SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

11 ta’ Ġunju 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi permezz tal-kontroll tal-kummerċ tagħhom – Żiemel tal-baħar Ġappuniż – Regolament (KE) Nru 338/97 – Artikolu 2(t) – Kunċett ta’ ‘kampjun’ – Artikolu 4(2) – Permess ta’ importazzjoni – Artikolu 2(j) u Artikolu 7(3) – Oġġetti personali jew domestiċi – Artikolu 16 – Sanzjonijiet kriminali – Introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ kampjuni mingħajr permess ta’ importazzjoni – Regolament (KE) Nru 865/2006 – Artikolu 57 – Introduzzjoni ta’ oġġetti personali jew domestiċi fl-Unjoni”

Fil-Kawża C‑601/24 [Gotka] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Jarosławiu Wydział II Karny (il-Qorti Distrettwali ta’ Jarosław, Sezzjoni Kriminali II, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Settembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Settembru 2024, fil-proċeduri kriminali kontra

V.B.,

fil-preżenza ta’:

Prokurator Prokuratury Rejonowej w Jarosławiu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. Condinanzi, President tal-Awla, R. Frendo u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Jannar 2026,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–

għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, T. Paroulková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P. E. Wagner, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll, F. Hagen, M. Kopetzki u B. Leitner, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u D. Milanowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 2(j) u (t) u tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad‑9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 136), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 398/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 126, p. 5) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 338/97”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra V.B., ċittadin Ukrain, akkużat li introduċa fl-Unjoni Ewropea, mingħajr permess ta’ importazzjoni, kaxxi tal-pilloli li fihom estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż, speċi protetta bis-saħħa tar-Regolament Nru 338/97.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu, iffirmata f’Washington fit‑3 ta’ Marzu 1973 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 993, Nru I-14537, iktar ’il quddiem iċ-“CITES”), għandha l-għan li tiżgura li l-kummerċ internazzjonali tal-ispeċi elenkati fl-annessi tagħha, kif ukoll tal-partijiet u d-derivati tagħhom, ma jippreġudikax il-konservazzjoni tal-bijodiversità, u jkun ibbażat fuq użu sostenibbli ta’ speċi selvaġġi.

4

Iċ-CITES, li għaliha l-Unjoni saret parti għaliha fit‑8 ta’ Lulju 2015, ġiet implimentata fl-Unjoni mill‑1 ta’ Jannar 1984 bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3626/82 tat‑3 ta’ Diċembru 1982 dwar l-Implimentazzjoni fil-Komunità tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (ĠU 1982, L 384, p. 1). Dan ir-regolament tħassar bir-Regolament Nru 338/97.

5

Skont ir-riżoluzzjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għaċ-CITES, intitolata “Kontroll tal-kummerċ ta’ kampjuni li jikkostitwixxu oġġetti personali jew għal użu domestiku” (Conf.13.7 (Rev. COP17)) (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni 13.7 tal-Konferenza tal-Partijiet għaċ-CITES”):

“[…]

Il-Konferenza tal-Partijiet għaċ-[CITES]

“1.

Tiddeċiedi li l-espressjoni ‘oġġetti personali jew għal użu domestiku’, li tinsab fl-Artikolu VII(3), għandha tapplika għall-kampjuni li:

a)

huma miżmuma għal finijiet personali, għal użu mhux kummerċjali;

b)

ikunu ġew akkwistati legalment; u

c)

fil-mument tal-importazzjoni, tal-esportazzjoni jew tal-esportazzjoni mill-ġdid:

i)

jintlibsu, jinġarru jew jiddaħħlu fil-bagalji personali; jew

ii)

huma parti minn ġarr.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 338/97

6

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 338/97, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament hu li jipproteġi l-ispeċi ta’ fawna u flora salvaġġi u li jiggarantixxi l-konservazzjoni tagħhom billi jirregola l-kummerċ fihom skond l-Artikoli li ġejjin.

Dan ir-Regolament għandu japplika f’konformità ma’ l-għanijiet, il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni imfissra fl-Artikolu 2.”

7

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti (b), (j) u (t) tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)

‘Konvenzjoni’ għandha tfisser [iċ-CITES];

[…]

(j)

‘oġġetti personali jew domestiċi’ għandha tfisser kampjuni mejta, partijiet jew derivattivi minnhom, li jkunu l-proprjetà ta’ individwu privat u li jiffurmaw, jew li huma mahsuba biex jiffurmaw, parti mill-oġġetti u l-proprjetà mobbli tiegħu;

[…]

(t)

‘kampjun’ għandu jfisser kull annimal jew xitla, sew jekk haj/ħajja u sew jekk mejjet/mejta, ta’ l-ispeċi elenkati fl-Annessi A sa D, xi parti jew derivattiva minnhom, kemm jekk tkun f’xi oġġetti ohra u kemm le, kif ukoll kull oġġett iehor li jitfaċċa minn xi dokument li jkun hemm magħhom, l-ippakkjar jew xi marka jew tikketta jew minn xi ċirkostanzi oħra, li huma jew li jkun fihom partijiet jew derivattivi ta’ annimali jew pjanti ta’ dawk l-ispeċi, sakemm dawk il-pjanti jew derivattivi ma jkunux speċifikament eżentati mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jew minn xi dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Anness li fih l-ispeċi kkonċernata hi elenkata permezz ta’ indikazzjoni għal dak il-għan fl-Annessi konċernati.”

8

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Introduzzjoni fil-Komunità”, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi:

“L-introduzzjoni fil-Komunità [Ewropea] ta’ kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness B għandha tkun suġġetta għat-twettiq tal-verifiki kollha meħtieġa u l-preżentazzjoni minn qabel, fl-uffiċju doganali tal-fruntiera fil-post ta’ l-introduzzjoni, ta’ permess ta’ importazzjoni maħruġ mill-awtorità amministrattiva ta’ l-Istat Membru destinatarju.”

9

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Derogi”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“B’deroga mill-Artikoli 4 u 5, id-dispożizzjonijiet li hemm fihom m’għandhomx ikunu applikabbli għal kampjuni mejta, partijiet u derivattivi ta’ speċi msemmija fl-Annessi A sa D li jkunu oġġetti personali jew domestiċi li jkunu qed jiddaħħlu fil-Komunità, jew esportati jew ri-esportati minnha, b’konformità mad-dispożizzjonijiet li għandhom ikunu speċifikati mill-Kummissjoni [Ewropea]. […]”

10

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 338/97, intitolat “Sanzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) u fil-paragrafu 2 tiegħu:

“1.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jassiguraw l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-anqas dwar il-ksur li ġej ta’ dan ir-Regolament:

a)

l-introduzzjoni fil-, jew l-esportazzjoni jew ir-ri-esportazzjoni mill-Komunità ta’ kampjuni mingħajr il-permess jew ċertifikat indikat jew b’xi permess jew ċertifikat falz, iffalzifikat jew invalidu jew wieħed li jkun alterat mingħajr awtorizzazzjoni ta’ l-awtorità tal-ħruġ;

[…]

2.   Il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhomn jixirqu lin-natura u l-gravità tal-ksur u għandhom jinkludu dispożizzjonijiet rgward il-qbid u, fejn xieraq, il-konfiska tal-kampjuni.”

11

Fl-Anness B ta’ dan ir-regolament, jinsabu l-“[Hippocampus spp. (II)]”.

Ir-Regolament (KE) Nru 865/2006

12

Il-premessi 1, 2 u 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 tal‑4 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU 2010, L 326M, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 100/2008, tal‑4 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 31, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 865/2006”), jipprovdu:

“(1)

Hemm bżonn ta’ dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KE) Nru 338/97 u sabiex tiġi żgurata l-konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet [taċ-CITES]

(2)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-Regolament (KE) Nru 338/97, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet u kriterji dettaljati għall-kunsiderazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal permessi u ċertifikati u għall-ħruġ, il-validità u l-użu ta’ dawn id-dokumenti. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti mudelli li magħhom għandhom jikkorrespondu dawk id-dokumenti.

[…]

(6)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-immarkar ta’ ċerti kampjuni ta’ speċi sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tagħhom u jiġi żgurat l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 338/97.”

13

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 865/2006, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt 5 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 338/97, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

5)

‘persuna li hija normalment residenti fil-Komunità” tfisser persuna li tgħix fil-Komunità għal mill-inqas 185 jum f’kull sena kalendarja minħabba r-rabtiet tax-xogħol tagħha, jew, fil-każ ta’ persuna mingħajr irbit ta’ xogħol, minħabba rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn tkun qiegħda tgħix”.

14

L-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-introduzzjoni u l-introduzzjoni mill-ġdid fil-Komunità ta’ oġġetti personali u domestiċi”, jipprovdi:

“1.   Id-deroga mill-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 338/97 għal oġġetti personali u domestiċi, kif preskritt fl-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament, ma għandhiex tapplika għal kampjuni li jintużaw għal profitt kummerċjali, li jinbiegħu u jiġu ppreżentati għal finijiet kummerċjali, li jinżammu għall-bejgħ, jiġu offruti għall-bejgħ jew jiġu ttrasportati għall-bejgħ.

Din id-deroga għandha tapplika biss għal kampjuni, inklużi trofej tal-kaċċa, jekk jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

jinżammu fil-bagalji personali ta’ vjaġġaturi li jkunu ġejjin minn pajjiż terz;

b)

jinżammu fil-proprjetà personali ta’ persuna naturali li tkun qiegħda tibdel ir-residenza normali tagħha minn pajjiż terz għall-Komunità;

c)

ikunu trofej tal-kaċċa meħuda minn vjaġġatur u importati aktar tard.

[…]

3.   L-ewwel introduzzjoni fil-Komunità ta’ oġġetti personali jew domestiċi, inklużi trofej tal-kaċċa, minn persuna li għandha r-residenza normali tagħha fil-Komunità u li tinvolvi kampjuni tal-ispeċi elenkati fl-Anness B għar-Regolament (KE) Nru 338/97 ma għandhiex teħtieġ il-preżentazzjoni lid-dwana ta’ permess ta’ importazzjoni, dment li jiġu ppreżentati l-oriġinal ta’ dokument ta’ (ri)-esportazzjoni u kopja tiegħu.

[…]

5.   B’deroga mill-paragrafi 3 u 4, id-dħul jew id-dħul mill-ġdid fil-Komunità ta’ l-oġġetti li ġejjin elenkati fl-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 338/97 ma għandhomx jeħtieġu l-preżentazzjoni ta’ permess ta’ importazzjoni jew permess ta’ esportazzjoni (mill-ġdid):

[…]

e)

Hippocampus spp. sa erba’ kampjuni mejta għal kull persuna;

[…]”

Id-Direttiva 2001/83

15

Il-punt (2) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69), kif emendata bid-Direttiva 2022/642 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ April 2022 (ĠU 2022, L 118, p. 4) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/83”), jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:

[…]

2)

Prodott mediċinali:

a)

Kull sustanza jew kombinazzjoni ta’ sustanzi prezentati bħala li għandhom proprjetajiet għat-trattament jew il-prevenzjoni ta’ mard fil-bniedem; jew

b)

Kull sustanza jew kombinazzjoni ta’ sustanzi li jistgħu jintużaw fil- jew jiġu amministrati lill-bniedem, jew bil-ħsieb li jiġu restawrati, korretti jew modifikati funzjonijiet fiżjoloġiċi bl-eżerċitar ta’ azzjoni farmakoloġika, immunoloġika jew metabolika, jew biex isir dijanjosi mediku.”

Id‑dritt Pollakk

16

Il-punt 1 tal-Artikolu 128 tal-ustawa o ochronie przyrody (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura), tas‑16 ta’ April 2004 (DZ. U Nru 92, intestatura 880), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura), kien jipprovdi:

“Kull persuna li tittrasporta kampjun ta’ speċi protetta mill-fruntiera tal-Unjoni Ewropea, mingħajr ma jkollha d-dokument meħtieġ […] jew mingħajr ma tosserva l-kundizzjonijiet [previsti], hija punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn tliet xhur sa ħames snin.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fis‑16 ta’ April 2024, V.B., ċittadin Ukrain, introduċa fil-Polonja, mingħajr permess ta’ importazzjoni, erba’ kaxxi, ta’ 100 pillola kull waħda, ta’ taħlita li fiha estratt ta’ żiemel tal-baħar Ġappuniż (iktar ’il quddiem it-“taħlita inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), li huwa kien xtara fl-Ukraina għall-użu personali tiegħu.

18

Is-Sąd Rejonowy w Jarosławiu Wydział II Karny (il-Qorti Distrettwali ta’ Jarosław, Sezzjoni Kriminali II, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita b’att ta’ akkuża promotur, approvat mill-Prokurator Prokuratury Rejonowej w Jarosławiu (il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali ta’ Jarosław, il-Polonja), kontra V.B., li jipprovdi li l-fatti deskritti fil-punt 17 ta’ din is-sentenza jikkostitwixxu reat kriminali, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 128 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura, punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà minn tliet xhur sa ħames snin.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis li n-natura punibbli, fid-dawl tal-punt 1 tal-Artikolu 128 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura, tal-introduzzjoni fl-Unjoni, mingħajr permess ta’ importazzjoni, tal-kaxxi tal-pilloli tat-taħlita inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi b’mod partikolari mill-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 338/97.

20

F’dan ir-rigward, hija tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk tali taħlita, sa fejn tinkludi estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż, għandhiex titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kampjun”, fis-sens tal-Artikolu 2(t) ta’ dan ir-regolament. Hija tippreċiża li din it-taħlita tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi kklassifikata bħala prodott mediċinali u tistaqsi b’mod partikolari dwar jekk tali klassifikazzjoni taffettwax l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ta’ “kampjun”.

21

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li V.B. xtara t-taħlita inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala individwu fi spiżerija fl-Ukraina fejn din tinbiegħ legalment u introduċiha fl-Unjoni għall-bżonnijiet terapewtiċi tiegħu stess jew għal dawk ta’ persuna qariba, u mhux għal finijiet kummerċjali. Hija tistaqsi jekk, f’tali ċirkustanzi, din it-taħlita għandhiex titqies li tifforma parti mill-“oġġetti personali jew domestiċi” tal-imputat, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 338/97, li huma, konformement mal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, eżentati mill-obbligu li jiġi ppreżentat permess ta’ importazzjoni mal-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni.

22

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-prosekuzzjoni kriminali ta’ konsumatur li jintroduċi fl-Unjoni, mingħajr permess ta’ importazzjoni, għall-bżonnijiet terapewtiċi tiegħu stess jew għal dawk ta’ persuna qariba, taħlita bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mixtrija legalment f’pajjiż terz, jekk xejn ma jindika li hija intiża għal użu kummerċjali.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Jarosławiu (il-Qorti Distrettwali ta’ Jarosław) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kunċett ta’ ‘kampjun’, użat fl-Artikolu 2(t) tar-[Regolament Nru 338/97], jirreferi għal prodott mediċinali disponibbli għal distribuzzjoni legali fi spiżeriji ta’ pajjiż terz li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea u li jinkludi fil-kompożizzjoni kumplessa tiegħu, fost oħrajn, estratt miż-żiemel tal-baħar Ġappuniż Syngnathidae Hippocampus spp. (II) elenkat fl-Anness B tal-imsemmi regolament?

2)

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 338/97 eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 2(t) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha huwa possibbli li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali ta’ konsumatur li jimporta (mingħajr permess) prodott mediċinali fil-Komunità, għall-użu personali tiegħu, mixtri minn spiżerija ta’ pajjiż terz li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea, fejn huwa distribwit legalment, u li jinkludi fil-kompożizzjoni kumplessa tiegħu, fost oħrajn, estratt miż-żiemel tal-baħar Ġappuniż Syngnathidae Hippocampus spp. (II) elenkat fl-Anness B tal-imsemmi regolament, jekk ebda ċirkustanza ma tindika l-għan kummerċjali tiegħu?

3)

L-użu, fl-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 338/97, tal-kunċett ta’ ‘oġġetti personali jew domestiċi’ li jagħti lok għall-eżenzjoni (deroga) mill-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ permess bis-saħħa tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat [f]is-sens li jinkludi prodott mediċinali akkwistat għall-ħtiġijiet mediċi personali jew ta’ persuna qariba, mixtri minn spiżerija ta’ pajjiż terz li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea, fejn huwa distribwit legalment, u li jinkludi fil-kompożizzjoni kumplessa tiegħu, fost oħrajn, estratt miż-żiemel tal-baħar Ġappuniż Syngnathidae Hippocampus spp. (II) elenkat fl-Anness B tal-imsemmi regolament, jekk ebda ċirkustanza ma tindika l-għan kummerċjali tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(t) tar-Regolament Nru 338/97 għandux jiġi interpretat fis-sens li taħlita li l-kompożizzjoni kumplessa tagħha tinkludi b’mod partikolari estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż, inkluż fl-Anness B ta’ dan ir-regolament, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kampjun”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

25

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck,292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Grand hamster), C‑477/19, EU:C:2020:517, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(t) tar-Regolament Nru 338/97, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kelma “kampjun” b’mod wiesa’, bħala li tkopri mhux biss kull annimal jew pjanta, ħajja jew mejta, iżda tkopri wkoll “[kwalunkwe] parti jew derivattiva minnhom, kemm jekk tkun f’xi oġġetti ohra u kemm le”, tal-ispeċi elenkati fl-Annessi A sa D tiegħu, l-istess bħal “kull oġġett iehor”, meta jirriżulta mit-tikketta, mill-imballaġġ jew mit-trade mark kummerċjali tiegħu, jew minn xi prova dokumentarja, jew kwalunkwe element ieħor, li dan fih partijiet jew prodotti ta’ annimali jew ta’ pjanti ta’ dawn l-ispeċi, sakemm dawn il-partijiet jew prodotti ma jibbenefikawx minn eżenzjoni speċifika mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

27

Għaldaqstant, għandu jitqies li, bħala prinċipju, kull prodott idderivat minn speċi protetta kif ukoll kull merkanzija li fiha tali prodott jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kampjun”, fis-sens tal-Artikolu 2(t) tar-Regolament Nru 338/97.

28

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, mill-kuntest li fih jaqa’ dan il-kunċett u mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 338/97. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kampjuni tal-ispeċi elenkati fl-Anness B tiegħu, għandha tkun suġġetta għat-twettiq tal-verifiki kollha meħtieġa u għall-preżentazzjoni minn qabel, fl-uffiċċju doganali tal-fruntiera fil-post tal-introduzzjoni, ta’ permess ta’ importazzjoni maħruġ mill-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru destinatarju. Barra minn hekk, il-ħruġ ta’ tali permess ta’ importazzjoni huwa suġġett għal diversi kundizzjonijiet u restrizzjonijiet, previsti fil-punti (a) sa (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u (6) tal-imsemmi regolament.

29

Issa, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “kampjun”, fis-sens li jiġu esklużi minnu ċerti prodotti pproċessati jew derivati li fihom estratti ta’ annimal jew ta’ pjanta protetti, ikollha l-konsegwenza li teżenta lil tali prodotti mill-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ permess ta’ importazzjoni mal-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni u għalhekk mill-kontrolli tal-kummerċ tagħhom stabbiliti mir-Regolament Nru 338/97, minkejja li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, il-protezzjoni tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi u li tiġi żgurata l-konservazzjoni tagħhom permezz tal-kontroll tal-kummerċ tagħhom. Għalhekk, tali interpretazzjoni tirriskja li tikkomprometti l-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi.

30

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-taħlita inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kompożizzjoni kumplessa li tinkludi, fost komponenti oħra, estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż, annimal li jappartjeni lill-familja tas-Syngnathidae u lill-ġeneru Hippocampus.

31

Issa, l-ispeċi kollha ta’ Syngnathidae tal-ġeneru Hippocampus jinsabu fl-Anness B tar-Regolament Nru 338/97, b’tali mod li ż-żiemel tal-baħar Ġappuniż Hippocampus japonicus huwa speċi li hija s-suġġett tal-protezzjoni prevista għall-ispeċi li jinsabu f’dan l-Anness B.

32

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din il-kawża ma hija s-suġġett ta’ ebda eżenzjoni speċifika mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 338/97.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li taħlita li l-kompożizzjoni kumplessa tagħha tinkludi b’mod partikolari estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kampjun”, fis-sens tal-Artikolu 2(t) tar-Regolament Nru 338/97.

34

Sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk il-klassifikazzjoni ta’ din it-taħlita bħala “prodott mediċinali”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/83, tistax tinfluwenza l-klassifikazzjoni tagħha bħala “kampjun”, fis-sens tal-Artikolu 2(t) tar-Regolament Nru 338/97, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma tagħmel ebda distinzjoni skont l-użu jew l-iskop intiż tal-merkanzija jew tal-prodotti dderivati minn speċi protetti.

35

Min-naħa l-oħra, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 338/97 ma tippermetti li jitqies li l-prodotti mediċinali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

36

Minn dan isegwi li l-klassifikazzjoni ta’ prodott bħala “prodott mediċinali”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/83, ma taffettwax l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kampjun”, fis-sens tal-Artikolu 2(t) tar-Regolament Nru 338/97.

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(t) tar-Regolament Nru 338/97 għandu jiġi interpretat fis-sens li taħlita li l-kompożizzjoni kumplessa tagħha tinkludi b’mod partikolari estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż, inkluż fl-Anness B ta’ dan ir-regolament, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kampjun”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tielet domanda

38

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier,35/85, EU:C:1986:143, punt 9 u tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fil-fatt, il-fatt li, fuq livell formali, il-qorti tar-rinviju indikat, fid-domandi tagħha, ċerti dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, billi tislet mill-elementi kollha pprovduti minn dik il-qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 26, u tat‑22 ta’ Jannar 2026, Secab, C‑423/23, EU:C:2026:32, punt 29).

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 338/97, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha, li għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok, jirreferi għad-dispożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-istess regolament. Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 865/2006, li jirregola l-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni u għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ oġġetti personali jew domestiċi fl-Unjoni.

41

Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 338/97, moqrija flimkien mal-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 865/2006, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li taħlita li l-kompożizzjoni kumplessa tagħha tinkludi estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż, inkluż fl-Anness B tar-Regolament Nru 338/97, mixtrija legalment f’pajjiż terz u introdotta fl-Unjoni għall-bżonnijiet terapewtiċi proprji ta’ individwu jew dawk ta’ persuna qariba, u mhux għal finijiet kummerċjali, għandha titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “oġġetti personali jew domestiċi”, li l-introduzzjoni tagħha fl-Unjoni hija eżentata mir-rekwiżit li jiġi ppreżentat permess ta’ importazzjoni jew, jekk ikun il-każ, dokument ta’ esportazzjoni mill-ġdid.

42

Kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 338/97, l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kampjuni ta’ speċi inklużi fl-Anness B tiegħu hija suġġetta b’mod partikolari għall-preżentazzjoni minn qabel, fl-uffiċċju doganali tal-fruntiera tal-introduzzjoni, ta’ permess ta’ importazzjoni maħruġ minn awtorità amministrattiva tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

43

Madankollu, b’deroga mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 338/97, l-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-obbligu li jiġi ppreżentat permess ta’ importazzjoni ma japplikax għall-kampjuni mejta jew għall-partijiet ta’ kampjuni u għall-prodotti dderivati minn kampjuni ta’ speċi elenkati fl-Annessi A sa D tal-imsemmi regolament fil-każ ta’ oġġetti personali jew domestiċi introdotti fl-Unjoni jew esportati jew esportati mill-ġdid mill-Unjoni konformement mad-dispożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni li jistabbilixxu regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-istess regolament.

44

Skont id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 338/97, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “oġġetti personali jew domestiċi” l-kampjuni mejta, il-partijiet ta’ kampjuni jew il-prodotti dderivati minnhom, li jkunu l-proprjetà ta’ individwu u li jiffurmaw jew li huma intiżi li jiffurmaw parti mill-oġġetti regolari tiegħu.

45

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat, b’mod inekwivoku, jekk l-applikabbiltà tal-kunċett ta’ “oġġetti personali jew domestiċi” teħtieġx neċessarjament użu jew konsum, mill-importatur stess, tal-imsemmija kampjuni mejta, partijiet ta’ kampjuni jew derivati minnhom (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Hauptzollamt B (Kavjar tal-isturjun), C‑87/20, EU:C:2021:382, punt 28).

46

Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li tali oġġetti, miżmuma għal finijiet personali, jistgħu sussegwentement jiġu ttrasferiti mill-importatur mingħajr ħlas lil terz bħala rigal, minflok ma jinżammu minn dan għal użu strettament individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Hauptzollamt B (Kavjar tal-isturjun), C‑87/20, EU:C:2021:382, punt 29).

47

F’dan il-każ, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 25 sa 33 ta’ din is-sentenza, peress li taħlita bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi fil-kompożizzjoni kumplessa tagħha estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż, din għandha titqies li hija prodott derivat minn kampjuni mejta jew minn partijiet ta’ kampjuni, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 338/97.

48

Kif jirriżulta mill-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, sabiex taqa’ taħt id-deroga għall-oġġetti personali jew domestiċi msemmija f’din id-dispożizzjoni, l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ tali prodott għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 865/2006.

49

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 865/2006 jispeċifika li din id-deroga ma tapplikax għall-kampjuni użati bi skop ta’ lukru, mibjugħa, esposti għal finijiet kummerċjali, miżmuma għall-bejgħ, mibjugħa jew ittrasportati għall-bejgħ.

50

Barra minn hekk, mill-premessa 1 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan huwa intiż għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 338/97 u sabiex tiġi ggarantita l-osservanza sħiħa taċ-CITES. Issa, ir-Riżoluzzjoni 13.7 tal-Konferenza tal-Partijiet għaċ-CITES, li tippermetti li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, tispeċifika, fil-punt 1 tagħha, li l-kunċett ta’ “oġġetti personali jew għal użu domestiku” japplika għall-kampjuni li jinżammu għal finijiet personali, għal finijiet mhux kummerċjali, li ġew akkwistati legalment u huma ttrasportati jew inklużi fil-bagalji personali jew jagħmlu parti minn ġarr (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Hauptzollamt B (Kavjar tal-isturjun), C‑87/20, EU:C:2021:382, punt 31).

51

Għalhekk, kemm mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 856/2006 kif ukoll minn dik tar-Riżoluzzjoni 13.7 tal-Konferenza tal-Partijiet għaċ-CITES jirriżulta li l-assenza ta’ għan kummerċjali tal-kampjun importat tikkostitwixxi kriterju deċiżiv għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala “oġġett personali jew domestiku”, peress li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 338/97 (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Hauptzollamt B (Kavjar tal-isturjun), C‑87/20, EU:C:2021:382, punt 33).

52

Minn dan jirriżulta li l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ taħlita li jkun fiha prodotti dderivati minn kampjuni mejta jew minn partijiet ta’ kampjuni, għall-bżonnijiet terapewtiċi proprji ta’ individwu jew għal dawk ta’ persuna qariba, u mhux għal finijiet kummerċjali, tista’ taqa’ taħt id-deroga applikabbli għall-“oġġetti personali jew domestiċi” prevista fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 338/97, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni tagħha, previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 865/2006, ikunu ssodisfatti.

53

F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 865/2006 jipprevedi li din id-deroga tapplika biss għall-kampjuni li jagħmlu parti mill-bagalji personali ta’ vjaġġatur ġej minn pajjiż terz, jew li jagħmlu parti mill-proprjetà mobbli ta’ persuna fiżika li tittrasferixxi r-residenza normali tagħha minn pajjiż terz lejn Stat Membru tal-Unjoni jew ukoll li jikkostitwixxu trofej tal-kaċċa.

54

Issa, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti fil-kawża prinċipali, li għandha tivverifika jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hijiex issodisfatta, sabiex tiddetermina jekk l-imsemmija deroga hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali.

55

It-tieni nett, l-Artikolu 57(3) tar-Regolament Nru 865/2006 jispeċifika, min-naħa tiegħu, li l-ewwel introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kampjuni ta’ speċi elenkati fl-Anness B tar-Regolament Nru 338/97, minn persuna li normalment tirrisjedi hemmhekk, ta’ oġġetti personali jew domestiċi, ma teħtieġx il-preżentazzjoni lid-dwana ta’ permess ta’ importazzjoni, sakemm jiġu ppreżentati l-oriġinal ta’ dokument ta’ esportazzjoni (mill-ġdid) u kopja tiegħu.

56

F’dan ir-rigward, il-punt 5 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 865/2006 jiddefinixxi “persuna li hija normalment residenti [fl-Unjoni]” bħala persuna li tgħix fl-Unjoni għal mill-inqas 185 jum f’kull sena kalendarja minħabba r-rabtiet tax-xogħol tagħha, jew, fil-każ ta’ persuna mingħajr irbit ta’ xogħol, minħabba rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn tkun qiegħda tgħix.

57

F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippreċiżax jekk V.B. hijiex persuna normalment residenti fl-Unjoni, fis-sens ta’ dan il-punt 5 tal-Artikolu 1. Hija l-qorti nazzjonali għaldaqstant li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ. Fl-affermattiv, l-introduzzjoni fl-Unjoni minn tali persuna ta’ taħlita bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, bħala prinċipju, tkun akkumpanjata mill-oriġinal ta’ dokument ta’ esportazzjoni (mill-ġdid) u kopja tiegħu.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, b’deroga mill-Artikolu 57(3) tar-Regolament Nru 865/2006, il-preżentazzjoni ta’ tali dokument ta’ esportazzjoni (mill-ġdid) ma hijiex meħtieġa għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ żiemel tal-baħar Ġappuniż, fil-limitu ta’ erba’ kampjuni mejta għal kull persuna, konformement mal-paragrafu 5(e) ta’ dan l-Artikolu 57.

59

Bla ħsara għall-verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li t-taħlita inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 57(5)(e) tar-Regolament Nru 865/2006.

60

Fil-fatt, bħala deroga mill-obbligu li jiġi ppreżentat dokument ta’ esportazzjoni (mill-ġdid) impost fuq kull persuna li tirrisjedi normalment fl-Unjoni, l-Artikolu 57(5)(e) tar-Regolament Nru 865/2006 għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Hauptzollamt B (Kavjar tal-isturjun), C‑87/20, EU:C:2021:382, punt 43) fis-sens li huwa intiż li japplika biss għall-“kampjuni mejta”, u dan fil-limitu kwantitattiv imsemmi iktar ’il fuq.

61

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-taħlita inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex “kampjun mejjet”, fis-sens tal-Artikolu 57(5)(e) tar-Regolament Nru 865/2006, iżda tikkonsisti f’pilloli li l-kompożizzjoni kumplessa tagħhom tinkludi estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż.

62

Ir-rikonoxximent li l-Artikolu 57(5)(e) tar-Regolament Nru 865/2006 jista’ jkopri wkoll il-prodotti li l-kompożizzjoni kumplessa tagħhom tinkludi estratt ta’ kampjun mejjet mhux biss imur lil hinn mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u b’hekk imur kontra l-interpretazzjoni stretta tagħha, iżda jagħti lok ukoll għal diffikultajiet ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni, sa fejn jista’ jirriżulta eċċessivament diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni jekk, f’tali prodott kumpless, il-proporzjon kwantitattiv miksub minn tali speċi jikkorrispondix għal-limitu ta’ “erba’ kampjuni mejta” għal kull persuna. Tali interpretazzjoni tmur kontra, barra minn hekk, l-għan, stabbilit fil-premessa 12 tar-Regolament Nru 338/97, kif ukoll fil-premessi 2 u 6 tar-Regolament Nru 865/2006, li huwa dak li jiġu ffaċilitati l-proċeduri doganali u jiġu żgurati kontrolli effettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Hauptzollamt B (Kavjar tal-isturjun), C‑87/20, EU:C:2021:382, punt 46).

63

Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li V.B. hija persuna li normalment ma hijiex residenti fl-Unjoni, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 865/2006, ikun biżżejjed, sabiex id-deroga prevista fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 338/97 tkun applikabbli fil-kawża prinċipali, li waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 865/2006, imfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, tkun issodisfatta, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

64

Dan premess, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Ċek, Awstrijak u Pollakk isostnu li hemm riskju ta’ kummerċ illegali ta’ kampjuni protetti introdotti fl-Unjoni bħala “oġġetti personali jew domestiċi” u li, għal dan l-għan, huma eżentati mill-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ permess ta’ importazzjoni, filwaqt li, fir-realtà, dawn ma jkunux “oġġetti personali jew domestiċi”, iżda jkunu jikkostitwixxu network ta’ importazzjonijiet ikkoordinati u illegali ta’ kwantitajiet żgħar ta’ tali kampjuni għal finijiet kummerċjali.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif ġie enfasizzat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li l-fatt li l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-kampjun importat ma jkollux għan kummerċjali jikkostitwixxi kriterju deċiżiv għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala “oġġett personali jew domestiku”, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 338/97 u tal-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 865/2006. Għaldaqstant, xejn ma jipprekludi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli juru li, minkejja l-apparenzi, l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-kampjun ikkonċernat għandha, fir-realtà, finijiet kummerċjali, b’tali mod li d-deroga prevista fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 338/97 u fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 865/2006 ma tapplikax għal tali introduzzjonijiet.

66

Issa, il-kwistjoni dwar jekk dan il-kriterju jkunx issodisfatt f’każ konkret hija kwistjoni ta’ fatt li, bħala tali, taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali. F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li xejn ma jindika li l-introduzzjoni fl-Unjoni minn V.B. tat-taħlita inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha għan kummerċjali.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 338/97 għandhom jiġu interpretati fis-sens li taħlita li l-kompożizzjoni kumplessa tagħha tinkludi estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż, inkluż fl-Anness B ta’ dan ir-regolament, mixtrija legalment f’pajjiż terz u introdotta fl-Unjoni għall-bżonnijiet terapewtiċi proprji ta’ individwu jew ta’ persuna qariba, u mhux għal finijiet kummerċjali, għandha titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “oġġetti personali jew domestiċi”, li l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni hija eżentata mill-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ permess ta’ importazzjoni jew, skont il-każ, ta’ dokument ta’ esportazzjoni (mill-ġdid), sakemm il-kundizzjonijiet previsti għal dan l-għan fl-Artikolu 57(1) u (3) tar-Regolament Nru 865/2006 jkunu ssodisfatti.

Fuq it-tieni domanda

68

Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tat-tieni domanda, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok u li tirrigwarda l-punt dwar jekk jistgħux jiġu imposti sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ importazzjoni illegali ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ fawna jew ta’ flora selvaġġi protetti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 338/97, li jirregola s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

69

Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 338/97 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali għall-introduzzjoni fl-Unjoni, mingħajr permess ta’ importazzjoni jew, skont il-każ, mingħajr dokument ta’ esportazzjoni (mill-ġdid), ta’ taħlita mixtrija legalment f’pajjiż terz, li l-kompożizzjoni kumplessa tagħha tinkludi estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż inkluż fl-Anness B ta’ dan ir-regolament, minn individwu, għall-bżonnijiet terapewtiċi tiegħu stess jew għal dawk ta’ persuna qariba u mhux għal finijiet kummerċjali.

70

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 338/97, intitolat “Sanzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jissanzjonaw mill-inqas ċertu ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Fir-rigward ta’ dan il-ksur, il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kampjuni mingħajr il-permess jew iċ-ċertifikat xieraq, jew b’permess jew ċertifikat falz, mhux validu jew emendat mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtorità emittenti.

71

Konformement mal-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu, dawn il-miżuri għandhom ikunu xierqa fid-dawl tan-natura u tal-gravità tal-ksur u għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-qbid u, fejn xieraq, il-konfiska tal-kampjuni. La l-imsemmi artikolu u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jipprovdu preċiżazzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni, amministrattiva jew kriminali, ta’ dawn is-sanzjonijiet.

72

Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 338/97 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għal tali ksur, bil-kundizzjoni li dawn ikunu xierqa fid-dawl tan-natura u tal-gravità ta’ dan il-ksur.

73

F’dan il-każ, jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li d-deroga prevista fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 338/97, kif ippreċiżata fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 865/2006, tkun applikabbli fil-kawża prinċipali, l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-kampjun ikkonċernat ma tkunx tista’ għalhekk titqies li tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 338/97, fis-sens tal-Artikolu 16 ta’ dan l-aħħar regolament. F’dan il-każ, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 338/97 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sanzjoni, tkun xi tkun in-natura tagħha, għal tali introduzzjoni fl-Unjoni.

74

B’kuntrast ma’ dan, jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li d-deroga prevista fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 338/97, kif ippreċiżata fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 865/2006, ma tkunx applikabbli fil-kawża prinċipali, l-introduzzjoni fl-Unjoni tat-taħlita inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħajr permess ta’ importazzjoni jew, skont il-każ, mingħajr dokument ta’ esportazzjoni (mill-ġdid), fis-sens tal-Artikolu 57(3) tar-Regolament Nru 865/2006, tkun tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 338/97.

75

F’tali każ, din il-qorti jkollha għalhekk tevalwa jekk is-sanzjoni kriminali li tikkonsisti f’piena li ċċaħħad il-libertà minn tliet xhur sa ħames snin tkunx xierqa fid-dawl tan-natura u tal-gravità ta’ dan il-ksur, konformement mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 338/97.

76

Għal dan l-għan, l-imsemmija qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, bħal, b’mod partikolari, in-natura intenzjonali jew b’negliġenza tar-reat inkwistjoni, il-kwantitajiet ta’ kampjuni li huma s-suġġett tal-ksur, kif ukoll is-sitwazzjoni personali tal-imputat, u tuża l-marġni ta’ evalwazzjoni kollu li d-dritt nazzjonali jagħtiha sabiex timponi sanzjoni kriminali li tosserva r-rekwiżiti ta’ proporzjonalità inerenti f’dan l-Artikolu 16(2), billi tagħmel użu b’mod partikolari, skont il-każ, mill-modalitajiet ta’ aġġustament u ta’ eżekuzzjoni tal-piena, previsti fid-dritt nazzjonali.

77

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 338/97 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali għall-introduzzjoni fl-Unjoni, mingħajr permess ta’ importazzjoni jew, skont il-każ, mingħajr dokument ta’ esportazzjoni (mill-ġdid), ta’ taħlita mixtrija legalment f’pajjiż terz, li l-kompożizzjoni kumplessa tagħha tinkludi estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż inkluż fl-Anness B tar-Regolament Nru 338/97, minn individwu, għall-bżonnijiet terapewtiċi tiegħu stess jew għal dawk ta’ persuna qariba, u mhux għal finijiet kummerċjali, minkejja li tali introduzzjoni taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 338/97 u ppreċiżata fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 865/2006. B’kuntrast ma’ dan, ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, meta l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ tali taħlita ma taqax taħt din id-deroga, sakemm is-sanzjoni kriminali applikabbli tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ proporzjonalità inerenti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 16.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(t) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad‑9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 398/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

taħlita li l-kompożizzjoni kumplessa tagħha tinkludi b’mod partikolari estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż, inkluż fl-Anness B tar-Regolament Nru 338/97, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kampjun”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 338/97, kif emendat bir-Regolament Nru 398/2009,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

taħlita li l-kompożizzjoni kumplessa tagħha tinkludi estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż, inkluż fl-Anness B tar-Regolament Nru 338/97, kif emendat, mixtrija legalment f’pajjiż terz u introdotta fl-Unjoni Ewropea għall-bżonnijiet terapewtiċi proprji ta’ individwu jew ta’ persuna qariba, u mhux għal finijiet kummerċjali, għandha titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “oġġetti personali jew domestiċi”, li l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni hija eżentata mill-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ permess ta’ importazzjoni jew, skont il-każ, ta’ dokument ta’ esportazzjoni (mill-ġdid), sakemm il-kundizzjonijiet previsti għal dan l-għan fl-Artikolu 57(1) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 tal‑4 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, ikunu ssodisfatti.

 

3)

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 338/97, kif emendat bir-Regolament Nru 398/2009,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali għall-introduzzjoni fl-Unjoni, mingħajr permess ta’ importazzjoni jew, jekk ikun il-każ, mingħajr dokument ta’ esportazzjoni (mill-ġdid), ta’ taħlita mixtrija legalment f’pajjiż terz, li l-kompożizzjoni kumplessa tagħha tinkludi estratt taż-żiemel tal-baħar Ġappuniż inkluż fl-Anness B tar-Regolament Nru 338/97, minn individwu, għall-bżonnijiet terapewtiċi tiegħu stess jew għal dawk ta’ persuna qariba, u mhux għal finijiet kummerċjali, minkejja li tali introduzzjoni taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 338/97 u ppreċiżata fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 865/2006. B’kuntrast ma’ dan, ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, meta l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ tali taħlita ma taqax taħt din id-deroga, sakemm is-sanzjoni kriminali applikabbli tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ proporzjonalità inerenti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 16.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.