KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fit‑13 ta’ Frar 2025 ( 1 )
Kawża C‑685/23
Corner and Border S. A.
vs
utoridade Tributária e Aduaneira
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa – mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD), (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali, Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD, il-Portugall))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Ħruġ ta’ obbligazzjonijiet – Arranġamenti kollaterali – Taxxa tal-Boll – Portata tal-kunċett ta’ formalità relattiva – Kunċett ta’ privileġġ”
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
1. |
L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/7 ( 2 ), intitolat “Transazzjonijiet mhux suġġetti għal taxxa indiretta”, huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw lil dawn li ġejjin għal kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta: […]
|
|
2. |
L-Artikolu 6 tal-istess direttiva dwar il-ġbir tal-kapital, intitolat “Dazji u taxxa fuq il-valur miżjud”, huwa fformulat kif ġej: “Minkejja l-Artikolu 5, l-Istati Membri jistgħu jimponu d-dazji u t-taxxi li ġejjin: […]
[…]” |
B. Id-dritt Portugiż
|
3. |
L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 150/99 tal-11 ta’ Settembru 1999, li approvat il-Código do Imposto do Selo (il-Kodiċi tat-taxxa tal-boll), intitolat “Il-Kodiċi tat-taxxa tal-boll u t-tariffa relatata”, huwa fformulat kif ġej: “Il-Kodiċi tat-taxxa tal-boll u t-tariffa ġenerali relatata miegħu huma approvati u jissostitwixxu, rispettivament, ir-Regolamento dell’imposta di bollo (ir-Regolament dwar it-taxxa tal-boll) approvat bid-Digriet Nru 12700 tal‑20 ta’ Novembru 1926 u t-Tariffa generale dell’imposta di bollo (it-Tariffa ġenerali tat-taxxa tal-boll) approvata bid-Digriet Nru 21916 tat‑28 ta’ Novembru 1932, kif emendati sussegwentement”. |
|
4. |
Il-punt 10 tat-Tariffa ġenerali tat-taxxa tal-boll (iktar ’il quddiem “TĠTB”) huwa fformulat kif ġej: “10. Il-garanziji għall-obbligazzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, jiġifieri garanziji, depożiti, garanziji bankarji awtonomi, garanziji awtonomi, ipoteki, rahan u assigurazzjonijiet ta’ garanzija, sakemm ma jkunux materjalment anċillari għal kuntratti speċifikament intaxxati b’din it-tariffa u kkostitwiti flimkien mal-obbligazzjoni iggarantita, anki jekk ikunu kkostitwiti fi strument jew titolu differenti – fuq il-valur rispettiv tagħhom, skont it-tul tagħhom, fejn l-estensjoni tat-tul tal-kuntratt titqies dejjem bħala tranżazzjoni ġdida: […]. 10.3 Garanziji mingħajr indikazzjoni tat-tul jew b’tul ta’ ħames snin jew iktar - 0.6 %”. |
II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
5. |
Corner and Border S. A. (iktar ’il quddiem “C&B”) hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Portugiż, li l-kapital azzjonarju tagħha huwa kollu kemm hu proprjetà ta’ ONEX RENEWABLES Sàrl, kumpannija b’responsabbiltà limitata rreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji tal-Lussemburgu (iktar ’il quddiem “ONEX”). |
|
6. |
Fil‑21 ta’ Lulju 2021, ONEX akkwistat mingħand EDP RENEWABLES, SGPS, S.A., kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Portugiż, il-kapital azzjonarju kollu ta’ EÓLICA DO SINCELO, S.A., kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Portugiż (iktar ’il quddiem “ES”), u ta’ EÓLICA DA LINHA, S.A., kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Portugiż (iktar ’il quddiem “EL”). |
|
7. |
Fid‑29 ta’ Lulju 2021, ONEX ittrasferixxiet lil C&B il-pożizzjoni kuntrattwali tagħha fil-kuntratt tal-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ ES u ta’ EL. |
|
8. |
Fis‑27 ta’ Jannar 2022, C&B ikkonkludiet arranġament ta’ finanzjament imsejjaħ il-Facilities Agreement, li permezz tiegħu hija ħarġet bonds, b’obbligazzjonijiet irreġistrati u rrappreżentati permezz ta’ entrati fil-kotba, ta’ valur nominali ta’ EUR 100000 għal kull titolu, għal ammont totali ta’ EUR 348900000, maqsum f’żewġ kategoriji ta’ obbligazzjonijiet (“A” u “B”), sottoskritti kompletament minn BANCO SANTANDER TOTTA, S.A. (iktar ’il quddiem “BST”). |
|
9. |
Il-Facilities Agreement ġie konkluż bl-għan li jiffinanzja l-ħlas tal-prezz tal-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ ES u ta’ EL u li jirrifinanzja d-dejn ta’ dawn il-kumpanniji. |
|
10. |
Sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-obbligi u tar-responsabbiltajiet kollha skont il-Facilities Agreement, ONEX, C&B, kif ukoll ES u EL taw ċerti garanziji reali jew personali permezz tal-arranġament imsejjaħ Security Agreement (arranġament kollaterali) konkluż bejn dawn il-kumpanniji, bħala garanti, u BST, bħala l-benefiċjarja u l-aġent ta’ garanzija. |
|
11. |
Skont is-Security Agreement, ONEX tat sensiela ta’ garanziji u wegħdiet ta’ garanziji ( 3 ) u l-istess għamlu C&B ( 4 ), ES u EL ( 5 ). |
|
12. |
Id-dispożizzjoni tas-Security Agreement u l-għoti tal-garanziji msemmija iktar ’il fuq kienu jikkostitwixxu kundizzjonijiet neċessarji u essenzjali għall-konklużjoni tal-Facilities Agreement u għall-ħruġ konsegwenzjali tal-bonds. |
|
13. |
Fis‑27 ta’ Jannar 2022, in-nutar li abbozza u awtorizza l-Facilities Agreement u s-Security Agreement ħallas it-taxxa tal-boll konformement mal-intestatura 10.3 tat-TĠTB, billi applika rata ta’ 0.6 % fuq l-ammont ta’ EUR 348900000, li rriżulta f’dejn fiskali ta’ EUR 2093400. |
|
14. |
C&B ħallset is-somma ta’ EUR 2093400 permezz ta’ debitu mill-kont bankarju tagħha. |
|
15. |
Fit‑3 ta’ Awwissu 2022, C&B ressqet azzjoni amministrattiva kontra l-att ta’ ħlas tat-taxxa tal-boll. |
|
16. |
Fit‑3 ta’ Diċembru 2022, ġie preżunt li l-azzjoni amministrattiva kienet ġiet miċħuda impliċitament minħabba l-assenza ta’ deċiżjoni mill-awtorità fiskali u doganali f’dan ir-rigward. |
|
17. |
Fit‑2 ta’ Marzu 2023, C&B ressqet din it-talba għal arbitraġġ li tat lok għal din il-proċedura. |
|
18. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali, Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD) issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
III. Analiżi ġuridika
|
19. |
Permezz tal-erba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 5(2)(b) u 6(1)(d) tad-Direttiva 2008/7 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni tat-taxxa tal-boll għall-garanziji mogħtija, fil-forma ta’ rahan bħala kollaterali finanzjarju ta’ azzjonijiet, ta’ bilanċi ta’ kontijiet bankarji u ta’ self ta’ azzjonisti, kif ukoll fil-forma ta’ trasferiment ta’ krediti, bl-għan tat-twettiq korrett tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn bonds maħruġ minn kumpannija b’kapital azzjonarju. |
|
20. |
L-analiżi ġuridika tiegħi ser tibda preċiżament bl-eżami tar-relazzjoni bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li jidhirli li hija ċentrali, sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Issa ser nittratta l-proposta interpretattiva tiegħi f’termini ta’ prinċipju u ser nikkonkludi r-raġunament wara analiżi taż-żewġ dispożizzjonijiet. |
|
21. |
L-Artikolu 5 jsostni l-prinċipju tan-nuqqas ta’ tassazzjoni indiretta tas-self u tal-kuntratti fil-forma ta’ ħruġ ta’ obbligazzjonijiet jew ta’ titoli negozjabbli oħrajn u tal-formalitajiet kollha relatati magħhom. Kif iddikjarat ripetutament mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2008/7 armonizzat b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital ( 6 ). L-Artikolu 6, għalhekk, jidderoga espressament mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 u jippermetti lill-Istati Membri japplikaw taxxi biss “fuq il-ħolqien, reġistrazzjoni jew ħlas ta’ ipoteki jew piżijiet oħrajn fuq l-art jew proprjetà oħra [privileġġi]”. |
|
22. |
Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet evidentement hija waħda ta’ regola/eċċezzjoni: l-ewwel waħda tistabbilixxi regola ta’ natura ġenerali, u t-tieni waħda tapplika b’deroga mill-ewwel waħda biss meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti minnha. |
|
23. |
L-interpretazzjoni għandha għalhekk tibbilanċja ż-żewġ prinċipji espressi miż-żewġ dispożizzjonijiet (il-moviment liberu tal-kapital u d-dritt ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri fil-każijiet espressament previsti) filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li tal-ewwel għandha portata ġenerali, fid-dawl ukoll tal-fatt li t-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital jagħtu lok għal diskriminazzjoni, għal tassazzjoni doppja u għal differenzi li jostakolaw proprju l-moviment liberu tal-kapital ( 7 ). Min-naħa l-oħra, it-tieni waħda għandha, f’dawn is-sitwazzjonijiet, portata purament residwa, iżda mhux xejn: huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea stess li, wara li sostna li l-aħjar soluzzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2008/7, jiġifieri l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital ( 8 ), tikkonsisti fit-tneħħija tad-dazju fuq il-kapital, jinnota li t-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni immedjata ta’ tali miżura ma huwiex attwalment aċċettabbli għall-Istati Membri ( 9 ). |
|
24. |
B’hekk, sabiex jitwettaq dan l-ibbilanċjar, fl-ewwel lok jeħtieġ li jiġi eżaminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5. L-Artikolu 5 jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ taxxi indiretti mhux biss fuq tranżazzjonijiet finanzjarji fil-forma ta’ ħruġ ta’ obbligazzjonijiet, iżda wkoll fuq kwalunkwe “formalità relatata magħhom”. |
|
25. |
F’dan il-każ, huwa evidenti li t-tranżazzjoni finanzjarja prinċipali taqa’ taħt il-kunċett wiesa’ ta’ “kuntratti fil-forma ta’ obbligazzjonijiet jew ta’ titoli negozjabbli oħrajn”. Id-domanda hija jekk l-arranġament kollaterali konkluż flimkien mal-kuntratt ta’ bonds jaqax taħt il-kunċett ta’ “formalità relatata”. |
|
26. |
Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-direttiva, l-Artikolu 5 tagħha għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, sabiex jiġi evitat li l-projbizzjonijiet li huwa jipprevedi jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom. Fil-fatt, il-projbizzjoni tat-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ġbir ta’ kapital tapplika wkoll għat-tranżazzjonijiet li t-tassazzjoni tagħhom ma hijiex espressament ipprojbita, fejn tali tassazzjoni tfisser li tiġi intaxxata tranżazzjoni li tifforma parti minn tranżazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir tal-kapital ( 10 ). |
|
27. |
Madankollu, għandu jiġi eżaminat sa fejn tasal din l-estensjoni tal-interpretazzjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja toffri gwida f’dan ir-rigward: minn naħa, għandha tkun eżentata mit-tassazzjoni indiretta, minħabba li hija relatata mal-kunċett ta’ “formalità relatata”, kwalunkwe azzjoni li kumpannija b’kapital azzjonarju, skont id-dritt nazzjonali, hija obbligata li timpenja ruħha li toħloq, toħroġ, tammetti għal kwotazzjoni fil-borża, tqiegħed fis-suq jew tinnegozja fit-titoli negozjabbli inkwistjoni ( 11 ). Min-naħa l-oħra, għandhom ikunu eżentati mit-tassazzjoni dawk it-tranżazzjonijiet, bħas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment, li, strettament marbuta mal-ħruġ u t-tqegħid fis-suq ta’ ishma, jikkostitwixxu approċċ kummerċjali neċessarju li, bħala tali, għandu jitqies bħala tranżazzjoni anċillari, integrata fit-tranżazzjoni ta’ ħruġ u ta’ tqegħid fis-suq ta’ ishma tal-imsemmija fondi ( 12 ). |
|
28. |
L-arranġament kollaterali huwa ċertament anċillari għall-arranġament ta’ finanzjament u huwa marbut mill-qrib miegħu kemm mil-lat kummerċjali kif ukoll minn dak ġuridiku. Mil-lat ġuridiku, filwaqt li jgawdi awtonomija, l-arranġament kollaterali huwa relatat mal-arranġament ta’ finanzjament u għandu preċiżament il-funzjoni li jiggarantixxi lill-kreditur ir-rimbors tal-kreditu mid-debitur. Madankollu, id-domanda li tqum hija jekk tistax titqies li hija imposta mid-dritt nazzjonali jew jekk (alternattivament) tistax titqies bħala approċċ kummerċjali neċessarju fir-rigward tal-arranġament ta’ finanzjament. |
|
29. |
Ir-risposta tiegħi għal dawn id-domandi hija ferm iktar artikolata u problematika minn dik proposta mir-rikorrenti jew mill-Kummissjoni Ewropea. L-arranġament ta’ garanzija normalment ma huwiex impost mil-liġi jew minn xi sors ieħor vinkolanti fil-każ ta’ ħruġ ta’ obbligazzjonijiet. Kif intqal, dan għandu awtonomija ġuridika fir-rigward tal-arranġament ta’ finanzjament fis-sens li l-arranġament ta’ finanzjament legalment jista’ jeżisti mingħajr l-arranġament kollaterali. L-għan taż-żewġ arranġamenti għalhekk huwa differenti: wieħed huwa intiż biex jippermetti l-operat finanzjarju u industrijali tal-kumpannija permezz tas-sottoskrizzjoni ta’ ishma ta’ obbligazzjonijiet minn istituzzjoni ta’ kreditu; l-ieħor li joffri l-kollateral lill-istituzzjoni ta’ kreditu biex tieħu lura s-somom mislufa. Dan ifisser li, b’differenza mill-ipoteżi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C‑656/21, iċċitata iktar ’il fuq, iż-żewġ tranżazzjonijiet ma għandhomx l-istess għan u l-okkorrenza tat-tieni waħda ma għandhiex rwol dirett fir-rigward tat-twettiq konkret tal-ewwel tranżazzjoni. Dan jista’ jkun minnu biss mill-perspettiva tad-debitur: il-kreditur, kif jidher li jsostni r-rikorrent fl-atti tal-proċess, seta’ għamel l-għoti ta’ garanziji kundizzjoni tat-tranżazzjoni. |
|
30. |
In-natura anċillari u l-konnessjoni tal-arranġament kollaterali mal-arranġament ta’ finanzjament ma għandhomx, fl-opinjoni tiegħi, il-konsegwenza naturali tal-inseparabbiltà intiża bħala neċessarja għall-eżistenza legali konkreta: l-arranġament ta’ finanzjament jista’ jeżisti u jkollu l-effetti legali tiegħu anki mingħajr ma jiġi ffirmat arranġament kollaterali. Hija r-rieda tal-partijiet, permezz ta’ arranġament speċifiku, li hija s-sors kostituttiv tal-garanziji mogħtija. L-għoti ta’ garanziji u l-portata tagħhom, kif turi l-esperjenza, għandhom ikunu proporzjonati, fi kwalunkwe forma ta’ finanzjament, għall-affidabbiltà kreditizja tad-debitur. Iktar ma tkun kbira l-affidabbiltà tad-debitur jew tal-proġett finanzjarju li għalih qiegħed jintalab il-finanzjament, inqas ikun kbir l-ammont ta’ garanzija mitlub mill-kreditur. |
|
31. |
It-tieni domanda li tqum hija jekk l-għoti ta’ garanziji jistax jitqies bħala approċċ kummerċjali neċessarju ta’ tranżazzjoni kumplessa u unika. Mingħajr preġudizzju għal dak li ntqal iktar ’il fuq, l-esperjenza komuni turi li, fit-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament normali (ipoteki, self lill-konsumatur, eċċ.), fil-prattika dejjem tintalab garanzija mid-debitur, li fin-nuqqas tagħha ma jkunx possibbli li jingħata l-finanzjament mitlub. Fil-każ ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji iktar kumplessi, l-esperjenza x’aktarx li tkun iktar varjata. Għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-partijiet waqt is-seduta dwar jekk il-ħruġ ta’ obbligazzjoni normalment ikunx akkumpanjat mill-għoti ta’ garanziji jew jekk dan tal-aħħar għandu jitqies bħala eċċezzjonali, ir-risposti kienu differenti ħafna. Għalkemm ir-rikorrenti sostniet li l-għoti ta’ garanziji speċjali huwa komuni ħafna, ir-Repubblika Portugiża sostniet, min-naħa l-oħra, li l-biċċa l-kbira tal-obbligazzjonijiet ma humiex koperti minn garanziji peress li l-assi tad-debitur jikkostitwixxu l-garanzija ġenerali tat-twettiq tal-obbligazzjonijiet. Barra minn hekk, meta tingħata garanzija, din tkun fuq bażi eċċezzjonali minħabba li l-garanziji la huma normali u lanqas essenzjali għall-konklużjoni ta’ ħruġ ta’ obbligazzjonijiet. |
|
32. |
Ma ninsabx konvint li l-fatt li l-għoti ta’ garanziji ipotetikament jikkostitwixxi dak li huwa “normali” fil-każ tal-bonds huwa biżżejjed biex l-għoti ta’ garanziji jintrabat mal-kategorija tal-approċċi kummerċjali neċessarji ta’ tranżazzjoni kumplessa u unika u, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tar-risposti diverġenti li ngħataw waqt is-seduta, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika x’inhi s-sitwazzjoni reali fis-suq finanzjarju Portugiż. |
|
33. |
Essenzjalment, fil-fehma tiegħi, sabiex l-arranġament kollaterali jkun jista’ jitqies bħala formalità relatata mal-arranġament ta’ finanzjament, il-qorti nazzjonali għandha taċċerta l-eżistenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi li ġejjin: l-obbligu impost mil-liġi jew minn sors ieħor li jorbot l-awtonomija privata mal-għoti ta’ garanziji fil-każ ta’ ħruġ ta’ obbligazzjonijiet, l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet fattwali b’tali mod li l-għoti ta’ garanzija jista’ jitqies bħala approċċ kummerċjali neċessarju ta’ tranżazzjoni kumplessa u unika. |
|
34. |
Element sintomatiku li jista’ jiggwida lill-qorti nazzjonali fil-verifika tagħha jista’ jkun preċiżament in-natura essenzjali tal-għoti tal-garanzija għall-finijiet tal-konklużjoni tal-arranġament ta’ finanzjament, fis-sens li, mingħajr l-għoti ta’ garanziji, tali arranġament ta’ finanzjament bħal dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali ma jkunx jista’ jiġi ffirmat. B’dan il-mod, minkejja l-awtonomija ġuridika tiegħu, l-arranġament kollaterali jista’, permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa li tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tad-direttiva, jagħmel parti minn approċċ (rectius tranżazzjoni) kummerċjali neċessarja, li tista’ titqies bħala tranżazzjoni anċillari integrata fit-tranżazzjoni ta’ ħruġ u ta’ tqegħid fis-suq ta’ obbligazzjonijiet. |
|
35. |
Il-possibbiltà, taħt il-kundizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq, li l-arranġament kollaterali jista’ jitqies bħala formalità relatata mal-arranġament ta’ finanzjament ma teżentaniex mill-analiżi tal-kontenut tal-Artikolu 6: il-projbizzjoni tal-applikazzjoni ta’ taxxi indiretti għal tranżazzjonijiet finanzjarji bħall-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet u għat-tranżazzjonijiet kollha marbuta tant strettament magħhom li jistgħu jitqiesu bħala tranżazzjoni unika u kumplessa għandha, fil-fatt, titqies bħala r-regola, iżda għandha tinqara flimkien mal-eċċezzjoni, jiġifieri l-possibbiltà li jiġu applikati taxxi indiretti fil-każijiet fejn, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5, u għalhekk anki fil-każ ta’ ħruġ ta’ obbligazzjonijiet, ikun hemm “il-ħolqien, reġistrazzjoni jew ħlas ta’ ipoteki jew piżijiet oħrajn fuq l-art jew proprjetà oħra [privileġġi]”. |
|
36. |
L-Artikolu 6 huwa intiż biex jippreżerva s-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri f’ċerti każijiet speċifiċi u eċċezzjonali li fihom, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi differenti involuti, l-applikazzjoni ta’ taxxa indiretta tqieset kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital. |
|
37. |
Fil-fehma tiegħi, din l-ipoteżi tkopri proprju l-każ li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, jiġifieri l-każ li fih jiżdied mat-tranżazzjoni finanzjarja l-għoti ta’ garanziji mid-debitur li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett deskritt mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
38. |
Filwaqt li l-kunċett ta’ ipoteka huwa magħruf u t-tifsira tiegħu hija simili fl-ordinamenti ġuridiċi differenti, peress li hija l-garanzija tipika ta’ proprjetà immobbli li sservi bħala bażi għall-kreditu, il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tqum mit-tifsira li għandha tingħata lit-terminu“piż ieħor fuq l-art jew proprjetà oħra [privileġġ]” ( 13 ), li ma huwiex iddefinit fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u huwa interpretat b’mod differenti fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri ( 14 ). |
|
39. |
Mingħajr ma nidħol f’riflessjonijiet kumplessi dwar it-tipi differenti ta’ garanziji li jeżistu fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li tiġi mfittxija tifsira li tista’ tkun mingħajr ambigwità għad-dritt tal-Unjoni, b’referenza għar-relazzjoni tagħha mal-kunċett ta’ ipoteka. |
|
40. |
Il-Kummissjoni tipproċedi għal analiżi (tabilħaqq parzjali u selettiva) tat-termini użati fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti sabiex tikkonkludi li ma hemmx nuqqas ta’ ambigwità tat-tifsira: din tkun teħtieġ l-użu ta’ kriterji ermenewtiċi għajr dak litterali u, għalhekk, analiżi kuntestwali u funzjonali, jiġifieri marbuta mal-għanijiet tad-Direttiva. |
|
41. |
Naqbel ma’ din il-parti tal-analiżi iżda mhux mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. L-analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ma toffrix lill-interpretu bażi soda sabiex jankra konklużjoni affidabbli. Ix-xogħlijiet preparatorji, kif ikkonfermat il-Kummissjoni stess, lanqas ma jipprovdu spjegazzjonijiet konvinċenti dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-introduzzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 6(1)(d) u lanqas dwar is-sens li għandu jingħata lit-terminu “piż ieħor fuq l-art jew proprjetà oħra [privileġġ]”. |
|
42. |
Fil-kuntest tal-eżami tal-għanijiet tad-direttiva u fil-kuntest li fih tinsab id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni essenzjalment tikkonkludi li l-espressjoni “piż ieħor fuq l-art jew proprjetà oħra [privileġġ]” għandha tingħata t-tifsira ta’ garanzija ta’ proprjetà immobbli, simili għal dik prevista fil-każ ta’ ipoteka. |
|
43. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti ( 15 ). F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni ma tikkonvinċinix għal għadd ta’ raġunijiet: qabel kollox, fuq livell litterali, ma jidhirlix li l-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi eżaminati jirrappreżentaw l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni stess. Fit-tieni lok, l-analiżi tal-kuntest u tal-għanijiet tad-direttiva tista’ twassal għal konklużjoni differenti ħafna. |
|
44. |
Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li d-direttiva hija intiża prinċipalment biex timplimenta l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital u b’hekk fil-prinċipju teżentah mill-applikazzjoni ta’ taxxi indiretti, hija ssegwi wkoll għan ta’ armonizzazzjoni li, sa fejn dan ma jitqiesx li jostakola l-effettività tal-projbizzjoni tat-taxxi indiretti, iħalli lill-Istati Membri setgħa ta’ tassazzjoni residwa. |
|
45. |
L-ibbilanċjar għalhekk huwa diġà implimentat mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-introduzzjoni tar-regola wiesgħa u tal-eċċezzjonijiet limitati. Huwa żball metodoloġiku li tiġi imposta limitazzjoni addizzjonali fil-mument tal-interpretazzjoni. Għalhekk naqbel li tiġi adottata interpretazzjoni wiesgħa tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 5 li tkopri wkoll sitwazzjonijiet li ma humiex direttament koperti minnha, iżda li huma marbuta magħha b’mod inseparabbli. |
|
46. |
Min-naħa l-oħra, ma nqisx li huwa korrett li, fl-adozzjoni ta’ interpretazzjoni restrittiva tas-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 6, b’mod partikolari fil-paragrafu 1(d), l-espressjoni użata “ipoteki jew piżijiet oħrajn fuq l-art jew proprjetà oħra [privileġġi]” tiġi mċaħħda kompletament mis-sens, billi titqies fis-sustanza bħala endijadi ( 16 ). Jiġifieri li ngħidu li l-eċċezzjoni tapplika biss fil-każ ta’ ipoteki jew garanziji simili esklużivament ta’ natura ta’ proprjetà immobbli. |
|
47. |
Għall-kuntrarju, nemmen li t-tifsira tad-dispożizzjoni għandha tiġi eżaminata billi jiġi evalwat x’jistgħu jkunu l-funzjoni u l-karatteristika partikolari tal-ipoteka fl-għoti ta’ garanziji li jkopru l-kreditu, u wara tingħata tifsira xierqa lit-terminu “piż ieħor fuq l-art jew proprjetà oħra [privileġġ]”. |
|
48. |
L-ipoteka hija magħrufa bħala tip ta’ garanzija li toffri lill-kreditur drittijiet preferenzjali speċifiċi f’każ ta’ inadempjenza tad-debitur. Dan ifisser li, fil-każ ta’ diversi djun min-naħa tad-debitur, il-kreditur benefiċjarju ta’ ipoteka jitħallas sehmu bi prijorità fuq l-assi tad-debitur. |
|
49. |
Jeżistu tipi oħra ta’ garanziji, anki ta’ natura mobbli, li jagħtu lill-kreditur vantaġġ simili, jiġifieri dak li jiġi ssodisfatt bi prijorità fil-każ ta’ inadempjenza tad-debitur. |
|
50. |
Hija l-fehma tiegħi li d-direttiva, bl-użu tal-espressjoni “ipoteki jew piżijiet oħrajn fuq l-art jew proprjetà oħra [privileġġi]”, kellha l-intenzjoni li tiġbor flimkien it-tipi ta’ garanzija, li l-ħolqien, ir-reġistrazzjoni jew il-ħlas tagħhom għandhom effett simili fuq id-drittijiet tal-kreditur: dik li jiġu kkostitwiti garanziji xierqa biex jassenjaw drittijiet preferenzjali speċjali għas-saldu tal-kreditu f’każ ta’ inadempjenza. Dan ikun indipendentement min-natura mobbli jew immobbli tagħhom. |
|
51. |
F’dan l-istadju, l-espressjoni piżijiet oħrajn fuq l-art jew proprjetà oħra [privileġġ] għandha tabilħaqq tinkludi rahan mobbli, sa fejn dan jagħti, fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru, drittijiet preferenzjali speċjali fis-sens indikat iktar ’il fuq. U, fejn applikabbli, tipi oħra ta’ garanziji bl-istess effetti. |
|
52. |
Jekk, konsegwentement, fil-Portugall, kif deher li kien mifhum mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Portugiż waqt is-seduta, ir-rahan huwa l-ikbar garanzija possibbli, paragunabbli f’termini funzjonali mal-ipoteka, ma narax għalfejn għandha tiġi eskluża l-possibbiltà li tiġi applikata t-taxxa tal-boll fuq il-kuntratt ta’ garanzija. |
|
53. |
Fil-kawża ineżami, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-garanziji li jinsabu fil-kuntratt ta’ garanzija marbut mal-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet, li, minkejja li ma humiex ta’ natura ipotekarja jew immobiljari, huma tali li jipproduċu l-effetti deskritti u li għalhekk jaqgħu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, taħt il-kunċett ta’ “piż ieħor fuq l-art jew proprjetà oħra [privileġġ]”. |
|
54. |
Biex nerġa’ lura għal dan il-punt fil-bidu tar-raġunament tiegħi, nista’ nislet xi konklużjonijiet billi nirrepeti ċ-ċentralità tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/7 għal risposta utli għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali. |
|
55. |
Il-qari tal-premessi tad-direttiva u d-dibattitu anki tad-duttrina dwar il-kwistjoni jmorru fid-direzzjoni li tintemm il-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu taxxi indiretti f’sitwazzjonijiet fejn jiġu konklużi tranżazzjonijiet tal-kapital. |
|
56. |
Madankollu, għalkemm ġie deċiż li titħalla l-possibbiltà lill-Istati Membri, għal raġunijiet ta’ introjtu fiskali intiż għall-benesseri ġenerali, li jintaxxaw ċerti tranżazzjonijiet marbuta ma’ tranżazzjonijiet tal-kapital, minkejja li bħala deroga limitata, għandha tingħata tifsira lil din l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li manifestament wettaq ibbilanċjar bejn interessi diverġenti. U l-ibbilanċjar li għandu jsir, kif intqal iktar ’il fuq, huwa fuq żewġ livelli: bejn il-moviment liberu tal-kapital u s-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istati u bejn l-effett utli tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5 u l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6. |
|
57. |
L-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, fil-biċċa l-kbira wkoll mill-Kummissjoni, ma tippermettix, fil-fehma tiegħi, ibbilanċjar adegwat f’ebda wieħed minn dawn iż-żewġ livelli. B’mod partikolari, hija tneħħi mill-Artikolu 6(1)(d) kull sinjifikat u utilità residwa, li joħloq is-sitwazzjoni inġusta fejn huwa biss fil-każ ta’ arranġament kollaterali li jipprevedi ipoteki li huwa possibbli li jiġu applikati taxxi indiretti, biex b’hekk tinħoloq differenza fit-trattament bejn garanziji li għandhom l-istess funzjonijiet u effetti, b’impatt negattiv fuq l-awtonomija kuntrattwali tal-partijiet. Fil-fatt, huma jkunu skoraġġuti ħafna milli jagħżlu garanziji ta’ natura ipotekarja minħabba l-fatt li dan iwassal għall-possibbiltà li jiġu imposti taxxi indiretti li ma jkunux applikabbli fil-każ ta’ garanziji mobbli li jkollhom effetti legali simili. |
IV. Konklużjoni
|
58. |
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD), (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali, Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD, il-Portugall):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU 2008 L 46, p. 11).
( 3 ) Rahan tal-ewwel grad fuq l-azzjonijiet ta’ C&B u fuq id-drittijiet inerenti korrispondenti; wegħda ta’ rahan fuq l-azzjonijiet il-ġodda maħruġa minn C&B u fuq id-drittijiet inerenti korrispondenti; rahan tal-ewwel grad fuq kwalunkwe kreditu eżistenti ta’ ONEX, bħala kumpannija omm, fir-rigward ta’ C&B, u wegħda ta’ rahan fuq il-krediti tal-azzjonisti futuri ta’ ONEX.
( 4 ) Rahan tal-ewwel grad fuq l-azzjonijiet ta’ ES u ta’ EL u fuq id-drittijiet inerenti korrispondenti; wegħda ta’ rahan fuq l-azzjonijiet il-ġodda maħruġa minn ES u minn EL u fuq id-drittijiet inerenti korrispondenti; rahan tal-ewwel grad fuq kwalunkwe kreditu tal-azzjonisti eżistenti ta’ C&B, bħala kumpannija omm, fir-rigward ta’ ES u ta’ EL; wegħda ta’ rahan fuq il-krediti tal-azzjonisti futuri ta’ C&B; rahan tal-ewwel grad fuq kwalunkwe kreditu ta’ C&B; it-trasferiment ta’ krediti bħala garanzija għal kwalunkwe kreditu li C&B takkwista; rahan tal-ewwel grad fuq il-bilanċ tal-kontijiet bankarji li C&B kellha fil-mument tal-iffirmar tas-Security Agreement, u wegħda ta’ rahan tal-ewwel grad fuq il-bilanċ tal-kontijiet bankarji l-ġodda li takkwista C&B wara l-iffirmar tas-Security Agreement.
( 5 ) Rahan tal-ewwel grad fuq il-bilanċ tal-kontijiet bankarji li kienu ta’ dawn il-kumpanniji fil-mument tal-iffirmar tas-Security Agreement; wegħda ta’ rahan tal-ewwel grad fuq il-bilanċ tal-kontijiet bankarji l-ġodda li l-kumpanniji jkollhom wara l-iffirmar tas-Security Agreement; rahan tal-ewwel grad fuq kwalunkwe kreditu ta’ dawn il-kumpanniji u t-trasferiment ta’ krediti bħala garanzija għal kwalunkwe kreditu li dawn il-kumpanniji jakkwistaw.
( 6 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Air Berlin (C‑573/16, EU:C:2017:772), punt 27 u s-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria (C‑257/20, EU:C:2022:125), punt 65.
( 7 ) Premessa 2 tad-Direttiva 2008/7.
( 8 ) Premessa 3 tad-Direttiva 2008/7.
( 9 ) Premessa 6 tad-Direttiva 2008/7.
( 10 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, IM Gestão de Ativos et (C‑656/21, EU:C:2022:1024, punt 28).
( 11 ) Digriet tad‑19 ta’ Lulju 2023, EDP (Taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ titoli) (C‑416/22, mhux ippubblikat, EU:C:2023:604, punt 28). Korsiv miżjud minni.
( 12 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, IM Gestão de Ativos et (C‑656/21, EU:C:2022:1024, punti 31 u 33).
( 13 ) Privilegium kien, fid-dritt komuni, vantaġġ mogħti mill-awtorità lil individwu, lil grupp jew lil komunità.
( 14 ) Pereżempju, fl-ordinament ġuridiku Taljan, din hija waħda mir-raġunijiet ta’ prelazzjoni li tikkostitwixxi garanzija patrimonjali fuq ċerti beni tad-debitur fir-rigward tal-kawża tal-kreditu. Din ma hijiex tip partikolari ta’ garanzija, iżda effett li l-liġi tagħti lil kreditu f’ċerti każijiet.
( 15 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C‑17/03, EU:C:2005:362), punt 41.
( 16 ) Mill-Grieg qadim ἔν διὰ δυοῖν (“wieħed permezz ta’ tnejn”), din hija figura retorika li tikkonsisti fl-użu ta’ żewġ kelmiet ikkoordinati biex jesprimu kunċett wieħed.