31.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 272/35


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1634

tat-30 ta' Ottubru 2018

li jġedded id-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mad-distanza minima mill-kosta u mal-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta) f'ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta' rkaptu rmunkat sa tliet mili nawtiċi mill-kosta jew sa livell ta' fond ta' 50 metru meta dak il-fond jintlaħaq 'il ġewwa minn dik id-distanza mill-kosta.

(2)

Fuq talba ta' Stat Membru, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dejjem jekk jintlaħqu għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9).

(3)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 988/2011 (2) ta deroga mill-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament għall-użu tat-tartaruni mill-bastimenti li jistadu għall-makku (Aphia minuta) fl-ilmijiet territorjali tas-Subżona Ġeografika 9, kif iddefinita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li kienet tgħodd sal-31 ta' Marzu 2014.

(4)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2407 (4) estenda dik id-deroga sal-31 ta' Marzu 2018.

(5)

Fit-23 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand l-Italja biex tiġi estiża d-deroga li skadiet fil-31 ta' Marzu 2018. L-Italja bagħtet informazzjoni aġġornata li kienet tiġġustifika l-estensjoni tad-deroga.

(6)

L-Italja adottat pjan ta' ġestjoni skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 permezz ta' Digriet (5). Il-pjan ta' ġestjoni li ġie adottat iddaħħal biex jakkumpanja d-deroga tul il-perjodu kollu li matulu tibqa' għaddejja.

(7)

F'Lulju tal-2018, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) ivvaluta d-deroga li l-Italja talbet għaliha u l-pjan ta' ġestjoni aġġornat marbut magħha (6). Il-valutazzjoni ġenerali tal-STECF kienet waħda pożittiva u l-informazzjoni dwar il-bijoloġija u l-ekoloġija, dwar il-flotta u dwar l-isforz hija ppreżentata tajjeb. L-STECF qal li l-għanijiet proposti fil-pjan ta' ġestjoni huma konsistenti mal-għanijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 6. Fil-qabdiet kultant biss jinqabdu speċijiet oħrajn. It-tartaruni li jintużaw biex jinqabad il-makku jistgħu jitqiesu bħala tip ta' rkaptu selettiv, filwaqt li l-impatt tagħhom fuq l-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jista' jitqies li huwa baxx ħafna. L-STECF qal li l-pjan ta' ġestjoni fih ħafna elementi għall-monitoraġġ u għall-ġestjoni tal-attivitajiet tas-sajd. L-STECF enfasizza l-ħtieġa li tiġi ċċarata l-interazzjoni tal-irkaptu ma' qiegħ il-baħar, u li jiġu ċċarati l-monitoraġġ u d-data xjentifika. L-Italja ntalbet teżamina dawk il-kwistjonijiet. Sabiex jittrattaw il-kwistjoni tat-titjib fid-data xjentifika, l-awtoritajiet Taljani qablu li jaġġornaw il-pjan ta' ġestjoni tagħhom u li jsaħħu l-obbligi tar-rappurtar obbligatorju u ntrabtu li jipprovdu rapport xjentifiku preliminari fi tmiem l-istaġun tas-sajd tal-2019 u l-2020.

(8)

L-estensjoni tad-deroga li l-Italja talbet għaliha tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(9)

Hemm restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi kemm minħabba l-wisa' limitata tal-blata kontinentali u kemm minħabba d-distribuzzjoni ġeografika tal-ispeċi fil-mira, li tinstab biss f'ċerti żoni max-xatt fejn il-baħar huwa inqas minn 50 metru fond. Għalhekk, iż-żoni tas-sajd huma limitati.

(10)

L-STECF esprima xi tħassib dwar in-nuqqas ta' data aġġornata dwar id-distribuzzjoni ġeografika tal-attivitajiet tas-sajd b'rabta mad-distribuzzjoni tal-ħabitats tal-ħaxix tal-baħar. Madankollu, ta' min jinnota li, f'dak li għandu x'jaqsam mal-impatt fuq qiegħ il-baħar, l-osservazzjonijiet li twettqu abbord matul l-istaġuni tas-sajd juru li s-sajd bit-tartaruni jaħdem tajjeb biss fejn qiegħ il-baħar ikun nadif u jkun magħmul mir-ramel jew mit-tajn, filwaqt li ma jistax isir sajd f'żoni fejn qiegħ il-baħar huwa kopert mill-ispeċi Posidonia. Dan ta' hawn fuq iwassal għall-konklużjoni li s-sajd bit-tartaruni ma għandux impatt sinifikanti fuq il-ħabitats protetti u huwa selettiv ħafna, minħabba li t-tartaruni jiġu kalati fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux ma' qiegħ il-baħar – fil-fatt, kieku jinġabar il-materjal minn qiegħ il-baħar, dan jagħmel dannu lill-ispeċi fil-mira u jagħmilha kważi impossibbli li wieħed jagħżel l-ispeċi mistada minħabba d-daqs żgħir ħafna ta' dan it-tip ta' ħut.

(11)

Is-sajd bit-tartaruni jsir qrib il-kosta f'baħar baxx. Minħabba n-natura tiegħu, dan it-tip ta' sajd ma jista' jsir bl-ebda rkaptu ieħor tas-sajd.

(12)

Id-deroga li l-Italja talbet għaliha tolqot lil 117-il bastiment.

(13)

Il-pjan ta' ġestjoni li l-Italja ppreżentat jiżgura li mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd fil-ġejjieni, minħabba li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu għall-117-il bastiment speċifikat li diġà huma awtorizzati jistadu fl-Italja u li flimkien għandhom sforz totali ta' 5 886,9 kW.

(14)

It-talba tkopri bastimenti b'iktar minn ħames snin esperjenza f'dan it-tip ta' sajd.

(15)

Dawn il-bastimenti huma mniżżlin f'lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(16)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 minħabba li l-pjan ta' ġestjoni li l-Italja adottat jipprojbixxi b'mod ċar li wieħed jistad fiż-żoni protetti.

(17)

Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma japplikawx minħabba li dawn għandhom x'jaqsmu mal-bastimenti tat-tkarkir.

(18)

F'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżit tal-qies minimu tal-malji stabbilit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, jenħtieġ li jiġi nnutat li, minħabba li l-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati huma selettivi ħafna, minħabba li l-effett tagħhom fuq l-ambjent tal-baħar huwa negliġibbli u minħabba li dawn ma jsirux fiż-żoni protetti, fil-pjan ta' ġestjoni tagħha, l-Italja awtorizzat deroga minn dak ir-rekwiżit skont l-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(19)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (8).

(20)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jsiru qrib ħafna tal-kosta u għalhekk ma jfixklux l-attivitajiet ta' bastimenti li jkunu qed jużaw irkaptu ieħor minbarra x-xbieki tat-tkarkir, it-tartaruni u xbieki rmunkati simili oħrajn.

(21)

Il-pjan ta' ġestjoni li l-Italja adottat jirregola l-attivitajiet tas-sajd bit-tartaruni sabiex jiżgura li jkun hemm qabdiet minimi tal-ispeċijiet imsemmijin fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 5.1.2(a) tal-pjan ta' ġestjoni li l-Italja adottat, il-makku (Aphia minuta) jista' jiġi mistad biss fl-istaġun tas-sajd ta' bejn l-1 ta' Novembru u l-31 ta' Marzu ta' kull sena u kull bastiment jista' jistad għalih tul għadd massimu ta' 60 jum f'kull staġun tas-sajd.

(22)

Is-sajd bit-tartaruni ma għandux fil-mira ċ-ċefalopodi.

(23)

Il-pjan ta' ġestjoni li l-Italja adottat fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(24)

Għalhekk jenħtieġ li tingħata l-estensjoni tad-deroga mitluba.

(25)

Jenħtieġ li l-Italja tibgħat rapport lill-Kummissjoni fiż-żmien dovut u skont il-pjan ta' monitoraġġ previst fil-pjan ta' ġestjoni li adottat.

(26)

Il-fatt li d-deroga tkun limitata għal perjodu speċifiku se jippermetti li jiġi żgurat li jittieħdu miżuri korrettivi minnufih f'każ li r-rapport li jintbagħat lill-Kummissjoni jkun juri li l-istokk sfruttat ikun f'qagħda ta' konservazzjoni ħażina, filwaqt li jipprovdi lok biex tittejjeb il-bażi xjentifika u b'hekk jittejjeb il-pjan ta' ġestjoni.

(27)

Għalhekk jenħtieġ li d-deroga tkun tapplika sal-31 ta' Marzu 2021.

(28)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta) użati fl-ilmijiet territorjali tal-Italja li jmissu mal-kosta tar-reġjun tal-Liguria u tar-reġjun tat-Toskana minn bastimenti:

(a)

li huma rreġistrati fid-Direttorati Marittimi (bit-Taljan imsejħin “Direzione Marittima”) ta' Ġenova u ta' Livorno rispettivament;

(b)

li għandhom iktar minn ħames snin esperjenza f'dan it-tip ta' sajd u li mhux se jiżdidilhom l-isforz tas-sajd fil-ġejjieni; u

(c)

li għandhom awtorizzazzjoni tas-sajd u li jaħdmu skont il-pjan ta' ġestjoni li l-Italja adottat skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

Artikolu 2

Pjan ta' monitoraġġ u rapport

Fi żmien sena minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, l-Italja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni mfassal skont il-pjan ta' monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta' ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u perjodu ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika sal-31 ta' Marzu 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 988/2011 tal-4 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun għall-makku (Aphia minuta) f'ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 260, 5.10.2011, p. 15).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2407 tat-18 ta' Diċembru 2015 li jġedded id-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun għall-makku (Aphia minuta) f'ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 333, 19.12.2015, p. 104).

(5)   Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana 226, 28.9.2018, supplemento ordinario n. 44.

(6)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf.

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).