IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.10.2024
COM(2024) 468 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward it-tibdil fir-regoli dwar il-liv tal-maternità tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport
ANNESS
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru 2024/……
TAL-KUMITAT TAT-TMEXXIJA REĠJONALI
TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT
ta’ …………… 2024
li temenda d-Deċiżjoni Nru 2019/3 tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport tal-5 ta’ Ġunju 2019
IL-KUMITAT TAT-TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport u, b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 30 tiegħu,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu Uniku
Fid-Deċiżjoni Nru 2019/3 tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport tal-5 ta’ Ġunju 2019, l-Artikolu 10.4 tal-Anness II, “Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport”, huwa emendat u għandu jaqra kif ġej:
“10.4 Liv tal-maternità
(a)Mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat mediku, in-nisa tqal għandhom ikunu intitolati għal 20 ġimgħa ta’ liv tal-maternità b’paga sħiħa. Il-liv ma għandux jibda qabel 6 ġimgħat mid-data mistennija tal-ħlas murija fuq iċ-ċertifikat, u jintemm mhux qabel 14-il ġimgħa wara d-data tal-ħlas. Fil-każ ta’ ċesarja, twelid multiplu jew qabel iż-żmien, jew twelid ta’ tarbija b’diżabilità jew b’marda serja, iż-żmien għandu jkun 24 ġimgħa. Twelid qabel iż-żmien, għall-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni, huwa twelid li jseħħ qabel it-tmiem tal-34 ġimgħa tat-tqala. F’każ ta’ periklu serju għall-omm jew għall-wild, il-liv tal-maternità jista’ jibda qabel, wara l-preżentazzjoni ta’ ċertifikat mediku li jirrakkomanda li liv tal-maternità jibda qabel. Fil-każijiet kollha, il-liv tal-maternità għandu jibda mhux aktar tard mid-data reali tal-ħlas.
(b)L-intitolament għal-liv tal-maternità jinżamm kollu kemm hu jekk it-tarbija tmut mat-twelid jew ftit wara.
(c)Il-liv annwali jista’ jittieħed minnufih, mingħajr interruzzjoni, wara l-liv tal-maternità.
(d)Il-membru tal-persunal tista’ tidħol lura x-xogħol wara tmiem il-liv tal-maternità tagħha, dment li tippreżenta ċertifikat mediku li juri li hi b’saħħitha biżżejjed biex twettaq il-kompiti tagħha.”
Magħmul fi ………………….. nhar …………..2024
Għall-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali
Il-President