IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.10.2024
COM(2024) 468 final
2024/0257(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward it-tibdil fir-regoli dwar il-liv tal-maternità tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (it-“TCT”, Treaty establishing the Transport Community) rigward il-bidliet previsti fir-regoli dwar il-liv tal-maternità applikabbli għall-membri tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.
2.KUNTEST TAL-PROPOSTA
2.1It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport
Fl-1 ta’ Mejju 2019, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kosovo, il-Montenegro u r-Repubblika tas-Serbja (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa”) irratifikaw it-TCT. L-Unjoni Ewropea hija parti għat-TCT, wara li fl-4 ta’ Marzu 2019 adottat Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport. It-TCT daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.
2.2Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali
Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa stabbilit permezz tal-Artikolu 24 tat-TCT biex ikun responsabbli mill-amministrazzjoni tat-TCT u biex jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tiegħu. Għal dan l-iskop, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fit-TCT. B’mod partikolari, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali:
(a) iħejji l-ħidma tal-Kunsill Ministerjali,
(b) jiddeċiedi dwar l-istabbiliment ta’ kumitati tekniċi,
(c) jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet f’konformità mat-TCT,
(d) fir-rigward tal-atti tal-UE adottati dan l-aħħar, jieħu azzjoni xierqa, b’mod partikolari permezz ta’ reviżjoni tal-Anness I tat-TCT,
(e) jaħtar id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti wara konsultazzjoni mal-Kunsill Ministerjali,
(f) jista’ jaħtar Deputat Direttur wieħed jew aktar mis-Segretarjat Permanenti,
(g) jistabbilixxi r-regoli tas-Segretarjat Permanenti,
(h) jista’ jirrieżamina, permezz ta’ deċiżjoni, il-livell tal-kontribuzzjonijiet baġitarji,
(i) jadotta l-baġit annwali tat-TCT,
(j) jadotta deċiżjoni li tispeċifika l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit, għall-preżentazzjoni u l-awditjar tal-kontijiet kif ukoll għall-ispezzjoni,
(k) jieħu deċiżjonijiet dwar it-tilwimiet imressqa mill-Partijiet Kontraenti,
(l) jadotta prinċipji ġenerali fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, fir-rigward ta’ dokumenti miżmuma mill-korpi stabbiliti mit-TCT jew skontu,
(m) jadotta r-rapporti annwali għall-attenzjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar l-implimentazzjoni tan-Network Komprensiv, u
(n) fir-rigward ta’ ċerti atti tal-Unjoni, jistabbilixxi limiti ta’ żmien u modi għat-traspożizzjoni mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa.
Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa magħmul minn rappreżentant u minn rappreżentant sostitut ta’ kull Parti Kontraenti. Il-parteċipazzjoni bħala osservatur hija miftuħa għall-Istati Membri kollha tal-UE. Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali jaġixxi b’unanimità.
2.3L-att previst tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali
L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill huwa relatat mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali rigward ir-reviżjoni tar-regoli dwar il-liv tal-maternità għall-membri tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.
Ir-regoli applikabbli bħalissa dwar il-liv tal-maternità għall-membri tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport huma stabbiliti fl-Artikolu 10.4 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport (adottati skont l-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 2019/3 tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-5 ta’ Ġunju 2019). L-emenda prevista tinkludi b’mod partikolari proposta biex jiżdied l-għadd ta’ ġimgħat ta’ liv tal-maternità mħallas għall-membri tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunita tat-Trasport minn 16 għal 20 ġimgħa.
3.POŻIZZJONI LI GĦANDHA TITTIEĦED F’ISEM L-UNJONI
Is-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport fil-passat enfasizza li l-għadd ta’ ġimgħat ta’ liv tal-maternità mħallas applikabbli bħalissa għall-membri tal-persunal nisa tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport huwa ferm inqas mill-għadd minimu ta’ ġimgħat li l-membri tal-persunal nisa huma intitolati għalihom fil-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa. Barra minn hekk, is-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport enfasizza li r-regoli applikabbli bħalissa joħolqu problemi għall-membri tal-persunal bi trabi tat-twelid minħabba li huma ftit il-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal f’Belgrad li jaċċettaw tfal iżgħar minn 6 xhur.
Għalhekk, l-adozzjoni tad-deċiżjoni prevista mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-TCT u għall-funzjonament tajjeb tas-Segretarjat Permanenti. Peress li l-Unjoni hija parti għat-TCT, jeħtieġ li tiġi stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-deċiżjoni prevista.
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-TCT huwa wieħed mill-elementi li jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent, kif ikompli jiġi spjegat fil-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tat-TCT.
4.BAŻI LEGALI
4.1Bażi legali proċedurali
4.1.1 Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2 Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri t-TCT.
L-att li l-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. F’konformità mal-Artikolu 30 tat-TCT, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali għandu s-setgħa li jistabbilixxi regoli tas-Segretarjat Permanenti, b’mod partikolari għar-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku tal-persunal tas-Segretarjat. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 24(1) tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu l-kompitu li jamministra t-Trattat u li jiżgura l-implimentazzjoni tajba tiegħu.
Min-natura tagħhom, u bħala kwistjoni ta’ dritt internazzjonali li jirregola l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, ir-regoli previsti fihom elementi li jaffettwaw il-pożizzjoni legali tal-partijiet għat-TCT u, għaldaqstant, anki tal-Unjoni. Għaldaqstant, tali regoli jridu jitqiesu li jkollhom effetti legali.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tat-TCT.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst, li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE se jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet legali korrispondenti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-att previst huwa meħtieġ għall-funzjonament xieraq tat-TCT. Min-naħa tiegħu, it-TCT għandu objettivi u komponenti fl-oqsma tat-trasport bit-triq u bil-ferrovija u tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, li huma mezzi koperti mill-Artikolu 91 tat-TFUE kif ukoll fil-qasam tat-trasport marittimu, li hu mezz kopert mill-Artikolu 100(2) tat-TFUE. Minħabba n-natura orizzontali tiegħu, l-att previst jirreferi għal dawn l-elementi kollha.
Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE.
4.3Konklużjoni
Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2024/0257 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward it-tibdil fir-regoli dwar il-liv tal-maternità tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TCT”) ġie ffirmat mill-Unjoni Ewropea f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937.
(2)It-TCT ġie approvat f’isem l-Unjoni fl-4 ta’ Marzu 2019 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.
(3)Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali ġie stabbilit mit-TCT għall-amministrazzjoni u għall-implimentazzjoni xierqa tat-TCT.
(4)Skont l-Artikolu 30 tat-TCT, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali għandu l-kompetenza li jadotta deċiżjonijiet dwar ir-regoli dettaljati tas-Segretarjat Permanenti, b’mod partikolari għar-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku tal-persunal tas-Segretarjat.
(5)Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali jipprevedi li jadotta deċiżjoni dwar emenda tal-Anness II, “Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport”, tad-Deċiżjoni Nru 2019/3 tiegħu, fir-rigward tar-regoli dwar il-liv tal-maternità tal-membri tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.
(6)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali rigward l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq peress li hija meħtieġa għall-funzjonament xieraq tas-Segretarjat Permanenti,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward l-emenda tal-Anness II, “Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport”, tad-Deċiżjoni Nru 2019/3 tiegħu, li tikkonċerna r-regoli dwar il-liv tal-maternità tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali jistgħu jaqblu dwar bidliet żgħar fl-abbozz tad-deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President