|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2719 |
7.12.2023 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2719
tas-6 ta’ Diċembru 2023
dwar il-konferma tar-rikonoxximent tal-ekwivalenza fir-rigward tal-prodotti organiċi kif previst fl-Anness 14 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), il-punt (a) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 3(1) u (2) tal-Anness 14 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2) (il- “Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) jipprevedu r-rikonoxximent reċiproku tal-ekwivalenza tal-liġijiet u tar-regolament tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit fir-rigward tal-prodotti organiċi elenkati fl-Appendiċijiet 14-A u 14-B tal-Anness 14. |
|
(2) |
L-Artikolu 3(3) tal-Anness 14 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li, fid-dawl tad-data tal-applikazzjoni tal-1 ta’ Jannar 2022 tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza msemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dak l-Artikolu jenħtieġ li jiġi vvalutat mill-ġdid sal-31 ta’ Diċembru 2023. |
|
(3) |
Fl-Artikolu 5(1)(a), tad-Deċiżjoni (UE) 2021/689, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex, f’isem l-Unjoni, tieħu d-deċiżjoni li tikkonferma jew tissospendi r-rikonoxximent tal-ekwivalenza bħala segwitu tal-valutazzjoni mill-ġdid tal-ekwivalenza li għandha titwettaq sal-31 ta’ Diċembru 2023 f’konformità mal-Artikolu 3(3) tal-Anness 14 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
|
(4) |
Il-Partijiet għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ddiskutew il-kwistjoni fit-tieni u fit-tielet laqgħa tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ li saru fl-24 ta’ Ottubru 2022 u fit-18 ta’ Ottubru 2023. Id-diskussjonijiet tekniċi bejn il-partijiet saru matul l-2023 u ġew konklużi fit-28 ta’ Settembru 2023. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tar-Renju Unit dwar il-prodotti organiċi kif previst fl-Artikolu 3(3) tal-Anness 14 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. B’segwitu għal din il-valutazzjoni u d-diskussjonijiet li saru fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-liġijiet u r-regolamenti tar-Renju Unit dwar il-prodotti organiċi huma ekwivalenti għar-Regolament (UE) 2018/848 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skontu. |
|
(6) |
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ġew infurmati bir-riżultati tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Unjoni tikkonferma li, fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Appendiċi 14-A tal-Anness 14 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-liġijiet u r-regolamenti tar-Renju Unit elenkati fl-Appendiċi 14-C ta’ dak l-Anness huma ekwivalenti għar-Regolament (UE) 2018/848 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skontu, li ssostitwew il-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Appendiċi 14-D ta’ dak l-Anness.
Artikolu 2
Ir-Renju Unit għandu jiġi nnotifikat bil-pożizzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/689/oj.?locale=mt.
(2) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.?locale=mt.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/848/oj.?locale=mt).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2719/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)