9.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/39


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1122

tat-8 ta’ Lulju 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 u mal-lista ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika użati fis-swieq finanzjarji stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill iżid in-Norwegian Interbank Offered Rate u minnha jneħħi l-London Interbank Offered Rate

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-parametri referenzjarji jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala ta’ importanza kritika f’konformità mal-Artikolu 20(1), il-punt (a), il-punt (b) jew il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2016/1011. L-Artikolu 20(1), il-punt (b) jesiġi li l-parametri referenzjarji, sabiex tali parametri referenzjarji jiġu rikonoxxuti bħala parametri referenzjarji ta’ importanza kritika, ikunu bbażati fuq id-data tal-input li tkun ġiet ippreżentata minn kontributuri li fil-maġġoranza tagħhom jinsabu fi Stat Membru wieħed u huma rikonoxxuti bħala ta’ importanza kritika f’dak l-Istat Membru. Fil-11 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 (2), li stabbilixxa lista ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 huwa applikabbli fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u ġie implimentat fil-leġiżlazzjoni Norveġiża fis-6 ta’ Diċembru 2019.

(3)

Fit-3 ta’ Diċembru 2020, l-awtorità Norveġiża kompetenti, il-Finanstilsynet, innotifikat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar il-proposta tagħha li tirrikonoxxi n-Norwegian Interbank Offered Rate (“NIBOR”) bħala parametru referenzjarju ta’ importanza kritika, skont l-Artikolu 20(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/1011, għaliex in-NIBOR hija kritika fin-Norveġja u hija bbażata fuq sottomissjonijiet minn kontributuri, li l-maġġoranza tagħhom jinsabu fin-Norveġja.

(4)

In-NIBOR hija rata ta’ referenza bbażata fuq medja tar-rati tal-imgħax li abbażi tagħha banek li joperaw fis-suq monetarju Norveġiż huma lesti jsellfu fondi mhux garantiti lil xulxin b’maturitajiet differenti. In-NIBOR tiġi ddeterminata fuq bażi ta’ kuljum għal ħames maturitajiet differenti: ġimgħa, xahar, xahrejn, tliet xhur u sitt xhur. Mit-3 ta’ Diċembru 2020, sitt banek qed jipparteċipaw fil-panel tan-NIBOR, li kollha jinsabu fin-Norveġja.

(5)

Fil-valutazzjoni tagħha ppreżentata lill-ESMA, il-Finanstilsynet ikkonkludiet li l-waqfien tan-NIBOR, jew il-forniment tagħha abbażi ta’ data tal-input, jew ta’ panel ta’ kontributuri, li ma jkunux għadhom rappreżentattivi tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti, jista’ jkollu impatt negattiv sinifikanti fuq il-funzjonament tas-swieq finanzjarji fin-Norveġja.

(6)

Il-valutazzjoni mill-Finanstilsynet turi li n-NIBOR tintuża bħala referenza f’self lill-unitajiet domestiċi u istituzzjonijiet mhux finanzjarji li jammonta għal madwar EUR 418-il biljun, li jikkorrispondi għal 94 % tat-total ta’ self mogħti fin-Norveġja lill-unitajiet domestiċi u istituzzjonijiet mhux finanzjarji, u għal 136 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tan-Norveġja. Barra minn hekk, in-NIBOR isservi bħala referenza għall-pagamenti tal-kupuni għal madwar 60 % tal-valur nominali totali tal-bonds b’rata varjabbli fin-Norveġja, għal ammont totali ta’ madwar EUR 130 biljun. Il-Finanstilsynet, abbażi ta’ data minn kontroparti ċentrali waħda, uriet ukoll li n-NIBOR tintuża bħala referenza f’derivattivi tar-rati tal-imgħax barra l-Borża (OTC - over-the-counter) għal ammont nozzjonali pendenti ta’ minn tal-anqas EUR 1988 biljun minn Ottubru 2020. Fl-aħħar nett, il-Finanstilsynet indikat li n-NIBOR bħalissa hija referenzjata fil-fondi ta’ investiment b’valur totali nett tal-assi ta’ EUR 0,3 biljun. Il-valur totali tal-istrumenti finanzjarji u tal-kuntratti finanzjarji li jirreferenzjaw in-NIBOR huwa għaldaqstant minn tal-anqas tmien darbiet ogħla mill-prodott nazzjonali gross tan-Norveġja.

(7)

Il-valutazzjoni mill-Finanstilsynet ikkonkludiet li n-NIBOR hija importanti ferm għall-istabbiltà finanzjarja u l-integrità tas-suq fin-Norveġja, u li d-diskontinwità jew l-inaffidabbiltà tan-NIBOR jista’ jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-funzjonament tas-swieq finanzjarji fin-Norveġja u fuq il-kumpaniji u l-konsumaturi minħabba li tintuża fis-self, fil-prodotti ta’ kreditu għall-konsumatur, fid-derivattivi tar-rati tal-imgħax OTC u fil-fondi ta’ investiment.

(8)

Fit-28 ta’ Jannar 2021, l-ESMA bagħtet l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni li tistabbilixxi li l-valutazzjoni mill-Finanstilsynet tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011 u li l-Finanstilsynet kienet ipprovdiet data kwantitattiva biex issostni l-każ għar-rikonoxximent tan-NIBOR bħala parametru referenzjarju ta’ importanza kritika, kif ukoll raġunament analitiku li jenfasizza r-rwol kruċjali tan-NIBOR fl-ekonomija Norveġiża.

(9)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-Kummissjoni hija obbligata li twettaq rieżami tal-lista ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika minn tal-anqas kull sentejn, u dawk il-parametri referenzjarji għandhom jiġu pprovduti minn amministraturi li jinsabu fl-Unjoni. Fil-31 ta’ Jannar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni. Għalhekk il-parametri referenzjarji pprovduti minn amministratur li jinsab fir-Renju Unit ma jistgħux jikkwalifikaw aktar bħala parametri referenzjarji ta’ importanza kritika u jenħtieġ li jitneħħew mil-lista ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1368. Il-London InterBank Offered Rate (LIBOR) ġiet ikkwalifikata bħala parametru referenzjarju ta’ importanza kritika fid-19 ta’ Diċembru 2017, u għaldaqstant il-LIBOR jenħtieġ li titneħħa mil-lista ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1368.

(10)

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fost l-oħrajn biex jaħtar lill-ESMA bħala l-awtorità kompetenti għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika kif imsemmi fl-Artikolu 20(1), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/1011 mill-1 ta’ Jannar 2022. Madankollu, il-kompetenza għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika kif imsemmi fl-Artikolu 20(1), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2016/1011 se tibqa’ f’idejn l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti. Huwa għalhekk xieraq li l-lista ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika stabbiliti mill-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn il-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika msemmija fl-Artikolu 20(1), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/1011, u dawk imsemmija fl-Artikolu 20(1), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament.

(11)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1368 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(12)

Fl-isfond tal-importanza kruċjali tan-NIBOR, l-użu wiesa’ tagħha u r-rwol tagħha fl-allokazzjoni ta’ kapital fin-Norveġja, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’mod urġenti.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1368 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 tal-11 ta’ Awwissu 2016 li jistabbilixxi lista ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika użati fis-swieq finanzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 217, 12.8.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1).


ANNESS

“ANNESS

Lista ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika skont l-Artikolu 20(1), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/1011

Nru

Parametru referenzjarju

Amministratur

Post

1

Euro Interbank Offered Rate (EURIBOR®)

European Money Markets Institute (EMMI)

Brussell, il-Belġju

2

Euro Overnight Index Average (EONIA®)

European Money Markets Institute (EMMI)

Brussell, il-Belġju


Lista ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika skont l-Artikolu 20(1), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2016/1011

Nru

Parametru referenzjarju

Amministratur

Post

1

Stockholm Interbank Offered Rate (STIBOR)

Swedish Bankers’ Association (Svenska Bankföreningen)

Stokkolma, l-Iżvezja

2

Warsaw Interbank Offered Rate (WIBOR)

GPW Benchmarks S.A.

Varsavja, il-Polonja

5

Norwegian Interbank Offered Rate (NIBOR)

Norske Finansielle Referanser (NoRe)

Oslo, in-Norveġja

”