European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2909

25.11.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2909

tat-22 ta’ Novembru 2024

dwar l-istandards armonizzati għall-bojlers tal-gass abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) Nru 813/2013 u għar-Regolament Delegat (UE) Nru 811/2013

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-bojlers tal-gass konformi mal-istandards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iridu jkunu preżunti konformi mar-rekwiżiti rilevanti tal-miżura ta’ implimentazzjoni applikabbli li magħhom huma relatati dawn standards, imsemmija fl-Artikolu 9(2) ta’ dik id-Direttiva u stabbiliti fl-Anness VII ta’ dik id-Direttiva, koperti minn dawk l-istandards armonizzati jew minn partijiet minnhom.

(2)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 2626 (3), il-Kummissjoni talbet li l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) jabbozza standards armonizzati b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 813/2013 (4) li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ħiters tal-post u għall-ħiters ikkombinati u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 811/2013 (5) f’dak li għandu x’jaqsam mat-tikkettar enerġetiku ta’ ħiters tal-post, ħiters ikkombinati, pakketti magħmulin minn ħiter tal-post, regolatur tat-temperatura u apparat solari u pakketti magħmulin minn ħiter ikkombinat, regolatur tat-temperatura u apparat solari.

(3)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 2626 final, is-CEN ippubblika standards adattati (6), b’mod partikolari l-istandard EN 15502-1:2021+A1:2023 rigward il-bojlers tat-tisħin li jaħdmu bil-gass.

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk dan l-istandard EN 15502-1:2021+A1:2023 abbozzat mis-CEN jikkonformax mat-talba M/535 tat-28 ta’ April 2015.

(5)

Is-sejbiet ta’ din il-valutazzjoni huma li l-istandard jissodisfa r-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri, stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 813/2013 u fir-Regolament Delegat (UE) Nru 811/2013. Għalhekk, jixraq li r-referenza ta’ dan l-istandard tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 207/02 (7) rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 813/2013 u tar-Regolament Delegat (UE) Nru 811/2013, tirreferi għall-istandard Ewropew EN 15502-1:2012 u għal xi standards Ewropej oħra li jagħtu aċċess għall-metodi tal-kejl u tal-kalkolu qabel ma jiġu ppubblikati r-referenzi tal-istandards armonizzati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-istandard EN 15502-1:2012 ma għadux validu, u b’hekk ir-referenza għalih fil-Komunikazzjoni 2014/C 207/02 ma għadhiex rilevanti.

(7)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti, inkluż l-objettivi tas-sikurezza, stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għall-bojlers tal-gass abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) Nru 813/2013 u r-Regolament Delegat (UE) Nru 811/2013 elenkati fl-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/125/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2626 tas-27 ta’ April 2015 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni fir-rigward tal-ħiters tal-post, tal-ħiters ikkombinati, tal-pakketti magħmulin minn ħiters tal-post, tar-regolatur tat-temperatura u tal-apparat solari u pakketti ta’ ħiters ikkombinati, regolatur tat-temperatura u apparat solari b’appoġġ għar-Regolament (UE) Nru 813/2013 u r-Regolament Delegat (UE) Nru 811/2013.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 813/2013 tat-2 ta’ Awwissu 2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ħiters tal-post u għall-ħiters ikkombinati. (ĠU L 239, 6.9.2013, p. 136, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/813/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 811/2013 tat-18 ta’ Frar 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mat-tikkettar enerġetiku ta’ ħiters tal-post, ħiters ikkombinati, pakketti magħmulin minn ħiter tal-post, regolatur tat-temperatura u apparat solari u pakketti magħmulin minn ħiter ikkombinat, regolatur tat-temperatura u apparat solari. (ĠU L 239, 6.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/811/oj).

(6)  B’mod partikolari għall-bojlers tal-gass, il-Kummissjoni talbet lis-CEN jadatta l-istandards EN 15502-1:2012, EN 15316-4-1:2008, EN 15036-1:2006 u kwalunkwe standard rilevanti ieħor.

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 813/2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ħiters tal-post u għall-ħiters ikkombinati u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 811/2013 li jissupplimenta d-Direttiva Nru 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mat-tikkettar enerġetiku ta’ ħiters tal-post, ħiters ikkombinati, pakketti magħmulin minn ħiter tal-post, regolatur tat-temperatura u apparat solari u pakketti magħmulin minn ħiter ikkombinat, regolatur tat-temperatura u apparat solari (ĠU C 207, 3.7.2014, p. 2).


ANNESS I

Nru

Standards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) Nru 813/2013

1.

EN 15502-1:2021+A1:2023

Bojlers tat-tisħin li jaħdmu bil-gass - Parti 1: Rekwiżiti ġenerali u testijiet


ANNESS II

Nru

Standards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament Delegat (UE) Nru 811/2013

1.

EN 15502-1:2021+A1:2023

Bojlers tat-tisħin li jaħdmu bil-gass - Parti 1: Rekwiżiti ġenerali u testijiet


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2909/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)