52013DC0139

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW L-Ewwel Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ("Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali") /* COM/2013/0139 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-Ewwel Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ("Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali")

1.           INTRODUZZJONI

Dan ir-Rapport[1] jipprovdi l-ewwel valutazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali[2] (“id-Direttiva” jew “id-DPKŻ”) fl-Istati Membri u jevalwa l-effetti tagħha. Ir-Rapport huwa wieħed mill-inizjattivi ewlenin li twettqu sabiex tiġi implimentata l-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej[3].

Għall-finijiet ta’ dan ir-Rapport, matul l-2011 intbagħatu kwestjonarji mmirati lill-Istati Membri u lil firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati[4]. Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli[5], dan ir-Rapport huwa bbażat fuq dejta miġbura f’isem il-Kummissjoni permezz ta’ studju li twettaq fl-2011/2012[6].

Id-DPKŻ ġiet adottata fil-11 ta’ Mejju 2005. Hija għandha l-għan li tiżgura li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa jew esposti għal kummerċjalizzazzjoni aggressiva u li kwalunkwe pretensjoni tal-kummerċjanti fl-UE tkun ċara, preċiża u sostanzjata, biex b’hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet informati u sinifikanti. Id-dispożizzjonijiet tagħha bbażati fuq prinċipji huma maħsuba sabiex jiggarantixxu li l-qafas leġiżlattiv ikun flessibbli biżżejjed sabiex ikun jista’ jlaħħaq ma’ metodi ta’ bejgħ, prodotti u tekniki ta’ kummerċjalizzazzjoni ġodda.

Id-Direttiva għandha natura orizzontali u tkopri t-tranżazzjonijiet kollha min-negozji għall-konsumaturi (“B2C” – business-to-consumer), kemm jekk ikunu offlajn u kemm jekk ikunu onlajn, li jinvolvu kemm oġġetti kif ukoll servizzi.

L-għanijiet ġenerali tad-Direttiva huma li din tagħti kontribut għat-tlestija għall-kollox tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli li huma kkawżati mid-differenzi fil-liġijiet nazzjonali dwar prattiki kummerċjali żleali u li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

2.           IT-TRASPOŻIZZJONI TAD-DIRETTIVA

2.1.        Skeda ta’ żmien

L-Istati Membri kellhom jippubblikaw u jadottaw il-miżuri tagħhom li jittrasponu d-Direttiva sat-12 ta’ Ġunju 2007, sabiex dawn jidħlu fis-seħħ fuq livell nazzjonali sa mhux iktar tard mit-12 ta’ Diċembru 2007.

Madankollu, kien hemm dewmien sinifikanti fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, prinċipalment minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ferm wiesa’ tagħha. In-natura ta’ armonizzazzjoni sħiħa tad-Direttiva, stabbilita fil-“klawżola tas-Suq Intern” tagħha[7], kienet tfisser ukoll li l-Istati Membri kellhom iwettqu reviżjoni estensiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sabiex iġibuha konformi.

Ftit Stati Membri[8] biss ittrasponew id-Direttiva fil-ħin. L-aħħar traspożizzjoni saret fi tmiem l-2009[9] filwaqt li l-maġġoranza tal-miżuri nazzjonali ġew implimentati matul l-2008 u l-2009[10]. Azzjoni meħuda mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (il-“Qorti tal-Ġustizzja”) wasslet biex il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet sentenzi kontra żewġ Stati Membri[11] filwaqt li proċedimenti oħrajn ingħalqu minħabba notifika sussegwenti tal-miżuri[12].

2.2.        L-approċċi għall-implimentazzjoni fl-Istati Membri u l-karatteristiċi tal-proċess ta’ traspożizzjoni

L-għażliet tekniċi li għamlu l-Istati Membri sabiex jimplimentaw id-DPKŻ jistgħu jiġu miġbura f’żewġ kategoriji prinċipali, li jiddependu prinċipalment fuq jekk l-Istati Membri kellhomx diġà leġiżlazzjoni dwar prattiki kummerċjali żleali jew le. Uħud mill-Istati Membri inkorporawha f’liġijiet eżistenti: atti kontra kompetizzjoni inġusta (il-Ġermanja, l-Awstrija, id-Danimarka, Spanja), kodiċijiet tal-konsumatur (Franza, l-Italja, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Malta), kodiċijiet ċivili (il-Pajjiżi l-Baxxi) jew atti eżistenti speċifiċi (il-Belġju, il-Finlandja u l-Isvezja). Oħrajn adottaw liġi ġdida ad hoc li tittrasponi d-DPKŻ kważi kelma b’kelma (ir-Renju Unit, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Ungerija, Ċipru, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Latvja, il-Litwanja u l-Greċja).

2.3.        L-Artikolu 4 – Il-klawżola tas-Suq Intern

L-Artikolu 4 tad-DPKŻ, magħruf bħala l-“klawżola tas-Suq Intern”, jinkorpora l-effett ta’ armonizzazzjoni sħiħa tad-Direttiva u jipprevjeni lill-Istati Membri milli jiddevjaw mir-regoli tagħha. Dan il-fattur kien ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża "Total Belgium" u fil-kuntest ta' deċiżjonijiet preliminari[13] oħra meta l-Qorti tal-Ġustizzja qalet b'mod konsistenti li "d-Direttiva tarmonizza għalkollox dawk ir-regoli fil-livell tal-Komunità. Għaldaqstant, [...] l-Istati membri ma jistgħux jadottaw regoli iktar stretti minn dawk previsti fid-Direttiva, anki sabiex jiksbu livell ogħla ta' protezzjoni tal-konsumatur".

L-aspett ta’ armonizzazzjoni sħiħa kien l-iktar wieħed problematiku fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Il-klawżola tas-Suq Intern kienet teħtieġ adattament sostanzjali tas-sistemi ġuridiċi nazzjonali għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. B’mod partikolari, l-Istati Membri kellhom iwettqu eżami bir-reqqa estensiv tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u jirrevokaw kwalunkwe dispożizzjoni li kienet inkompatibbli mad-Direttiva. Dispożizzjonijiet bħal dawn kellhom x’jaqsmu prinċipalment ma’ projbizzjonijiet ta’ prattiki kummerċjali speċifiċi li ma ġewx inklużi fl-Anness I tad-Direttiva (il-“Lista s-Sewda” tal-prattiki pprojbiti fi kwalunkwe ċirkustanza), speċjalment fil-qasam tal-promozzjonijiet tal-bejgħ.

Il-klawżola tas-Suq Intern wasslet għal simplifikazzjoni kbira tar-regoli dwar reklamar qarrieq u prattiki kummerċjali żleali fi tranżazzjonijiet min-negozji għall-konsumaturi fl-UE kollha, bis-sostituzzjoni tas-27 sistema nazzjonali b’sett wieħed ta’ regoli, filwaqt li nżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Kien essenzjali li jingħelbu l-ostakoli ġuridiċi speċifiċi kkawżati mir-regolamentazzjoni frammentata tal-prattiki kummerċjali żleali, li ta lok għal spejjeż, kumplessità u inċertezza kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi.

2.4.        Id-derogi

L-Artikolu 3(9) tad-Direttiva jipprevedi limitazzjoni importanti għan-natura ta’ armonizzazzjoni sħiħa tad-DPKŻ billi jiddikjara li “[f]ir-rigward ta’ ‘servizzi finanzjarji’ […] u proprjetà immobbli, l-Istati Membri jistgħu jimponu kondizzjonijiet li huma iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-Direttiva f’dak il-qasam li hija tapprossima”. B’hekk, għal dawn iż-żewġ setturi tapplika armonizzazzjoni minima. Kif tispjega l-Premessa 9 “is-servizzi finanzjarji u l-proprjetà immobbli, minħabba l-komplessità tagħhom u r-riskji serji inerenti, jeħtieġu rekwiżiti dettaljati, inklużi l-obbligi pożittivi tal-kummerċjanti”. Konsegwentement, f’dawn is-setturi, l-Istati Membri jistgħu jimponu regoli li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, sakemm dawn ikunu konformi ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE.

Kif ġie spjegat iktar ’l isfel, il-konsultazzjoni wriet li ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex din il-limitazzjoni titneħħa, kemm b’rabta mas-servizzi finanzjarji kif ukoll b’rabta mal-proprjetà immobbli.

Deroga temporanja oħra mill-prinċipju ta’ armonizzazzjoni sħiħa tapplika għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw direttivi li jinkludu klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima. Skont l-Artikolu 3(5), għal perjodu ta’ sitt snin sat-12 ta’ Ġunju 2013, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jibqgħu japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali[14] li jkunu iktar restrittivi jew preskrittivi mid-Direttiva stess u jimplimentaw klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima inklużi f’leġiżlazzjoni oħra tal-UE[15].

L-Artikolu 3(6) jindika li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali applikata abbażi tal-Artikolu 3(5).

Ħames Stati Membri biss qed isostnu li żammew regoli skont l-Artikolu 3(5)[16]. Stat Membru wieħed[17], pereżempju, innotifika dispożizzjonijiet relatati mar-reklamar fuq it-televiżjoni għall-protezzjoni tal-minorenni, li jimplimentaw id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva[18]. Stat Membru ieħor naqas milli jinnotifika miżura ristrettiva li tikkonċerna bejgħ fid-djar[19]. Riluttanza li jiġu rrevokati ċerti miżuri nazzjonali (sat-12 ta’ Ġunju 2013) tista’ tispjega għaliex ftit Stati Membri sa issa għamlu użu mill-Artikolu 3(5).

Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deroga ma għandhiex tiġi estiża iktar. Filwaqt li ftit Stati Membri indikaw ħtieġa għal tali estensjoni, din il-ħtieġa li jiġu applikati ċerti regoli fuq il-livell nazzjonali, tista’ tiġi ssodisfata permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE.

2.5.        Ir-relazzjoni bejn id-DPKŻ u l-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE

Id-Direttiva hija l-lex generalis li tirregola l-prattiki kummerċjali żleali fi tranżazzjonijiet min-negozji għall-konsumaturi. Hija tkopri l-prattiki kummerċjali B2C kollha sakemm ma jiġix espliċitament stipulat mod ieħor, bħal fil-każ tal-kundizzjonijiet ta’ sistemi ta’ stabbiliment jew ta’ awtorizzazzjoni (ara l-Artikolu 3(8)). Fejn leġiżlazzjoni settorjali tidħol f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva, għandhom jipprevalu d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-lex specialis[20]. Ta’ spiss, kunflitt bħal dan iseħħ għaliex il-lex specialis ikun fiha rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali iktar dettaljati jew regoli iktar stretti dwar il-mod li bih l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentati lill-konsumaturi (ara l-Premessa 10 tad-Direttiva). Madankollu, l-eżistenza ta’ regoli speċifiċi tal-UE f’settur partikolari ma teskludix l-applikazzjoni tad-Direttiva: f’dawn il-każijiet u b’rabta mal-aspetti kollha li ma jkunux koperti mil-lex specialis, id-DPKŻ tikkomplementa dawn id-dispożizzjonijiet settorjali u timla kwalunkwe nuqqas li jkun għad fadal fil-protezzjoni tal-konsumaturi minn prattiki kummerċjali żleali[21].

2.6.        Is-segwitu għat-traspożizzjoni

Din l-analiżi tiġbed l-attenzjoni għal ineżattezzi f’diversi Stati Membri relatati, fi ftit każijiet, ma’ kunċetti ewlenin tad-Direttiva. B’rabta ma’ dan, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu kontroll estensiv tat-traspożizzjoni u bħalissa għaddejjin bi djalogu strutturat mal-Istati Membri kkonċernati.

3.           L-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA

3.1.        Applikazzjoni Uniformi

3.1.1.     Ir-rwol u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi interpretata u applikata bl-istess mod fl-Istati Membri kollha kien kruċjali b’rabta mad-DPKŻ. Is-sentenzi tagħha kienu ferm siewja sabiex iċċaraw kwistjonijiet ġenerali li jikkonċernaw ir-relazzjoni tad-Direttiva mal-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll kwistjonijiet iktar speċifiċi relatati mal-interpretazzjoni ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet sostantivi tagħha. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tagħmilha ta’ amicus curiae fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Sa mill-2009, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi rinviji għal deċiżjoni preliminari, fejn ikkonfermat b’mod partikolari n-natura ta’ armonizzazzjoni sħiħa tad-Direttiva u l-fatt li l-Istati Membri ma jistgħux iżommu regoli nazzjonali li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tagħha.

B’rabta ma’ dan, il-Qorti ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li ġejjin mhumiex kompatibbli mad-Direttiva:

- Projbizzjoni ġenerali fuq l-offerti konġunti:

· Il-Kawżi Magħquda C-261/07 u C-299/07 (Total Belgium, it-23 ta’ April 2009) kienu jikkonċernaw kumpanija tal-karburanti li kienet toffri servizzi ta’ assistenza fit-triq mingħajr ħlas ma’ kull darba li klijent kien jixtri l-karburant u kumpanija li kienet ippubblikat rivista li kien fiha vawċer promozzjonali għal ħanut tal-ħwejjeġ ta’ taħt;

· Il-Kawża C-522/08 (Telekomunikacja Polska, il-11 ta’ Marzu 2010) kienet tikkonċerna kumpanija ta’ telekomunikazzjonijiet li kienet għamlet il-konklużjoni ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet broadband kontinġenti għall-konklużjoni ta’ kuntratt għal servizzi telefoniċi.

- Projbizzjoni ġenerali fuq prattiki kummerċjali fejn il-parteċipazzjoni ta’ konsumaturi f’kompetizzjoni jew f’lotterija bi premju tkun kundizzjonali għax-xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi:

· Il-Kawża C-304/08 (Plus Warenhandelsgesellschaft, l-14 ta’ Jannar 2010) kienet tikkonċerna kampanja promozzjonali mnedija minn kumpanija fejn il-konsumaturi kienu mistiedna jixtru oġġetti sabiex jiksbu ċertu numru ta’ punti bonus li permezz tagħhom setgħu jipparteċipaw fit-tlugħ ta’ lotterija nazzjonali.

- Projbizzjoni ġenerali fuq bejgħ b'bonusijiet, li hija maħsuba mhux biss biex tipproteġi lill-konsumaturi imma għandha wkoll għanijiet oħrajn:

· Il-Kawża C-540/08 (Mediaprint, id-9 ta’ Novembru 2010) kienet tikkonċerna gazzetta ta’ kuljum li organizzat kompetizzjoni fejn il-konsumaturi setgħu jipparteċipaw permezz ta’ vawċer inkluż fil-gazzetta. F’din il-kawża, il-Gvern Awstrijak kien argumenta li d-dispożizzjoni nazzjonali ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva peress li l-għan prinċipali tagħha kien li żżomm il-pluraliżmu tal-istampa fl-Awstrija;

- Projbizzjoni ġenerali fuq avviżi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet waqt il-perjodu ta’ qabel is-sales sa fejn id-dispożizzjoni inkwistjoni tipprova tipproteġi l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi:

· - Il-Kawża C-288/10 (Wamo, it-30 ta’ Ġunju 2011) kienet tikkonċerna kumpanija li kienet bagħtet stedina lil uħud mill-klijenti tagħha għal bejgħ privat li ġie organizzat ġimgħatejn qabel il-perjodu tas-sale.

· Il-Kawża C-126/11 (Inno, il-15 ta' Diċembru 2011) tikkonċerna kumpanija li offriet kard ta' lealtà li tippermetti konsumaturi biex jibbenefikaw minn diversi azzjonijiet promozzjonali inkluż traħħis fil-prezzijiet matul il-perjodu qabel is-sales. Ta' min jinnota li f'din il-kawża, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qieset li regola nazzjonali ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva jekk l-għan tagħha huwa biss, kif argumentat mill-qorti tar-rinviju, il-protezzjoni tal-kompetizzjoni[22].

- Projbizzjoni li jitħabbru "clearance sales" mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità amministrattiva lokali kompetenti:

· Kawża C-206/11 (Köck, is-17 ta' Jannar 2013) dwar kummerċjant mill-Awstrija li ħabbar f'gazzetta "clearance totali" tal-prodotti fil-ħanut tiegħu mingħajr ma applika għal awtorizzazzjoni amministrattiva, kif rikjest bil-liġi. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li prattika kummerċjali li mhix koperta mill-Anness I tad-Direttiva, ma tistax tkun ipprojbita abbażi biss li l-prattika ma kinetx is-suġġett ta' awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità amministrattiva kompetenti, mingħajr valutazzjoni tal-inġustizzja tal-prattika inkwistjoni kontra l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli minn 5 sa 9 tad-DPKŻ.

Fil-Kawża C-122/10 (Ving Sverige, it-12 ta’ Mejju 2011), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-kunċett ta’ “stedina għax-xiri”, kif ġie ddefinit fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva. Hija kkunsidrat, pereżempju, li stedina għax-xiri teżisti malli jkun hemm rappreżentazzjoni viżwali tal-prodott u tal-prezz, mingħajr id-disponibbiltà immedjata ta’ “mekkaniżmu” effettiv tax-xiri. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li d-Direttiva ma teskludix l-użu ta’ prezzijiet inizjali, sakemm l-informazzjoni li tiġi pprovduta b’dan il-mod tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ reali. Il-kwistjoni kienet tikkonċerna aġenzija tal-ivvjaġġar li kienet tbigħ prodotti għall-vaganzi u li għamlet komunikazzjoni kummerċjali f’gazzetta ta’ kuljum li kienet tinkludi biss informazzjoni limitata dwar il-vjaġġ irreklamat. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet l-approċċ tas-servizzi tal-Kummissjoni fid-dokument ta’ Gwida, li rrakkomandaw kunċett wiesa’ ta’ stedina għax-xiri[23].

Fil-Kawża C-559/11 (Pelckmans Turnhout NV, l-4 ta’ Ottubru 2012), il-Qorti tal-Ġustizzja ikkjarifikat li dispożizzjoni nazzjonali li ma jkollhiex l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Il-kawża kienet tikkonċerna l-kompatibbiltà mad-Direttiva ta’ dispożizzjoni Belġjana li tipprojbixxi lil kummerċjant milli jiftaħ il-ħanut tiegħu sebat ijiem fil-ġimgħa biex b’hekk teżiġi li l-kummerċjant jagħżel jum fil-ġimgħa meta l-ħanut ikun magħluq. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din id-dispożizzjoni għandha biss l-għan li tipproteġi l-interessi tal-ħaddiema u tal-impjegati fis-settur tad-distribuzzjoni u mhijiex maħsuba sabiex tipproteġi lill-konsumaturi.

Fil-Kawża C-428/11 (Purely Creative et, it-18 ta’ Ottubru 2012), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet għall-ewwel darba sabiex tinterpreta dispożizzjoni tal-Anness I tad-Direttiva, u b’mod partikolari l-punt 31, li jipprevjeni li l-kummerċjanti jagħtu lill-konsumaturi l-impressjoni li jkunu diġà rebħu premju, meta biex jieħdu tali premju jkollhom iħallsu xi flus jew jidħlu f’xi spejjeż. Fl-Ingilterra, diversi kumpaniji kienu ddistribwixxew materjal pubbliċitarju bil-posta u materjal pubbliċitarju, inklużi vawċers (scratch-cards), imqiegħed f’gazzetti u f’perjodiċi, li kien jinforma lir-riċeventi li kienu rebħu premju. Sabiex jiġbor dan il-premju, ir-rebbieħ jew kellu jċempel numru tat-telefown b’tariffa ogħla min-normal, jew jibgħat messaġġ testwali, jew jibgħat applikazzjoni bil-posta. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li prattiki bħal dawn huma pprojbiti anki meta l-ispiża imposta fuq il-konsumatur tkun waħda minima (bħal fil-każ ta’ bolla) meta pparagunata mal-valur tal-premju u irrispettivament minn jekk il-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż jipprokurax xi benefiċċju lill-kummerċjant.

Bħalissa hemm pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tliet rinviji oħra għal deċiżjoni preliminari:

· Il-Kawża C-435/11 (CHS Tour Services) li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva, b’mod partikolari dwar jekk id-DPKŻ teħtieġx eżami separat tar-rekwiżit ta’ diliġenza professjonali (stabbilit fl-Artikolu 5(2)(a)) tad-Direttiva) meta jiġi vvalutat każ reali li jinvolvi azzjonijiet jew ommissjonijiet qarrieqa;

· Il-Kawża C-265/12 (Citroën Belux NV) li tirreferi għall-kompatibbiltà mad-Direttiva (b’mod partikolari mal-Artikolu 3(9) tagħha), ta’ dispożizzjoni Belġjana li tipprevjeni li l-kummerċjanti jagħmlu offerti konġunti, meta mill-inqas komponent wieħed ikun servizz finanzjarju;

· Il-Kawża C-281/12 (Trento Sviluppo Centrale Adriatica) fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-DPKŻ teħtiġx, biex jiġi stabbilit ksur li, minbarra l-imġiba qarrieqa titwettaq evalwazzjoni separata tad-distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika ta’ konsumaturi.

3.1.2.     L-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni ilha tieħu miżuri, sa mill-bidu nett tal-proċess ta’ traspożizzjoni, sabiex tgħin lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali ħalli jiksbu implimentazzjoni uniformi u infurzar konsistenti tad-Direttiva. Dan huwa għan partikolarment diffiċli f’qasam li huwa kkaratterizzat minn differenzi kbar fil-politika, fl-istil u fit-tekniki ta’ infurzar nazzjonali.

3.1.3.     Il-Gwida għad-DPKŻ

F’Diċembru 2009, is-servizzi tal-Kummissjoni ħarġu dokument ta’ Gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva[24] sabiex jiġu żviluppati fehim komuni u konverġenza fil-prattiki. Dan id-dokument, disponibbli fi 22 lingwa uffiċjali tal-UE, għen sabiex jiġu ċċarati xi kunċetti u dispożizzjonijiet ewlenin li kienu pperċepiti bħala problematiċi. Huwa jinkludi eżempi prattiċi li juru kif taħdem id-Direttiva. Minkejja li dan id-dokument ma għandu l-ebda status legali formali (natura vinkolanti), huwa ntuża b’mod wiesa’ anki fil-kuntest ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja[25], kif ukoll minn qrati u awtoritajiet nazzjonali fil-valutazzjoni tagħhom ta’ każijiet individwali. Il-Gwida kienet ikkonċepita bħala dokument ħaj li għandu jiġi aġġornat fuq bażi regolari hekk kif jikber l-għarfien dwar il-prattiki kummerċjali żleali.

3.1.4.     Il-Bażi tad-Dejta Legali tad-DPKŻ

F’Lulju 2011, il-Kummissjoni nediet bażi tad-dejta legali onlajn (il-“Bażi tad-Dejta tad-DPKŻ”)[26]. L-iżvilupp ta’ din il-bażi tad-dejta beda fl-2008, flimkien mal-Gwida, sabiex jingħata appoġġ lil applikazzjoni uniformi u infurzar adegwat/effettiv tad-Direttiva.

Il-bażi tad-dejta legali hija ferm komprensiva u permezz tagħha l-pubbliku jista’ jkollu aċċess faċli għal-liġijiet u għall-ġurisprudenza tal-Istati Membri relatati mad-Direttiva, kif ukoll għal materjal utli ieħor bħal kwalunkwe xogħol akkademiku rilevanti. Bħalissa fiha madwar 330 artikolu legali, 400 kawża[27] u 25 element ieħor (bħal studji jew linji gwida adottati minn awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar). L-informazzjoni inkluża fil-bażi tad-dejta hija rranġata f’taqsimiet u tista’ tiġi ffiltrata b’referenza għal Artikoli speċifiċi tad-Direttiva, għal kelmiet ewlenin, għal ġurisprudenza u għal letteratura legali. It-taqsimiet kollha huma interkonnessi u jippermettu wkoll li jsiru paraguni bejn Stati Membri differenti. It-taqsimiet tal-pajjiżi dejjem jinkludu ħarsa ġenerali lejn is-sistema nazzjonali tal-infurzar.

Il-Kummissjoni għadha qed taħdem fuq l-iżvilupp tal-bażi tad-dejta tad-DPKŻ, li għandha tiġi aġġornata b’mod regolari b’ġurisprudenza ġdida, b’artikli legali ġodda u b’materjal ieħor ġdid. L-idea hija li eventwalment tinħoloq Bażi tad-Dejta dwar il-Liġi tal-Konsumatur ġdida billi l-bażi tad-dejta tad-DPKŻ tiġi amalgamata mal-bażi tad-dejta tal-Kompendju tal-Liġi tal-Konsumatur tal-UE[28]. Is-servizzi tal-Kummissjoni bħalissa qed jevalwaw l-għażliet disponibbli sabiex jiżguraw irwieħhom minn konnessjoni effettiva bejn il-bażi tad-dejta tad-DPKŻ u l-Portal tal-Ġustizzja Elettronika[29].

3.2.        Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva

Id-Direttiva għandha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna, kif ġie stabbilit bid-definizzjoni ta’ prattiki kummerċjali (fin-negozju mal-konsumatur) fl-Artikolu 2(d) tagħha: “kwalunkwe att, ommissjoni, imġiba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inklużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”. Prodott ġie deskritt bħala “kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi”[30]. Id-Direttiva tapplika għal kważi t-tranżazzjonijiet kollha bejn in-negozji u l-konsumaturi (“B2C”) fis-setturi kollha. Barra minn hekk, hija tapplika mhux biss għall-fażi tar-reklamar/tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ tranżazzjoni imma anki “…matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott”[31]. Madankollu, hija kkonċernata biss mill-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi b’rabta ma’ miżuri li jkollhom l-għan jew li jwasslu għall-klassifikazzjoni ta’ prattika kummerċjali bħala żleali, bl-esklużjoni ta’ interessi oħrajn bħas-saħħa u s-sikurezza jew l-ambjent. L-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-DPKŻ jew li jirregolaw, f’konformità ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE, tipi oħrajn ta’ relazzjonijiet. Huma wkoll ħielsa li jiddeterminaw l-effett ta’ prattiki żleali fuq il-validità, il-formazzjoni jew l-effett ta’ kuntratt, fid-dawl tal-fatt li d-DPKŻ ma tarmonizzax il-liġi kuntrattwali[32].

3.2.1.     Il-ħtieġa għal estensjoni lil hinn mit-tranżazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi

L-estensjoni tad-Direttiva lil hinn mit-tranżazzjonijiet B2C tqajmet prinċipalment b’rabta ma’ tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet. Esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva hemm it-tranżazzjonijiet bejn in-negozji (“B2B”), bejn il-konsumaturi (“C2C”) jew meta l-konsumaturi jbigħu jew ifornu prodott lil kummerċjant (“C2B”). Filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jirregolaw dawn ir-relazzjonijiet, il-parti l-kbira tagħhom għażlu li jimplimentaw id-DPKŻ billi jżommu mal-kamp ta’ applikazzjoni oriġinali tagħha.

It-tranżazzjonijiet bejn in-negozji

Erba’ Stati Membri biss bħalissa japplikaw, b’xi modulazzjoni, id-DPKŻ anki għar-relazzjonijiet B2B[33]. L-estensjoni, fuq il-livell tal-UE, tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-DPKŻ għar-relazzjonijiet B2B fl-imgħoddi ġiet proposta minn xi partijiet interessati prinċipalment bil-għan li tiġi solvuta l-problema tal-prattiki tal-Kumpaniji tad-Direttorju Qarrieqa li taffettwa prinċipalment lill-impriżi ż-żgħar u lill-professjonisti indipendenti. Prattiki bħal dawn bħalissa huma pprojbiti mid-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (“id-DRQK”). Fil-Komunikazzjoni reċenti tagħha dwar il-funzjonament ġenerali tad-DRQK, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-mezzi ta’ infurzar transfruntiera disponibbli għandhom jissaħħu u l-qafas legali attwali għandu jiġi rivedut sabiex skemi bħal dawn jiġu miġġielda aħjar[34].

Ir-relazzjonijiet bejn il-konsumaturi u n-negozji

L-infurzaturi nazzjonali[35] indikaw każijiet fejn il-konsumaturi kienu l-vittmi ta’ prattiki kummerċjali inġusti meta biegħu prodotti lil kummerċjanti. Ġew irrapportati każijiet fejn, pereżempju, il-konsumaturi biegħu l-antikitajiet u l-ġojjelli (speċjalment id-deheb) tagħhom lil kummerċjanti u ġew imqarrqa mid-dikjarazzjonijiet li jkunu saru mill-kummerċjanti b’rabta mal-karatteristiċi u/jew mal-valur tal-oġġetti. Ftit Stati Membri biss[36] iridu li d-Direttiva tiġi estiża filwaqt li l-bqija mhumiex qed jagħtu l-appoġġ tagħhom lil estensjoni. Stat Membru wieħed[37], li japplika d-Direttiva billi jżomm mal-kamp ta’ applikazzjoni oriġinali tagħha, issuġġerixxa li jittieħed approċċ estensiv għall-interpretazzjoni tad-Direttiva[38] minflok ma ssir bidla regolatorja fuq il-livell tal-UE.

Ir-relazzjonijiet bejn konsumatur u konsumatur

L-iżvilupp mgħaġġel tal-pjattaformi tal-Internet qajjem il-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni b’rabta mat-tranżazzjonijiet C2C għandhiex tissaħħaħ. L-esperjenza fl-infurzar turi li l-problema prinċipali hija kkawżata minn kummerċjanti li jagħmluha ta’ konsumaturi u li jaħbu l-kwalifika/l-intenzjoni kummerċjali reali tagħhom. Prattiki bħal dawn diġà huma pprojbiti mid-Direttiva li, fil-punt 22 tal-Anness I tagħha, tipprojbixxi l-prattika “[f]ejn il-kummerċjant bil-qerq isostni jew joħloq l-impressjoni li huwa ma jkunx qiegħed jaġixxi għall-finijiet konnessi mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tiegħu, jew bil-qerq juri ruħu bħala konsumatur”[39]. Il-prevenzjoni ta’ prattiki bħal dawn, għalhekk, hija iktar kwistjoni ta’ infurzar milli ta’ nuqqas fid-DPKŻ.

Fl-aħħar nett, ir-riżultati tal-konsultazzjoni juru li l-maġġoranza vasta tal-Istati Membri u tal-partijiet interessati[40] mhumiex qed jagħtu l-appoġġ tagħhom lil estensjoni tad-Direttiva, irrispettivament minn jekk ikunux involuti tranżazzjonijiet B2B, C2B jew C2C. Il-Kummissjoni tikkunsidra li bħalissa ma hemm l-ebda raġuni għal estensjoni bħal din. Filwaqt li l-problema speċifika għall-B2B ta’ Kumpaniji tad-Direttorju Qarrieqa se tiġi indirizzata mir-reviżjoni li għaddejja tad-DRQK, għal tipi oħrajn ta’ relazzjonijiet, l-Istati Membri huma ħielsa li jirregolaw il-qasam ikkonċernat sabiex jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet nazzjonali.

3.2.2.     Il-Promozzjonijiet tal-Bejgħ

Il-kwistjoni tal-promozzjonijiet tal-bejgħ bdiet tiġi diskussa[41] wara li l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar Promozzjonijiet tal-Bejgħ[42] ġiet irtirata fl-2006 peress li l-Istati Membri ma rnexxilhomx jilħqu qbil. Il-proposta kienet tinkludi numru ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni maħsuba sabiex jiżguraw li l-komunikazzjonijiet kummerċjali relatati ma’ promozzjonijiet tal-bejgħ ikunu trasparenti u li r-riċeventi interessanti jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha rilevanti mħabbra fihom.

Id-DPKŻ tipprovdi protezzjoni minn prattiki żleali fil-qasam tal-promozzjonijiet tal-bejgħ. L-Artikolu 6(1)(d) jipprevjeni li l-kummerċjanti jqarrqu bil-konsumaturi dwar “il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz”. Il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I għandhom fil-mira tagħhom prattiki promozzjonali speċifiċi bħall-bait advertising (punt 5), l-offerti speċjali (punt 7), il-promozzjonijiet bi premju (punt 19), il-kompetizzjonijiet bi premju (punt 31), u l-użu tal-kelmiet “mingħajr ħlas” (punt 20).

Fil-kawża “Total Belgium[43]”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat b’mod partikolari li, minħabba n-natura ta’ armonizzazzjoni sħiħa tad-Direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu regoli nazzjonali dwar promozzjonijiet tal-bejgħ li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Ftit Stati Membri u partijiet interessati argumentaw li r-revoka għall-għarrieda ta’ ċerti regoli nazzjonali dwar il-promozzjonijiet tal-bejgħ tista’ taffettwa ħażin il-protezzjoni tal-konsumaturi minn bejgħ promozzjonali qarrieqi fuq il-livell nazzjonali[44]. Huma tal-fehma li wħud mir-regoli nazzjonali eżistenti l-iktar stretti (bħal dawk li jkunu relatati ma’ “prezz ta’ referenza” sabiex jiġi kkalkolat jekk ċertu skont imħabbar ikunx veru jew le) ikunu ta’ siwi kbir għall-konsumaturi u għall-infurzaturi, għalkemm illum mhumiex legalment kompatibbli mad-Direttiva[45].

Ir-rispons mill-konsultazzjoni juri li wħud mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati jkunu favur li jsiru bidliet leġiżlattivi f’dan il-qasam, jew fil-forma ta’ iktar regolamentazzjoni[46] jew bl-esklużjoni tal-promozzjonijiet tal-bejgħ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-DPKŻ[47]. Il-bqija tal-Istati Membri jiċħdu b’mod espliċitu l-possibbiltà ta’ iktar regolamentazzjoni f’dan il-qasam, filwaqt li oħrajn[48] jilqgħu iktar gwida mingħand il-Kummissjoni dwar is-suġġett. Mill-partijiet interessati l-oħra, żewġ rappreżentanti mill-qasam tan-negozju biss[49], il-BEUC, organizzazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi waħda[50] u ECC wieħed[51] jitolbu iktar regolamentazzjoni u jenfasizzaw li n-nuqqas ta’ regoli dettaljati jiġġenera inċertezza legali, filwaqt li l-Kamra tal-Kummerċ Daniża tappoġġa l-esklużjoni tal-promozzjonijiet tal-bejgħ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva sabiex l-Istati Membri jingħataw marġni ta’ manuvra nazzjonali usa’.

Il-Kummissjoni temmen li l-parti l-kbira tat-tħassib imqajjem mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ miżuri li jkollhom l-għan li jżidu ċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva f’dan il-qasam. Iktar żvilupp tad-dokument ta’ Gwida jista’ jkun mod wieħed kif jintlaħaq dan il-għan.

Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-applikazzjoni tad-Direttiva f’dan il-qasam, u fil-ġejjieni se tikkunsidra miżuri leġiżlattivi jekk tinqala’ ħtieġa bħal din.

3.3.        Id-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva

Din il-parti tar-Rapport tipprovdi deskrizzjoni fil-qosor tad-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva (b’mod partikolari l-Artikoli minn 5 sa 9 u l-Anness I) u tal-kwistjonijiet prinċipali li rriżultaw b’rabta mal-applikazzjoni tagħhom fl-Istati Membri.

3.3.1.     Il-kunċett tad-diliġenza professjonali

L-Artikolu 5(2) huwa l-“klawżola ġenerali” tad-DPKŻ, peress li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-prattiki kummerċjali żleali. Hija tipprovdi għal żewġ kriterji kumulattivi sabiex jiġi vvalutat jekk prattika kummerċjali għandhiex titqies bħala żleali, jiġifieri:

· jekk tkun kuntrarja għar-rekwiżiti tad-“diliġenza professjonali”,

· u toħloq distorsjoni sostanzjali jew huwa probabbli li toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju.

Id-diliġenza professjonali ġiet iddefinita bħala “l-istandard ta’ sengħa u kura speċjali li kummerċjant huwa raġonevolment mistenni li jeżerċita fir-rigward ta’ konsumaturi, proporzjonat ma’ prattika onesta fis-suq u/jew mal-prinċipju ġenerali tal-bona fide fil-qasam ta’ attività tal-kummerċjant”. Dan il-kunċett jinkludi prinċipji li diġà kienu stabbiliti sew fil-liġijiet tal-Istati Membri bħal “prattika onesta fis-suq” u “bona fide”, b’rilevanza addizzjonali tingħata lill-valuri normativi li japplikaw b’mod speċifiku f’qasam partikolari ta’ attività ta’ negozju.

Il-kunċett tad-diliġenza professjonali ġie traspost b’mod korrett fil-parti l-kbira tal-Istati Membri. Jidher li ftit Stati Membri minflok żammew il-kunċetti ta’ “prattika tajba” jew ta’ prattika tajba fis-suq”[52]. B’rabta ma’ dan, il-Kummissjoni bħalissa tinsab f’kuntatt mal-Istati Membri kkonċernati sabiex tiżgura ruħha li dawn il-kunċetti ma jwasslux għal interpretazzjoni iktar restrittiva milli jkun meħtieġ mid-DPKŻ.

Kwistjoni li tqajmet minn uħud mill-infurzaturi nazzjonali kienet jekk, sabiex kummerċjant jiġi penalizzat għal ksur tal-Artikoli minn 6 sa 9 tad-DPKŻ, kellux jintwera li l-imġiba kienet bi ksur tad-“diliġenza professjonali”. Il-Kummissjoni tikkunsidra li ma hemmx din il-ħtieġa u li d-diliġenza professjonali tinkiser awtomatikament fil-każ ta’ azzjoni qarrieqa, ommissjoni qarrieqa jew prattika aggressiva. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5 jista’ jiġi applikat bħala dispożizzjoni awtonoma, bħala “xibka ta’ sikurezza”, sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe prattika żleali li ma tinqabadx mill-bqija tad-Direttiva tkun tista’ tiġi penalizzata[53].

Wara talba reċenti għal deċiżjoni preliminari[54], l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk eżami separat tar-rekwiżit tad-diliġenza professjonali huwiex meħtieġ meta jkunu qed jiġu vvalutati prattiki kummerċjali żleali (l-Artikoli minn 6 sa 9 tad-DPKŻ), għadha pendenti.

3.3.2.     Il-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli

L-Artikolu 5(3) jipprovdi għal protezzjoni speċifika tal-konsumaturi li jkunu partikolarment vulnerabbli minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom, jekk il-prattika kummerċjali inkwistjoni taffettwa l-imġiba ekonomika tagħhom b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi.

Kategorija speċifika ta’ konsumaturi vulnerabbli, it-tfal, jibbenefikaw minn protezzjoni addizzjonali permezz tal-Anness I li fil-punt 28 jipprojbixxi b’mod speċifiku l-prattika “[f]ejn il-kummerċjant jinkludi f’reklam tħeġġiġ dirett lit-tfal sabiex jixtru jew sabiex jipperswadu l-ġenituri tagħhom jew adulti oħrajn sabiex jixtrulhom il-prodotti reklamati”.

Ir-rispons mill-konsultazzjoni ma indikax problemi sinifikanti b’rabta mal-konsumaturi vulnerabbli. Ir-Renju Unit mhuwiex qed jitlob reviżjoni imma jiddikjara li, jekk id-Direttiva kellha tiġi riveduta, mela jista’ jkun utli li jiġu miżjuda dispożizzjonijiet sabiex l-anzjani wkoll jiġu protetti b’mod speċifiku minn ċerti prattiki aggressivi. Id-Danimarka tosserva li fil-qasam tal-logħbiet onlajn ta’ spiss il-prattiki aggressivi jkollhom fil-mira tagħhom lit-tfal. Żewġ Stati Membri biss jappoġġaw regolamentazzjoni ulterjuri sabiex tittejjeb il-protezzjoni kuntrattwali għat-tfal, li mhijiex kwistjoni li tista’ tiġi indirizzata mid-DPKŻ[55].

L-esperjenza u d-dejta miġbura juru li għandhom isiru iktar sforzi sabiex jissaħħaħ l-infurzar tad-DPKŻ b’rabta mal-konsumaturi vulnerabbli, bħall-anzjani, it-tfal/l-adolexxenti u kategoriji oħrajn ta’ ċittadini li jsibu rwieħhom f’sitwazzjoni ta’ dgħufija[56].

Il-Kontroll (“Sweep”)[57] imwettaq fl-2008 minn infurzaturi nazzjonali fil-qafas tar-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi (KPK) wera, pereżempju, li iktar minn nofs il-websajts investigati kellhom fil-mira tagħhom speċifikatament lill-adolexxenti u lit-tfal. Wara 18-il xahar ta' investigazzjoni fil-livell nazzjonali, 70 % ta' dawk il-websajts kienu kkorreġuti jew magħluqa. L-eżitu tal-ewwel fażi tal-kontroll tal-2012 dwar il-kontenut diġitali żvela li l-minorenni xorta għadhom il-mira tal-websajts, li ma jidhrux li qed jikkonformaw mar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur u ħafna drabi jiġu mħajra jixtru oġġetti relatati ma' logħbiet li suppost huma b'xejn[58].

3.3.3.     L-Artikolu 6 dwar azzjonijiet qarrieqa

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva azzjoni qarrieqa sseħħ meta prattika tqarraq permezz tal-informazzjoni li jkun fiha jew permezz ta’ preżentazzjoni qarrieqa tagħha u ġġiegħel jew x’aktarx li ġġiegħel lill-konsumatur medju jieħu deċiżjoni tranżazzjonali differenti milli kieku kien jieħu. Din, flimkien mal-Artikolu 7 dwar ommissjonijiet qarrieqa, hija l-iktar dispożizzjoni li tintuża ta’ spiss għal finijiet ta’ infurzar nazzjonali.

Ir-rispons mill-konsultazzjoni juri li l-Istati Membri sa issa ma ltaqgħux ma’ problemi speċifiċi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6. L-iktar prattiki li ġew irrapportati ta’ spiss imsemmija minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni jinvolvu informazzjoni li ma tikkorrispondix għall-verità dwar il-karatteristiċi prinċipali u/jew il-prezz tal-prodott jew tas-servizz offrut għall-bejgħ fl-oqsma tas-servizzi tal-internet u tat-telekomunikazzjonijiet (pereżempju, il-veloċità tal-broadband), tas-servizzi finanzjarji (pereżempju, kreditu għall-konsumatur, assigurazzjoni fuq il-ħajja), tat-turiżmu (pereżempju, servizzi ta’ akkomodazzjoni li jinkludu tariffi tal-karta ta’ kreditu fir-rigward ta’ lukandi, timeshare u prodotti relatati), tat-trasport bl-ajru u tal-kummerċ elettroniku.

Eżempju reċenti tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(g) (li jipprojbixxi li l-kummerċjanti jqarrqu bil-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom stabbiliti f’leġiżlazzjoni oħra) huwa partikolarment interessanti għaliex kien jikkonċerna prattika b’impatt fuq l-UE kollha. Attur ewlieni fis-suq tal-apparati elettroniċi ġie mmultat minn infurzatur nazzjonali talli offra lill-konsumaturi garanzija kummerċjali bi ħlas li kienet tinkludi servizzi li bil-liġi huma diġà intitolati għalihom mingħajr ħlas[59].

Il-protezzjoni pprovduta mill-Artikolu 6 hija mifruxa u ġiet invokata, pereżempju, anki għal kwistjonijiet politikament sensittivi li jikkonċernaw il-kummerċ, bħal fil-każ ta’ prodotti importati minn territorji li s-sovranità nazzjonali tagħhom hija kkontestata u li fir-rigward tagħhom hemm riskju li l-konsumaturi jiġu mqarrqa dwar l-oriġini ġeografika jew kummerċjali effettiva tal-prodott, bil-possibbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 6(1)(b).

Kwistjoni waħda li tqajmet b’mod vigoruż minn assoċjazzjoni industrijali[60] tikkonċerna l-idoneità tal-Artikolu 6(2) u 6(2)(a) li jippenalizza ppakkjar ikkoppjat, imsejjaħ “copycat packaging”. “Copycat packaging” tirreferi għall-prattika li l-ippakkjar ta’ prodott (jew it-“trade-dress” jew “get-up”, jiġifieri l-libsa kummerċjali) tiegħu jiġi ddisinjat sabiex dan jingħata “d-dehra u s-sensazzjoni” ġenerali ta’ marka magħrufa kompetitriċi. Il-copycat packaging huwa distint mill-falsifikazzjoni peress li normalment dan ma jinvolvix l-ikkoppjar tat-trademarks (marki kummerċjali). Il-problema affettwat pajjiżi fejn ir-rimedji kontra l-kompetizzjoni inġusta jidher li mhumiex sodisfaċenti u l-kompetituri jikkunsidraw id-DPKŻ bħala għodda li jistgħu jużaw sabiex jagħtu bidu għal azzjoni legali. Is-servizzi tal-Kummissjoni diġà indirizzaw din il-kwistjoni fid-dokument ta’ Gwida tal-2009. Il-Kummissjoni se tagħti l-appoġġ tagħha lil azzjoni ta’ infurzar iktar b’saħħitha dwar din il-kwistjoni kull meta l-prattiki inkwistjoni jqarrqu bil-konsumaturi.

3.3.4.     L-Artikolu 7(4) Offerti Kummerċjali u Rekwiżiti ta’ Informazzjoni dwar il-Prezz

Il-kummerċjanti jistgħu jagħżlu jekk jinkludux il-prezz fir-reklamar tagħhom. Madankollu, il-komunikazzjonijiet kummerċjali kollha li jinkludu l-prezz jikkwalifikaw bħala “stedina għax-xiri” skont id-DPKŻ[61]: għal ta’ dawn tal-aħħar, id-Direttiva tobbliga lill-kummerċjanti, abbażi tal-Artikolu 7(4) tagħha, sabiex ikunu konformi ma’ numru ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni speċifiċi.

L-istedina għax-xiri hija tabilħaqq mument kritiku fil-proċess deċiżjonali tal-konsumatur u hija mod tipiku kif prodotti u servizzi jiġu rreklamati u offruti lill-konsumaturi, anki fid-dinja onlajn. Skont in-natura tagħha, din hija forma diretta u immedjata ta’ promozzjoni tal-prodotti, li tagħti lok għal reazzjoni iktar impulsiva min-naħa tal-konsumaturi u b’hekk tesponihom għal riskji ikbar. L-għan tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 7(4) b’hekk huwa li jiġi żgurat li, kull meta l-kummerċjanti jagħmlu offerti kummerċjali lill-konsumaturi, huma jqiegħdu fl-istess ħin għad-dispożizzjoni tagħhom, b’mod li jinftiehem u li ma jkunx ambigwu, biżżejjed dejta u ma jqarrqux bihom billi ma jinkludux informazzjoni importanti. Dawn ir-rekwiżiti jikkonċernaw: il-karatteristiċi prinċipali tal-prodott, l-indirizz ġeografiku tal-kummerċjant, il-prezz totali, l-arranġamenti għall-ħlas u għall-konsenja, il-prestazzjoni u l-politika għat-trattament tal-ilmenti, u l-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar jew ta’ kanċellazzjoni, jekk ikun applikabbli. Huma għandhom jinqraw flimkien mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni inklużi fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur[62] u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku[63].

Is-servizzi tal-Kummissjoni, fid-dokument ta’ Gwida, jippromwovu kunċett wiesa’ ta’ stedina għax-xiri b’applikazzjoni flessibbli u proporzjonata tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni. Madankollu huma jsostnu, li “mekkaniżmu” għax-xiri (pereżempju, il-possibbiltà li ssir prenotazzjoni onlajn) mhuwiex meħtieġ sabiex jidħlu fis-seħħ ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni[64].

Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’deċiżjoni preliminari[65], segwiet dan l-approċċ u kkonfermat li “stedina għax-xiri teżisti […] mingħajr il-ħtieġa li l-komunikazzjoni kummerċjali tkun tinkludi wkoll mezz konkret biex jinxtara l-prodott jew li din tidher viċin tali mezz jew meta jkun hemm tali mezz”. Il-kawża kienet tinvolvi lill-Ombudsman għad-Difiża tal-Konsumaturi Svediż u aġenzija tal-ivvjaġġar (Ving) li kienet tbigħ fl-Isvezja kollha, anki permezz tal-Internet, prodotti għall-vaganzi. B’risposta għad-domanda jekk Ving kinitx indikat il-karatteristiċi prinċipali tal-prodott, sa fejn dan kien xieraq għall-mezz u għall-prodott, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, filwaqt li kellha tkun il-qorti nazzjonali li tagħmel valutazzjoni in concreto, “rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tal-prodott tista’ tissodisfa l-kundizzjoni dwar l-indikazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott” u li referenza għall-websajt tal-kummerċjant tista’ tintuża f’ċerti cirkustanzi sabiex tiġi pprovduta ċerta informazzjoni dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-prodott.

L-Artikolu 7(4)(c) tad-DPKŻ jeżiġi speċifikatament li l-kummerċjanti juru l-prezz (finali) li jinkludi t-taxxi kollha applikabbli jew, fejn il-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kkalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz jiġi kkalkolat. F’Ving Sverige il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-inklużjoni ta’ “prezz inizjali” fi stedina għax-xiri minnha nfisha ma tikkostitwixxix ksur tad-DPKŻ sakemm, fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali li jinkludu n-natura u l-karatteristiċi tal-prodott u l-mezz kummerċjali ta’ komunikazzjoni użat, prezz inizjali[66] bħal dan jippermetti li l-konsumatur jieħu deċiżjoni informata.

Ir-Regolament tal-2008 dwar is-Servizzi tal-Ajru[67] kkomplementa d-DPKŻ billi żied numru ta’ dispożizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li l-prezz tal-biljetti tal-ajru jkun wieħed trasparenti waqt il-proċess ta’ prenotazzjoni u fir-reklamar. B'mod partikolari jispeċifika li "il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jkun indikat dejjem u għandu jinkludi n-noll jew ir-rata tal-ajru applikabbli kif ukoll it-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u d-drittijiet li ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni". Id-Direttiva adottata riċentiment dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi[68] tinkludi dispożizzjonijiet dwar prezzijiet u imposti li japplikaw ukoll għas-settur tat-trasport bl-ajru.

Filwaqt li hemm kunsens ġenerali li l-prezz irreklamat għandu jinkludi, mill-bidu nett[69], it-tariffi u l-imposti kollha applikabbli, ir-rispons li wasal mingħand diversi partijiet interessati[70] jissuġġerixxi li r-rekwiżiti tal-prezz ta’ spiss jiġu ttraskurati fl-istediniet għax-xiri.

Fl-2007, l-ewwel kontroll (sweep) organizzat fil-qafas tar-Regolament KPK iffoka fuq il-websajts li jbigħu biljetti tal-linji tal-ajru. L-awtoritajiet minn 15-il Stat Membru u min-Norveġja investigaw 386 websajt, li ġie rrapportat li 145 minnhom kien fihom xi irregolaritajiet. It-tliet kwistjonijiet prinċipali rrilevati kienu indikazzjoni qarrieqa tal-prezz, nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-offerti u irregolaritajiet relatati mal-preżentazzjoni tat-termini kuntrattwali.

Studju reċenti dwar “Price Transparency in the air transport sector[71]” (“It-trasparenza tal-prezzijiet fis-settur tat-trasport bl-ajru”) sab li bosta linji tal-ajru juru l-prezz mingħajr ma jinkludu t-taxxi, it-tariffi u l-imposti, filwaqt li bosta minnhom iżidu imposti li huma de facto inevitabbli (pereżempju, mezzi ta’ pagament mingħajr ħlas biss jekk tintuża l-karta ta’ kreditu tal-linja tal-arju), filwaqt li jikkwalifikawhom bħala “fakultattivi”. Il-problema għandha risperkussjonijiet partikolarment detrimentali fl-istadju fejn il-konsumaturi jqabblu l-prezzijiet sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni informata[72].

L-awtoritajiet f’mill-inqas żewġ Stati Membri dan l-aħħar ħadu azzjoni ta’ infurzar kontra għadd ta’ kumpaniji tal-ajru sabiex jipprevjenu li dawn jippreżentaw prezzijiet lil konsumaturi li jkunu maqsuma f’komponenti (“price partitioning”) jew li jiżvelaw il-prezz kollu biss fi tmiem il-proċess ta’ prenotazzjoni (“drip pricing”). L-investigazzjonijiet kienu jiffokaw fuq surcharges tal-karti ta’ kreditu u ta’ debitu: b’riżultat ta’ dan, fir-Renju Unit[73], 12-il linja tal-ajru qablu li jinkludu s-soprataxxi tal-karti ta’ debitu fil-headline price u li jiżguraw irwieħhom li s-soprataxxi biex il-ħlasijiet isiru b’karta ta’ kreditu jkunu jistgħu jinstabu faċilment meta ssir prenotazzjoni onlajn; fl-Italja, sitt kumpaniji tal-ajru ġew penalizzati u qablu li jinkludi imposti bħal dawn fil-prezz irreklamat sa tmiem l-2012[74].

L-evidenza disponibbli turi li l-użu rikorrenti ta’ informazzjoni inadegwata dwar il-prezzijiet fl-istediniet għax-xiri ma jiddependix minn nuqqas fil-qafas legali attwali fuq il-livell tal-UE[75], li dalwaqt isir saħansitra iktar strett; jidher ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali qed ikollhom diffikultà biex jirreaġixxu għal ksur bħal dan meta l-kummerċjant ikun lokalizzat f’ġurisdizzjoni oħra, kif inhu l-każ għal prattiki żleali oħrajn. Jista’ jkun hemm titjib f’dan il-qasam jekk il-Kummissjoni jkollha rwol iktar prominenti fl-appoġġ għal azzjoni intensifikata ta’ infurzar nazzjonali u fil-promozzjoni ta’ kooperazzjoni iktar b’saħħitha fl-infurzar transfruntiera[76]. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni jikkonfermaw li f’dan l-istadju ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġu kkunsidrati miżuri regolatorji[77].

3.3.5.     L-Artikoli 8 u 9 – Prattiki Aggressivi

Bħala innovazzjoni fuq il-livell tal-UE, id-Direttiva tarmonizza l-kunċett ta’ prattiki kummerċjali aggressivi. Dawn il-prattiki jiġu ttrattati mill-Artikoli 8 u 9 tad-DPKŻ u jipprevjenu li l-kummerċjanti jadottaw tekniki ta’ bejgħ li jfixklu l-libertà tal-għażla tal-konsumatur, biex b’hekk joħolqu distorsjoni fl-imġiba ekonomika tagħhom.

Il-prattiki aggressivi fis-sens tad-Direttiva huma dawk li jagħmlu użu minn fastidju, koerċizzjoni, forza fiżika jew influwenza mhux xierqa. Huma jistgħu jinvolvu mġiba fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni imma anki prattiki li jseħħu waqt jew wara li tkun saret tranżazzjoni.

Il-prattiki aggressivi jikkonċernaw imġiba li diġà kienet koperta minn leġiżlazzjoni oħra fl-Istati Membri, inklużi l-liġi kuntrattwali u l-liġi kriminali. F’dan ir-rigward, id-Direttiva żiedet saff addizzjonali ta’ protezzjoni li jista’ jiġi attivat b’mezzi ta’ infurzar pubbliku imma mingħajr ma jkun hemm għalfejn jinbdew proċeduri kriminali jew ċivili.

L-imġiba rregolata mill-Artikolu 9(c), (d) u (e) hija partikolarment rilevanti f’dan il-kuntest. L-Artikolu 9(c) jagħmel illegali prattiki li jeżerċitaw influwenza mhux xierqa fuq il-konsumaturi, bħall-isfruttament mill-kummerċjant ta’ kwalunkwe sfortuna jew ċirkustanza speċifika li l-kummerċjant ikun jaf biha, sabiex jinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott. L-Artikolu 9(d) jipprevjeni li l-kummerċjanti jimponu ostakoli mhux kuntrattwali sproporzjonati li jkunu għad-detriment tal-konsumaturi li jkunu jixtiequ jeżerċitaw drittijiet mogħtija f’kuntratt, inkluż id-dritt għat-terminazzjoni tal-kuntratt jew id-dritt ta’ bidla ma’ prodott ieħor jew ma’ kummerċjant ieħor. L-Artikolu 9(e) ikopri kwalunkwe theddida li tittieħed kwalunkwe azzjoni li legalment ma tistax tittieħed.

L-Artikolu 9(d) kien ferm utli speċjalment fl-oqsma tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija b’rabta ma’ ostakoli mhux kuntrattwali għal bidla. Ġew irrapportati każijiet fejn, pereżempju, operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet dewmu b’mod indebitu l-migrazzjoni tal-konsumaturi lejn fornituri oħrajn[78], jew fornituri tal-enerġija għamluha diffiċli biex il-konsumaturi jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar tagħhom[79].

Il-prattiki aggressivi rrapportati mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati bi tweġiba għall-konsultazzjoni jseħħu prinċipalment fil-bejgħ fid-djar jew f’bejgħ ieħor barra mill-istabbilimenti kummerċjali. Iċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi (ECCs), li jittrattaw bosta lmenti individwali, jiltaqgħu ma’ prattiki aggressivi frekwenti fis-settur tat-timeshare (klabbs ta’ btala u prattiki relatati[80]) u, fuq livell inqas, fil-bejgħ barra mill-istabbiliment kummerċjali ta’ oġġetti ta’ konsum (pereżempju, għamara, ħwienet li jbigħu prodotti elettroniċi ta’ ditta/kumpanija partikolari, prodotti tas-saħħa jew tal-ikel).

Ir-regoli ġenerali tal-Artikoli 8 u 9 dwar prattiki aggressivi huma kkomplementati minn tmien prattiki aggressivi speċifiċi deskritti fil-“Lista s-Sewda” li huma pprojbiti fi kwalunkwe ċirkustanza[81].

3.3.6.     Anness I – Il-“Lista s-Sewda” tal-prattiki pprojbiti

L-Anness I għad-DPKŻ jinkludi lista ta’ prattiki kummerċjali li għandhom jiġu kkunsidrati bħala żleali fi kwalunkwe ċirkustanza u li għalhekk huma pprojbiti. Il-lista tfasslet sabiex jiġu evitati prattiki li skont l-esperjenza jiġu kkunsidrati bħala żleali u sabiex l-infurzaturi, il-kummerċjanti, il-professjonisti tal-kummerċjalizzazzjoni u l-klijenti jkunu jistgħu jidentifikaw prattiki bħal dawn, ħalli b’hekk titkabbar iċ-ċertezza legali.

Kif ġie ddikjarat fil-Premessa 17 tad-Direttiva, dawn huma l-uniċi prattiki kummerċjali li jistgħu jitqiesu bħala żleali mingħajr eżami ta’ kull każ fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli minn 5 sa 9. Fi kliem ieħor, jekk jista’ jiġi pprovat li l-kummerċjant ikun wettaq tassew il-prattika, l-infurzaturi nazzjonali ma għandhomx għalfejn japplikaw it-test tad-distorsjoni sostanzjali (jiġifieri, li jikkunsidraw l-impatt tal-prattika fuq l-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju) sabiex jieħdu azzjoni u jipprojbixxu jew jippenalizzaw il-prattika.

L-implimentazzjoni tad-Direttiva turi li l-Lista s-Sewda kienet għodda utli f’idejn l-infurzaturi.

Fost l-iktar dispożizzjonijiet użati tal-Lista s-Sewda hemm:

Il-punt 5 dwar il-“bait advertising” u l-punt 6 dwar il-“bait and switch”, li jipprevjeni li l-kummerċjanti jużaw offerti partikolarment attraenti fuq prodotti u servizzi sabiex jiġbdu l-konsumaturi lejn il-websajt jew lejn il-ħanut tagħhom, jew bl-intenzjoni li jbigħulhom prodott ieħor. Din id-dispożizzjoni ntużat, pereżempju, fis-settur tat-trasport bl-ajru sabiex jiġi pprevenut li l-kumpaniji jirreklamaw kundizzjonijiet li jkunu jistgħu jiggarantixxu biss lil numru irraġonevolment żgħir ta’ konsumaturi, meta jitqies il-livell ta’ reklamar.

Il-punt 10, fejn id-drittijiet mogħtija mil-liġi lill-konsumaturi ma jkunux jistgħu jiġu ppreżentati bħala karatteristika distintiva tal-offerta tal-kummerċjant. Din il-projbizzjoni kienet partikolarment utli sabiex jiġu indirizzati każijiet fejn il-kummerċjanti jippreżentaw il-garanzija legali għal nuqqas ta’ konformità bħala valur miżjud tal-prodott tagħhom.

Il-punt 20, li jipprevjeni li l-kummerċjanti jiddeskrivu prodott bħala “mingħajr ħlas” meta ma jkunx hekk. Din id-dispożizzjoni ntużat b’rabta ma’ prattika li ġiet irrapportata ta’ sikwit, li għandha fil-mira tagħha prinċipalment il-konsumaturi vulnerabbli (l-adolexxenti), fuq websajts li joffru ringtones għal telefowns ċellulari “mingħajr ħlas” meta l-konsumaturi jkunu qed jagħmlu abbonament bi ħlas[82]. Is-servizzi tal-Kummissjoni ċċaraw l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-offerti konġunti (pereżempju, “ixtri wieħed u tieħu ieħor b’xejn”) fid-dokument ta’ Gwida.

Il-punt 17 “[f]ejn il-kummerċjant isostni, bil-qerq, li prodott jista’ jfejjaq mard, xi disfunzjoni jew malformazzjonijiet”, li ntuża, flimkien mal-Artikolu 6 tad-DPKŻ, sabiex iwaqqaf prattiki żleali, pereżempju, fil-qasam tal-kożmetiċi.

Il-punt 31, li jipprojbixxi li “il-kummerċjant joħloq l-impressjoni falza li konsumatur diġà rebaħ, se jirbaħ [...] xi premju jew xi benefiċċju ekwivalenti ieħor, meta fil-fatt […] ma jkun hemm ebda premju jew […] t-teħid ta’ xi azzjoni fir-rigward tal-ġbir tal-premju […] teħtieg lill-konsumatur li jħallas xi flus jew li jidħol f’xi spejjeż”. Huwa ntuża sabiex jiġu ddikjarati illegali prattiki, inklużi frodi ċari, li jħajru lill-konsumaturi jħallsu somom konsiderevoli sabiex jirċievu premju li jew ma jeżistix jew li l-valur tiegħu jkun iktar baxx mill-ammonti mħallsa. Kien hemm diskussjoni fost l-infurzaturi dwar kif għandu jiġi interpretat l-element ta’ “konsumatur li jħallas xi flus jew li jidħol f’xi spejjeż” u b’mod partikolari, jekk meta l-konsumatur jintalab jagħmel telefonata b’rata lokali standard jew jixtri bolla postali sabiex jiġbor il-premju, dan ikunx bi ksur tad-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat din il-kwistjoni billi eskludiet il-possibbiltà li jiġu imposti anki spejjeż minimi fuq il-konsumaturi (bħal fil-każ ta’ bolla)[83].

Federazzjoni tan-negozju waħda[84] li tirrappreżenta diversi operaturi ta’ skemi ta’ kummerċjalizzazzjoni f’diversi livelli tikkunsidra li l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-iskemi piramidali, ipprovduta mill-punt 14 tal-Anness I hija adegwata u wriet li kienet fil-parti l-kbira vantaġġuża, għaliex ippermettitilhom iwaqqfu mudell ta’ negozju uniku li jista’ jkun validu fl-UE kollha, bħallikieku f’xorta ta’ ħanut li tinqeda minn kollox (“one-stop shop”). L-assoċjazzjoni ewlenija l-oħra ta' bejjiegħa diretti[85] għandha pożizzjoni simili u tqis il-qafas ġuridiku preżenti bħala komplut. Kumpanija attiva fil-bejgħ dirett issuġġeriet fil-kuntatti tagħha mas-servizzi tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-iskemi piramidali, ma għandu jkun hemm l-ebda distinzjoni bejn il-konsumaturi u l-professjonisti u li l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa japplikaw il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu l-Anness I (punt 14) tad-DPKŻ mutatis mutandis għal skemi promozzjonali piramidali bejn negozju u negozju. Il-fehma tal-Kummissjoni hija li bħalissa ma hemm l-ebda ħtieġa li l-iskemi piramidali jiġu armonizzati iktar[86].

Fid-dawl tal-esperjenza tal-infurzaturi u tar-rispons mill-konsultazzjoni, ma hemm l-ebda ħtieġa f’dan l-istadju li l-Lista s-Sewda tiġi emendata. Ma ġiet identifikata l-ebda prattika ġdida li ma kinitx koperta mid-Direttiva. Madankollu, huwa importanti li jiġi żgurat li l-kriterji u l-kunċetti inklużi fl-Anness I jiġu interpretati b’mod uniformi, u dan jista’ jsir billi jittejbu l-Gwida u l-Bażi tad-Dejta tad-DPKŻ.

3.4.        L-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA GĦAL SETTURI U GĦAL PRATTIKI KUMMERĊJALI SPEĊIFIĊI

3.4.1.     Il-Pretensjonijiet Ambjentali

L-espressjoni “pretensjonijiet ambjentali” jew “pretensjonijiet ekoloġiċi” tirreferi għall-prattika li jiġi ssuġġerit jew b’xi mod ieħor tinħoloq l-impressjoni (fil-kuntest ta’ komunikazzjoni kummerċjali, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ reklamar) li prodott jew servizz jirrispetta l-ambjent (jiġifieri, ikollu impatt pożittiv fuq l-ambjent) jew li jkun inqas dannuż għall-ambjent minn oġġetti jew servizzi kompetituri.

L-użu dejjem ikbar tal-pretensjonijiet ambjentali bħala għodda ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar jirrifletti ż-żieda fit-tħassib dwar l-ambjent fost il-popolazzjoni. Pretensjonijiet bħal dawn jistgħu jirreferu għall-mod li bih il-prodotti jiġu magħmula, ippakkjati, distribwiti, użati, ikkonsmati u/jew mormija.

Lil hinn mill-aspetti koperti minn leġiżlazzjoni speċifika tal-UE (pereżempju, “bijotikketti” jew “ekotikketti”)[87], id-DPKŻ hija l-istrument prinċipali tal-leġiżlazzjoni orizzontali sabiex jiġu vvalutati l-pretensjonijiet ambjentali u jiġi stabbilit jekk pretensjoni tkunx qarrieqa jew fil-kontenut tagħha jew bil-mod li bih tiġi ppreżentata lill-konsumaturi[88].

Skont l-Artikolu 6(1)(a) u (b) tad-Direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu valutazzjoni każ b’każ tal-prattika inkwistjoni, tal-kontenut tal-pretensjoni ambjentali u tal-impatt tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ xiri tal-konsumatur medju. Kif spjegaw is-servizzi tal-Kummissjoni fid-dokument ta’ Gwida[89], l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għall-pretensjonijiet ambjentali tista’ tinġabar fil-qosor fid-dawl ta’ żewġ prinċipji prinċipali:

· Abbażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva, il-kummerċjanti għandhom, fuq kollox, jippreżentaw il-pretensjonijiet ekoloġiċi tagħhom b’mod speċifiku, preċiż u mhux ambigwu;

· Il-kummerċjanti għandu jkollhom evidenza xjentifika sabiex isostnu l-pretensjonijiet tagħhom u għandhom ikunu lesti li jipprovduha b’mod li jinftiehem f’każ li l-pretensjoni tiġi kkontestata.

L-Anness I tad-Direttiva jirreferi wkoll għal numru ta’ prattiki li huma partikolarment rilevanti għall-pretensjonijiet ambjentali u li huma pprojbiti, irrispettivament mill-impatt li jkollhom fuq l-imġiba tal-konsumatur. Dawn jikkonċernaw l-użu mhux awtorizzat ta’ logos (punt 2), l-approvazzjoni falza jew l-appoġġ falz ta’ korpi pubbliċi jew privati (punt 4), fejn il-kummerċjant isostni li jkun firmatarju ta’ kodiċi ta’ kondotta meta ma jkunx (punt 1) jew li kodiċi ta’ kondotta jkollu l-appoġġ uffiċjali ta’ korp pubbliku jew privat meta ma jkollux (punt 3).

Iktar regolamentazzjoni tal-pretensjonijiet ambjentali tista’ tinkiseb biss permezz ta’ reviżjoni tad-DPKŻ jew permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni (speċifika) oħra tal-UE. Minkejja li wħud mill-Istati Membri[90] jistgħu jkunu interessati fl-adozzjoni ta’ regoli iktar speċifiċi dwar il-pretensjonijiet ambjentali fuq livell nazzjonali, huwa aċċettat b’mod wiesa’ li l-mod li bih jiġi indirizzat dan l-aspett dejjem iktar importanti tar-reklamar fl-UE kollha ma għandux jiġi mfixkel minħabba frammentazzjoni. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni juru li l-Istati Membri u l-partijiet interessati huma ġeneralment sodisfatti bil-qafas legali attwali u jikkunsidraw li l-għodod ipprovduti mid-Direttiva u mill-Gwida tas-servizzi tal-Kummissjoni huma biżżejjed sabiex jiġu vvalutati l-pretensjonijiet ambjentali. Ftit Stati Membri biss huma ħerqana[91] għal iktar regolamentazzjoni f’dan is-settur permezz tad-DPKŻ.

Madankollu, numru ta’ partijiet interessati ssuġġerew li, minkejja s-salvagwardja legali attwali, il-pretensjonijiet ekoloġiċi għadhom mhumiex qed jintużaw b’mod responsabbli u ta’ spiss ikunu ġenerali ħafna, vagi u ma jkunux iddefiniti sew[92]. L-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi[93] jsostnu li diffikultà oħra tinsab fil-verifika ta’ kemm ikunu veri dawn il-pretensjonijiet speċjalment fis-setturi tal-enerġija, tal-kożmetiċi, tal-karozzi u tad-deterġenti.

L-użu kredibbli u responsabbli tal-pretensjonijiet ekoloġiċi fir-reklamar huwa ferm importanti peress li jista’ jixpruna l-preferenzi tal-konsumaturi u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ekonomija iktar sostenibbli, f’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020 u mal-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-problemi identifikati fir-rigward tal-użu tal-pretensjonijiet ekoloġiċi jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri relatati mal-infurzar u permezz tal-iżvilupp tal-aħjar prattiki iktar milli b’bidliet leġiżlattivi fid-DPKŻ. Għalhekk, hija se tagħti l-appoġġ tagħha għal infurzar xieraq u konsistenti, pereżempju billi tiżviluppa gwida dwar dan is-suġġett kif tħabbar fl-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej[94].

Il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-ħidma li għaddejja dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli (SCP)[95] madankollu qed tevalwa kif l-iżvilupp ulterjuri tal-istandards xjentifiċi attwali jista’ jikkontribwixxi għall-verifikabbiltà tal-pretensjonijiet ekoloġiċi. B’mod partikolari, qed jiġu evalwati għażliet li jistgħu jippermettu l-iżvilupp ta’ “impronta ekoloġika” tal-prodotti (jiġifieri formati/standards komuni li jistgħu jippermettu paraguni bejn prodotti li jwettqu l-istess funzjonijiet). Abbażi ta’ dan l-eżerċizzju, se jiġu kkunsidrati miżuri xierqa.

Fis-Samit Ewropew dwar il-Konsumatur tad-29 ta’ Mejju 2012, il-pretensjonijiet ambjentali ġew diskussi b’mod dettaljat u nġabru kontributi dwar is-sitwazzjoni attwali tas-swieq differenti tal-UE u dwar il-mod kif jista’ jsir avvanz f’dan il-qasam[96].

3.4.2.     L-Għodod ta’ Valutazzjoni mill-Klijenti u l-Websajts li Jqabblu l-Prezzijiet

Fost il-benefiċċji għall-konsumaturi li jistgħu jirriżultaw mill-iżvilupp tas-suq onlajn fl-UE hemm l-iffrankar fil-prezzijiet u l-għażla. Il-magni tat-tiftix, il-websajts li jqabblu l-prezzijiet u l-prodotti, il-valutazzjonijiet mill-konsumaturi u l-midja soċjali huma għodod li qed isiru parti mill-imġiba tal-konsumaturi u mill-mudelli tan-negozju[97]. Erbgħa minn ħames konsumaturi onlajn tal-UE (81 %) użaw websajt li tqabbel il-prezzijiet fl-2010[98]. Madankollu, għodod bħal dawn jistgħu jgħinu sabiex tingħata spinta lill-fiduċja tal-konsumaturi biss jekk jipprovdu informazzjoni f’forma ċara, trasparenti u preċiża.

Id-Direttiva fiha diversi dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu applikati għall-websajts li jqabblu l-prezzijiet (“PCWs” – price comparison websites) u għall-għodod ta’ valutazzjoni mill-klijenti.

· L-Artikoli 6 u 7 jipprevjenu li l-kummerċjanti jużaw il-PCWs sabiex jipprovdu dikjarazzjonijiet qarrieqa billi ma jipprovdux informazzjoni importanti, fost l-oħrajn, dwar il-prezz u/jew id-disponibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi.

· Il-punt 18 tal-Anness I jipprojbixxi fi kwalunkwe ċirkustanza l-prattika: “Il-kummerċjant jgħaddi tagħrif li huwa essenzjalment mhux eżatt dwar kundizzjonijiet tas-suq jew dwar il-possibbiltà li jinstab il-prodott bl-intenzjoni li jipperswadi lill-konsumatur jakkwista l-prodott b’kundizzjonijiet inqas favorevoli mill-kondizzjonijiet normali tas-suq”.

· Id-Direttiva titlob ukoll ċarezza dwar jekk PCW tkunx indipendenti, tiġix operata jew sponsorizzata (direttament jew indirettament) minn kummerċjant (ara l-Artikolu 6(1)(c), (f) u l-Artikolu 7). B’rabta ma’ dan, “[f]ejn il-kummerċjant bil-qerq isostni jew joħloq l-impressjoni li huwa ma jkunx qiegħed jaġixxi għall-finijiet konnessi mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tiegħu, jew bil-qerq juri ruħu bħala konsumatur” huma pprojbiti fi kwalunkwe ċirkustanza mill-punt 22 tal-Anness I għad-Direttiva.

L-evidenza disponibbli għall-Kummissjoni turi li, minkejja qafas legali komprensiv bħal dan, il-konsumaturi jsibuha diffiċli li jqabblu l-prezz u l-kwalità tal-oġġetti differenti offruti u l-problemi li jiltaqgħu magħhom idgħajfu l-fiduċja tagħhom fil-PCWs.

Diversi partijiet interessati[99] indikaw problemi bil-PCWs, speċjalment b’rabta mat-trasparenza u mal-inkompletezza tal-informazzjoni mogħtija. Il-BEUC tosserva li l-kwistjoni hija partikolarment serja fis-settur tat-trasport bl-ajru. Stat Membru wieħed[100] jirrikonoxxi li l-PCWs ta’ spiss juru informazzjoni mhux kompluta dwar il-prezzijiet, u dan iwassal għal tqabbil inġust.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Bringing E-commerce Benefits to Consumers” (“Inwasslu l-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku lill-konsumaturi”) wera li l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi permezz ta’ intermedjari tal-informazzjoni, bħall-PCWs, ta’ spiss tkun parzjali u xi drabi qarrieqa u inkorretta, speċjalment b’rabta mal-prezz, irrispettivament minn jekk il-bejjiegħ bl-imnut ikunx ħallas biex il-prodott tiegħu jiġi elenkat, mill-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-offerti jew mill-ispejjeż tal-konsenja.

L-esperjenza fl-infurzar tikkonferma li waħda mill-problemi prinċipali tinqala’ meta l-PCWs ma jiżvelawx b’mod ċar l-identità tal-kummerċjant li jkun qed jopera l-websajt u/jew jekk il-bejjiegħa bl-imnut iħallsux sabiex il-prodotti u s-servizzi tagħhom jintwerew fuq il-websajt (jiġifieri, jekk il-websajt tkunx sponsorizzata jew le). Ir-reklamar moħbi jidher li jaffettwa mhux biss lill-PCWs imma anki lill-għodod ta’ valutazzjoni mill-klijenti b’mod ġenerali. Il-websajts li jospitaw valutazzjonijiet iġġenerati mill-utenti diversi drabi kienu soġġetti għal kritika dwar valutazzjonijiet li jidher li jkunu bbażati fuq opinjoni mhux ippreġudikata ta’ konsumatur imma li jkunu reklamar moħbi[101].

Fi Stat Membru wieħed, pereżempju, investigazzjoni ta’ kif il-konsumaturi jqabblu l-prezzijiet fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija sabet li numru ta’ websajts kienu qed jagħtu l-impressjoni lill-konsumaturi li huma kienu PCWs meta dan ma kienx il-każ[102]. F’każ ieħor, il-qrati ta’ Stat Membru mmultaw lil kumpanija li topera websajts għal prenotazzjonijiet fil-lukandi u sebgħa mis-sussidjarji tagħha għal ksur tar-regoli dwar prattiki kummerċjali żleali. Il-websajts kienu qed isostnu li huma jqabblu l-aħjar offerti u d-disponibbiltà imma minflok kienu qed jidderieġu l-prenotazzjonijiet lejn “lukandi sħab” għad-detriment tal-“lukandi li ma kinux sħab”[103].

Il-problemi identifikati bil-PCWs u bl-għodod ta’ valutazzjoni mill-klijenti jeħtieġu reazzjoni b’saħħitha f’termini ta’ infurzar. Il-Kummissjoni se tikkunsidra kif, skont it-Trattati, hija jista’ jkollha rwol iktar attiv sabiex tinkoraġġixxi applikazzjoni koerenti tad-Direttiva b’mod partikolari fir-rigward ta’ prattiki żleali li jkollhom dimensjoni transfruntiera bħal dawk li jsiru fl-ambjent onlajn u li jqajmu mistoqsijiet komuni għall-infurzaturi. Kif tħabbar fil-Komunikazzjoni dwar il-Kummerċ Elettroniku ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni se tindirizza anki l-kwistjonijiet tat-trasparenza u tal-affidabbiltà tal-għodod ta’ tqabbil permezz ta’ djalogu dirett mal-partijiet interessati li eventwalment jista’ jwassal għall-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta tajba u/jew għal gwida għall-UE kollha[104].

Kif ġie nnotat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Bringing E-commerce Benefits to Consumers” (“Inwasslu l-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku lill-konsumaturi”), il-fattur dominanti għax-xiri onlajn jidher li huwa l-prezz, segwit mill-iffrankar ta’ ħin ipperċepit, mill-possibbiltà li l-prezzijiet jitqabblu faċilment, mill-flessibbiltà li l-ordni ssir fi kwalunkwe ħin tal-jum/ġimgħa u mill-fatt li tinstab selezzjoni ikbar onlajn. Il-provvista ta’ prezzijiet u ta’ informazzjoni ewlenija oħra għandha tiġi offruta mill-bidu nett b’mod ċar u sempliċi sabiex il-konsumaturi ma jiġux imqarrqa. Il-fatt li websajts bħal dawn jintużaw daqstant mill-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati jkabbar l-iżvantaġġ ġenerali li jbatu.

Fl-applikazzjoni tad-Direttiva mal-UE kollha, fil-ġejjieni għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-involviment dejjem ikbar tan-netwerks soċjali fir-reklamar onlajn. Abbażi tat-tielet ġenerazzjoni tal-mudelli ta’ reklamar fuq l-internet (jiġifieri, “E-commerce 3.0”), in-netwerks soċjali qed isiru dejjem iktar pjattaformi fejn jinvestu l-kumpaniji sabiex jiġbdu l-attenzjoni tal-klijenti. Minbarra dak li jista’ jkun mistenni minn forom iktar tradizzjonali ta’ reklamar onlajn (pereżempju, il-websajts tal-kumpaniji), il-midja soċjali, fejn il-kosumaturi jaqsmu dak li jogħġobhom (likes) mal-ħbieb u mal-familja, jistgħu jipprovdu lill-kummerċjanti b’“effett ta’ netwerk” għar-reklamar onlajn tagħhom u għarfien siewi tal-imġiba/preferenzi tal-konsumaturi. L-azzjoni ta’ infurzar għalhekk għandha tiffoka fuq li jiġi żgurat li l-mudelli l-ġodda ta’ reklamar jibqgħu konformi mad-Direttiva, speċjalment fir-rigward tar-“reklamar moħbi” u tal-informazzjoni dwar il-prodotti.

3.4.3.     L-Artikolu 3(9) – L-applikazzjoni tad-Direttiva fl-oqsma tas-Servizzi Finanzjarji u tal-Proprjetà Immobbli

Kif ingħad fit-Taqsima 2.4 ta’ dan ir-Rapport, skont l-Artikolu 3(9)[105] tad-DPKŻ, fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli tapplika armonizzazzjoni minima[106] . Skont l-Artikolu 18 tad-DPKŻ, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva f’dawn is-setturi u għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, jekk l-eżenzjoni minn armonizzazzjoni sħiħa inkluża fl-Artikolu 3(9) għandhiex tinżamm. Għal dawn il-finijiet, il-Kummissjoni nediet studju dwar l-applikazzjoni tad-DPKŻ fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli[107]. L-istudju sar matul l-2011 sal-bidu tal-2012 u huwa bbażat fuq konsultazzjoni wiesgħa tal-Istati Membri u tal-partijiet interessati[108].

L-evidenza miġbura mill-istudju turi li l-eżenzjoni inkluża fl-Artikolu 3(9) intużat b’mod wiesa’. Fi kliem ieħor, il-parti l-kbira tal-Istati Membri żammew jew adottaw leġiżlazzjoni fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli li tmur lil hinn mill-istandards stabbiliti mid-DPKŻ.

Il-parti l-kbira ta’ dawn ir-regoli addizzjonali jikkonsistu f’obbligi ta’ informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali speċifiċi għas-settur[109]. Barra minn hekk, numru sinfikanti ta’ projbizzjonijiet fil-parti l-kbira jikkonċernaw prattiki ta’ bejgħ dirett u promozzjonali[110], prattiki li japprofittaw irwieħhom minn vulnerabbiltajiet[111] partikolari jew il-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess[112]. Pereżempju, fl-Awstrija l-bejgħ fid-dar għal self ipotekarju huwa pprojbit filwaqt li fl-Italja huwa pprojbit li kuntratti ta’ responsabbbiltà għal assigurazzjoni obbligatorja ta’ karozza jiġu abbinati ma’ servizzi ta’ assigurazzjoni oħrajn. Fid-Danimarka hemm projbizzjoni fuq l-abbinament ta’ diversi servizzi relatati ma’ proprjetà immobbli.

B’rabta ma’ dan, għandu jiġi nnotat li l-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jipprojbixxu abbinament meta mill-inqas wieħed mill-prodotti/mis-servizzi involuti jkollu natura finanzjarja, għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-265/12 (Citroën Belux NV). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara, b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 3(9)).

B’rabta kemm mas-servizzi finanzjarji kif ukoll mal-proprjetà immobbli, il-prattiki żleali (fis-sens tad-DPKŻ) li l-iktar li ġew irrapportati jikkonċernaw nuqqas ta’ informazzjoni essenzjali fl-istadju tar-reklamar u deskrizzjoni qarrieqa tal-prodotti.

Fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, in-nuqqas ta’ informazzjoni fir-reklamar dwar ir-rata annwali u l-kost tal-kreditu, offerti ta’ xiri bi prezzijiet irħas qarrieqa għal kuntratti kreditizji b’rata baxxa ta’ interessi u nuqqas ta’ informazzjoni xierqa dwar l-obbligi legali relatati mal-iffirmar tal-kuntratti kienu fost il-prattiki rrapportati[113]. B’rabta mal-proprjetà immobbli, eżempji ta’ prattiki li nstabu kienu: deskrizzjoni ħażina tal-karatteristiċi tal-proprjetà, nuqqas ta’ trasparenza b’rabta ma’ kemm tiswa l-proprjetà u mal-ispiża tat-taxxi rispettivi, reklamar li jservi ta' lixka, prattiki aggressivi minn aġenti immobiljari bħall-intimidazzjoni tal-konsumaturi sabiex jiffirmaw kuntratt esklużiv ma’ aġent meta jkunu qed jipprovaw ibigħu l-proprjetajiet tagħhom.

Il-Kummissjoni rċeviet numru kbir ta’ lmenti, ta’ ittri ta’ ċittadini, ta’ mistoqsijiet parlamentari u ta’ petizzjonijiet dwar problemi relatati max-xiri ta’ proprjetà f’Ċipru, fil-Bulgarija u fi Spanja. F’Ċipru u fil-Bulgarija, żviluppaturi tal-proprjetà jagħmlu reklamar qarrieqi billi jagħtu diversi ideat żbaljati dwar il-karatteristiċi ta’ proprjetà u b’mod partikolari billi ma jiżvelawx li l-proprjetajiet mibjugħa jibqgħu jkunu soġġetti għal ipoteki preċedenti għal self bankarju preżenti u futur ikkuntrattat mill-iżviluppaturi. Il-Kummissjoni bħalissa tinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet Ċiprijotti u Bulgari dwar dawn il-kwistjonijiet sabiex issib soluzzjoni għall-kwistjonijiet imqajma. Fi Spanja, il-problemi huma relatati b’mod limitat biss ma’ reklamar qarrieqi/prattiki żleali fis-sens tad-Direttiva u jikkonċernaw prinċipalment relazzjonijiet bejn il-konsumaturi u l-awtoritajiet lokali, bħal irregolaritajiet fl-għoti ta’ liċenzji għal bini jew l-impożizzjoni ta’ imposti ta’ urbanizzazzjoni għall-iżvilupp ta’ proġetti ġodda fuq residenti barranin.

Minkejja r-regoli nazzjonali estensivi, għandu jiġi nnotat li, f’mill-inqas nofs il-każijiet ivvalutati fl-Istati Membri li kienu jikkonċernaw prattiki żleali fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (azzjonijiet qarrieqa, omissjoni, prattiki aggressivi, xi drabi flimkien ma’ prattiki elenkati fil-lista s-sewda) intużaw bħala l-bażi legali. Fin-nofs tal-każijiet l-oħra, ġew applikati regoli nazzjonali iktar preskrittivi[114].

Pereżempju, fis-settur tal-assigurazzjoni, il-punt 27 tal-Anness I ġie applikat għal sitwazzjonijiet fejn l-assiguraturi rrifjutaw li jħallsu klejms billi ġiegħlu lill-konsumaturi, li riedu jagħmlu talba għal kumpens skont polizza tal-assigurazzjoni, jipproduċu dokumenti li ma setgħux raġonevolament jitqiesu rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-validità tat-talba. F’dawn il-każijiet, il-fornituri sistematikament naqsu milli jwieġbu l-korrispondenza rilevanti sabiex jiddiswadu lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-drittijiet kuntrattwali tagħhom[115].

Ir-riżultati tal-investigazzjoni li saret fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli jindikaw li ma jkunx xieraq li l-eżenzjoni skont l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva titneħħa[116].

Ir-raġunijiet prinċipali huma: ir-riskju finanzjarju ikbar fir-rigward tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli (meta pparagunat ma’ oġġetti u servizzi oħrajn); l-inesperjenza speċifika tal-konsumaturi f’dawn l-oqsma (flimkien ma’ nuqqas ta’ trasparenza, b’mod partikolari tal-operazzjonijiet finanzjarji); il-vulnerabbiltajiet partikolari li nstabu fiż-żewġ setturi li jagħmlu lill-konsumaturi suxxettibbli kemm għal prattiki promozzjonali kif ukoll għal pressjoni; l-esperjenza tal-korpi tal-infurzar finanzjarju kompetenti b’sistema żviluppata fuq il-livell nazzjonali; u fl-aħħar nett, il-funzjonament u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji bħala tali.

L-awtoritajiet tal-infurzar u partijiet interessati oħrajn li wieġbu għall-konsultazzjoni[117] waslu għal konklużjoni simili. Maġġoranza kbira tal-organizzazzjonijiet li wieġbu għall-konsultazzjoni kemm fil-qasam tas-servizzi finanzjarji kif ukoll f’dak tal-proprjetà immobbli jikkunsidraw li huwa ferm importanti jew pjuttost importanti li l-eżenzjoni skont l-Artikolu 3(9) tad-DPKŻ tinżamm.

4.           L-INFURZAR

4.1.        L-infurzar fl-Istati Membri

Id-Direttiva ma tarmonizzax is-sistemi ta’ infurzar. Skont l-Artikolu 11 tad-DPKŻ, l-Istati Membri huma ħielsa li jagħżlu l-mekkaniżmi ta’ infurzar li l-iktar li jkunu idonei għat-tradizzjoni legali tagħhom, sakemm dawn jiżguraw irwieħhom li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiġu pprevenuti prattiki kummerċjali żleali. Abbażi tal-Artikolu 13 tad-DPKŻ, jitħalla wkoll f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu liema tip ta’ penali għandhom jiġu applikati, sakemm dawn ikunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi”.

Ir-rwol tal-Kummissjoni fl-infurzar ġenerali tad-Direttiva huwa kruċjali għaliex hija għandha tiżgura ruħha li d-Direttiva tiġi applikata sew u b’mod effettiv fl-Istati Membri kollha.

L-Istati Membri stabbilixxewx varjetà kbira ta’ sistemi ta’ infurzar. F’uħud mill-pajjiżi, l-infurzar jitwettaq prinċipalment minn awtoritajiet pubbliċi bħall-ombudsmen għad-difiża tal-konsumatur (pereżempju, id-Danimarka, l-Isvezja u l-Finlandja), minn awtoritajiet tal-konsumaturi/kompetizzjoni (pereżempju, l-Italja, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija u r-Renju Unit), u minn dipartimenti apposta ta’ ministeri (pereżempju, il-Portugall u l-Belġju). Stati Membri oħrajn jiġġestixxu skema ta’ infurzar privata mmexxija minn kompetituri (pereżempju, l-Awstrija u l-Ġermanja). Madankollu, il-parti l-kbira tas-sistemi jikkombinaw elementi ta’ infurzar pubbliku u privat. Il-penali jvarjaw minn ordnijiet ta’ mandat ta’ inibizzjoni, kumpens għad-danni, multi amministrattivi u sanzjonijiet kriminali u fil-parti l-kbira tal-Istati Membri hemm kombinazzjoni ta’ dawn kollha[118].

L-Istati Membri u l-partijiet interessati jikkunsidraw li, fuq livell nazzjonali, l-infurzar tad-Direttiva fl-Istati Membri huwa, b’mod ġenerali, adattat u effettiv. Madankollu, skont uħud, infurzar adegwat fuq livell nazzjonali jista’ jiġi mfixkel min-nuqqas ta’ riżorsi tal-infurzaturi nazzjonali, mill-kumplessità/mit-tul tal-proċeduri ta’ infurzar u mill-effett ta’ deterrent insuffiċjenti tal-penali. Stat Membru wieħed[119] u diversi assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi[120] jridu penali iktar iebsin[121] u, f’xi każijiet, rimedju kollettiv.

Diversi Stati Membri u partijiet interessati jikkonfermaw li din is-sitwazzjoni għandha impatt anki fuq l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni fuq livell transfruntiera. Il-konsultazzjoni żvelat li, f’każijiet ta’ prattiki kummerċjali żleali transfruntiera, hija tabilħaqq sfida biex l-infurzaturi jipprovdu rispons rapidu u effettiv fid-dawl tal-limitazzjonijiet li joħolqu l-fruntieri ġurisdizzjonali. Barra minn hekk, ir-riżorsi disponibbli huma limitati.

L-istatistika inkluża fir-Rapport tal-2012 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament KPK[122] turi li d-DPKŻ hija l-bażi għall-ikbar numru ta’ talbiet għal assistenza reċiproka bħala korp individwali ta’ leġiżlazzjoni. Mill-2007 sal-2010, minn 1343 azzjoni ta’ KPK, 654 (48,7 %) kienu relatati ma’ ksur tad-DPKŻ. Il-bqija tat-talbiet kienu relatati ma’ ksur ta’ 14-il Direttiva oħra (pereżempju, id-Direttiva 1999/44/KE dwar il-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom) u ta’ Regolament wieħed.

Mill-bidu nett, in-Netwerk wettaq, taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni, azzjonijiet annwali ta’ infurzar imsejħa “kontrolli” (“sweeps”) flimkien ma’ kooperazzjoni bilaterali fl-infurzar. F’kontroll (sweep), l-awtoritajiet tal-infurzar fl-istess ħin jeżaminaw bir-reqqa kampjun ta’ websajts f’settur partikolari għal konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur u fit-tieni fażi jieħdu miżuri ta’ infurzar xierqa fejn dan ikun meħtieġ. Il-ħames kontrolli (sweeps) li ġew ikkompletati sa issa għenu sabiex tittejjeb il-konformità fis-setturi fil-mira (websajts li jbigħu biljetti tal-linji tal-ajru, ringtones għal telefowns ċellulari, oġġetti elettroniċi, biljetti għal avvenimenti sportivi u kulturali u kreditu għall-konsumaturi). L-awtoritajiet ikkontrollaw madwar 2200 websajt minn setturi differenti. Bejn wieħed u ieħor, 80 % tal-websajts li nstab li kienu qed jiskru l-liġi tal-konsumatur ġew korretti permezz tal-azzjoni ta’ infurzar meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali. L-eżitu tal-ewwel fażi tal-kontroll (sweep) tal-2012 dwar il-kontenut diġitali jikkonferma rata ta’ nuqqas ta’ konformità li hija simili għall-kontrolli (sweeps) preċedenti. Azzjoni ta' infurzar ulterjuri issa qed titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex il-kumpaniji kkonċernati jkunu jistgħu jikkjarifikaw il-pożizzjoni tagħhom jew il-websajt korretta tagħhom[123]

Għalkemm dejta konsolidata dwar in-numru ta’ deċiżjonijiet adottati u l-penali imposti minn awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar mhijiex disponibbli, jistgħu jingħataw l-eżempji rappreżentattivi li ġejjin: bejn id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u nofs l-2011, l-Awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni ħarġet iktar minn 700 deċiżjoni u applikat multi amministrattivi li jilħqu total ta’ EUR 91 miljun: d-Direttorat Ġenerali Franċiż għall-Kompetizzjoni, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kontroll tal-Frodi (DGCCRF) ħareġ 1251 Rapport[124] u ġew imposti multi korrispondenti li jammontaw għal madwar EUR 1,7miljuni;[125]; iċ-Ċentru Latvjan għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur ħa 154 deċiżjoni vinkolanti u impona multi ta’ EUR 159 400; l-Ombudsman għad-Difiża tal-Konsumatur Finlandiż ta bidu għal tmien (8) kawżi fil-qrati; in-National Consumer Agency (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Konsumaturi) Irlandiża ħarġet 14-il impenn, 116-il avviż ta’ konformità, żewġ (2) ordnijiet ta’ projbizzjoni u bdiet żewġ (2) prosekuzzjonijiet; l-Ispettorat Slovakk tal-Kummerċ ħareġ 46 deċiżjoni amministrattiva u impona ammont totali ta’ EUR 151 800 f’multi; u, fl-aħħar nett, 18-il deċiżjoni ta’ qorti u 52 ordni ta’ mandat ta’ inibizzjoni nħarġu fl-Isvezja.

Għandhom isiru iktar sforzi fl-infurzar sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, speċjalment fuq il-livell transfruntiera imma anki f’kuntest nazzjonali. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni fil-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, fuq ir-rispons riċevut mingħand l-ECCs[126] u partijiet interessati oħrajn, u fuq sorsi disponibbli oħrajn (b’mod partikolari r-Rapporti dwar l-applikazzjoni tar-Regolament KPK)[127].

4.2.        L-awtoregolamentazzjoni

Id-DPKŻ ssostni l-prinċipju li l-awtoregolamentazzjoni tista’ tagħmilha ta’ bażi għal infurzar ġudizzjarju u amministrattiv u tiċċara r-rwol li s-sidien ta’ kodiċi jista’ jkollhom fl-infurzar[128].

Kif turi l-esperjenza ta’ ċerti sistemi legali[129], il-korpi awtoregolatorji jistgħu jagħtu kontribut sabiex tittejjeb il-konformità mal-istandards legali u jittaffa l-piż fuq il-korpi pubbliċi tal-infurzar. L-Istati Membri jitħallew jistrieħu fuq riżoluzzjonijiet awtoregolatorji tat-tilwim sabiex jittejjeb il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tiġi massimizzata l-konformità mal-leġiżlazzjoni u mal-aħjar prattiki tas-suq.

Madankollu, id-Direttiva tikkonferma li l-awtoregolamentazzjoni ma tistax tieħu post il-mezzi ġudizzjarji jew amministrattivi tal-infurzar. Barra minn hekk, id-Direttiva ssaħħaħ l-effettività tal-kodiċijiet ta’ kondotta li jeżiġu li l-Istati Membri jinfurzaw ir-regoli awtoregolatorji kontra kummerċjanti li jkunu ħadu l-impenn li jintrabtu bil-kodiċijiet applikabbli[130].

5.           ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-BENEFIĊĊJI TAD-DIRETTIVA

L-esperjenza miksuba mill-ewwel snin tal-implimentazzjoni tagħha turi li d-Direttiva għenet sabiex titkabbar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-Istati Membri filwaqt li pproteġiet lin-negozji leġittimi minn kompetituri li ma jimxux mar-regoli.

Hija ntużat minn għassiesa nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumatur sabiex irażżnu u jippenalizzaw varjetà wiesgħa ta’ prattiki kummerċjali żleali[131]. Id-DPKŻ hija l-uniku strument ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-UE stabblit sabiex jivvaluta l-pretensjonijiet ambjentali jew il-prattiki aggressivi.

Ir-regoli tagħha bbażati fuq il-prinċipji kienu partikolarment effettivi biex iħallu lill-awtoritajiet nazzjonali jadattaw il-valutazzjonijiet tagħhom għall-evoluzzjoni rapida tal-prodotti, tas-servizzi u tal-metodi ta’ bejgħ. Il-“Lista s-Sewda” ipprovdiet lill-awtoritajiet nazzjonali b’għodda effettiva sabiex jindirizzaw prattiki żleali komuni bħal reklamar li jservi ta' lixka[132], offerti mingħajr ħlas foloz, reklamar moħbi u tħeġġiġ dirett lit-tfal. Id-dispożizzjonijiet tal-Lista s-Sewda ntużaw sabiex jiġu indirizzati prattiki żleali fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli.

Dan il-qafas legali huwa wkoll adattat sabiex jiġi vvalutat kemm huma ġusti l-prattiki onlajn ġodda li qed jiżvilupaw b’mod parallel għall-evoluzzjoni tat-tekniki ta’ reklamar. Huwa jista’ jipprovdi rispons fil-pront f’termini ta’ infurzar għall-abbużi mwettqa permezz ta’ għodod ġodda li jintużaw ta’ spiss bħat-tqabbil tal-prezzijiet u l-websajts għal prenotazzjonijiet kollettivi, jew b’rabta, pereżempju, mal-involviment dejjem ikbar tar-reklamar fin-netwerks soċjali.

Fuq il-livell transfruntiera, madwar nofs l-azzjonijiet meħuda taħt in-Netwerk tal-KPK (talbiet għal informazzjoni, twissijiet u talbiet għal infurzar) kienu jikkonċernaw ksur tad-DPKŻ[133]. Barra minn hekk, diversi azzjonijiet ta’ sorveljanza konġunta (il-kontrolli “sweeps”) twettqu min-Netwerk tal-KPK abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-DPKŻ (websajts li jbigħu biljetti tal-linji tal-ajru, servizzi onlajn għat-telefowns ċellulari, websajts li jbigħu oġġetti elettroniċi ta’ konsum)[134].

Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar u l-elementi ta’ implimentazzjoni miġbura fil-Bażi tad-Dejta tad-DPKŻ jiżvelaw li, fil-parti l-kbira, ir-regoli jiġu interpretati b’mod uniformi. Il-kjarifiki pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Kummissjoni kkontribwixxew tabilħaqq għal dan il-proċess.

Billi ssostitwixxiet ir-regolamenti frammentati tal-Istati Membri dwar prattiki kummerċjali żleali b’sett wieħed ta’ regoli, id-Direttiva kkontribwiet għat-tneħħija ta’ ostakoli għall-kummerċ transfruntiera u ssimplifikat l-ambjent regolatorju.

L-Istrateġija Ewropa 2020 titlob li “iċ-ċittadini għandhom jingħataw is-setgħa li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq wieħed” li “jitlob li jissaħħu l-abbiltà u l-fiduċja tagħhom biex jixtru prodotti u servizzi transfruntiera”. Il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur stabbilit bid-Direttiva jidher li qed jgħin sabiex tingħata spinta lill-fiduċja tal-konsumaturi. Evidenza reċenti tiżvela li iktar konsumaturi issa huma interessati li jagħmlu xiri transfruntiera (52 %, + 19) u huma lesti jonfqu iktar flus in-naħa l-oħra tal-fruntieri (18 %, + 5) milli fl-2006, meta d-Direttiva kienet għadha ma ġietx trasposta fl-Istati Membri[135]. Madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li t-tkabbir fix-xiri onlajn transfruntiera baqa’ ferm lura meta mqabbel mat-tkabbir domestiku, għalhekk jidher ċar li għandu jsir iktar[136]. Din hija r-raġuni għaliex jeħtieġ li ssir enfasi fuq applikazzjoni korretta u konsistenti tad-Direttiva bħala prekundizzjoni biex iċ-ċittadini u n-negozji tal-UE jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti mis-Suq Uniku.

Il-Kummissjoni identifikat il-kummerċ bl-imnut (inkluż il-kummerċ elettroniku), is-settur tat-trasport, l-ekonomija diġitali u l-enerġija/is-sostennibbiltà bħala oqsma ewlenin fejn il-potenzjal għat-tkabbir tas-Suq Uniku huwa l-ikbar[137]. Id-Direttiva għandha rwol kruċjali f’dan il-kuntest.

Għaldaqstant, għandhom isiru iktar sforzi f’termini ta’ tisħiħ tal-infurzar tad-DPKŻ. Ir-riżorsi tal-Istati Membri huma limitati u l-valur ta’ deterrent tal-penali għandu jittejjeb. Il-kooperazzjoni f’każijiet transfruntiera li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament KPK għandha tiżdied ukoll.

L-isforzi sabiex tiżdied l-attività ta’ infurzar kemm fuq bażi transfruntiera kif ukoll fuq livell nazzjonali jitolbu li l-Kummissjoni jkollha rwol iktar prominenti, fejn tingħaqad mal-Istati Membri u tagħtihom l-appoġġ tagħha fl-applikazzjoni tad-Direttiva fl-UE kollha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tikkunsidra kif, skont it-Trattati, hija jista’ jkollha rwol iktar attiv sabiex tinkoraġġixxi applikazzjoni konsistenti tad-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward ta’ prattiki żleali li jkollhom dimensjoni transfruntiera bħal dawk li qed jitwettqu fl-ambjent onlajn u li jqajmu mistoqsijiet komuni għall-infurzaturi.

6.           KONKLUŻJONIJIET

Kif tħabbar fil-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali li takkumpanja dan ir-rapport, ma jidhirx li huwa xieraq li d-Direttiva tiġi emendata f’dan l-istadju. Dan l-eżitu jirrifletti r-riżultati tal-konsultazzjoni u l-konklużjonijiet preliminari li nġibdu mill-esperjenza bl-infurzar fl-Istati Membri li hija sinifikanti imma għadha wisq limitata mil-lat temporali għal korp ta’ leġiżlazzjoni komprensiv bħal dan.

It-tħassib li tqajjem minn uħud mill-partijiet interessati b’rabta mal-applikazzjoni tad-DPKŻ għal ċerti prattiki kummerċjali żleali speċifiċi jista’ jiġi indirizzat b’inizjattivi sabiex jittejjeb l-infurzar fl-Istati Membri. B’rabta ma’ dan, kif ġie deskritt fil-qosor fil-Komunikazzjoni, l-isforzi futuri se jkollhom bżonn jikkonċentraw fuq oqsma tematiċi ewlenin fejn id-dannu u l-opportunitajiet mitlufa għall-konsumaturi jidher li jirrikorru l-iktar ta’ spiss u fejn il-potenzjal għat-tkabbir tas-Suq Uniku huwa l-ikbar.

[1]               Dan ir-Rapport jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiċi [Prattiki] Kummerċjali Żleali “Achieving a high level of consumer protection – Building trust in the Internal Market” (“Nilħqu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur – Nibnu l-fiduċja fis-Suq Intern”). Skont l-Artikolu 18 tad-DPKŻ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva, b’rabta ma’ kwistjonijiet speċifiċi, bħas-servizzi finanzjarji u l-proprjetà immobbli, u l-lista s-sewda ta’ prattiki pprojbiti fi kwalunkwe ċirkustanza, kif ukoll dwar il-possibbiltà għal iktar armonizzazzjoni u simplifikazzjoni. Kif ġie pprovdut mill-Premessa 24 tad-DPKŻ, l-applikazzjoni tad-Direttiva tiġi vvalutata sabiex jiġi żgurat li l-ostakoli għas-suq intern ikunu ġew indirizzati u jkun intlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

[2]               Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi [prattiki] kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur [bejn negozji u konsumaturi] fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi [Prattiki] Kummerċjali Żleali).

[3]               Ara L-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej, Azzjoni 3 (Immodernizzar tal-acquis tal-konsumatur).

[4]               Il-konsultazzjoni rriżultat f’25 tweġiba mill-Istati Membri (il-Lussemburgu u Malta ma pprovdewx tweġiba), żewġ tweġibiet mill-Islanda u min-Norveġja u 76 tweġiba minn partijiet interessati, inklużi 20 Ċentru tal-Konsumaturi Ewropej (“ECCs”), disa’ Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi u 47 parti interessata mill-qasam tan-negozju (dawn kienu jinkludi Kmamar tal-Kummerċ, organizzazzjonijiet/federazzjonijiet ġeneriċi tan-negozju u korpi awtoregolatorji).

[5]               Ibbażat fuq l-Artikolu 18 ta' din id-Direttiva, dan ir-Rapport jipprovdi valutazzjoni tal-funzjonament tal-Artikolu 3(9) dwar l-applikazzjoni tad-DPKŻ fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u l-proprjetà immobbli.

[6]               Ara l-Istudju dwar l-applikazzjoni tad-DPKŻ għas-servizzi finanzjarji u għall-proprjetà immobbli li sar mis-Civic Consulting f'isem il-Kummissjoni Ewropea, DĠ Ġustizzja 2012, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/document/

[7]               Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva.

[8]               Il-Belġju, l-Irlanda, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja ttrasponew sat-12 ta’ Ġunju 2007.

[9]               Spanja.

[10]             Anki t-tliet pajjiżi taż-ŻEE, l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja adottaw leġiżlazzjoni li timplimentaha.

[11]             Ara l-Kawżi: C-321/08 – Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew vs Ir-Renju ta’ Spanja, it-23 ta’ April 2009 u C-282/08 – Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-5 ta’ Frar 2009.

[12]             Biex tikseb aċċess għal-lista ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali jekk jogħġbok ikkonsulta l-Bażi tad-Dejta tal-Prattiki Kummerċjali Żleali fi: https://webgate.ec.europa.eu/ucp/ jew uża l-link: http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/unfair-trade/unfair-practices/index_en.htm.

[13]             Il-Kawżi Magħquda C-261/07 u C-299/07 VTB-VAB NV vs Total Belgium, u Galatea BVBA vs Sanoma Magazines Belgium NV, it-23 ta’ April 2009; C-304/08 Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV vs Plus Warenhandelsgesellschaft mbH, l-14 ta’ Jannar 2010; C-288/10 Wamo BVBA vs JBC NV u Modemakers Fashion NV, digriet tat-30 ta’ Ġunju 2011; C-126/11 Inno NV vs Unizo u oħrajn, digriet tal-15 ta’ Diċembru 2011.

[14]             Fil-qasam approssimat mid-Direttiva.

[15]             Eżempji ta’ direttivi li jinkludu klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima fil-qasam approssimizzat mid-Direttiva 2005/29/KE huma: id-Direttiva 98/6/KE dwar l-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi, id-Direttiva 97/7/KE dwar kuntratti li jsiru mill-bogħod, id-Direttiva 85/577/KEE dwar kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju, id-Direttiva 94/47/KE dwar ix-xiri tad-dritt għall-użu tal-proprjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare u d-Direttiva 90/314/KEE dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel).

[16]             Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja u l-Isvezja.

[17]             Fl-10 ta’ Marzu 2008, id-Danimarka nnotifikat id-dispożizzjonijiet relatati mar-reklamar fuq it-televiżjoni fl-Artikolu 21 tad-Digriet Nru 1368 tal-15 ta’ Diċembru 2005 dwar reklamar u sponsorizzazzjonijiet fuq ir-radju u t-televiżjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkonċernaw fost l-oħrajn, il-karatteristiċi tal-prodott irreklamat, il-prezz u l-livell ta’ ħiliet meħtieġa sabiex jintuża l-prodott, huma stabbiliti sew fid-dritt Daniż, jagħtu attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tal-minorenni u implimentaw id-Direttiva dwar “Televiżjoni mingħajr Fruntieri” (id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, illum id-Direttiva 2010/13/UE dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva).

[18]             Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midija Awdjoviżiva).

[19]             Il-Belġju ma nnotifikax ir-regoli nazzjonali tiegħu li jipprojbixxu l-bejgħ fid-djar ta' prodotti ta' valur ogħla minn EUR 250 Il-kompatibbiltà ta' tali miżuri se tkun ivvalutata mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' każ pendenti kontra l-Belġju.

[20]             L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva jiċċara li “[f]il-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.”

[21]             Ara d-dokument ta’ Gwida p. 18-19. Pereżempju, ir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru (ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità) jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-informazzjoni dwar il-prezzijiet li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali. Skont l-Artikolu 23 tar-Regolament, minbarra l-prezz finali, li għandu jinkludi t-taxxi applikabbli kollha, l-imposti, is-surcharges u t-tariffi, l-operaturi tal-ajru għandhom jipprovdu wkoll rendikont tal-prezz finali. Għaldaqstant, fir-rigward ta' informazzjoni pre-kuntrattwali rigward prezzijiet għall-biljetti tal-ajru, se japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet iktar speċifiċi. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jidħlu hawnhekk biex jipprojbixxu prattiki kummerċjali li probabbilment jingannaw lill-konsumatur medju (bħar-riklami u kummerċjalizzazzjoni li jservu ta' lixka għall-bejgħ ta' biljetti tal-ajru), u prattiki li jikkostitwixxu mġiba aggressiva (bħal ostakoli onerużi u sproprzjonati mhux kuntrattwali imposti fuq konsumaturi li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt kuntrattwali tagħhom li jitterminaw il-kuntratt).

[22]             "[...] dispożizzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali mhijiex suxxettibbli li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali, jekk hija limitata biss, kif qed tikkunsidra l-qorti tar-rinviju, biex tirregola r-relazzjonijiet kompetittivi bejn il-kummerċjanti u ma ssegwix l-għanijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur". [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (Kawża C-126/11, Inno, punt 29).

[23]             Ara wkoll it-Taqsima 3.3.4. dwar Stedina għax-Xiri u Rekwiżiti ta’ Informazzjoni dwar il-Prezz.

[24]             Guidance on the application /implementation of Directive 2005/29/EC on Unfair Commercial Practices (SEC(2009) 1666, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni), it-3 ta’ Diċembru 2009 - http://wcmcom-ec-europa-eu-wip.wcm3vue.cec.eu.int:8080/justice/consumer-marketing/unfair-trade/unfair-practices/index_en.htm.

[25]             Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-Kawża C-122/10 Konsumentombudsmannen KO vs Ving Sverige AB, paragrafi 30, 40 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.

[26]             Ara https://webgate.ec.europa.eu/ucp/public/ Din il-bażi tad-dejta hija bbażata fuq id-Deċiżjoni (KE) Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013), Azzjoni 9: Abbiltà legali u teknika, inklużi studji, għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ leġislazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur mill-Istati Membri, notevolment id-Direttiva 2005/29/KE. Dan jinkludi ukoll l-iżvilupp u ż-żamma ta’ databases aċċessibbli faċilment u pubblikament li jkopru l-implimentazzjoni tal-legiżlazzjoni Komunitarja tal-protezzjoni tal-konsumatur.

[27]             Il-bażi tad-dejta attwalment (sa Mejju 2012) fiha sommarji ta’ 158 deċiżjoni amministrattiva u 202 deċiżjonijiet tal-qrati (inklużi 63 deċiżjoni ta’ Qrati Supremi nazzjonali).

[28]             http://www.eu-consumer-law.org/index.html.

[29]             https://e-justice.europa.eu/home.do.

[30]             Ara l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva.

[31]             Ara l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva.

[32]             Ara l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva.

[33]             Dawn huma l-Ġermanja, l-Awstrija, Franza u l-Isvezja. Madankollu, fil-Ġermanja l-Anness I għad-Direttiva (“il-Lista Sewda”) biss, filwaqt li fi Franza l-Artikolu 6 u l-Anness I (limitat għall-parti dwar il-prattiki żleali) biss japplikaw għar-relazzjonijiet B2B.

[34]             Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġuni dwar “Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv – Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv” tas-27 ta' Novembru 2012 (COM(2012) 702 finali).

[35]             L-Office of Fair Trading fir-Renju Unit.

[36]             L-Estonja, l-Irlanda, il-Latvja u r-Rumanija.

[37]             Ir-Renju Unit.

[38]             Pereżempju, permezz ta’ kjarifika fid-dokument ta’ Gwida tas-servizzi tal-Kummissjoni.

[39]             Ara wkoll l-Artikolu 6(1)(c) u (f) tad-Direttiva.

[40]             Uħud mill-Istati Membri (pereżempju, l-Italja u Franza) u mill-partijiet interessati sostnew li huma jappoġġaw estensjoni biss sabiex jinstabu soluzzjonijiet għal problemi ferm speċifiċi bħall-attivitajiet tal-Kumpaniji tad-Direttorju Qarrieqa. Ir-Rumanija tikkunsidra li l-estensjoni tad-DPKŻ għall-B2B kieku toħloq approċċ iktar koerenti b’rabta mal-prattiki tan-negozju li għandhom fil-mira tagħhom kemm in-negozji kif ukoll il-konsumaturi. Il-Pajjiżi l-Baxxi jixtiequ jestendu d-DPKŻ sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex in-negozji jiġu protetti mill-problema tal-“fatturi foloz”. Il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Isvezja, li diġà japplikaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva anki għat-tranżazzjonijiet B2B, jixtiequ li n-negozji jgawdu mill-istess livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fl-UE kollha.

[41]             Ara, pereżempju, il-Mistoqsijiet tal-PE E-5539/08, E-010017/2010, E-1704/2011.

[42]             COM(2001) 546 finali, 2.10.2001, proposta emendata COM(2002) 585 finali, 25.10.2002.

[43]             Ara wkoll C-304/08 Plus Warenhandelsgesellschaft (Deċiżjoni Preliminari – Il-Ġermanja), l-14 ta’ Jannar 2010; C-540/08 Mediaprint Zeitungs (Deċiżjoni Preliminari – L-Awstrija), id-9 ta’ Novembru 2010; C-522/08 Telekomunikacja Polska (Deċiżjoni Preliminari – Il-Polonja), il-11 ta’ Marzu 2010.

[44]             Uħud mill-aġenziji nazzjonali tal-infurzar jikkunsidraw li n-nuqqas ta’ regoli dettaljati bħal dawn kieku joħloq inċertezza legali u jagħmel l-infurzar wisq problematiku/ineffiċjenti (taħt id-DPKŻ jeħtieġ li jintwera każ b’każ li bejgħ promozzjonali jkun qarrieqi).

[45]             Sitt Stati Membri (il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, il-Latvja) diġà emendaw (parzjalment) il-leġiżlazzjoni tagħhom b’rabta mal-promozzjonijiet tal-bejgħ sabiex ikunu konformi mad-Direttiva u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bħalissa, 13-il Stat Membru għad għandhom regoli iktar restrittivi mid-DPKŻ, jew b’rabta mat-tnaqqis fil-prezzijiet (il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall, u Spanja) jew fir-rigward tal-lotteriji kummerċjali (l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja u l-Lussemburgu. Regoli simili jeżistu fl-Islanda un-Norveġja.

[46]             Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Latvja u Spanja.

[47]             Il-Belġju, id-Danimarka, Spanja (u n-Norveġja).

[48]             Is-Slovakkja, il-Polonja, il-Bulgarija, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit.

[49]             Il-European Brands Association (Assoċjazzjoni Ewropea tal-Marki) u l-Kamra Federali tax-Xogħol fl-Awstrija.

[50]             CLCV: Consommation Logement Cadre de Vie, Franza.

[51]             L-ECC Irlandiż.

[52]             Pereżempju, il-Polonja, id-Danimarka u l-Isvezja.

[53]             Eżempju ta’ dan jista’ jinstab f’każ fejn infurzatur nazzjonali kkunsidra li l-prattika li tiġi interrotta l-provvista tal-ilma bla ebda komunikazzjoni preċedenti kienet tikser ir-rekwiżit tad-diliġenza professjonali. L-awtorità kienet tal-fehma, fid-dawl tar-rilevanza tas-servizz tal-provvista tal-ilma, li kien mistenni li l-kummerċjant jilħaq grad ogħla ta’ diliġenza professjonali u li huwa missu adotta miżuri speċifiċi qabel l-interruzzjoni tal-provvista tal-ilma. L-Awtorità tal-Kompetizzjoni Taljana (AGCM), deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2009 PS 166 – Acea Distacco fornitura d’acqua.

[54]             C-435/11 CHS Tour Services.

[55]             Id-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi qed jirreferu għat-titjib tal-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli permezz ta’ regolamentazzjoni imma mingħajr ma jissuġġerixxu soluzzjonijiet/għażliet speċifiċi.

[56]             Kif ġie deskritt fil-qosor fl-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej, għandu jiġi żgurat li l-konsumaturi vulnerabbli jiġu protetti mir-riskji li jirriżultaw mill-effetti tal-kriżi ekonomika, mit-tixjiħ tal-popolazzjoni u mill-kumplessità dejjem ikbar tas-swieq diġitali, flimkien mad-diffikultà li wħud mill-konsumaturi jista’ jkollhom sabiex jiksbu padrunanza tal-ambjent diġitali.

[57]             Ara t-Taqsima 4 ta’ dan ir-Rapport dwar l-Infurzar.

[58]             Il-kontroll (“sweep”) imwettaq fl-2008 kellu fil-mira tiegħu websajts li jbigħu ringtones, wallpapers u servizzi oħrajn għat-telefowns ċellulari. Instab li 301 minn iktar minn 500 websajt li ġew ikkontrollati waqt dan l-eżerċizzju kienu qed jiksru b’mod serju l-liġi tal-konsumatur tal-UE. Iktar min-nofs dawn immiraw speċifikament lill-adoloxxenti u t-tfal. It-tliet problemi ewlenin irrappurtati kienu: prezzijiet mhux ċari, nuqqas ta' informazzjoni kompluta u reklamar li jiżvija (b'mod partikolari, ringtones reklamati b'mod falz li huma b'xejn meta l-konsumatur jidħol f'abbonament bil-flus). Ara http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/sweep/digital_content/index_en.htm for the results of the first phase of the 2012 Sweep on Digital Content.

[59]             Deċiżjoni tal-Awtorità Taljana tal-Antitrust (AGCM) PS7256 – Comet-Apple Prodotti in Garanzia Provvedimento n. 23193, is-27 ta’ Diċembru 2011 – Il-kumpanija investigata offriet garanzija kummerċjali li kienet tkopri anki servizzi li l-konsumaturi diġà huma intitolati għalihom skont id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (jiġifieri, sentejn (2) ta’ garanzija legali fir-rigward tal-bejjiegħ minħabba nuqqas ta’ konformità). Il-Kummissjoni appoġġat l-isforzi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi billi qajmet din il-kwistjoni fil-kuntest tan-Netwerk tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (KPK) tal-korpi nazzjonali tal-infurzar u billi kitbet (f’ittra mingħand il-Viċi President Reding tal-21 ta’ Settembru 2012) lill-Ministri kollha tal-UE responsabbli mill-affarijiet tal-konsumatur, sabiex jiġi żgurat approċċ ta’ infurzar koordinat meta tinqala’ problema rikorrenti fi Stati Membri differenti.

[60]             AIM (il-European Brands Association).

[61]             Ara l-Artikolu 2(i) tad-DPKŻ

[62]             Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

[63]             Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku).

[64]             It-tħassib inizjali prinċipali li tqajjem mill-partijiet interessati matul il-fażi tat-traspożizzjoni tad-Direttiva kien li approċċ riġidu (tat-tip “lista ta’ kontroll”) fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti jirriżulta f’piż sproporzjonat fuq il-kummerċjanti u fuq dawk li jagħmlu r-reklami. Peress li l-istedina għax-xiri kienet kunċett ġdid, ma kienx ċar, pereżempju, sa liema punt il-wiri tal-“karatteristiċi prinċipali” ikun adattat b’rabta mal-mezz użat għar-reklamar u mal-prodott ikkonċernat (ara l-Artikolu 7(4)(a)). Għalhekk, il-World Federation of Advertisers (jiġifieri l-Federazzjoni Dinjija ta’ Min Jirreklama) kienet ħerqana li tirrestrinġi l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-informazzjoni biss meta, flimkien mal-istedina għax-xiri, kien se jitqiegħed “mekkaniżmu” sabiex isir ix-xiri għad-dispożizzjoni tal-konsumatur.

[65]             Fil-Kawża C-122/10, Konsumentombudsmannen vs Ving Sverige AB, it-12 ta’ Mejju 2011.

[66]             L-iktar prezz baxx li bih jista’ jinxtrara prodott irreklamat jew kategorijia ta’ prodotti rreklamati filwaqt li l-prodott irreklamat/il-kategorija ta’ prodotti rreklamati jkun disponibbli wkoll bi prezzijiet li ma jiġux indikati (pereżempju, biljetti għal Pariġi disponibbli “minn EUR 100”).

[67]             Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 23 Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni).

[68]             Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 5(1)(c), 19 u 22 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur.

[69]             Mill-mument li kummerċjant jagħmel “stedina għax-xiri” fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva.

[70]             Tmien (8) Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, 11-il ECC u 10 Organizzazzjonijiet tan-Negozju indikaw problemi relatati mal-prezz.

[71]             L-istudju ta’ Steer Davies Gleave (2011) kkummissjonat mid-DĠ MOVE dwar “Price Transparency in the air transport sector” (“It-trasparenza tal-prezzijiet fis-settur tat-trasport bl-ajru”) ivvaluta l-konformità tal-websajts mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni ta’ ħames partijiet ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, inkluża d-Direttiva 2005/29 dwar prattiċi kummerċjali żleali (id-DPKŻ). L-eżitu tal-istudju jirrakkomanda li ssir ħidma fuq l-infurzar iktar milli tiġi emendata l-leġiżlazzjoni eżistenti.

[72]             Studju tal-OFT dwar “Advertising of Prices” (“Reklamar tal-Prezzijiet”) investiga jekk il-mod li bih il-prezzijiet jiġu ppreżentati lill-konsumaturi jaffettwax il-proċess deċiżjonali u l-benesseri tagħhom. Ir-riżulati tiegħu wrew li d-“drip pricing” (imsejjaħ ukoll “partitioned pricing”) — fejn il-konsumaturi fil-bidu jaraw biss parti mill-prezz sħiħ u ż-żidiet fil-prezzijiet jiġu mqassma tul il-proċess tax-xiri — kien jammonta għall-ikbar telf medju tal-benesseri, li tela’ għal 15 % tal-interessi involuti. OFT(2010), Advertising of prices, http://www.oft.gov.uk/OFTwork/markets-work/advertising-prices/.

[73]             Referenza tal-Każ: Airline payment surcharges - CRE-E/27017, (July 2012). - http://www.oft.gov.uk/OFTwork/consumer-enforcement/consumer-enforcement-completed/card-surcharges/

[74]             Ara Provvedimenti Autorità Garante per la Concorrenza ed il Mercato, (snin 2011-2012): PS/4261, PS/5530, PS/3773, PS/892, PS/6147, PS/5667, PS/7430, PS/3771, PS/7505, PS/7493 u PS/7383 - http://www.agcm.it/consumatore.html.

[75]             Il-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Indikazzjoni tal-Prezzijiet adottata fl-2006 mill-Kummissjoni kienu jiddikjaraw li d-Direttiva ma ħolqot l-ebda problema kbira ta’ traspożizzjoni f’xi wieħed mill-Istati Membri u li, b’mod ġenerali, id-Direttiva kienet ikkontribwixxiet għal żieda fil-protezzjoni tal-konsumaturi. Konsultazzjoni iktar reċenti twettqet fir-rebbiegħa tal-2012 fost l-Istati Membri sabiex tgħin lill-Kummissjoni tivvaluta l-effettività ġenerali ta’ din id-Direttiva llum. Ir-riżultati wrew li l-Istati Membri: (i) ma jafu bl-ebda problema transfruntiera relatata mal-implimentazzjoni tad-Direttiva (li ma għandhiex dimensjoni transfruntiera sinifikanti); (ii) jagħmlu użu kbir mid-derogi pprovduti mid-Direttiva (jiġifieri, l-eżenzjoni għas-servizzi, għall-bejgħ b’irkant u għall-bejgħ ta’ xogħlijiet artistiċi u ta’ antikitajiet u d-deroga temporanja sabiex id-Direttiva tiġi applikata għan-negozji ż-żgħar); (iii) jappoġġaw armonizzazzjoni minima f’dan il-qasam (iktar minn 10 Stati Membri introduċew jew żammew regoli nazzjonali li jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-indikazzjoni tal-prezzijiet). Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri wieġbu li huma jwettqu kontrolli regolari u sistematiċi tas-suq u li għandhom sanzjonijiet effiċjenti (fil-forma ta’ multi) fuq il-livell nazzjonali għal ksur ta’ din id-Direttiva. F’dan ir-rigward tista’ tkun meħtieġa investigazzjoni ulterjuri.

[76]             Franza u l-Italja, pereżempju, indikaw, fil-kuntest tad-djalogi ta’ ħidma tagħhom mal-Kummissjoni, li t-talbiet għal kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ pprezzar kienu, għall-inqas f’okkażjoni waħda, irrifjutati mill-Istati Membri (pereżempju, l-Irlanda fis-settur tat-trasport bl-ajru) li sabu li l-prattiki inkwistjoni ma jistgħux jagħmlu ħsara lill-“interess kollettiv tal-konsumaturi” kif inhu meħtieġ mir-Regolament KPK.

[77]             Sitt Stati Membri biss (il-Belġju, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Litwanja, ir-Rumanija, il-Pajjiżi l-Baxxi) flimkien mal-Islanda u man-Norveġja, jappoġġaw iktar regolamentazzjoni fil-qasam tar-rekwiżiti tal-prezzijiet, imma għal raġunijiet differenti (pereżempju, sabiex jiġi ċċarat meta l-informazzjoni dwar prezz tkun “importanti” u sabiex jiġi żgurat li l-prezz tal-unità jissemma fir-reklamar).

[78]             L-Italja, AGCM, 2009, PS1270 - Vodafone – Ostacoli alla migrazione e retention ingannevole, Provvedimento n. 19756.

[79]             L-Italja, AGCM, 2008, PS91 – Enel Energia –Richiesta cambio fornitore, Provvedimento n. 18829.

[80]             Dejta disponibbli għas-servizzi tal-Kummisjoni turi li l-konsumaturi huma esposti għal diversi forom ta’ pressjoni sabiex jikkonkludu kuntratt.

[81]             Il-punti 24-31 tal-Anness I għad-DPKŻ.

[82]             Fil-kontroll (“sweep”) tal-2008 li kellu fil-mira tiegħu l-websajts li jbigħu ringtones, wallpapers u servizzi oħrajn għat-telefowns ċellulari, instab li 301 minn iktar minn 500 websajt ikkontrollati waqt dan l-eżerċizzju kienu qed jiksru b’mod serju l-liġi tal-konsumatur tal-UE, inkluż il-punt 20 tal-Anness I. Ara l-Paragrafu 3.3.2. dwar il-konsumaturi vulnerabbli.

[83]             C-428/11 Purely Creative et Ara t-Taqsima 3.1.1. ta’ dan ir-Rapport.

[84]             SELDIA, The European Direct Selling Association.

[85]             DSE, Direct Selling Europe (Assoċjazzjoni għal Bejgħ Dirett fl-Ewropa).

[86]             Ma tqajjem l-ebda tħassib marbut mal-punt 14 tal-Anness I mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jew minn partijiet interessati oħrajn.

[87]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tal-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda [jirrevoka] r-Regolament (KEE) Nru 2092/91, ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1–23. Eżempji oħrajn ta’ leġiżlazzjoni speċifika huma d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija; ir-Regolament (KE) Nru 1222/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra.

[88]             Kif ġie ddikjarat fil-Premessa 10 tad-Direttiva, hija tabilħaqq “tipprovdi ħarsien għall-konsumaturi fejn ma hemmx leġiżlazzjoni speċifika settorali fil-livell Komunitarju u tipprojbixxi lill-kummerċjanti milli joħolqu impressjoni falza tan-natura ta’ prodotti”.

[89]             Guidance on the application /implementation of Directive 2005/29/EC on Unfair Commercial Practices (Gwida dwar l-applikazzjoni/implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiċi [Prattiki] Kummerċjali Żleali) (SEC(2009) 1666, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni) it-3 ta’ Diċembru 2009.

[90]             Pereżempju, Franza.

[91]             Il-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Portugall, is-Slovenja.

[92]             Preżempju, fost l-espressjonijiet li jintużaw b’mod komuni hemm: “ekoloġiku (eco-friendly), bijodegradabbli, newtrali mil-lat tal-karbonju, ekoloġiku (green), sostenibbli, naturali, enerġetikament effiċjenti, mhux tossiku, livell baxx ta’ karbonju, ħieles minn inkwinanti, nadif, żero emissjonijiet, etiku u ekwu”.

[93]             Pereżempju, il-BEUC.

[94]             L-Advertising Standard Authority (“ASA” jiġiferi l-Awtorità tal-Istandards tar-Reklamar) fir-Renju Unit, pereżempju, irċeviet u vvalutat bir-reqqa numru kbir ta’ lmenti inkluż dwar pretensjonijiet ambjentali. Ara wkoll it-Taqsima 4 dwar L-infurzar.

[95]             Fis-16 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli (SCP/SIP). Fil-11 ta’ Jannar 2012 il-Kummissjoni nediet il-konsultazzjoni pubblika dwar “Delivering more Sustainable Consumption and Production” (“Nagħtu Konsum u Produzzjoni Iktar Sostenibbli”). Għal iktar informazzjoni ara: http://ec.europa.eu/environment/eussd/escp_en.htm

[96]             Fis-Samit Ewropew dwar il-Konsumatur tad-29 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropew organizzat workshop dwar greenwashing u pretensjonijiet ambjentali qarrieqa. Il-workshop kien l-ewwel pass fi proċess li se jipprovdi kontributi għal riflessjoni dwar il-pretensjonijiet ambjentali fuq il-livell tal-UE. Għal iktar informazzjoni ara http://www.european-consumer-summit.eu/

[97]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, “Bringing E-commerce Benefits to Consumers” (“Inwasslu l-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku lill-konsumaturi”), dokument li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġuni, A coherent framework to boost confidence in the Digital Single Market of e-commerce and other online services (Qafas koerenti sabiex tingħata spinta lill-fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u ta’ servizzi onlajn oħrajn), Brussell 11.1.2012 (SEC(2011) 1640 finali p. 19. Ix-xerrejja jużaw varjetà ta’ metodi ta’ riċerka sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati qabel ma jixtru l-oġġetti onlajn. Fl-ewwel tliet passi li jwettqu waqt ir-riċerka tagħhom, 31 % iżuru l-websajts tal-bejjiegħa, 30 % jużaw magna tat-tiftix, 27 % jużaw websajt li tqabbel il-prezzijiet u 24 % iżuru suq onlajn, filwaqt li 24 % jaqraw valutazzjonijiet mill-klijenti.

[98]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, “Bringing E-commerce Benefits to Consumers” (“Inwasslu l-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku lill-konsumaturi”), Brussell, 11,1,2012 (SEC(2011) 1640 final) p. 20. Bil-kontra tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku bosta websajts li jqabblu l-prezzijiet (53 %) ma jipprovdux l-indirizz tan-negozju sħiħ tagħhom, ara p. 22.

[99]             Ħames (5) Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, seba’ (7) Organizzazzjonijiet tan-Negozju u erba’ (4) ECCs.

[100]            Il-Pajjiżi l-Baxxi.

[101]            Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Knowledge Enhancing Aspects of Consumer Empowerment 2012-2014 (dwar Aspetti li Jkattru l-Għarfien tal-Għoti tas-Setgħa lill-Konsumatur), 19.7.2012, SWD (2012) 235 finali.

[102]            Office of Fair Trading, UK, Referenza tal-Każ: CRE-E-26547, 26555, 26759, 26760, 26761, Jannar 2011, http://www.oft.gov.uk/OFTwork/consumer-enforcement/consumer-enforcement-completed/heating-oil/

[103]            Tribunal de Commerce, l-4 ta’ Ottubru 2011, Synhorcat et autres / Expedia et autres.

[104]            Ara l-Komunikazzjoni dwar il-Kummerċ Elettroniku (paġna 10).

[105]            L-Artikolu 3(9) tad-DPKŻ: “Fir-rigward ta’ ‘servizzi finanzjarji’ kif definiti fid-Direttiva 2002/65/KE, u proprjetà immobbli, l-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet li huma iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-Direttiva f’dak il-qasam li hija tapprossima.”

[106]            Pereżempju, id-Direttiva 2007/64/KE fil-qasam tas-servizzi ta’ ħlas, u d-Direttiva 2008/48/KE fil-qasam tal-kreditu għall-konsumatur, jistabilixxu regoli kompletament armonizzati.

[107]            Ara l-istudju dwar l-applikazzjoni tad-DPKŻ għas-servizzi finanzjarji u għall-proprjetà immobbli li sar mis-Civic Consulting f'isem il-Kummissjoni Ewropea, DĠ Ġustizzja 2012, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/document/

[108]            Pereżempju, fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, rekwiżiti speċifiċi ta’ informazzjoni fis-settur bankarju (bħal għall-assenjazzjoni ta’ kreditu ggarantit lil terz fil-Ġermanja jew reklam għal servizzi ta’ kambju ta’ flus fi Spanja), dwar is-servizzi ta’ investiment, l-assigurazzjoni, u l-intermedjarji finanzjarji.

[109]            Pereżempju fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, rekwiżiti speċifiċi ta' informazzjoni fis-settur bankarju (bħal pereżempju -proprjetà immobbli, rekwiżiti ta’ informazzjoni relatati max-xiri ta’ proprjetà, mat-tranżazzjoni nfisha, mal-aġent immobbiljari u mal-kuntratti tal-kostruzzjoni. Fir-rigward tal-proprjetà immobbli, rekwiżiti ta' informazzjoni relatati max-xiri ta' proprjetà, it-tranżazzjoni stess, l-aġent tal-proprjetà immobbli u l-kuntratti ta' kostruzzjoni .

[110]            Pereżempju, projbizzjoni ta’ cold calling, posta elettronika mhux mitluba, bejgħ fid-dar ta’ self ipotekarju u biex aġent immobiljari jżomm flus mingħajr raġuni legali fl-Awstrija, bejgħ fid-dar ta’ kreditu monetarju fil-Pajjiżi l-Baxxi, u ta’ offerti konġunti fil-Belġju u fi Franza

[111]            Pereżempju, projbizzjoni ta’ kreditu użurarju fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, projbizzjoni ta’ reklamar li self jista’ jingħata mingħajr provi dokumentarji tal-pożizzjoni finanzjarja tal-konsumatur fi Franza jew projbizzjoni tal-ħruġ, mingħajr kunsens minn qabel tar-rappreżentant legali, ta’ kards tal-ATM lil minorenni fl-Awstrija.

[112]            Pereżempju, fid-Danimarka, projbizzjoni tal-finanzjament mill-banek tax-xiri ta’ ishma mill-klijenti tagħhom maħruġa mill-bank innifsu; fi Franza, projbizzjoni li l-banek iwaqqfu lill-klijenti tagħhom milli jużaw fornitur ta’ assigurazzjoni kreditizja ieħor (li ma jkunx dak ipprovdut mill-bank stess) meta l-livell ta’ garanzija offrut ikun simili.

[113]            Għandu jiġi nnotat li l-krediti relatati mal-proprjetà immobbli mhumiex koperti mid-Direttiva 2008/48/KE dwar Kreditu għall-Konsumatur u li l-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta’ kreditu b’rabta ma’ proprjetà residenzjali fil-31 ta’ Marzu 2011.

[114]            Ara l-istudju dwar l-applikazzjoni tad-DPKŻ għas-servizzi finanzjarji u għall-proprjetà immobbli li sar mis-Civic Consulting f'isem il-Kummissjoni Ewropea, DĠ Ġustizzja 2012, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/document/

[115]            Irrapportati fil-Portugall, ara l-istudju dwar l-applikazzjoni tad-DPKŻ għas-servizzi finanzjarji u għall-proprjetà immobbli fl-UE, 2012.

[116]            L-istudju jiddikjara li “il-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk fid-Direttiva tagħtihom il-flessibbiltà li jeħtieġu sabiex jindirizzaw prattiki kummerċjali (żleali) li jkunu għadhom kemm ġew żviluppati li jirreaġixxu għall-ispeċifiċitaijiet tal-laġiżlazzjoni nazzjonali fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli, u t-tneħħija tal-Artikolu 3(9) kieku tagħmel ħsara lil sistemi ta’ infurzar li jaħdmu sew u b’hekk tbaxxi l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

[117]            Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni jinkludu assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi bħall-BEUC kif ukoll xi assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi. Waħda mis-sejbiet tal-istudju hija li l-obbligi ta’ informazzjoni speċifiċi nazzjonali ġeneralment japplikaw irrispettivament mill-idoneità tagħhom biex iqarrqu bil-konsumatur, u li għalhekk jiġu ġestiti b’mod iktar faċli kemm mill-awtoritajiet, mill-qrati u min-negozji kif ukoll mill-konsumaturi. Ta’ spiss huma jaqgħu wkoll f'sistema ta’ infurzar differenti. Għaldaqstant, l-istħarriġ wera preferenza għal regoli preeżistenti f’dawk l-Istati Membri li kellhom obbligi ta’ informazzjoni diġà stabbiliti. Dan japplika kemm għas-settur tas-servizzi finanzjarji kif ukoll għal dak tal-proprjetà immobbli.

[118]            Għal aktar dettalji u eżempji tas-sistemi ta’ infurzar u tal-penali fl-Istati Membri, jekk jogħġbok ikkonsulta l-“iskeda tal-infurzar” tat-taqsimiet tal-pajjiżi fil-Bażi tad-Dejta tad-DPKŻ minn https://webgate.ec.europa.eu/ucp/public/.

[119]            Il-Belġju.

[120]            BEUC, Citizens Advice (UK), CLCV (Consommation, Logement, Cadre de Vie - FR), Which (UK).

[121]            Sabiex ittejjeb dan l-aspett, l-Italja, pereżempju, dan l-aħħar żiedet il-penali massima għal ksur tad-Direttiva b’għaxar darbiet, minn EUR 500 000 għal EUR 5 miljuni

[122]            Ir-Regolament KPK jistabbilixxi qafas ta’ kooperazzjoni li jgħaqqad lill-awtoritajiet tal-infurzar fl-Istati Membri sabiex jifforma netwerk mifrux mal-UE kollha (in-Netwerk tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (KPK)). Permezz ta’ dan il-qafas l-infurzaturi jkunu jistgħu jaħdmu mill-qrib flimkien sabiex iwaqqfu malajr u b’mod efettiv prattiki kummerċjali li jiksru l-liġijiet tal-konsumatur kull meta l-kummerċjanti u l-konsumaturi jkunu stabbiliti f’pajjiżi differenti. In-Netwerk jgħaqqad flimkien lill-awtoritajiet tal-infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-Istati Membri kollha (kif ukoll tan-Norveġja u tal-Islanda). Ara Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“Ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”)), COM(2012) 100 finali, 12.03.2012; disponibbli minn: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2009:0336:FIN:MT:PDF

[123]            Ara http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/sweep/digital_content/index_en.htm għar-riżultati tal-ewwel fażi tal-kontroll 2012 dwar il-Kontenut Diġitali..

[124]            “Minuti”.

[125]            Fi Franza, id-DGCCRF ħareġ 1195 Rapport għal prattiki żleali li jikkorrispondu għal pieni finanzjarji ta’ EUR 73 828 imposti mill-qrati u għal penali finanzjarji ta’ EUR 1 649 451 imposti direttament mid-DGCCRF, u 56 Rapport għal prattiki aggressivi, li dwarhom il-qrati imponew pieni finanzjarji ta’ EUR 15 000.

[126]            L-ECCs fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fil-Portugall u fir-Renju Unit indikaw problemi bl-infurzar f’każijiet transfruntiera (jew billi ssuġġerew li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali għandha tittejjeb jew billi indikaw li l-każijiet transfruntiera ma kinux qed jiġu ġestiti sew mill-qrati nazzjonali). L-ECCs fl-Estonja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Polonja u l-Isvezja jikkunsidraw is-setgħat ta’ infurzar, il-penali u r-rimedji nazzjonali attwali bħala inadegwati.

[127]            Ara, pereżempju, it-tieni Rapport biennali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi). Ara p.9 tar-Rapport 'The number of authorities that do not actively use the cooperation mechanisms established by the CPC Regulation remains significant.’ Wieħed ma jistax jeskludi li għalkemm id-DPKŻ sa issa hija l-iktar bażi ġuridika użata għal azzjonijiet CPC, l-għadd ta' talbiet DPKŻ dwar għajnuna reċiproka jibqa' baxx għal din it-tip ta' leġiżlazzjoni orizzontali u komprensiva

[128]            Ara l-Artikolu 10 tad-DPKŻ.

[129]            L-Advertising Standard Authority (“ASA”) fir-Renju Unit, pereżempju, irċeviet u vvalutat bir-reqqa 14596 ilment li rriżultaw f’6542 każ fl-ewwel nofs tal-2010. L-ilmenti bdew jonqsu (madwar 10 %) mis-snin ta’ qabel, li jista’ jiġi spjegat biż-żieda fil-konformità minħabba l-isforzi tal-ASA. Għal numri u deċiżjonijiet u każijiet ara r-Rapporti Annwali dwar l-Attivitajiet tal-ASA minn: http://www.asa.org.uk/About-ASA/Annual-Report.aspx.

[130]            Ara l-Artikolu 6(2)(b) tad-DPKŻ.

[131]            Ara iktar ’il fuq, it-Taqsima 4 ta’ dan ir-Rapport dwar L-infurzar.

[132]            Ara l-punt 5 tal-Anness I għad-Direttiva. Din il-prattika pprojbita tinvolvi li jsiru offerti attraenti lill-konsumaturi meta l-kummerċjant ma jkunx jista’ jforni l-prodott fil-kwantitajiet mistennija abbażi (fost l-oħrajn) il-livell ta’ reklamar.

[133]            Mill-2007 sal-2010, minn 1343 azzjoni ta’ KPK, 654 (48,7 %) kienu relatati ma’ ksur tad-DPKŻ. Ara r- Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi), 12.3.2012 COM(2012) 100 finali, disponibbli minn http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/docs/comm_biennial_report_2011_mt.pdf

[134]            http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/index_en.htm

[135]            Ara l-Flash tal-Eurobarometre 332 Consumers’ attitudes towards cross-border trade and consumer protection (L-attitudnijiet tal-konsumaturi lejn il-kummerċ u l-protezzjoni tal-konsumatur transfruntiera), Mejju 2012, p. 8. Iktar konsumaturi issa huma interessati li jagħmlu xiri transfruntiera (52 %, + 19) u huma lesti jonfqu iktar flus (18 %, + 5) milli fl-2006. Proporzjon li qed jikber ta’ konsumaturi, 50 %, huma lesti li jixtru oġġetti jew servizzi billi jużaw lingwa oħra tal-UE (+ 17-il punt meta pparagunati mal-2006). Il-perċentwal li bl-ebda mod ma huwa lest li jixtri b’lingwa differenti waqa’ minn 42 % fl-2008 għal 30 % fl-2011. Il-proporzjon ta’ Ewropej li jgħidu li jafu minn fejn jiksbu informazzjoni u pariri dwar xiri transfruntiera kiber ukoll b’mod sinifikanti minn 24 % fl-2006 għal 39 % fl-2011.

[136]            Matul il-perjodu 2008-2010, il-kummerċ elettroniku domestiku bejn negozji u konsumaturi kiber minn 28 % għal 36 % tal-popolazzjoni li tagħmel xiri domestiku onlajn, filwaqt li x-xerrejja elettroniċi transfruntiera kibru biss minn 6 % għal 9 %. Disgħa fil-mija (9 %) tal-konsumaturi Ewropej biss qalu li kienu jixtru onlajn fl-2010 abbażi tal-Eurostat, Statistika tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (Information Society Statistics), 2010.

[137]            Ara L-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “A new governance pact for a better functioning Single Market” (“Ftehim ta’ governanza ġdid għal Suq Uniku li jaħdem aħjar”).