SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
11 ta’ Ġunju 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi finanzjarji – Dritt ta’ aċċess għal kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi – Direttiva 2014/92/UE – Artikolu 16(4) – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Konsumatur fuq il-lista tal-Uffiċċju tal-Kontroll tal-Assi Barranin tat-Teżor tal-Istati Uniti – Rifjut ta’ ftuħ ta’ kont ta’ ħlas bħal dan”
Fil-Kawża C‑81/24 [Jenec] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okrajno sodišče v Mariboru (Il-Qorti Distrettwali ta’ Maribor, Is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Jannar 2024, fil-proċedura
LH
vs
OTP banka d.d., li kienet NOVA KREDITNA BANKA MARIBOR,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal LH, minn A. Mužina, odvetnik, |
|
– |
għal OTP banka d.d., li kienet NOVA KREDITNA BANKA MARIBOR, minn A. Mitić, odvetnica, |
|
– |
għall-Gvern Sloven, minn J. Morela, bħala aġent, |
|
– |
għall-Parlament Ewropew, minn A. Droin, J. Etienne u M. Peternel, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn I. Gurov, P. Mahnič u K. Pleśniak, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Rous Demiri, P. Vanden Heede u G. von Rintelen, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU 2014, L 257, p. 214), u l-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LH, persuna fiżika, u OTP banka d.d., li qabel kienet NOVA KREDITNA BANKA MARIBOR (iktar ’il quddiem il-“Bank OTP”) dwar il-ftuħ ta’ kont bankarju. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2014/92
|
3 |
Il-premessi 34 u 47 tad-Direttiva 2014/92 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 16(1), (2) u (4) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi huma offruti lil konsumaturi mill-istituzzjonijiet tal-kreditu jew minn għadd suffiċjenti ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu biex jiġi garantit l-aċċess għalihom għall-konsumaturi kollha fit-territorju tagħhom, u biex jiġu evitati d-distorzjonijiet tal-kompetizzjoni. […] 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi legali fl-Unjoni [Ewropea], inklużi konsumaturi mingħajr indirizz fiss u persuni li jfittxu asil, u konsumaturi li mhumiex garantiti permess ta’ residenza iżda li t-tkeċċija tagħhom hija impossibbli għal raġunijiet legali jew fattwali jkollhom id-dritt li jiftħu u jużaw kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma’ istituzzjonijiet tal-kreditu li jinsabu fit-territorju tagħhom. […] […] 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li istituzzjonijiet tal-kreditu jirrifjutaw applikazzjoni għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi meta l-ftuħ ta’ tali kont jirriżulta fi ksur tad-dispożizzjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroristi stabbilit bid-Direttiva [2015/849].” |
Id-Direttiva 2015/849
|
5 |
Il-premessi 22 u 30 tad-Direttiva 2015/849 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
6 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.” |
|
7 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jieħdu l-passi xierqa biex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tagħhom filwaqt li jieħdu kont ta’ fatturi ta’ riskju, inklużi dawk relattivi għall-klijenti, pajjiżi jew żoni ġeografiċi, prodotti, servizzi, transazzjonijiet jew kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom. Dawk il-passi għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs tal-entitajiet marbutin b’obbligu. […] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom stabbiliti politiki, kontrolli u proċeduri biex jimmitigaw u jiġġestixxu b’mod effettiv ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu identifikati fil-livell tal-Unjoni, il-livell tal-Istati Membri, u l-livell tal-entitajiet marbutin b’obbligu. Dawk il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs ta’ dawk l-entitajiet marbutin b’obbligu. 4. Il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jinkludu:
[…]” |
|
8 |
L-Artikolu 13 tal-istess direttiva jipprovdi: “1. Il-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti għandhom jinkludu:
[…] 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw kull rekwiżit ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbilit fil-paragrafu 1. Madankollu, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiddeterminaw il-firxa ta’ miżuri bħal dawn fuq bażi ta’ sensittività għar-riskji. […] 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu juru lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-korpi awtoregolatorji li l-miżuri huma xierqa fir-rigward tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li ġew identifikati. […]” |
|
9 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2015/849 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li, fejn entità marbuta b’obbligu ma tkunx tista’ tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1), hi ma għandhiex twettaq transazzjoni permezz ta’ kont tal-bank, tistabbilixxi relazzjoni ta’ negozju jew twettaq it-transazzjoni, u li għandha twaqqaf ir-relazzjoni ta’ negozju u tqis jekk għandhiex tfassal rapport dwar transazzjoni suspettuża lill-[Unità ta’ Informazzjoni Finanzjarja] fir-rigward tal-klijent f’konformità mal-Artikolu 33.” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva: “1. “Fil-każijiet imsemmijin fl-Artikoli 18a sa 24, kif ukoll f’każijiet oħrajn ta’ riskju ikbar li jiġu identifikati mill-Istati Membri jew l-entitajiet marbutin b’obbligu, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw miżuri għal diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti msaħħa biex jiġġestixxu u jimmitigaw dawk ir-riskji kif xieraq. […]” |
Id-dritt Sloven
Il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas
|
11 |
Iż-Zakon o plačilnih storitvah, storitvah izdajanja elektronskega denarja in plačilnih sistemih (Uradni list RS, Nri 7/18, 9/18 u 102/20) (il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, Servizzi ta’ Ħruġ ta’ Flus Elettroniċi u Sistemi ta’ Ħlas), tipprevedi, fl-Artikolu 180(1) tagħha: “Konsumatur li jirrisjedi legalment fl-Unjoni […] u li japplika sabiex jinfetaħlu kont ta’ ħlas bażiku fl-Unjoni […] jew sabiex ikollu aċċess għalih, ma jistax ikun is-suġġett ta’ diskriminazzjoni min-naħa tal-bank ibbażata, b’mod partikolari, fuq in-nazzjonalità tiegħu, il-post ta’ residenza tiegħu, is-sess tiegħu, ir-razza tiegħu, il-kulur tiegħu, l-oriġini etnika jew soċjali tiegħu, il-karatteristiċi ġenetiċi tiegħu, il-lingwa tiegħu, ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn tiegħu, l-appartenenza tiegħu għal komunità nazzjonali, għal minoranza nazzjonali ta’ Stat ieħor, il-patrimonju tiegħu, it-twelid tiegħu, id-diżabbiltà tiegħu, l-età tiegħu jew l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-ftuħ u għall-aċċess għal kont ta’ ħlas bażiku ma jistgħu bl-ebda mod iwasslu għal distinzjoni mhux iġġustifikata.” |
|
12 |
L-Artikolu 181 ta’ din il-liġi jipprovdi: “(1) Il-banek kollha li jiġġestixxu kontijiet ta’ ħlas ta’ konsumaturi għandhom joffru kont ta’ ħlas bażiku lill-konsumaturi. […] (3) Konsumatur li jirrisjedi legalment fl-Unjoni […], inkluż konsumatur li ma jgħixx f’post fiss u applikant għal ażil kif ukoll konsumatur li ma ngħatalux permess ta’ residenza u li t-tneħħija tiegħu mit-territorju ma hijiex possibbli għal raġunijiet legali jew materjali, għandu d-dritt għall-ftuħ u għall-użu ta’ kont ta’ ħlas bażiku ma’ bank. […] (4) Il-bank għandu jorganizza l-proċedura għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas bażiku b’mod li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jkunx diffiċli jew oneruż wisq għall-konsumatur. […] […] (6) Bank għandu jiċħad l-applikazzjoni ta’ konsumatur għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas bażiku meta l-ftuħ ta’ tali kont iwassal għal ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi li tirregola l-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. F’dan il-każ, il-bank għandu jaġixxi f’konformità mal-liġi li tirregola l-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. […]” |
Il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu
|
13 |
Il-punt 1 tal-Artikolu 4(1) taż-Zakon o preprečevanju pranja denarja in financiranja terorizma (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu) (Uradni list RS, Nru 48/22) jipprovdi: “Il-banek u l-fergħat tagħhom fl-Istati Membri, il-fergħat tal-banek ta’ Stati terzi u banek ta’ Stati Membri li jistabbilixxu fergħa fir-Repubblika tas-Slovenja għandhom jimplimentaw il-miżuri ta’ identifikazzjoni u ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu previsti f’din il-liġi, qabel kif ukoll fil-mument tar-riċezzjoni, tal-kunsinna, tal-konverżjoni, tal-konservazzjoni, tad-dispożizzjoni jew ta’ forom oħra ta’ ġestjoni tal-kapital jew assi oħra, u waqt l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet ta’ negozju.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
14 |
Fit‑22 ta’ Ottubru 2017, LH ipprova jħallas f’stazzjon tal-petrol ta’ Ljubljana (is-Slovenja) fattura maħruġa f’isem il-konjuġi tiegħu mill-kont bankarju ta’ din tal-aħħar, miftuħ mal-Bank OTP. Madankollu, wara l-introduzzjoni, mill-impjegat ta’ dan l-istazzjon, tad-data personali ta’ LH fis-sistema ta’ ħlas tiegħu, dan il-bank ibblokka l-ħlas. |
|
15 |
Fl-ittra dwar dan l-imblukkar tal-ħlas indirizzata lid-detentur tal-kont, l-imsemmi bank indika li, fid-dawl tal-avvenimenti politiċi, tal-perikolu ikbar li jikkonċerna s-sigurtà ġenerali u ta’ possibbiltà ikbar ta’ abbuż ta’ prodotti bankarji għall-finijiet tal-finanzjament tat-terroriżmu u ta’ reati serji oħra, huwa kien adotta sensiela ta’ miżuri iktar stretti sabiex jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mil-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu. Dawn il-miżuri jikkonċernaw, b’mod partikolari, skont id-dokument intern tal-istess bank, l-osservanza tar-restrizzjonijiet imposti mill-Office of Foreign Assets Control (OFAC) (l-Uffiċċju tal-Kontroll tal-Assi Barranin (OFAC), l-Istati Uniti tal-Amerika). |
|
16 |
Wara l-imsemmi mblukkar, LH ressaq azzjoni kontra dan il-bank quddiem l-Okrajno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Distrettwali ta’ Ljubljana, is-Slovenja). Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ April 2021, dik il-qorti ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni territorjali u bagħtet il-kawża lill-Okrajno sodišče v Mariboru (il-Qorti Distrettwali ta’ Maribor, is-Slovenja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
17 |
Fit‑23 ta’ Marzu 2022, LH talab direttament lill-Bank OTP jiftaħ f’ismu kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi. Wara li LH ippreżentat il-karta tal-identità tagħha, ġie spjegat lilu li s-sistema bankarja ma kinitx tippermetti l-ftuħ ta’ tali kont ma’ dan il-bank. LH talab, mingħajr suċċess, lill-imsemmi bank in-notifika ta’ deċiżjoni bil-miktub f’dan is-sens. |
|
18 |
Għaldaqstant, quddiem il-qorti tar-rinviju, LH, permezz ta’ nota tal‑4 ta’ April 2022, emenda t-talbiet tiegħu sabiex jitlob li l-Bank OTP ikun obbligat jiftaħlu kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi. |
|
19 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li l-inklużjoni ta’ persuna f’lista tal-OFAC jista’ jkollha fir-rigward tal-possibbiltà għal din il-persuna li tiftaħ kont ta’ ħlas. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk il-ftuħ ta’ tali kont jistax jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849. Hija tirrileva li, għalkemm din id-direttiva tistabbilixxi b’mod ċar li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jimplimentaw miżuri ta’ verifika tal-identità ta’ persuna li tfittex li tistabbilixxi relazzjoni kummerċjali magħhom, l-imsemmija direttiva ma tispeċifikax li għandha tiġi vverifikata l-eventwali inklużjoni ta’ din il-persuna f’lista bħal dik tal-OFAC, u lanqas liema huma l-konsegwenzi ta’ tali inklużjoni. |
|
20 |
Madankollu, skont dik il-qorti, jekk, f’tali ċirkustanzi, persuna tiġi rrifjutata l-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi, dan ikun jikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal tali kont, b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92. Sussidjarjament u jekk id-dritt tal-Unjoni kellu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza tali rifjut, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà ta’ tali interpretazzjoni mal-Artikolu 48 tal-Karta, dwar, b’mod partikolari, id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fit‑23 ta’ Frar 2015, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat tar-Repubblika tas-Slovenja għalaq u arkivja l-proċedura li kienet inbdiet kontra LH u li kienet tikkonċerna l-istess reati bħal dawk li kienu wasslu għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest internazzjonali kontrih. Hija żżid li LH ma ġie kkundannat imkien fid-dinja għar-reat kriminali li għalih ismu huwa inkluż fil-lista tal-OFAC u li ebda miżura restrittiva ma ġiet imposta fuqu mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-Unjoni jew mir-Repubblika tas-Slovenja. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okrajno sodišče v Mariboru (il-Qorti Distrettwali ta’ Maribor) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-ammissibiltà
|
23 |
Il-Bank OTP isostni li d-domandi preliminari huma inammissibbli. Essenzjalment, hija ssostni, fl-ewwel lok, li r-risposti għal dawn id-domandi ma humiex neċessarji sabiex il-qorti tar-rinviju tagħti d-deċiżjoni tagħha, peress li, minn naħa, din il-qorti la stabbilixxiet b’mod suffiċjenti l-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali u lanqas ir-rabta bejn l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba u t-tilwima fil-kawża prinċipali u li, min-naħa l-oħra, hija ser tapplika biss, fi kwalunkwe każ, dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u mhux id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2014/92 u 2015/849. |
|
24 |
Fit-tieni lok, dan il-bank isostni li dawn id-domandi huma fformulati b’mod żbaljat, peress li d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali huma dawk tad-Direttiva 2015/849, filwaqt li dawk tad-Direttiva 2014/92 dwar il-limitazzjoni tad-dritt għal kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma humiex rilevanti għal dan l-għan. |
|
25 |
Fit-tielet lok, l-imsemmi bank iqis li l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2014/92 u 2015/849 hija tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju dwar ir-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi preliminari magħmula. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li għandha terfa’ r-responsabbiltà sabiex tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond,83/78, EU:C:1978:214, punt 25; tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24, kif ukoll tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Fil-fatt, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss fil-każ li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-Digriet tar-Rinviju),C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Fir-rigward tal-ewwel ilment ta’ inammissibbiltà, li jgħid li hemm lakuni fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li għalhekk ma tinkludix l-informazzjoni li madankollu hija neċessarja sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja kemm li tifhem il-kuntest tal-kawża prinċipali kif ukoll li tiżgura ruħha li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema li għandha quddiemha din il-qorti hija ta’ natura ipotetika, peress li hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2014/92 u 2015/849, sabiex tiġi ddeterminata l-legalità tar-rifjut tal-istabbiliment bankarju li jiftaħ kont bankarju f’isem ir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha. |
|
29 |
Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-qorti tar-rinviju tapplika biss dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, b’tali mod li r-risposti għad-domandi preliminari ma għandhomx effett fuq id-deċiżjoni li għandha tingħata fil-kawża prinċipali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi preċiżament dwar l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi tal-Unjoni li ġew trasposti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali. |
|
30 |
Fir-rigward tat-tieni lment ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq il-fatt li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma fformulati b’mod żbaljat sa fejn dawn jirrigwardaw biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/92, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment lanqas ma jista’ jintlaqa’. |
|
31 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li, f’dan il-każ, id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, l-argument li l-qorti tar-rinviju kellha tirreferi għal dispożizzjonijiet oħra ta’ dan id-dritt fid-domandi tagħha ma jaffettwax l-ammissibbiltà tar-rinviju. |
|
32 |
Fir-rigward tat-tielet ilment ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq il-fatt li r-risposta għad-domandi magħmula hija evidenti, huwa biżżejjed li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li s-sempliċi fatt li parti fil-kawża prinċipali tikkunsidra r-risposta għad-domandi preliminari bħala evidenti ma huwiex biżżejjed sabiex jirrendi inammissibbli talba għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 64 u 65; tas‑27 ta’ Marzu 2014, Consejería de Infraestructuras y Transporte de la Generalitat Valenciana u Iberdrola Distribución Eléctrica, C‑300/13, EU:C:2014:188, punt 18, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et., C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-domandi magħmula huma ammissibbli. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
34 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92, moqri flimkien mad-Direttiva 2015/849, għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jimponu fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-obbligu li jirrifjutaw lil konsumatur il-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi għas-sempliċi raġuni li dan il-konsumatur huwa inkluż f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi imposti minn pajjiż terz. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/92 jipprevedi, b’mod partikolari, l-obbligu għall-Istati Membri li jiggarantixxu li l-istituzzjonijiet kollha ta’ kreditu jew numru suffiċjenti minnhom joffru kontijiet ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi lill-konsumaturi kollha fit-territorju tagħhom, kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jew għandhom jirrifjutaw il-ftuħ ta’ tali kont. |
|
36 |
Fil-fatt, minn naħa, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jistipula li kull konsumatur residenti legalment fl-Unjoni għandu d-dritt li jiftaħ u li juża kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma’ istituzzjoni ta’ kreditu li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. |
|
37 |
Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 16(4) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirrifjutaw applikazzjoni għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi meta l-ftuħ ta’ tali kont iwassal għal ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu stabbiliti mid-Direttiva 2015/849. |
|
38 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 34 tad-Direttiva 2014/92, id-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus ma jistgħux jintużaw bħala skuża sabiex jiġu rrifjutati konsumaturi kummerċjalment inqas attraenti. Bl-istess mod, il-premessa 47 ta’ din id-direttiva tippreċiża li rifjut ta’ ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk il-konsumatur ma josservax il-leġiżlazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u mhux għas-sempliċi raġuni li l-proċedura intiża sabiex tiġi vverifikata din l-osservanza hija ta’ piż żejjed jew għalja żżejjed. |
|
39 |
Minn dan isegwi li d-dritt tal-konsumatur għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/92 huwa suġġett għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra t-terroriżmu previsti mid-Direttiva 2015/849. |
|
40 |
Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2015/849 sabiex jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet istituzzjoni ta’ kreditu hija obbligata, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, li ma tistabbilixxix relazzjoni ta’ negozju ma’ klijent u, għaldaqstant, taħt liema kundizzjonijiet il-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi jista’ jwassal għal ksur tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92. |
|
41 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849, li huma ta’ natura preventiva, huma intiżi li jistabbilixxu, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, ġabra ta’ miżuri preventivi u dissważivi li jippermettu l-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, sabiex jiġi evitat, kif jirriżulta mill-premessa 1 ta’ din id-direttiva, li l-flussi ta’ flus illegali jkunu jistgħu jippreġudikaw l-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni, u jheddu s-suq intern tagħha kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2015/849 jiddefinixxi l-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti li l-entitajiet marbuta b’obbligu huma obbligati japplikaw. Dawn jinkludu, konformement mal-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu, qabel kollox, l-identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika tal-identità tiegħu abbażi ta’ dokumenti, ta’ data jew ta’ informazzjoni miksuba minn sors affidabbli u indipendenti, sussegwentement, l-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju u t-teħid ta’ miżuri raġonevoli sabiex tiġi vverifikata l-identità ta’ din il-persuna, kif ukoll, fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-kisba ta’ informazzjoni dwar is-suġġett u n-natura prevista tar-relazzjoni ta’ negozju. |
|
43 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi, min-naħa tiegħu, li entità marbuta b’obbligu, bħal istituzzjoni ta’ kreditu, li ma tkunx f’pożizzjoni li tikkonforma ruħha mal-obbligi ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti previsti fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva hija obbligata, b’mod partikolari, li ma tistabbilixxix relazzjoni ta’ negozju mal-klijent ikkonċernat. |
|
44 |
F’dan il-każ, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(4) tal-imsemmija direttiva ma tidher li hija ssodisfatta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, il-klijent, jiġifieri LH, huwa identifikat u ma huwiex allegat li dan ma huwiex il-benefiċjarju effettiv tar-relazzjoni ta’ negozju prevista, li tikkonsisti fil-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’servizzi bażiċi, min-naħa l-oħra, il-Bank OTP irrifjuta li jiftaħ tali kont għas-sempliċi raġuni li dan il-klijent kien inkluż fil-lista tal-OFAC. |
|
45 |
Issa, id-Direttiva 2015/849 ma tipprevedix li l-inklużjoni f’lista tal-OFAC jew f’kull lista oħra tal-istess natura stabbilita minn pajjiż terz twassal awtomatikament għall-projbizzjoni għal istituzzjoni ta’ kreditu milli tidħol f’relazzjoni ta’ negozju mal-klijent ikkonċernat. |
|
46 |
Għall-kuntrarju, minn naħa, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2015/849, l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju jippreżupponi evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju li, fil-kuntest tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, titwettaq fi tliet livelli, jiġifieri, qabelxejn, fil-livell tal-Unjoni, mill-Kummissjoni, sussegwentement, fil-livell ta’ kull Stat Membru u, fl-aħħar nett, fil-livell tal-entitajiet marbuta b’obbligu. Min-naħa l-oħra, din l-evalwazzjoni tar-riskji tikkundizzjona, b’mod partikolari, l-adozzjoni, minn dawn l-entitajiet, ta’ miżuri ta’ diliġenza xierqa fir-rigward tal-klijent ikkonċernat. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali evalwazzjoni, la huwa possibbli għall-Istat Membru kkonċernat u lanqas, jekk ikun il-każ, għall-imsemmija entitajiet li jiddeċiedu każ b’każ liema miżuri japplikaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2015/849 tipprevedi, fit-Taqsimiet 1 sa 3 tal-Kapitolu II tagħha, intitolat “Diliġenza Dovuta fir-rigward tal-Klijenti”, tliet tipi ta’ miżuri ta’ diliġenza, jiġifieri miżuri normali, miżuri ssemplifikati u miżuri msaħħa. Dawn il-miżuri huma intiżi sabiex jevitaw jew, tal-inqas, jostakolaw kemm jista’ jkun il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, billi jistabbilixxu, għal dan il-għan, ostakoli fl-istadji kollha li l-imsemmija attivitajiet jistgħu jinvolvu, kontra l-ħasil tal-flus u dawk li jiffinanzjaw it-terroriżmu (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Fir-rigward tal-miżuri ta’ diliġenza msaħħa, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva jsemmi ċerti sitwazzjonijiet li jippreżentaw riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li fihom l-Istati Membri jeżiġu li l-entitajiet marbuta b’obbligu japplikaw tali miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti sabiex jiġġestixxu u jimmitigaw dan ir-riskju b’mod adegwat. Għalhekk, tali miżuri ta’ diliġenza msaħħa għandhom jiġu applikati minn dawn l-entitajiet, b’mod partikolari, f’każijiet ta’ riskji ogħla identifikati mill-Istati Membri jew mill-entitajiet marbuta b’obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 37). |
|
49 |
Konsegwentement, f’dawn il-każijiet, l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa tippreżupponi, konformement mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, l-identifikazzjoni minn qabel, mill-Istat Membru jew mill-entità marbuta b’obbligu, ta’ riskji ogħla ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Għaldaqstant, fl-imsemmija każijiet, l-assenjazzjoni ta’ livell ta’ riskju ogħla lil klijent u, konsegwentement, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tiegħu ma humiex awtomatiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 38). |
|
50 |
F’dan ir-rigward, il-premessa 22 tad-Direttiva 2015/849 tistabbilixxi li l-approċċ ibbażat fuq ir-riskji ma jikkostitwixxix għażla indebitament permissibbli għall-Istati Membri u l-entitajiet marbuta b’obbligu, iżda jippreżupponi l-użu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq provi, b’mod li jiġu indirizzati b’mod iktar effettiv ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jheddu lill-Unjoni u lill-atturi li joperaw fi ħdanha (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 71). |
|
51 |
Minn dan isegwi li l-inklużjoni f’lista tal-OFAC jew f’kull lista oħra tal-istess natura stabbilita minn pajjiż terz ta’ persuna tista’ tikkostitwixxi fattur ta’ riskju rilevanti li l-istituzzjoni ta’ kreditu hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwalizzata tagħha tar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, fil-preżenza ta’ tali fattur ta’ riskju, id-Direttiva 2015/849 ma tipprevedix li tali istituzzjoni tirrifjuta awtomatikament li tidħol f’relazzjoni ta’ negozju ma’ persuna inkluża f’tali lista, iżda timponi fuq din l-istituzzjoni l-obbligu li tapplika miżuri ta’ diliġenza msaħħa, wara li tkun wettqet evalwazzjoni individwalizzata tal-fatturi kollha ta’ riskju rilevanti fiċ-ċirkustanzi relatati mar-relazzjoni ta’ negozju prevista. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, ċertament, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura stess ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi, li l-funzjonalitajiet tiegħu huma limitati, tnaqqas ir-riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jista’ jiġi assoċjat mal-ftuħ tiegħu. |
|
53 |
Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, wara tali evalwazzjoni, istituzzjoni ta’ kreditu tasal għall-konklużjoni li ma hijiex f’pożizzjoni li tamministra b’mod effettiv, permezz ta’ miżuri proporzjonati għan-natura u għad-daqs tagħha, ir-riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu assoċjat ma’ relazzjoni ta’ negozju, u dan anki meta r-relazzjoni ta’ negozju prevista tkun limitata għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi. |
|
54 |
Huwa biss f’dan il-każ li rifjut ta’ ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi jista’ jkun ibbażat fuq l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92. |
|
55 |
F’dan il-każ, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk ir-rifjut ta’ ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi kontra LH kienx ibbażat fuq evalwazzjoni individwalizzata tar-riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, lil hinn mis-sempliċi inklużjoni ta’ dan tal-aħħar fil-lista tal-OFAC, u jekk il-Bank OTP kienx f’pożizzjoni li jiżgura, permezz ta’ miżuri proporzjonati, il-kontroll kontinwu tar-relazzjoni ta’ negozju prevista, imsemmija fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 2015/849, fil-każ tal-ftuħ ta’ tali kont. |
|
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92, moqri flimkien mad-Direttiva 2015/849, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax lill-Istati Membri jimponu fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-obbligu li jirrifjutaw lil konsumatur il-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi għas-sempliċi raġuni li dan il-konsumatur huwa inkluż f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi imposti minn pajjiż terz, mingħajr ma l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tkun wettqet evalwazzjoni individwalizzata tar-riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mar-relazzjoni ta’ negozju prevista. |
Fuq it-tieni sar-raba’ domanda
|
57 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni sar-raba’ domanda, peress li dawn saru biss fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv. |
Fuq l-ispejjeż
|
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, moqri flimkien mad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ma jawtorizzax lill-Istati Membri jimponu fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-obbligu li jirrifjutaw lil konsumatur il-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi għas-sempliċi raġuni li dan il-konsumatur huwa inkluż f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi imposti minn pajjiż terz, mingħajr ma l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tkun wettqet evalwazzjoni individwalizzata tar-riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mar-relazzjoni ta’ negozju prevista. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: Is-Sloven.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.