|
6.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 68/51 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/465
tat-3 ta’ Marzu 2023
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-arseniku f’ċerti oġġetti tal-ikel
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jiffissa l-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel, fosthom l-arseniku mhux organiku f’għadd ta’ oġġetti tal-ikel. |
|
(2) |
L-arseniku huwa metallojd li jinsab kullimkien f’konċentrazzjonijiet zgħar fil-blat, fil-ħamrija u fl-ilma naturali ta’ taħt l-art. Barra minn hekk, l-attività antropoġenika kkontribwiet ukoll biex jiżdiedu l-livelli tal-arseniku fl-ambjent permezz tal-emissjonijiet industrijali (it-tħaffir fil-minjieri, it-tidwib ta’ metalli mhux ferrużi u l-ħruq ta’ fjuwils fossili) kif ukoll bl-użu tal-arseniku bħala parti minn fertilizzanti, preservattivi tal-injam, insettiċidi jew erbiċidi. Għalkemm huwa possibbli l-esponiment permezz tal-ġilda u l-inalazzjoni, ir-rotot prinċipali tal-esponiment għall-arseniku huma l-ikel u l-ilma tax-xorb. |
|
(3) |
Fit-12 ta’ Ottubru 2009, il-Bord Xjentifiku dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adotta opinjoni dwar l-arseniku fl-ikel (3). F’din l-opinjoni, il-Bord CONTAM ikkonkluda li d-doża provviżorja tollerabbli fil-ġimgħa (PTWI) ta’ 15 μg għal kull kilogramma ta’ piż tal-ġisem (b.w.), li ġiet stabbilita mill-Kumitat Espert Konġunt tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi fl-Ikel (“JECFA”) ma għadhiex xierqa għaliex id-data kienet uriet li l-arkseniku inorganiku jikkawża l-kanċer tal-pulmun, tal-bużżieqa tal-awrina kif ukoll tal-ġilda, u li kienu ġew irrapportati firxa ta’ effetti negattivi f’esponimenti aktar baxxi minn dawk riveduti mill-JECFA. |
|
(4) |
Il-Bord CONTAM identifika firxa ta’ valuri ta’ “doża ta’ riferiment b’limitu ta’ affidabbiltà baxx” (BMDL01) ta’ bejn iż-0,3 u t-8 μg għal kull kilogramma ta’ piż tal-ġisem kull jum għall-kanċer tal-pulmun, tal-ġilda u tal-bużżieqa tal-awrina, kif ukoll għal leżjonijiet tal-ġilda. Fl-opinjoni xjentifika tiegħu, il-Bord CONTAM ikkonkluda li l-esponimenti dijetetiċi stmati għall-arseniku inorganiku għal min jikkonsma livell medju u livell għoli fl-Ewropa huma fil-firxa tal-valuri BMDL01 identifikati, u li għalhekk ma jistax jiġi eskluż ir-riskju għal ċerti konsumaturi. |
|
(5) |
L-opinjoni xjentifika identifikat li l-konsumaturi li jieklu ħafna ross fl-Ewropa, bħal ċerti gruppi etniċi, u t-tfal ta’ taħt it-tliet snin, huma l-aktar li huma esposti għall-arseniku inorganiku mill-ikel. L-esponiment dijetetiku għall-arseniku inorganiku għat-tfal ta’ taħt it-tliet snin, inkluż minn ikel ibbażat fuq ir-ross, jiġifieri li l-ingredjent ewlieni tiegħu huwa r-ross, ġie stmat li huwa d-doppju jew t-tripplu ta’ dak li hu għall-adulti. |
|
(6) |
Fir-rapport xjentifiku tagħha tal-2014 (4) dwar l-esponiment djetetiku għall-arseniku inorganiku fil-popolazzjoni Ewropea, l-Awtorità identifikat il-prodotti bbażati fuq il-ħbub bħala l-kontributuri ewlenin għall-esponiment, u identifikat ir-ross, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib bħala kontributuri importanti. Madankollu, l-eteroġeneità tad-data dwar il-konsum tal-ikel, il-konverżjoni tal-arseniku totali f’arseniku inorganiku u t-trattament tad-data ċċensurata li kien fadal kienu rrappreżentaw inċertezzi sinifikanti fil-valutazzjoni tal-esponiment. |
|
(7) |
Fid-dawl ta’ dik l-informazzjoni, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1006 (5) stabbilixxa l-livelli massimi għall-preżenza tal-arseniku inorganiku fir-ross u fil-prodotti bbażati fuq ir-ross biss, u f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1381 (6), l-Istati Membri ntalbu li matul l-2016, l-2017 u l-2018, jimmonitorjaw il-preżenza tal-arseniku fl-ikel, preferibbilment billi jiddeterminaw il-kontenut ta’ arseniku inorganiku u totali u, jekk possibbli, speċijiet oħrajn rilevanti ta’ arseniku, f’varjetà kbira ta’ ikel. |
|
(8) |
Fir-rapport xjentifiku tagħha tal-2021 (7), l-Awtorità vvalutat l-esponiment djetetiku kroniku għall-arseniku inorganiku, filwaqt li qieset l-aktar data riċenti dwar l-okkorrenza tal-arseniku inorganiku fl-ikel. Hija kkonkludiet li fil-klassijiet ta’ etajiet diversi, il-kontributuri ewlenin għall-esponiment djetetiku għall-arseniku inorganiku kienu r-ross, il-prodotti bbażati fuq ir-ross, il-ħbub u l-prodotti bbażati fuq il-ħbub, li ma fihomx la ross u lanqas ilma tax-xorb. L-awtorità kkonkludiet ukoll li oġġetti tal-ikel partikolari indikati għall-popolazzjoni żagħżugħa (eż. l-ikel ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar u l-gallettini, il-biskuttelli u l-cookies għat-tfal, il-formuli tat-trabi, il-formuli tal-prosegwiment, l-ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar u l-formuli għat-tfal iż-żgħar, l-ikel u l-meraq tal-frott għat-trabi) kellhom kontribut rilevanti ta’ esponiment djetetiku għall-arseniku inorganiku f’dan il-grupp tal-popolazzjoni. |
|
(9) |
L-esponimenti medji u ta’ 95 perċentil eżistenti għall-arseniku fl-ikel għadhom fil-firxa tal-valuri tal-BMDL01 identifikati fl-opinjoni xjentifika tal-Bord CONTAM tal-2009. Għalhekk jixraq li jiġu stabbiliti livelli massimi ġodda għall-komoditajiet li jikkontribwixxu għall-esponiment għall-arseniku, u li fejn ikun fattibbli, jitbaxxew il-livelli massimi eżistenti abbażi tad-data dwar l-okkorrenza. |
|
(10) |
Il-Codex Alimentarius jistabbilixxi livell massimu ta’ 0,5 mg/kg għall-arseniku fil-melħ (8). Jixraq li l-istess livell massimu jiġi stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
|
(11) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat skont dan. |
|
(12) |
Filwaqt li jitqies li ċerti oġġetti tal-ikel koperti minn dan ir-Regolament għandhom ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa twila, oġġetti tal-ikel li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jitħallew jibqgħu fis-suq. |
|
(13) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-oġġetti tal-ikel li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu fis-suq sad-data ta’ durabbiltà minima jew sad-data ta’ skadenza.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).
(3) EFSA Panel on Contaminants in the Food Chain (CONTAM); Scientific Opinion on Arsenic in Food. EFSA Journal 2009; 7(10):1351, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2009.1351
(4) Scientific report of EFSA on the dietary exposure to inorganic arsenic in the European population, EFSA Journal 2014; 12(3): 3597, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2014.3597
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1006 tal-25 ta’ Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta’ arseniku inorganiku fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 161, 26.6.2015, p. 14).
(6) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1381 tal-10 ta’ Awwissu 2015 dwar il-monitoraġġ tal-arseniku fl-ikel (ĠU L 213, 12.8.2015, p. 9).
(7) Scientific report of EFSA on the dietary exposure to inorganic arsenic in the European population, EFSA Journal 2021; 19(1): 6380, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2021.6380
(8) Codex General Standard for Contaminants and Toxin in Foods and Feeds — GSCTFF (CODEX STAN 193-1995).
ANNESS
Fit-Taqsima 3 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, fis-sottotaqsima 3.5 Arseniku (inorganiku) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
|
Oġġetti tal-ikel (1) |
Livelli massimi (mg/kg piż imxarrab) |
|
|
“3.5 |
Arseniku (arseniku inorganiku għal 3.5.1 sa 3.5.4 u arseniku totali għal 3.5.5) (50) |
|
|
3.5.1 |
Ċereali u prodotti bbażati fuq iċ-ċereali (51) |
|
|
3.5.1.1 |
Ross immaċinat mhux mgħolli parzjalment (ross abjad jew imqaxxar u meħluf) |
0,15 |
|
3.5.1.2 |
Ross mgħolli parzjalment u ross meħluf |
0,25 |
|
3.5.1.3 |
Dqiq tar-ross |
0,25 |
|
3.5.1.4 |
Waffles, wafers, crackers, cakes, u laqx tar-ross, u ross minfuħ tal-kolazzjon |
0,30 |
|
3.5.1.5 |
Ross maħsub għall-produzzjoni ta’ ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar (3) |
0,10 |
|
3.5.1.6 |
Xarbiet ibbażati fuq ir-ross mhux alkoħoliċi |
0,030 |
|
3.5.2 |
Formuli tat-trabi(3) (29), formuli ta’ prosegwiment(3) (29), ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar(3) (29), u formuli għat-tfal iż-żgħar(29) (57). |
|
|
3.5.2.1 |
ikkummerċjalizzati fil-forma ta’ trab |
0,020 |
|
3.5.2.2 |
ikkummerċjalizzati fil-forma ta’ likwidu |
0,010 |
|
3.5.3 |
Ikel tat-trabi(3),(29) |
0,020 |
|
3.5.4 |
Meraq tal-frott, meraq tal-frott ikkonċentrat rikonstitwit u nektars tal-frott (14) |
0,020 |
|
3.5.5 |
Melħ |
0,50 ” |