msemmija fir-Regolament (KEE) Nru 2052/69 u f’dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-3 ta’ Awissu 1972.

Għall-Kunsill

Il-President

T. Westerterp

[1] ĠU L 91, 28.4.1970, p. 19.

[2] ĠU L 263, 21.10.1969, p. 6.

[3] ĠU L 94, 28.4.1970, p. 13.

--------------------------------------------------