European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1573

5.3.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tisħiħ tal-multilateraliżmu u l-prinċipji internazzjonali ewlenin għal ordni bbażata fuq ir-regoli f’dinja li qed tinbidel b’mod rapidu — L-importanza tal-kontribut tas-soċjetà ċivili għas-sistema tan-NU”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/1573)

Relatur:

Christian MOOS

Korelatur:

Tanja BUZEK

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.1.2023

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adozzjoni fis-sezzjoni

16.11.2023

Adozzjoni fil-plenarja

14.12.2023

Sessjoni plenarja Nru

583

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

194/8/17

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) itenni l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) li jippromovu l-valuri universali skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU).

1.2.

Il-KESE u s-soċjetà ċivili jistennew li n-NU tilħaq l-għanijiet tagħha stess li żżomm il-paċi u s-sigurtà, tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli u timplimenta d-drittijiet tal-bniedem għall-benefiċċju ta’ għadd dejjem akbar ta’ persuni. Il-kontribut tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali biex jinstabu u jitwasslu soluzzjonijiet fil-prattika, jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), titrawwem tranżizzjoni ġusta u jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima.

1.3.

In-NU hija l-unika organizzazzjoni li fiha pajjiżi tal-istess fehma u avversarji jkomplu jitkellmu f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika. Madankollu, hija suxxettibbli għal tfixkil minn Stati Membri individwali tan-NU, li jimmina l-kapaċità tagħha li tirreaġixxi għall-kriżijiet u l-isfidi attwali. L-Istati Membri li jiksru l-Karta tan-NU jew l-impenji tagħhom skont il-ftehimiet jew il-konvenzjonijiet tan-NU m’għandhomx jitħallew jeżerċitaw il-parteċipazzjoni sħiħa u d-drittijiet tal-vot tagħhom.

1.4.

Is-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, tistenna li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom aktar minn qatt qabel għat-tisħiħ tan-NU permezz ta’ riforma fundamentali. Sabiex in-NU tkun adattata għall-isfidi li qed jiżdiedu u biex jiġi stabbilizzat il-kunsens dwar valuri u normi kondiviżi, il-governanza tan-NU trid issir aktar rappreżentattiva, inklużiva u effettiva. Biex tiġi żgurata rappreżentanza aktar ugwali, in-Nofsinhar Globali jeħtieġ vuċi aktar b’saħħitha fin-NU.

1.5.

In-NU għandha tkompli tiżviluppa s-sistema integrata tagħha tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili billi tistabbilixxi, fost oħrajn, reġim ta’ konsultazzjoni madwar in-NU dwar inizjattivi ewlenin u dritt ta’ petizzjoni biex tinvolvi aħjar liċ-ċittadini, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-imsieħba soċjali, lill-organizzazzjonijiet tan-negozju u lil partijiet ikkonċernati oħra, b’enfasi speċjali fuq it-titjib tar-rappreżentanza tan-nisa, taż-żgħażagħ u tal-gruppi vulnerabbli. Għandhom jingħataw aktar attenzjoni, appoġġ u rikonoxximent lil gruppi ewlenin u partijiet ikkonċernati oħra (MGoS).

1.6.

Minkejja xi progress, il-KESE jemmen li l-koordinazzjoni tal-UE trid titjieb. Fil-korpi kollha tan-NU u l-istituzzjonijiet relatati, hija għandha titkellem b’vuċi waħda u taġixxi kif xieraq. Il-kontribut tal-KESE (1) għall-ewwel rieżami volontarju tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-involviment tiegħu matul il-preżentazzjoni uffiċjali tal-UE fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli fl-2023 huma eżempji li għandhom jiġu segwiti għall-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll għall-involviment strutturat tas-soċjetà ċivili Ewropea u r-rwol ta’ tlaqqigħ li l-KESE jista’ jaqdi f’dan il-kuntest.

1.7.

Minbarra l-introduzzjoni ta’ deċiżjonijiet b’maġġoranza kwalifikata, ta’ min tiġi kkunsiderata riforma tat-Trattati tal-UE fil-qasam tal-politika barranija, ta’ sigurtà u ta’ difiża sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-UE li taġixxi u ssaħħaħ ukoll l-influwenza tagħha fin-NU.

1.8.

Il-KESE jimpenja ruħu li jsemma’ aħjar il-pożizzjonijiet tiegħu fil-proċessi tal-formulazzjoni tal-pożizzjoni komuni tal-UE dwar il-kwistjonijiet kollha relatati man-NU, li jinvolvi ruħu aktar mill-qrib mad-delegazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri għan-NU, u li jiżviluppa pjan direzzjonali biex jinvolvi ruħu aktar mal-korpi tan-NU rilevanti għall-ħidma tiegħu.

2.   Sfidi għall-multilateraliżmu, ordni dinji bbażat fuq ir-regoli u n-NU

2.1.

Bħala komunità ta’ valuri, l-UE u n-NU jikkondividu aġenda komuni għall-promozzjoni tal-multilateraliżmu u ordni dinjija bbażata fuq ir-regoli kif ukoll għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

2.2.

Biex jinkiseb żvilupp sostenibbli għall-popli kollha u jiġu indirizzati sfidi globali kondiviżi, in-NU hija l-uniku qafas globali biex jinstabu soluzzjonijiet komuni, li jkopru l-oqsma ta’ politika kollha, li jippermetti l-involviment kemm mal-imsieħba tal-UE kif ukoll mal-avversarji. Il-bosta aġenziji speċjalizzati tan-NU, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), u l-programmi u l-fondi tagħha, inkluża l-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), jipprovdu pjattaforma istituzzjonali u topika wiesgħa.

2.3.

Fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, ir-Russja qed tikser il-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali.

2.4.

Mewġa ta’ rigressjoni awtokratika qed tnaqqas l-għadd ta’ demokraziji fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha. L-awtokraziji huma ta’ sfida għall-valuri u n-normi, b’mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, minquxa fil-Karta tan-NU u fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali. Anke d-demokraziji liberali, inkluż fl-UE, qed jagħtu prijorità lill-interessi tagħhom stess fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji.

2.5.

Imwaqqfa fl-1945 b’reazzjoni għall-orruri tat-Tieni Gwerra Dinjija u b’fokus iċċentrat fuq il-Punent, in-NU ma tistax tirrappreżenta sew lil Stati Membri li mhumiex membri tal-Kunsill tas-Sigurtà. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod partikolari huma sottorappreżentati. Madankollu, ir-rappreżentanza ugwali hija meħtieġa biex jiġi stabbilizzat il-kunsens dwar valuri u normi komuni.

2.6.

Sabiex jikkontribwixxu għall-SDG 17 (Sħubijiet għall-għanijiet) diversi korpi tan-NU stabbilixxew il-proċeduri tagħhom stess biex jinvolvu ruħhom ma’ partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili. Sabiex tiġi demokratizzata n-NU u tiġi awtonomizzatha biex tindirizza l-isfidi attwali, l-involviment mas-soċjetà ċivili għandu jitwettaq b’mod aktar sistematiku.

2.7.

In-NU tibqa’ l-uniku qafas globali adattat għall-ħidma lejn soluzzjonijiet globali biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tibdil fil-klima u jittaffew l-effetti tiegħu. Mingħajr tranżizzjoni ġusta, li tirrispetta d-dritt ta’ kull soċjetà għall-iżvilupp sostenibbli, se jinħolqu kunflitti ġodda, li jġiegħlu lil aktar nies jaħarbu minn pajjiżhom.

2.8.

Il-pandemija tal-COVID-19 żvelat il-vulnerabbiltà tas-soċjetajiet tagħna għal kriżijiet li jseħħu ħabta u sabta, u dan kompla jkabbar l-inugwaljanza fid-distribuzzjoni tal-ġid u l-prospetti fil-ħajja bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tad-dinja. Filwaqt li l-pajjiżi b’introjtu għoli reġgħu lura għal-livelli tagħhom ta’ qabel il-COVID-19 f’termini ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku, il-pajjiżi b’introjtu baxx se jsibuha diffiċli għas-snin li ġejjin.

3.   In-NU fis-seklu 21

3.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-kontribut tan-NU għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà, l-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u t-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli matul l-aħħar 77 sena. Dawn huma l-aħjar prova li n-NU tibqa’ l-unika pjattaforma biex tindirizza b’mod komuni l-isfidi globali.

3.2.

Il-KESE jappoġġja r-riforma tan-NU u jistieden lill-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom li jagħmluha adatta għall-ambjent ġeopolitiku li qed jinbidel. Huwa jappella b’mod partikolari lill-Istati Membri tal-UE biex jikkoordinaw u jippromovu viżjoni u pożizzjoni konġunta, bl-involviment mill-qrib tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.3.

Il-KESE jappoġġja l-ħidma tal-Bord ta’ Konsulenza ta’ Livell Għoli dwar il-Multilateraliżmu Effettiv u jqis il-pjan ta’ azzjoni “A Breakthrough for People and Planet” (2) bħala kontribut importanti għall-iżvilupp ta’ rakkomandazzjonijiet konkreti għar-riforma tan-NU.

3.4.

Il-KESE jqis is-“Summit tal-Futur” bħala opportunità għall-UE, l-Istati Membri tagħha, iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili biex jaħdmu b’mod attiv lejn riforma. L-aħjar esperjenza fil-prattika tal-KESE stess li jinkudi delegat taż-żgħażagħ fid-delegazzjoni tal-KESE (3) għall-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (4), kif ukoll l-inizjattiva tar-rappreżentant tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar iż-żgħażagħ, jagħtu vuċi sinifikanti liż-żgħażagħ. Il-KESE jenfasizza l-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ (YAP) tal-Kummissjoni fl-azzjoni esterna tal-UE għall-2022-2027, u jemmen li dan jista’ jkun punt ta’ referenza għall-inizjattivi tan-NU kif ukoll għall-attivitajiet tal-UE fil-forum tan-NU.

3.5.

L-“Aġenda Ġdida għall-Paċi” hija opportunità biex jitnedew mill-ġdid il-kapaċitajiet tan-NU fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti, u l-bini u ż-żamma tal-paċi. Madankollu, biex in-NU ssir aktar effettiva fil-ħidma għall-paċi, hija meħtieġa riforma tat-teħid tad-deċiżjonijiet tan-NU, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà.

3.6.

Is-soluzzjonijiet ta’ tranżizzjoni ġusta jistgħu jkunu mezz effettiv għall-prevenzjoni tal-kunflitti. Dawn jinkludu l-promozzjoni tan-negozjar kollettiv fil-livelli kollha biex tiġi antiċipata u ġestita l-bidla għal ekonomiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u miżuri biex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima, jiġu offruti opportunitajiet għal żvilupp sostenibbli lis-soċjetajiet kollha, jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll jintlaħqu l-SDGs.

3.7.

Il-KESE jilqa’ l-ambizzjoni tan-NU li tagħmel enfasi speċjali fuq il-protezzjoni tan-nisa, it-tfal u l-gruppi vulnerabbli fl-attivitajiet tagħha ta’ prevenzjoni u riżoluzzjoni tal-kunflitti. Għal dan l-għan, il-gruppi ewlenin u partijiet ikkonċernati oħra għandhom jingħataw vuċi, appoġġ u rikonoxximent aktar b’saħħithom.

3.8.

Il-KESE jtenni li l-garanzija globali tad-drittijiet minquxa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha ssir prijorità ewlenija tal-ħidma tan-NU.

3.9.

Il-wegħda tal-SDGs biex tittejjeb il-ħajja tan-nies kollha tidher li qed tfalli (5), kif ġie enfasizzat ukoll f’Opinjoni reċenti tal-KESE dwar l-UE u l-Aġenda 2030 (6). L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabbiltà speċjali biex inaqqsu d-distribuzzjoni inugwali tal-ġid bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tad-dinja u jżidu l-isforzi biex jintlaħqu l-SDGs sal-2030.

3.10.

Il-governanza attwali tan-NU m’għadhiex tirrappreżenta r-realtajiet ġeopolitiċi u soċjetali tas-seklu 21. Sabiex jissaħħaħ l-appoġġ għan-NU u n-normi u l-valuri komuni tagħha, huwa meħtieġ li l-governanza tan-NU ssir aktar rappreżentattiva, inklużiva u effettiva. Fil-Kunsill tas-Sigurtà, bħal fil-korpi l-oħra kollha tan-NU, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġu rappreżentanza aħjar.

3.11.

Filwaqt li tippreżerva l-istruttura intergovernattiva tagħha, in-NU għandha tinvolvi ruħha b’mod aktar inklużiv u trasparenti maċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u l-movimenti ċiviċi demokratiċi, partijiet ikkonċernati, parlamenti, awtoritajiet sottonazzjonali u entitajiet uffiċjali oħra u toffrilhom opportunitajiet addizzjonali biex jipparteċipaw, inkluż gruppi ewlenin u partijiet ikkonċernati oħra. F’konformità mal-SDG 17, it-teħid ta’ deċiżjonijiet inklużiv fi ħdan in-NU huwa kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha u għandu jiġi kkomplementat billi hija ssir aktar responsabbli u trasparenti.

3.12.

In-NU ser titqies bħala attur leġittimu biss jekk tilħaq l-għanijiet tagħha stess għall-benefiċċju ta’ għadd dejjem akbar ta’ persuni. Għal dan il-għan, il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tan-NU jridu jsiru aktar effiċjenti, trasparenti u inqas suxxettibbli għal staġnar.

3.13.

In-NU teħtieġ riżorsi u kapaċitajiet suffiċjenti biex tiżgura teħid ta’ deċiżjonijiet inklużiv. Jeħtieġ li jkunu mfassla apposta għas-soċjetà ċivili, li l-kapaċitajiet tagħha jvarjaw ħafna, u b’hekk iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet minn madwar id-dinja jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom man-NU.

4.   L-UE fin-NU

4.1.

Sabiex tippromovi soluzzjonijiet multilaterali għall-isfidi globali, l-UE “għandha tistabbilixxi l-forom kollha xierqa ta’ kooperazzjoni mal-organi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-istituzzjonijiet speċjalizzati tagħha” (Artikolu 220(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).

4.2.

Peress li huma l-akbar kontributur għall-baġit tan-NU, b’membru permanenti wieħed fil-Kunsill tas-Sigurtà u b’aktar minn 13 % tal-Istati Membri kollha tan-NU, l-UE u s-27 Stat Membru tagħha għandhom il-potenzjal li jkollhom influwenza sostanzjali fin-NU.

4.3.

Madankollu, l-UE għadha ma tistax tagħmel użu sħiħ mir-riżorsi tagħha biex tieħu rwol ewlieni fl-indirizzar tal-isfidi globali fil-qafas tan-NU, b’eċċezzjonijiet notevoli bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fejn l-UE għandha rwol ewlieni.

4.4.

Il-parteċipazzjoni formali tal-UE fil-korpi u l-aġenziji tan-NU għadha limitata. Il-kisba ta’ status ta’ osservatur privileġġat fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fil-korpi subordinati tagħha fl-2011 (7), inkluż id-dritt li titkellem u tippreżenta bil-fomm proposti u emendi, kien pass ’il quddiem.

4.5.

Minkejja progress limitat fit-tisħiħ tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni, l-UE teżerċita biss status ta’ osservatur fil-biċċa l-kbira tal-korpi u l-aġenziji tan-NU. F’oqsma ta’ politika ta’ kompetenza esklużiva tal-UE bħall-kummerċ, il-Kummissjoni titkellem f’isem is-27 Stat Membru kollha b’pożizzjoni koordinata, bħal fil-Kummissjoni tan-NU dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL).

4.6.

Fil-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ politika koperti min-NU, l-UE spiss ma jkollhiex pożizzjoni koerenti minħabba koordinazzjoni insuffiċjenti bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Il-KESE jappella lill-UE u lill-Istati Membri kollha biex iżidu l-viżibbiltà tal-UE sabiex isaħħu l-influwenza tagħha fin-NU.

4.7.

Il-KESE għandu l-potenzjal li jġib valur miżjud għall-promozzjoni tal-għanijiet tan-NU, pereżempju billi jipprovdi pjattaforma għall-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili biex jiltaqgħu u jagħmlu skambji mar-rappreżentanti tan-NU. F’Lulju 2023, il-KESE organizza diskussjoni madwar mejda mal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCR), fejn offra l-għarfien espert tal-Grupp dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-KESE (8).

4.8.

Il-KESE se jeżamina l-possibbiltà li tiġi stabbilita kooperazzjoni kontinwa ma’ gruppi ewlenin u partijiet ikkonċernati oħra u l-koordinaturi reġjonali tagħhom, sabiex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom lill-UE u lill-korpi tan-NU u jagħtu viżibbiltà akbar lit-talbiet tagħhom.

5.   Kunsiderazzjonijiet

5.1.

Minħabba r-rwol istituzzjonali tal-KESE bħala korp konsultattiv, il-ħidma wiesgħa tiegħu hija rilevanti għal għadd ta’ korpi u aġenziji tan-NU. Il-pożizzjonijiet tiegħu jinstemgħu, fejn il-KESE jikkoopera direttament ma’ korpi, aġenziji u programmi differenti tan-NU, iżda jirrikjedi qafas strutturat u kontinwu li għandu jiġi mmirat f’ħin adatt permezz tal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jagħmel differenza.

5.2.

Il-KESE jimpenja ruħu għal approċċ strutturat biex il-pożizzjonijiet tiegħu dwar suġġetti relatati man-NU jinstemgħu aħjar meta l-UE tifformula l-pożizzjonijiet komuni tagħha lin-NU. Ir-relaturi tal-KESE għandhom jimpenjaw ruħhom direttament mal-atturi ewlenin inkarigati mit-tfassil f’ħin f’waqtu tal-pożizzjoni komuni tal-UE.

5.3.

Il-KESE jimpenja ruħu li jrawwem kollaborazzjoni aktar mill-qrib mad-Delegazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għan-NU u jistenna li l-unitajiet rispettivi fil-Kummissjoni Ewropea li jittrattaw in-NU u l-korpi multilaterali jagħtu segwitu għall-Opinjonijiet tiegħu.

5.4.

Il-KESE jara wkoll il-ħtieġa għal kooperazzjoni aħjar bejn is-sezzjonijiet tiegħu biex jitkissru l-kompartimentalizzazzjonijiet interni, peress li b’mod partikolari l-SDGs ikopru l-ħidma tas-sezzjonijiet kollha. Għal aktar koordinazzjoni tas-sezzjonijiet kollha u mal-President tal-KESE, il-KESE jinkariga lis-sezzjonijiet kollha biex jiżviluppaw pjan direzzjonali għal rappreżentanza aħjar tal-ħidma tal-Kumitat fin-NU u jistabbilixxu relazzjonijiet aktar inklużivi mal-korpi rilevanti tan-NU. Eżerċizzju ta’ mmappjar tas-sezzjonijiet kollha għandu jidentifika l-korpi tan-NU ta’ interess ewlieni, billi jelenka l-attivitajiet li għaddejjin u r-relazzjonijiet eżistenti mal-korpi u l-proċessi tan-NU, biex jenfasizza l-istat attwali u jesplora opportunitajiet għal aktar kooperazzjoni.

5.5.

Il-KESE jara l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-pożizzjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati man-NU. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34(2) tat-TUE dwar il-Kunsill tas-Sigurtà, ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrappreżenta l-pożizzjoni tal-UE fil-korpi kollha tan-NU f’isem l-Istati Membri kollha. Sakemm l-UE ma jkollhiex drittijiet formali ta’ parteċipazzjoni, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet nazzjonali għandhom jirrappreżentaw il-pożizzjoni komuni tal-UE u jaġixxu kif xieraq.

5.6.

Il-KESE jappella lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jieħu rwol ewlieni f’isem l-UE u l-Istati Membri tagħha fid-dibattitu dwar ir-riforma tan-NU. Hija biss UE li titkellem b’vuċi waħda, li tieħu pożizzjonijiet ċari, li jista’ jkollha impatt fuq il-futur tan-NU.

5.7.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tal-UE, fl-ambitu tal-istatus imsaħħaħ tiegħu ta’ osservatur, biex jinkludi korpi subordinati addizzjonali tan-NU.

5.8.

Il-KESE jimpenja ruħu li jagħti leħen qawwi lis-soċjetà ċivili fil-proċess tas-“Summit tal-Futur” billi japprofondixxi l-kooperazzjoni reċenti tiegħu mal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU (ECOSOC). Il-gvernijiet membri tal-ECOSOC għandhom jikkonsultaw u jaqsmu l-fehmiet mas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali dwar l-attivitajiet tagħhom u jirrapportaw fuq bażi aktar regolari fil-livell nazzjonali tagħhom. Il-KESE jista’ jipprovdi forum għal diskussjoni tal-ħidma tal-ECOSOC.

5.9.

Il-KESE jirrikonoxxi s-“Summit tal-Futur” bħala mument kruċjali biex jintlaħqu l-impenji internazzjonali eżistenti, b’mod partikolari biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-SDGs u tinbena aġenda ġdida għall-paċi, u se jsaħħaħ l-approċċ trasversali intern tiegħu u jkompli d-djalogu kontinwu mal-korpi tan-NU biex jidentifika opportunitajiet biex jiżdied ir-rwol tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija għas-Summit.

5.10.

Il-KESE jappoġġja l-idea ta’ konsultazzjonijiet inklużivi mas-soċjetà ċivili dwar arkitettura ġdida għall-involviment tal-partijiet interessati fil-governanza tan-NU matul il-proċess kollu tad-disinn; xi korpi tan-NU diġà joffru opportunitajiet avvanzati għall-parteċipazzjoni, aktar korpi tan-NU għandhom isegwu dan l-eżempju.

5.11.

Il-KESE jistieden lill-UE tieħu rwol ewlieni fit-titjib tal-opportunitajiet fi ħdan is-sistema tan-NU biex tinvolvi ruħha ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili demokratiċi, bl-għajnuna tal-KESE. Fil-politika barranija tagħha, l-UE għandha tgħin fil-bini tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili madwar id-dinja, inkluża l-kapaċità tagħha li tinvolvi ruħha aħjar man-NU.

5.12.

Il-KESE jissuġġerixxi li tiġi żviluppata aktar il-prattika tal-UNCITRAL li titlob kontributi bil-miktub mill-partijiet interessati għal konsultazzjoni fil-livell in-NU dwar inizjattivi ewlenin, u li jiġi stabbilit dritt ta’ petizzjoni lin-NU li joffri opportunitajiet għaċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra biex jinvolvu ruħhom direttament.

5.13.

Il-KESE jitlob li l-istrutturi tan-NU jiġu simplifikati u li l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tan-NU jsiru aktar trasparenti sabiex tiżdied il-leġittimità tagħha, filwaqt li l-bażi finanzjarja tan-NU ssir aktar sostenibbli.

5.14.

Il-KESE jappoġġja s-sejħa li ilha ssir għal riforma tan-NU, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà, sabiex tiġi żgurata rappreżentanza ugwali ta’ pajjiżi mill-kontinenti kollha u teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effettiv u inqas suxxettibbli għal tfixkil minn Stati Membri individwali. L-Istati Membri tan-NU inklużi membri tal-Kunsill tas-Sigurtà li jkunu fi ksur tal-Karta tan-NU għandhom jitilfu d-drittijiet tal-vot tagħhom sakemm jerġgħu lura għall-osservanza stretta tad-dritt internazzjonali. L-Istati Membri tan-NU li jkunu fi ksur tal-impenji tagħhom skont ftehimiet jew konvenzjonijiet tan-NU m’għandhomx jiġu eletti għal rwol ta’ tmexxija fin-NU jew f’korp relatat. L-aktar każ reċenti kien jinvolvi li l-Qatar jippresjedi l-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol ta’ din is-sena, minkejja li ma ssodisfax l-impenji tiegħu lejn il-Korp Governattiv tal-ILO dwar riformi, u b’hekk dgħajjef ir-reputazzjoni u r-rwol tal-ILO bħala gwardjan tal-istandards internazzjonali tax-xogħol.

5.15.

Il-KESE jistenna li l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni l-ġodda fl-2024 jagħmlu l-implimentazzjoni tal-passi konkreti miftiehma fil-“Patt għall-Futur” prijorità ewlenija tar-relazzjonijiet esterni tal-UE matul il-mandat istituzzjonali li jmiss fil-perjodu 2024-2029. Il-promozzjoni tal-multilateraliżmu u ta’ ordni bbażat fuq ir-regoli għandha tkun qasam ta’ prijorità fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni li jmiss u tkun riflessa fil-programm ta’ ħidma kif ukoll fl-aġenda strateġika l-ġdida tal-Kunsill Ewropew.

5.16.

Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu għal implimentazzjoni rapida tar-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa sabiex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-UE u biex “jitnieda mill-ġdid […] il-multilateraliżmu globali […] u rwol imsaħħaħ għall-ILO” (9), filwaqt li jiġu introdotti deċiżjonijiet b’maġġoranza kwalifikata fil-politika barranija tal-UE; riforma tat-Trattati tal-UE ta’ min tikkunsidra sabiex ittejjeb b’mod konsiderevoli l-kapaċità tal-UE li taġixxi u ssaħħaħ ukoll l-influwenza tagħha fin-NU.

5.17.

Il-KESE jipproponi li tinbena koalizzjoni ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-istess fehma sabiex ikunu jistgħu jiġu rappreżentati aħjar fin-NU, inkluż aktar drittijiet għar-rappreżentanti tiegħu biex jipparteċipaw f’diversi korpi u aġenziji tan-NU. Sabiex tinkiseb rappreżentanza aħjar tan-Nofsinhar Globali, l-UE għandha tissieħeb b’mod partikolari mal-eqreb ġar tagħha, l-Unjoni Afrikana, fl-isforzi lejn it-twettiq ta’ riformi komuni fin-NU.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  EESC contribution to EU-level Voluntary Review of the implementation of the 2030 Agenda (SDGs) (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Bord ta’ Konsulenza ta’ Livell Għoli dwar il-Multilateraliżmu Effettiv: A Breakthrough for People and Planet: Effective and Inclusive Global Governance for Today and the Future (Bidla radikali għan-Nies u għall-Pjaneta: Governanza Globali Effettiva u Inklużiva għal-Lum u għall-Ġejjieni), New York 2023 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  https://www.eesc.europa.eu/mt/initiatives/climate-change-conferences-cop/eesc-youth-delegate

(4)  Konferenza tal-Partijiet (COP) dwar il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC).

(5)  L-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali: Progress towards the Sustainable Development Goals: towards a rescue plan for people and planet: Report of the Secretary-General (special edition) (Progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli: Lejn Pjan ta’ Salvataġġ għan-Nies u l-Pjaneta Rapport tas-Segretarju Ġenerali (Edizzjoni Speċjali) (A/78/80-E/2023/64, p. 2).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar L-UE u l-Aġenda 2030: it-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-SDGs (ĠU C, C/2024/876, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/876/oj).

(7)  Assemblea Ġenerali tan-NU: Participation of the European Union in the work of the United Nations (Parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti) (A/RES/65/276) (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Insaħħu l-ġlieda għad-Drittijiet tal-Bniedem, Konferenza tal-KESE fl-20 ta’ Lulju 2023, Brussell (https://www.eesc.europa.eu/mt/news-media/news/strengthening-fight-human-rights-eesc-president-exchanges-un-high-commissioner-volker-turk-and-csos) (mhux disponibbli bil-Malti)

(9)  Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, Rapport dwar l-Eżitu Finali, Mejju 2022, Proposta 24, Nru 5.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1573/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)