8.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/5


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta' Lulju 2009

għal sistema sigura u effettiva ta’ trażmissjoni ta’ dokumenti u informazzjoni relatata mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom

(2009/527/Euratom)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 33, it-tieni paragrafu, u l-Artikolu 124, it-tieni inċiż, tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 19 (1) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

(1)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jiżguraw l-operat bla xkiel tal-proċedura ta’ kunsens awtomatiku stipulat fl-Artikolu 9(2), tad-Direttiva 2006/117/Euratom.

(2)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri involuti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-informazzjoni kollha rigward vjeġġi koperti minn din id-Direttiva tiġi trattata bl-attenzjoni dovuta u mħarsa kontra kwalunkwe użu ħażin.

(3)

Miżuri ta’ siġurtà ġenerali għandhom jiġu applikati għall kull informazzjoni li tiġi pproċessata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta japplikaw id-Direttiva 2006/117/Euratom,

B’DAN TIRRAKKOMANDA:

(1)

Kull informazzjoni proċessata mill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/117/Euratom għandha tingħata livell ta’ protezzjoni li huwa ekwivalenti għal dak ipprovdut mill-awtoritajiet kompetenti l-oħra konċernati.

(2)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħżlu l-aktar livell ta’ protezzjoni xieraq biex jiżguraw l-operat bla xkiel tal-proċedura ta’ kunsens awtomatiku stipulat fl-Artikolu 9(2), tad-Direttiva 2006/117/Euratom.

(3)

Il-livell xieraq ta’ protezzjoni għandu jkun żgurat permezz ta’ diversi miżuri skont il-liġi u r-regolamenti tal-Istati Membri, inkluż l-obbligu ta’ diskrezzjoni u konfidenzjalità, aċċess limitat għal informazzjoni lil persunal awtorizzat, ħtiġijiet tal-protezzjoni tad-dejta sakemm għandu x’jaqsam dejta personali u miżuri ġenerali tekniċi u ta’ proċedura biex iħarsu s-sigurtà tal-informazzjoni.

(4)

Ħoloq elettroniċi bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti għandhom jipprovdu livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Istati Membri fit-territorji rispettivi tagħhom għall-informazzjoni analoga u t-trażmissjoni ta’ dokumentazzjoni.

(5)

Għandu jkun hemm qbil dwar standard komuni għal dawn il-ħoloq elettroniċi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

(6)

Kull informazzjoni pproċessata mill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/117/Euratom, fil-każ li tkun tenħtieġ klassifikazzjoni skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Membru, għandha tiġi kklassifikata skont l-iktar livell baxx ta’ klassifikazzjoni.

(7)

Informazzjoni li teħtieġ miżuri addizzjonali ta’ sigurtà għandha tkun soġġetta għal livell ogħla mill-klassifikazzjoni l-iktar baxxa, indikata minn marka speċifika, meta tkun strettament meħtieġa biss u għaż-żmien meħtieġ.

(8)

Bħala s-sorsi tal-informazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu din l-informazzjoni lil awtoritajiet kompetenti oħrajn għandhom ikun responsabbli għall-għażla ta’ livell adattat ta’ klassifikazzjoni waqt li jqisu:

(a)

ir-regolamenti nazzjonali tagħhom stess dwar klassifikazzjoni ta’ informazzjoni,

(b)

il-ħtiġijiet operattivi ta’ flessibbiltà u effikaċja meħtieġa biex tiġi applikata l-proċedura ta’ kunsens awtomatiku,

(c)

in-natura eċċezzjonali tal-ħtiġijiet tal-klassifikazzjoni.

(9)

Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw marki ta’ klassifikazzjoni skont kif elenkat fi-tabella tat-tqabbil tal-klassifikazzjonijiet nazzjonali ta’ sigurtà, mehmuża bħala Appendiċi 2 għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (2) u, bl-istess mod, għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/94/KE, Euratom tat-3 ta’ Frar 2005 li temenda d-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (3). Il-Gwida Prattika ta’ Klassifikazzjoni mehmuża bħall-Appendiċi 3 għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264 u, bl-istess mod, bħala Appendiċi 2 għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-regoli interni ta’ proċedura (4) tista’ tintuża bħala gwida għall-għażla tal-livell l-iktar xieraq ta’ klassifikazzjoni.

(10)

Bħala s-sors tal-informazzjoni, l-awtorità kompetenti li tipprovdi l-informazzjoni għandha tispeċifika l-perjodu li għalih tapplika l-għażla tal-livell ta’ klassifikazzjoni, u kwalunkwe bidla possibbli għal-livell ta’ klassifikazzjoni wara dak il-perjodu.

(11)

L-awtorità kompetenti sors tista’, f’kwalunkwe waqt, teħtieġ bil-miktub, livell ta’ klassfikazzjoni ta’ qabel li jrid jinbidel, inkluż il-possibbiltà ta’ tneħħija (jiġifieri diklassifikazzjoni), tnaqqis (jiġifieri klassifikazzjoni iżjed baxxa) jew żieda ta’ dak il-livell.

(12)

L-awtoritajiet kompetenti li ngħatatilhom l-informazzjoni għandhom l-obbligu li jneħħu, ibiddlu jew iżidu livell ta’ klassifikazzjoni skont dawk it-talbiet.

(13)

Bħala s-sors tal-informazzjoni, l-awtorità kompetenti li tipprovdi l-informazzjoni, għandha, hekk kif jippermettu ċ-ċirkustanzi, titlob bil-miktub għal-livell ta’ klassifikazzjoni konċernat biex jitnaqqas jew jitneħħa (jiġifieri diklassifikazzjoni) għal kollox.

(14)

Skont il-prinċipju tal-ħtieġa tal-għarfien, l-aċċess u ż-żamma tal-informazzjoni għandhom ikunu ristretti, fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti ddeżinjati, għal dawk il-persuni, li minħabba d-dmirijiet jew obbligi tagħhom, jeħtieġ li jsiru jafu din l-informazzjoni jew li jipproċessawha. Kull fejn meħtieġ, skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri, dawn il-persuni għandu jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà għall-livell rilevanti ta’ klassifikazzjoni.

(15)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 337, 5.12.2006, p. 21.

(2)   ĠU L 31, 4.2.2005, p. 66.

(3)   ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.

(4)   ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.