|
15.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 238/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1528
tal-4 ta’ Lulju 2022
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress tal-Istrument għall-appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali (“l-Istrument”) fil-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/1077 huma elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
L-indikaturi elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2021/1077, filwaqt li huma adattati għall-fini tal-monitoraġġ annwali tal-prestazzjoni, mhumiex biżżejjed sabiex jippermettu monitoraġġ u evalwazzjoni komprensivi tal-attivitajiet u tar-riżultati tal-Istrument fil-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tiegħu. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti indikaturi addizzjonali bħala parti mill-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni. |
|
(3) |
L-indikaturi jenħtieġ li jkejlu l-outputs, ir-riżultati u l-impatti tal-Istrument, filwaqt li jqisu r-rekwiżiti eżistenti ta’ rappurtar u ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 11, 12 u 13 tar-Regolament (UE) 2021/1077. |
|
(4) |
Biex jiġi żgurat li d-data għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Istrument tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv u fil-ħin, jenħtieġ li jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonati fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Istrument, filwaqt li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Indikaturi tal-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni u r-rekwiżiti ta’ rappurtar
1. Meta jiġi mmonitorjat u evalwat l-Istrument f’konformità mal-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) 2021/1077, l-indikaturi li ġejjin għandhom jintużaw bħala parti mill-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni:
|
(a) |
l-indikaturi (2) stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2021/1077, li għandhom ikejlu r-riżultati tal-Istrument; |
|
(b) |
l-indikaturi stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, li għandhom ikejlu l-outputs, ir-riżultati u l-impatti tal-Istrument. |
2. Id-data sottostanti użata mill-Kummissjoni biex tkejjel l-indikaturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jagħtuha r-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni kull sena, meta tali data tkun disponibbli. Ir-riżultati miksuba mir-rapporti annwali, mill-Punti ta’ Qsim tal-Fruntiera u mil-laboratorji doganali, għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni permezz, iżda mhux biss, tal-komunikazzjoni annwali tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-applikazzjoni għall-finanzjament u l-istħarriġ predefinit indirizzati lilhom mill-Kummissjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tuża l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni biex tkejjel l-indikaturi msemmija fil-paragrafu 1, bħala parti mill-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Imsejjaħ indikatur tar-riżultat “RES 1.3”
ANNESS
Lista ta’ indikaturi addizzjonali fir-rigward tal-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-Istrument għat-tagħmir ta’ kontroll doganali msemmi fir-Regolament (UE) 2021/1077
1.
Indikaturi tal-output:|
(a) |
OP 1.1: L-għadd ta’ biċċiet ta’ tagħmir għal kull Punti ta’ Qsim tal-Fruntiera (BCP) u laboratorju doganali tal-Istati Membri li nxtraw, inżammu jew ġew aġġornati permezz ta’ fondi tas-CCEI; |
|
(b) |
OP 1.2: L-użu ta’ tagħmir ikkonċernat għal kull Punti ta’ Qsim tal-Fruntiera u laboratorju doganali tal-Istati Membri li nxtara, inżamm jew ġew aġġornat permezz ta’ fondi tal-Istrument għat-tagħmir ta’ kontroll doganali; |
|
(c) |
OP 1.3: Il-proporzjon ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali li jirrapportaw b’mod pożittiv dwar l-appoġġ tal-Istrument għat-tagħmir ta’ kontroll doganali ġenerali u l-effiċjenza tal-proċess ta’ implimentazzjoni. |
2.
Indikaturi tar-riżultati:|
(a) |
RES 1.1: Ir-riżultati speċifiċi miksuba mill-Istati Membri bl-użu tat-tagħmir iffinanzjat mis-CCEI; |
|
(b) |
RES 1.2: Il-proporzjon ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali li jaqblu li l-Istrument għat-Tagħmir ta’ Kontroll Doganali kkontribwixxa għal kontrolli doganali adegwati b’riżultati ekwivalenti; |
|
(c) |
RES 1.4: Il-kopertura tar-riskji u t-theddid preżenti fil-Punti ta’ Qsim tal-Fruntiera/laboratorji li jikkontribwixxu għal applikazzjoni armonizzata tal-kontrolli doganali; |
|
(d) |
RES 2: Il-proporzjon ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali li jirrapportaw b’mod pożittiv dwar il-kontribut tal-Istrument għat-tagħmir ta’ kontrolli doganali għal implimentazzjoni aħjar tal-Qafas ta’ Mmaniġġar tar-Riskju Doganali (CRMF). |
3.
Indikatur tal-impatt:IMP 1: Il-kontribut tas-CCEI għall-objettivi tal-Unjoni Doganali
|
(a) |
IMP 1 sub-1: Il-kontribut tas-CCEI għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni; |
|
(b) |
IMP 1 sub-2: Il-kontribut tas-CCEI biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha; |
|
(c) |
IMP 1 sub-3: Il-kontribut tas-CCEI għall-protezzjoni tal-Unjoni mill-kummerċ illegali u għall-iffaċilitar tal-attivitajiet kummerċjali leġittimi. |