|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/4100 |
18.7.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-25 ta' Ġunju 2025
dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni ta’ miżuri li se jittieħdu mill-Italja skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(C/2025/4100)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2025, l-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni b’ċerti miżuri li se jittieħdu skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE u li huma maħsubin biex jintegraw, jaġġornaw, u jemendaw il-miżuri attwalment fis-seħħ f’dak l-Istat Membru, li ġew dikjarati kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/394/UE (2). Il-miżuri li se jittieħdu huma addizzjonali għall-miżuri attwalment fis-seħħ u jikkonsistu fit-tfassil ta’ lista ġdida ta’ avvenimenti magħżulin, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li l-Italja tqis li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni vverifikat li tali miżuri stabbiliti fl-ittra tas-26 ta’ Marzu 2025 huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ dawk il-miżuri u t-trasparenza tal-proċedura ta’ konsultazzjoni nazzjonali mwettqa. |
|
(3) |
Fl-istħarriġ ta’ dawk il-miżuri, il-Kummissjoni qieset id-data disponibbli dwar is-suq awdjoviżiv Taljan, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt ta’ tali miżuri fuq is-suq televiżiv. |
|
(4) |
Il-lista tal-avvenimenti addizzjonali magħżulin, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li l-Italja tqis li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà (“il-lista”) tħejjiet mill-Italja b’mod ċar u trasparenti, wara konsultazzjoni pubblika estensiva. |
|
(5) |
Abbażi ta’ evidenza dettaljata u ta’ ċifri dwar l-għadd ta’ telespettaturi mogħtijin mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni vvalutat li kull avveniment addizzjonali inkluż fil-lista jissodisfa tal-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin, li jitqiesu bħala indikaturi affidabbli tal-importanza ta’ ċerti avvenimenti għas-soċjetà: (i) li l-avveniment ikkonċernat ikollu riżonanza ġenerali u speċjali fl-Istat Membru, u ma jkunx sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu l-isport jew l-attività kkonċernati; (ii) li l-avveniment ikkonċernat ikollu importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni fl-Istat Membru, b’mod partikulari bħala katalist għall-identità kulturali; (iii) li t-tim nazzjonali fl-isport ikkonċernat ikun involut f’kompetizzjoni jew turnew internazzjonali ewlieni; (iv) li l-avveniment ikkonċernat tradizzjonalment jixxandar fuq is-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas u huwa segwit minn udjenzi televiżivi kbar fl-Istat Membru. |
|
(6) |
Il-Logħob Paralimpiku tas-Sajf u tax-Xitwa għandu riżonanza ġenerali u speċjali fl-Italja, u mhux sempliċiment sinifikat għal dawk li normalment isegwu avvenimenti sportivi bħal dawn. Barra minn hekk, dak il-logħob jinvolvi l-parteċipazzjoni tat-tim nazzjonali Taljan, tradizzjonalment jixxandar fuq is-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas, u għandu udjenza televiżiva kbira fl-Italja. |
|
(7) |
Meta jkunu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ timijiet Taljani, anki l-logħbiet tas-semifinali u tal-finali tal-Conference League tal-futbol jitqiesu bħala avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Dawk il-logħbiet għandhom riżonanza ġenerali u speċjali fl-Italja, u mhux sempliċiment sinifikat għal dawk li normalment isegwu dik il-kompetizzjoni. Qabel, kienu jixxandru fuq is-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas u kellhom udjenzi televiżivi kbar fl-Italja. |
|
(8) |
Il-lista tinkludi wkoll il-finali ta’ żewġ turnej tal-futbol: il-finali tal-Coppa Italia u l-finali tas-Supercoppa di Lega. Dawk il-logħbiet jitqiesu bħala avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà peress li huma partikolarment popolari mal-pubbliku ġenerali u mhux sempliċiment ma’ dawk li normalment isegwu dak l-isport, u tradizzjonalment kienu jixxandru fuq is-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas b’udjenzi televiżivi kbar fl-Italja. |
|
(9) |
Fejn ikunu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ plejers Taljani, is-semifinali u l-finali tat-turnej tal-Grand Slam tat-tennis għandhom riżonanza ġenerali u speċjali fl-Italja u mhumiex sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu t-tennis. Min-naħa l-waħda, kemm Wimbledon kif ukoll il-US Open tradizzjonalment jixxandru fuq is-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas, u jkollhom udjenza televiżiva kbira fl-Italja. Min-naħa l-oħra, fil-passat, l-Australian Open u r-Roland Garros, li wkoll laħqu ċifri għoljin ta’ udjenza, ixxandru fuq it-TV bi ħlas; madankollu, hemm interess evidenti f’dawn it-turnej min-naħa tal-pubbliku Taljan u ċ-ċifri tat-telespettaturi, li kienu diġà għoljin meta kienu jixxandru fuq it-TV bi ħlas, kienu sinifikattivi kull darba li xxandru bla ħlas. |
|
(10) |
Meta jkunu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ plejers Taljani, is-semifinali u l-finali tal-ATP Finals, tad-WTA Finals, tal-ATP Masters 1000, u tad-WTA 1000 huma kkunsidrati bħala avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà peress li huma partikolarment popolari mal-pubbliku ġenerali u mhux sempliċiment ma’ dawk li normalment isegwu t-tennis, u tradizzjonalment jixxandru fuq is-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas b’udjenza kbira fl-Italja. |
|
(11) |
Meta jkunu jinvolvu l-parteċipazzjoni tat-tim nazzjonali Taljan, is-semifinali u l-finali tal-United Cup tat-tennis jkollhom riżonanza ġenerali u speċjali fl-Italja u jinvolvu tim nazzjonali f’turnew internazzjonali ewlieni. |
|
(12) |
Il-lista tinkludi wkoll l-istadji tat-tellieqa tar-roti tat-Tour de France li jsiru fl-Italja. Dawn l-istadji mhumiex sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu dak l-isport u jkollhom udjenzi televiżivi kbar, peress li tradizzjonalment jixxandru fuq is-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas. |
|
(13) |
Fejn isiru fl-Italja jew ikunu jinvolvu l-parteċipazzjoni tat-tim nazzjonali Taljan, il-finali tal-Athletics World Championship ikollhom riżonanza ġenerali u speċjali fl-Italja u mhumiex sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu d-dixxiplini tal-atletika. Minbarra l-involviment ta’ tim nazzjonali f’kompetizzjoni internazzjonali ewlenija, jenħtieġ li jitqies ukoll il-fatt li dawk il-finali tradizzjonalment jixxandru fuq is-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas b’udjenzi televiżivi kbar fl-Italja. |
|
(14) |
Fejn isiru fl-Italja jew ikunu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ għawwiema Taljani, il-finali tal-World Aquatics Championship jkollhom riżonanza ġenerali u speċjali u mhumiex sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu dak l-isport. Dawn jinvolvu lit-tim nazzjonali Taljan f’kompetizzjoni internazzjonali ewlenija u tradizzjonalment jixxandru fuq is-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas b’udjenzi kbar fl-Italja. |
|
(15) |
Fejn isiru fl-Italja jew ikunu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ ġinnasti Taljani, il-finali tal-Gymnastics World Championship ukoll jiġu inklużi fil-lista. Minbarra l-involviment ta’ tim nazzjonali f’kompetizzjoni internazzjonali ewlenija, jenħtieġ li jitqies ukoll li dawk il-finali mhumiex sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu dak l-isport u tradizzjonalment jixxandru fuq is-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas b’udjenzi televiżivi kbar fl-Italja. |
|
(16) |
Fejn isiru fl-Italja jew ikunu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ prattikanti Taljani tal-isport tal-iżgirma, il-finali tal-World Fencing Championship għandhom riżonanza ġenerali u speċjali fl-Italja u mhumiex sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu dak l-isport, jinvolvu tim nazzjonali f’turnew internazzjonali ewlieni, u tradizzjonalment jixxandru fuq is-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas b’udjenza kbira fl-Italja. |
|
(17) |
Fejn isiru fl-Italja jew ikunu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ pattinaturi Taljani, il-finali tal-World Skating Championships jiġu inklużi fil-lista. Minbarra l-involviment ta’ tim nazzjonali f’kompetizzjoni internazzjonali ewlenija, jenħtieġ li jitqies ukoll li dawk il-kampjonati mhumiex sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu dak l-isport. |
|
(18) |
Fejn isiru fl-Italja jew ikunu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ skijaturi Taljani, il-finali tal-Alpine World Ski Championship mhumiex sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu dak l-isport u jinvolvu tim nazzjonali f’kompetizzjoni internazzjonali ewlenija. |
|
(19) |
Il-finali tal-Eurovision Song Contest għandhom riżonanza ġenerali u speċjali fl-Italja u tradizzjonalment jixxandru fuq is-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas b’udjenzi kbar fl-Italja. |
|
(20) |
Is-serata tal-ftuħ tal-istaġun tal-opra fit-Teatro San Carlo f’Napli hija inkluża fil-lista minħabba r-riżonanza ġenerali u speċjali tagħha fl-Italja u s-sinifikat kulturali partikolari tagħha. |
|
(21) |
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-miżuri nnotifikati mill-Italja ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv imfittex, jiġifieri l-protezzjoni tad-dritt għall-informazzjoni u l-aċċess wiesa’ għall-pubbliku tax-xandir televiżiv ta’ avvenimenti, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li l-Italja tqis li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà, filwaqt li jitqiesu: (i) l-arranġamenti li bihom għandhom jixxandru l-avvenimenti inkwistjoni; (ii) id-definizzjoni ta’ “xandar li jikkwalifika” li tinsab fl-Artikolu 1(2), il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (AGCOM) Nru 131/12/CONS tal-15 ta’ Marzu 2012; (iii) ir-rwol tal-AGCOM fir-riżoluzzjoni tat-tilwim; u (iv) il-fatt li, fir-rigward tal-avvenimenti l-ġodda magħżulin, il-miżura rilevanti għandha tapplika biss għal avvenimenti li għalihom ikunu nkisbu drittijiet esklużivi wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni kkonċernata, u għalhekk m’għandhomx japplikaw għal kuntratti preeżistenti. B’riżultat ta’ dan, l-effetti tad-deżinjazzjoni ta’ avvenimenti addizzjonali fuq id-dritt għall-proprjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jmorrux lil hinn minn dak li hu intrinsikament marbut mal-inklużjoni ta’ dawk l-avvenimenti fil-lista msemmija fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE. |
|
(22) |
Għal raġunijiet simili, il-miżuri Taljani jidhru li huma proporzjonati sabiex jiġġustifikaw deroga mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif stabbilit fl-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-interess pubbliku prevalenti li jiġġustifika din id-deroga huwa li jiġi żgurat aċċess pubbliku wiesa’ għax-xandiriet ta’ avvenimenti, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li l-Italja tqis li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Barra minn hekk, dawk il-miżuri ma jikkostitwixxu l-ebda diskriminazzjoni jew esklużjoni mis-suq kontra xi xandara, detenturi tad-drittijiet, jew operaturi ekonomiċi oħrajn ta’ Stati Membri oħrajn. |
|
(23) |
Il-miżuri li se jittieħdu huma kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Id-definizzjoni ta’ xandar li jikkwalifika fid-Deċiżjoni tal-AGCOM Nru 131/12/CONS hija bbażata fuq kriterji oġġettivi, li jippermettu kompetizzjoni reali u potenzjali għall-akkwist tad-drittijiet biex jixxandru l-avvenimenti. Barra minn hekk, l-għadd ta’ avvenimenti magħżulin mhuwiex tant sproporzjonat li jwassal għal tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-swieq downstream tat-televiżjoni mingħajr ħlas u tat-televiżjoni bi ħlas. Għaldaqstant, l-effetti tad-deżinjazzjoni ta’ avvenimenti addizzjonali fuq il-libertà tal-kompetizzjoni ma jmorrux lil hinn minn dak li hu intrinsikament marbut mal-inklużjoni ta’ dawk l-avveniment fil-lista msemmija fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE. |
|
(24) |
Il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħrajn bil-miżuri li se jittieħdu mill-Italja u ppreżentat ir-riżultati tal-valutazzjoni ta’ dawk il-miżuri lill-kumitat ta’ kuntatt imwaqqaf bl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2010/13/UE, u dak il-kumitat adotta opinjoni favorevoli, |
IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:
Artikolu Uniku
1. Il-miżuri li se jittieħdu mill-Italja skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, innotifikati lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(2) ta’ dik id-Direttiva fis-26 ta’ Marzu 2025, huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.
2. Il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1, kif meħudin mill-Italja, għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Ġunju 2025.
Għall-Kummissjoni
Henna VIRKKUNEN
Viċi President Eżekuttiv
(1) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/13/oj.
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/394/UE tal- 21 ta’ Diċembru 2011 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-UE tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Italja skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/394/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4100/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)