52010PC0378

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali /* KUMM/2010/0378 finali */


MT

|| IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Brussel 13.7.2010

KUMM(2010) 378 finali

2010/0209 (COD)

 

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali

{SEG(2010) 884} {SEG(2010) 885}  

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) Kuntest tal-proposta

· Raġunijiet għal u għanijiet tal-proposta

Din il-proposta tifforma parti mill-isforzi tal-UE sabiex tiżviluppa politika komprensiva dwar l-immigrazzjoni. Il-Programm tal-Aja ta’ Novembru 2004 għaraf li ‘l-migrazzjoni legali ser ikollha rwol importanti fit-tisħiħ tal-ekonomija bbażata fuq l-għarfien fl-Ewropa, fit-titjib tal-iżvilupp ekonomiku, u b’hekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona’ u talbet lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan ta’ politika dwar migrazzjoni legali ‘inkluż proċeduri ta’ ammissjoni kapaċi li jaffaċċjaw malajr iċ-ċaqliq fid-domanda għal xogħol ta’ emigranti fis-suq tax-xogħol’.

Il-Komunikazzjoni sussegwenti tal-Kummissjoni Pjan Politiku dwar il-Migrazzjoni Legali, ippubblikata f'Diċembru 2005 (COM(2005) 669) wasslet għall-adozzjoni ta' ħames proposti leġiżlattivi dwar il-migrazzjoni tax-xogħol inkluża proposta għal direttiva dwar ħaddiema ttrasferiti fi ħdan kumpanija, bejn l-2007 u l-2009

Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil, adottat mill-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 2008, jesprimi l-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha kollha sabiex twettaq politika ġusta, effettiva u konsistenti sabiex tittratta l-isfidi u l-opportunitajiet maħluqa mill-migrazzjoni.

Il-Programm ta' Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009, jirrikonoxxi li l-migrazzjoni tax-xogħol tista' tagħti kontribut biex tiżdied il-kompetittività u l-vitalità ekonomika u li, fil-kuntest tal-isfidi demografiċi importanti li se taffaċċja l-UE fil-futur b'talba ikbar għal ħaddiema, politiki dwar l-immigrazzjoni flessibbli għandhom jagħtu kontribut importanti għall-iżvilupp u l-prestazzjoni ekonomika tal-UE għat-tul. Għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex ikomplu jimplimentaw il-Pjan ta' Politika dwar il-Migrazzjoni Legali tal-2005.

Il-proposti li jirrigwardaw ħaddiema kkwalifikati ħafna (‘il-Karta Blu tal-UE’) u għal Direttiva ta’ Qafas ġenerali kienu ppreżentati f’Ottubru 2007[1]. Il-Kunsill adotta l-ewwel waħda minn dawn il-proposti fil-25 ta’ Mejju 2009; it-tieni waħda qed tiġi nnegozjata bħalissa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

Minħabba l-ostakli li jaffaċċjaw il-kumpaniji fir-rigward tal-kumplessità u d-diversità tar-regoli, l-għan ta’ din id-Direttiva huwa, b’mod partikolari, biex tiffaċilita trasferimenti fi ħdan kumpanija ta’ kapaċitajiet kemm lejn l-UE u kif ukoll fi ħdan l-UE sabiex tkun imtejba l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u jkunu kumplimentati s-sett ta’ miżuri oħra li l-UE qed tistabbilixxi sabiex tikseb l-għanijiet tal-Istrateġija UE 2020. Hija timmira speċifikament biex twieġeb b'mod effettiv u fil-pront għad-domanda ta’ impjegati maniġerjali u kwalifikati għal fergħat u sussidjarji ta’ kumpaniji multinazzjonali billi tistabbilixxi kundizzjonijiet trasparenti u armonizzati ta’ ammissjoni għal din il-kategorija ta' ħaddiema, billi toħloq kundizzjonijiet iktar attraenti għal soġġorn temporanju għal ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali u l-familja tagħhom u billi timmpromovi allokazzjoni u allokazzjoni mill-ġdid effiċjenti ta’ ħaddiema trasferiti bejn l-entitajiet tal-UE. Il-kisba ta’ dan l-għan jgħin ukoll biex ikunu ssodisfati l-obbligazzjonijiet tal-kummerċ internazzjonali tal-KE, inklużi regoli speċifiċi dwar ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali. Il-promozzjoni ta’ dawn il-movimenti transnazzjonali teħtieġ klima ta’ kompetizzjoni ġusta u rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż il-ħolqien ta’ status legali sikur għal ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali.

· Kuntest ġenerali

Bħala riżultat tal-globalizzazzjoni tal-kummerċ, iż-żieda fin-negozju internazzjonali, it-tkabbir u l-firxa ta’ multinazzjonali u r-ristrutturazzjoni u l-konsolidazzjoni kontinwa ta’ ħafna mis-setturi, fis-snin riċenti l-movimenti ta’ impjegati maniġerjali u tekniċi ta’ fergħat u sussidjarji ta’ kumpaniji multinazzjonali, rilokati temporanjament għal xogħlijiet qosra f’unitajiet oħra tal-kumpanija, saru iktar kruċjali. Il-kapaċità tan-negozji biex jirreaġixxu iktar malajr għal sfidi ġodda, biex jittrasferixxu l-kompetenzi lill-maniġers futuri tagħhom u biex jarmonizzaw il-kwalifiki f'kull pajjiż fejn il-kumpanija hija attiva, hija essenzjali. Żviluppi fl-organizzazzjoni tax-xogħol u l-allokazzjoni fi ħdan l-impriżi jeħtieġu wkoll dejjem iżjed mobbiltà.

Madankollu, numru ta’ fatturi bħalissa qed jillimitaw l-ambitu għal kumpaniji internazzjonali biex jistrieħu fuq il-mobbiltà ta’ ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali. Ħafna multinazzjonali li jixtiequ jittrasferixxu l-persunal tagħhom sabu nuqqas ta’ flessibbiltà u limitazzjonijiet, inkluż nuqqas ta’ skemi ċari speċifiċi f’ħafna mill-Istati Membri tal-UE, il-kumplessità tar-rekwiżiti, spejjeż, dewmien fl-għoti ta’ viżi jew permessi tax-xogħol u nuqqas ta’ ċertezza dwar ir-regoli u l-proċeduri. Barra minn hekk, hemm differenzi kbar bejn Stati Membri fit-termini ta’ kundizzjonijiet ta’ ammissjoni u restrizzjonijiet dwar drittijiet tal-familja.0

· Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam kopert mill-proposta

L-istrument eżistenti tal-UE li jindirizza kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali fil-kuntest tal-provvista ta’ servizz huwa r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1994 dwar limitazzjonijiet fuq l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri għal impjieg, adottata[2] taħt l-Artikolu K.1 tat-Trattat KE. Din stabbilixxiet definizzjonijiet u prinċipji li jirregolaw l-ammissjoni ta’ din il-kategorija ta’ migranti.

Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru fil-qafas tal-provvista ta’ servizzi għandha konnessjonijiet ukoll ma’ din il-proposta, peress li l-Artikolu 1(4) tagħha jiddikjara li ‘L-Impriżi stabbiliti fi Stat li mhux membru m'għandhomx jingħataw trattamenti iktar favorevoli minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru’. Din il-proposta konsegwentement tiżgura li impriżi stabbiliti fi Stat li mhuwiex Membru li jimpjegaw ħaddiema fi Stat Membru fil-qafas ta’ provvista ta’ servizzi intra-ażjendali mhumiex mogħtija vantaġġi kompetittivi.

L-obbligi tal-UE 25 skont il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS)[3] jiftħu l-possibbiltà ta’ impjieg ta’ ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali fis-settur tas-servizzi u fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi, tipikament mingħajr it-test tal-bżonnijiet ekonomiċi għal massimu ta’ tliet snin (għal maniġers u speċjalisti) jew għal sena (għal apprendisti gradwati), sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fl-iskeda rilevanti, bħal impjieg preċedenti ta’ sena. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ċili ffirmat fl-2002 u l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (EPA) mal-pajjiżi CARIFORUM iffirmat fl-2008 kien jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar trasferimenti intra-ażjendali li huma bbażati fuq dawk impenjati taħt il-GATS. L-obbligi kummerċjali mogħtija taħt il-GATS, kif ukoll ftehimiet bilaterali, mhumiex maħsuba biex ikopru għal kollox il-kundizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn u xogħol.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet skont liema d-dritt għal riunifikazzjoniji tal-familja jista’ jkun imwettaq. Din il-proposta tmur lil hinn minn dik id-Direttiva fis-sens li tipprovdi għal iktar kundizzjonijiet favorevoli biex familja tingħaqad mill-ġdid.

Il-format tal-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi huwa stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 u japplika għal din il-proposta.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71 tat-12 ta’ Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ riċerkaturi ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri għall-iskop li jwettqu proġett ta’ riċerka permezz ta’ ftehim ta’ akkoljenza ma’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka approvati għal dak l-għan mill-Istat Membru. Peress li hemm trikkib potenzjali bejn l-ambiti taż-żewġ strumenti u sabiex jinżamm sett ta’ regoli koerenti għal riċerkaturi li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, din il-proposta tiddikjara espressament li ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jirrisjedu fi Stat Membru bħala riċerkaturi, skont it-tifsira tad-Direttiva 2005/71/KE, sabiex iwettqu proġett ta’ riċerka.

Barra minn hekk, il-proposta għal Direttiva Qafas[4], ippreżentata fit-23 ta’ Ottubru 2007 (COM(2007) 638 final), tipprovdi għal żewġ esklużjonijiet: persuni li jidħlu fi Stat Membri taħt obbligi magħmula fi ftehim internazzjonali li jiffaċilita d-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni natural relatati mal-kummerċ u l-investiment; kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu ppustjati, irrispettivament minn jekk l-impriża tagħhom hix stabbilita fi Stat Membru jew fi Stat li mhux Membru. Ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali, li huma ssekondati fuq il-bażi ta’ kuntratt tax-xogħol ma’ impriża ta’ pajjiż terz u li jinkludu persuni li jidħlu fi Stat Membru taħt obbligi bħal dawk imsemmijin hawn fuq, huma għalhekk esklużi mill-ambitu ta' dan l-istrument u huma għalhekk suġġetti għal dispożizzjonijiet speċifiċi fuq dawn l-aspetti.

Id-Direttiva tal-‘Blue Card’ tipprovdi għall-istess esklużjoni bħad-Direttiva Qafas fir-rigward tal-persuni koperti minn ftehimiet kummerċjali. Barraminnhekk, l-applikanti għandhom jippreżentaw kuntratt tax-xogħol. Ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali huma għalhekk esklużi mill-ambitu tagħha.

· Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra tal-UE

Miżuri biex jiġbdu ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkwalifikati ħafna, bħal persunal ewlieni ta’ kumpaniji transazzjonali, huma parti mill-qafas iktar wiesa’ identifikat mill-Istrateġija UE 2020, li stabbiliet l-għan li l-Unjoni ssir ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv minn fuq l-impriżi u u titqabbel aħjar il-provvista tal-ħaddiema mat-talba għax-xogħol. Il-faċilitazzjoni ta’ trasferimenti intra-ażjendali hija wkoll objettiv kondiviż mill-politika tal-kummerċ tal-UE.

Din il-proposta hija konformi mad-drittijiet fundamentali, speċjalment l-Artikoli 15, 21 u 31 (trattament ġust u ugwali), 12 (libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni), 34 (siġurtà soċjali) u 7 (rispett għall-ħajja privata u tal-familja) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, peress li tirrikonoxxi u tissalvagwardja l-prinċipju tat-trattament ugwali għal ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali u tinkludi garanziji proċedurali u d-dritt għall-ħajja tal-familja.

Dejta personali li l-awtoritajiet huma meħtieġa li jittrattaw meta jimplimentaw tkun ipproċessata skont id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali.

2) Konsulatazzjoni ta’ partijiet interessati u evalwazzjoni tal-impatt

· Konsultazzjoni ta’ partijiet interessati

Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin immirati u l-profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu Saret konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper rigward approċċ tal-UE fl-immaniġġjar tal-migrazzjoni ekonomika, inkluż udjenza pubblika fl-14 ta’ Ġunju 2005. Saru iktar konsultazzjonijiet permezz ta’ seminars u workshops. L-Istati Membri kienu kkonsultati fil-Kumitat tal-Kummissjoni dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. L-istudju estern ikkumissjonat biex jappoġġja l-Evalwazzjoni tal-Impatt inkluda konsultazzjoni oħra tal- azzjonisti ewlenin permezz ta’ kwestjonarji u intervisti.

Sommarju ta’ risposti u kif dawn kienu kkunsidrati Analiżi tal-130 kontribuzzjoni mibgħuta matul il-konsultazzjoni pubblika uriet appoġġ ġenerali għal politika komuni tal-UE dwar immigrazzjoni ekonomika, minkejja b’differenzi kbar fl-approċċi li għandhom ikunu segwiti u fir-riżultat finali mistenni. Rikjesta ċara oħra kienet li jkunu proposti soluzzjonijiet sempliċi, mhux burokratiċi u flessibbli. Peress li kien hemm numru kbir ta’ Stati Membri li ma kinux favur approċċ orizzontali, il-Kummissjoni kkunsidrat li approċċ settorali kien iktar realistiku u jwieġeb aħjar għat-talbiet ta’ flessibbiltà.

· Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

Ma kienx hemm bżonn ta’ ħila esperta esterna.

· Stima tal-impatt

L-alternattivi li ġejjin ġew kkunsidrati:

Alternattiva nru 1: Status quo. Żviluppi kurrenti fl-Istati Membri jitkomplew fil-qafas legali eżistenti. Madankollu, dan ifisser li l-UE fit-totalità tagħha ma tkunx attraenti għal intapriżi u kumpaniji, li xorta jaffaċċjaw diffikultajiet meta jagħmlu l-aħjar użu tal-persunal tagħhom, għalkemm il-bżonn għal riżorsi interni kkwalifikati ħafna jkun dejjem jiżdied.

Alternattiva nru 2: Direttiva li tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali. Il-leġiżlazzjoni tal-UE se tipprovdi definizzjoni komuni ta’ ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali, jew li timmira postjiet speċifiċi fi ħdan il-korporazzjoni transnazzjonali, kif imsemmi fl-iskedi annessi mal-GATS, jew li tidentifika persunal importanti permezz ta' kriterji bħas-salraju u l-kwalifiki, bħad-Direttiva tal-Karta l-Blu. Se tistabbilixxi wkoll kriterji armonizzati għal dħul, id-dewmien massimu ta’ soġġorn u dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali rigward ċerti drittijiet soċjali u ekonomiċi. Din l-alternattiva toħloq ambjent legali iktar trasparenti. Madankollu, ir-regoli xorta jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor f'dawk li huma proċedura u drittijiet tal-familja u ma jkunx hemm provvediment għall-mobbiltà fl-UE.

Alternattiva nru 3: Direttiva li tipprovdi għal mobbiltà intra-UE ta’ ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali. Minbarra l-punti koperti mill-alternattiva 2, dispożizzjonijiet ikunu introdotti sabiex jippermettu lil ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali sabiex jiċċaqilqu fl-UE u jaħdmu f’diversi stabbilimenti li jinsabu fi Stati Membri differenti. Trasferiment ta’ malajr u sempliċi minn impriżi ta' pajjiżi terzi għall-UE, madankollu, ma jkunx assigurat u kwistjonijiet tal-familja ma jkunux ittrattati.

Alternattiva nru 4: Direttiva li tiffaċilita l-għaqda mill-ġdid tal-familja u aċċess għax-xogħol għall-konjuġi. Permezz ta’ deroga mid-Direttiva 2003/86/KE, l-għaqda mill-ġdid tal-familja ma ssirx dipendenti fuq il-kisba tad-dritt għal residenza permanenti u fuq perjodu minimu ta’ residenza tal-ħaddiem bi trasferment intra-ażjendali. Il-permessi ta' soġġorn għall-membri tal-familja jingħataw iktar malajr u rigward l-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-Istati Membri ma jkunux awtorizzati japplikaw il-limitu ta’ żmien ta’ 12-il xahar. Bħala riżultat ta’ dan, il-kumpaniji jkunu kapaċi jattiraw ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali iktar faċilment. Madanakollu, id-dritt għax-xogħol għall-konjuġi jista' jkollu konflitt mal-preferenza tal-UE kif imniżżla fl-Atti tal-Adeżjoni.

Alternattiva nru 5: Direttiva li tistabbilixxi proċeduri komuni ta’ ammissjoni. Jinħareġ dokument uniku li jippermetti lid-detentur biex jaħdem bħala ħaddiem trasferit bejn impriża u oħra u biex jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru. B’mod parallel, ikun stabbilit żmien massimu għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet (pereżempju xahar). Din l-alternattiva ittejjeb b’mod sinifikanti l-kapaċità ta’ trasferiment ta’ persunal ewlieni faċilment u malajr u tnaqqas il-ħin u l-ispejjeż biex jiġi attirati ħaddiema trasferiti bejn impriża u oħra.

Alternattiva nru 6: Komunikazzjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni fost Stati Membri. Din l-alternattiva tikkontribwixxi, sa ċertu punt, għall-approssimazzjoni ta’ prattiki nazzjonali fuq ħaddiema trasferiti bejn impriża u oħra li huma ċittadini ta’ pajjiż terz fl-UE u l-ħolqien ta’ qafas legali iktar armonizzat. Madankollu, l-impatt huwa probabbli li jkun limitat ħafna jekk il-miżuri mhumiex obbligatorji.

Paragun tal-alternattivi u tal-impatt tagħhom, l-alternattiva preferuta hija taħlita tal-alternattivi 2, 3, 4 u 5. Definizzjoni armonizzata ta’ ħaddiem trasferit intra-ażjendali u kundizzjonijiet armonizzati ta’ dħul u soġġorn, dispożizzjonijiet li jiżguraw ċerti drittijiet soċjali u ekonomiċi (alternattiva 2), mobbiltà intra-UE (alternattiva 3), drittijiet imtejba tal-familja (alternattiva 4) u proċeduri mgħaġġla (‘fast-track’) (alternattiva 5) jikkontribwixxu għal allokazzjoni aħjar ta’ persunal intra-azjendali f’entitajiet ta’ pajjiżi terzi u tal-UE u jagħmlu lill-UE iktar attraenti għal persunal importanti ta’ korporazzjonijiet multinazzjonali, filwaqt li jiżguraw protezzjoni aħjar kontra kompetizzjoni mhux ġusta.

3) Elementi legali tal-proposta

· Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta tistabbilixxi proċedura trasparenti u ssimplifikata għall-ammissjoni ta’ ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali, ibbażata fuq definizzjoni komuni u kriterji armonizzati: il-ħaddiem trasferit għandu jokkupa l-post ta' maniġer, speċjalista jew apprendist gradwat, kif provdut fl-obbligi tal-UE taħt il-ftehimiet taħt il-GATS; l-impjieg preċedenti fl-istess grupp ta’ impriżi kellu jkun dam mill-inqas 12-il xahar, jekk meħtieġ mill-Istat Membru; ittra ta’ trasferiment għandha tkun ippreżentata li tikkonferma li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa trasferit lill-entità ospitanti u li tispeċifika l-remunerazzjoni. Sakemm din il-kundizzjoni ma toħloqx kunflitt mal-prinċipju ta' preferenza tal-Unjoni kif mistqarr fid-dispożizzjonijiet relevanti tal-Atti tal-Adeżjoni, ma jitwettaq ebda test tas-suq tax-xogħol. Hija prevista skema speċifika għal apprendisti gradwati. Ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali li jiġu ammessi jinħarġilhom permess ta’ residenza speċifiku (immarkat ‘Ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali’) li jawtorizzahom iwettqu x-xogħol tagħhom f’entitajiet diversi li jappartjenu lill-istess korporazzjoni transnazzjonali, inkluż taħt ċerti kundizzjonijiet, entitajiet lokalizzati fi Stati Membri oħra. Dan il-permess jagħtihom ukoll kundizzjonijiet favorevoli biex il-familja tingħaqad mill-ġdid fl-ewwel Stat Membru.

4) Bażi legali

Din il-proposta tikkonċerna kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u proċeduri għall-ħruġ tal-permessi neċessarji. Hija tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jirrisjedi fi Stat Membru. Għalhekk, il-bażi legali xierqa huwa l-Artikolu 79(2)(a) u (b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

5) Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika safejn il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux ikunu miksuba b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin:

- It-trattament mogħti lil ħaddiema bi trasferimernt intra-ażjendali fuq livell tal-UE, flimkien mal-kundizzjonijiet u proċeduri li jirregolaw dawn il-movimenti, għandhom impatt fuq l-attrattività tal-UE fit-totalità tagħha u jinfluwenzaw safejn il-kumpaniji multinazzjonali jiddeċiedu jagħmlu negozju jew jinvestu f’qasam partikolari.

- Riġidità fit-trasferiment ta’ ħaddiema barranin bi trasferiment intra-ażjendali minn kwartier korporattiv Ewropew għal ieħor huma ta' importanza kbira għal kumpaniji multinazzjonali. Azzjoni fuq livell tal-UE huwa l-uniku mod kif jitneħħew dawn ir-riġiditajiet.

- Qafas legali komuni li jistabbilixxi kundizzjonijiet komuni ta’ ammissjoni għal ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali, inkluż f’termini ta’ drittijiet soċjali u ekonomiċi, jipprevjeni r-riskju ta’ kompetizzjoni mhux ġusta.

- Id-differenzi kbar bejn l-Istati Membri fit-termini ta’ proċeduri ta’ dħul u drittijiet ta’ residenza temporanja jistgħu jostakolaw l-applikazzjoni uniformi tal-obbligi internazzjonali li l-UE u l-Istati Membri tagħha aċċettaw fin-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Il-proposta għalhekk hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

6) Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

L-istrument magħżul huwa direttiva, li tagħti lill-Istati Membri livell għoli ta’ flessibbiltà fir-rigward ta’ implimentazzjoni.

Direttiva hija l-istrument xieraq għal din l-azzjoni: hija tistabbilixxi standards minimi vinkolanti iżda tagħti lill-Istati Membri flessibbiltà fir-rigward tal-forma u l-metodu għat-tqegħid ta’ dawn il-prinċipji fis-seħħ fis-sistema legali nazzjonali u l-kuntest ġenerali. Miżuri li mhumiex vinkolanti jkollhom effett wisq limitat, peress li ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali (ICTs) potenzjnali u l-kumpaniji ospitanti tal-UE jkomplu jiffaċċjaw gamma ta' regoli differenti għall-ammissjoni.

L-azzjoni hija limitata għal dak li hu neċessarju biex jintlaħaq l-għan ta' hawn fuq. Ir-regoli proposti jikkonċernaw kundizzjonijiet ta' ammissjoni, proċedura u permess, kif ukoll drittijiet ta' ICTs, inkluża l-mobbiltà intra-UE, għaldaqstant l-oqsma li jikkostitwixxu elementi ta' politika komuni dwar l-imigrazzjoni taħt l-Artikolu 79 tat-Trattat. Il-piż amministrattiv impost fuq Stat Membru f'termini ta' tibdil fil-leġiżlazzjoni (tfassil ta' regoli speċifiċi dwar trasferimenti intra-ażjendali) u kooperazzjoni ikunu moderati peress li ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali huma diġà identifikati permezz ta' strumenti kummerċjali u peress li dan il-piż huwa kontra bilanċjat minn benefiċċji kbar li joħorġu mill-possibbiltà aħjar tat-trasferiment intra-ażjendali tal-persunal minn Stat Membru għal ieħor.

7) Implikazzjonijiet tal-baġit

Il-proposta m’għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

8) Informazzjoni addizzjonali

· Klawżola ta’ valutazzjoni/reviżjoni/terminazzjoni

Il-proposta tinkludi klawżola ta’ reviżjoni.

· Tabella ta’ korrelazzjoni

L-Istati Membri huma meħtieġa li jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva, flimkien ma’ tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva.

9) Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

Artikolu 1

Il-proposta hija parti mill-isforzi tal-UE li tqiegħed fis-seħħ politika komprensiva ta’ immigrazzjoni, inklużi regoli komuni dwar il-migrazzjoni ekonomika. Hija għandha żewġ skopijiet speċifiċi. L-ewwel wieħed huwa li tintroduċi proċedura speċjali għal dħul u residenza u standards dwar il-kwistjoni minn Stati Membri dwar permessi ta' residenza għal ċittadini ta’ pajjiż terzi li japplikaw biex jirrisjedu fl-UE bil-għan ta' trasferiment intra-ażjendali (Artikolu 79 (2)(a) tat-TFUE). It-tieni għan huwa l-implimentazzjoni l-Artikolu 79(2) tat-TFUE u jiġu definiti l-kundizzjonijiet li taħthom ċittadini ta’ terzi pajjiżi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru skont it-termini ta’ din il-proposta u jiġu determinati l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jirrisjedu fi Stati Membri oħra.

Artikolu 2

Il-proposta ma tkoprix ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom, inklużi dawk li l-eliġibbiltà tagħhom għal impjieg fi Stat Membru partikolari hija ristretta bi ftehimiet transitorji. Din id-Direttiva tapplika biss għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu barra mit-territorju ta’ Stat Membru u japplikaw biex ikunu ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali.

Peress li hemm duplikazzjoni potenzjali bejn l-ambiti tad-Direttiva 2005/71/KE tat-12 ta’ Ottubru 2005 dwar riċerkaturi ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dan l-istrument, dan l-Artikolu espliċitament jeskludi mill-ambitu tad-Direttiva ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jirrisjedu fi Stat Membru bħala riċerkaturi, it-tifsira tad-Direttiva 2005/71, sabiex iwettqu proġett ta’ riċerka. Din id-Direttiva teskludi wkoll persuni li jgawdu drittijiet ta’ moviment ħieles ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni jew huma impjegati minn impriża stabbilita f'pajjiż terz, kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi ppustjati minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru fil-qafas ta’ provvediment ta’ servizzi skont l-Artikolu 56 tat-Trattat u id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-ippustjar ta’ ħaddiema fil-qafas tal-provvediment ta’ servizzi.

Artikoli 3 u 4

Il-proposta tiddefinixxi l-kunċett ta’ ‘ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali’. Din id-definizzjoni tibni fuq obbligi UE-25 speċifiċi taħt il-GATS u ftehimiet kummerċjali bilaterali u hija bbażata fuq:

- l-eżistenza ta’ kumpanija transnazzjonali, inkluż entità waħda jew iktar stabbiliti barra mit-territorju ta’ Stat Membru u entità waħda jew iktar imqegħda fl-Istati Membri (‘entitajiet ospitanti’);

- sekondar temporanju ta’ ċittadin minn pajjiż terz mill-entità imqegħda fil-pajjiż terz, li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz huwa marbut magħha permezz ta’ kuntratt tax-xogħol, għal entità tal-UE li tappartjeni lill-istess grupp ta’ impriżi. Dan it-trasferiment mhux neċessarjament isir fi ħdan is-settur tas-servizzi jew fil-kuntest ta' provvediment ta' servizz u jista' joriġina f'pajjiż terz li mhux firmatarju tal-ftehim: l-ambitu ta’ din il-proposta huwa għalhekk iktar wiesa’ minn dak implikat mill-impenji tal-kummerċ.

Dan l-Artikolu jiddefinixxi wkoll il-kunċetti ta’ ‘maniġer’, ‘speċjalista’ u ‘apprendist gradwat’. Id-definizzjonijiet eżistenti huma bbażati fuq l-iskeda ta’ impenji tal-UE taħt il-GATS, minħabba li dawn id-defiizzjonijiet huma diġà familjari għall-Istati Membri. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta' 'apprendisti gradwati' ġie speċifikat sabiex ikun iċċarat li t-taħriġ għandu jimmira biex iħejji lil min jiġi ttrasferit għal pożizzjonijiet maniġerjali.

Definizzjonijiet oħra jirreferu għal strumenti eżistenti tal-UE bħad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE hew id-Direttiva tal-Kunsill 2009/38/KE.

Dawn l-Artikoli jippermettu lill-Istati Membri jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, sakemm ikunu iktar favorevoli għall-persuni li jkunu japplikaw għalihom. L-Istati Membri jistgħu jixtiequ, per eżempju, li japplikaw proċeduri jew dispożizzjonijiet iktar favorevoli rigward membri tal-familja.

Artikolu 5

Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li l-applikanti għandhom jissodisfaw, li minnhom dawk speċifiċi għal din il-proposta huma:

Għandha tingħata prova li tkun turi li effettivament ikun seħħ it-trasferiment bejn entitajiet ta’ grupp tal-istess impriżi.

Peress li l-ammissjoni hija regolata mid-domanda, irid jiġi ppreżentat dokument li jiddeskrivi l-ħidmiet assenjati u li jispeċifika r-rimunerazzjoni, li trid tkun konformi mat-termini u l-kundizzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE. Dan ġeneralment ikollu l-għamla ta’ ittra ta’ trasferiment. Dan id-dokument għandu jindika l-post jew postijiet u l-parjodu tat-trasferiment u jipprovdi evidenza li l-persuna trasferita qed tingħata post fl-entità ospitanti bħala maniġer, speċjalista jew apprendist gradwat. Din l-iskema hija mmirata lejn persunal ewlieni, kif ġeneralment definit fl-impenji UE dwar il-kummerċ, peress li jġibu magħhom teknoloġiji ġodda, innovazzjoni, jew iservu biex titwassal kultura korporattiva f'diversi nħawi u jgħinu biex jiġu stabbiliti operazzjonijiet fi swieq emerġenti, li fl-aħħar jirriżultaw f'kompetittività kummerċjali msaħħa fl-UE. Sabiex ikun żgurat li l-kapaċitajiet ta' min jiġi ikollu trasferiment intra-ażjendali jkunu speċifiċi għall-entità ospitanti u skont l-obbligi tal-UE dwar il-kummerċ, hemm possibbiltà għal Stati Membri li jirrikjedu perjodu ta' 12-il xahar ta' impjieg preċedenti mal-grupp ta' impriżi. Peress li l-iskema tiffoka speċifikament fuq emigrazzjoni temporanja, l-applikant għandu jipprovdi evidenza li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz jkun jista’ jittrasferixxi lura lejn entità li tappartjeni fl-istess grupp u stabbilita f’pajjiż terz fi tmiem it-trasferiment.

Iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal ċittadini tal-UE sabiex jeżerċita l-professjoni regolata speċifikata fl-ittra ta’ trasferiment, u għal professjonijiet mhux regolati jippreżenta dokumenti li jiċċertifikaw li hu jew hi għandu l-kwalifiki professjonali meħtieġa (ħafna drabi s-CV). Għall-apprendist gradwat, l-applikant għandu jippreżenta evidenza ta' kwalifiki tal- edukazzjoni għolja meħtieġa, kif stabbilit taħt l-obbligi tal-UE dwar il-kummerċ.

Barra minn hekk, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex ikunu ammessi bħala apprendisti gradwati għandhom jippreżentaw dokumenti li jagħtu prova li se jieħdu taħriġ ġenwin u ma jkunux użati bħala ħaddiema normali. Għalhekk, ftehim ta’ taħriġ li jinkludi deskrizzjoni tal-programm tat-taħriġ, il-perjodu u l-kundizzjonijiet tiegħu li fih l-apprendisti għandhom ikunu sorveljati f’dan il-programm huwa meħtieġ.

Sabiex ikunu faċilitati l-verifiki, jekk it-trasferiment jinvolvi diversi postijiet fi Stati Membri differenti, l-applikant għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-entitajiet ospitanti anċillari b'dan.

Ebda test tas-suq tax-xogħol ma huwa meħtieġ, peress li dan il-kriterju jkun jikkontradixxi l-iskop li titwaqqaf skema trasparenti u ssimplifikata għal ammissjoni ta’ dawn il-ħaddiema b’ħiliet bi trasferiment intra-ażjendali. Barra minn hekk, għal dawk il-ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali li huma koperti koperti minnhom, din il-kundizzjoni tmur kontra l-obbligi tal-UE taħt il-GATS u taħt dawk tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali. Minħabba li l-liġi primarja hija suprema, għal dawk l-Istati Membri li japplikaw perjodu transitorju għal Stati Membri ġodda, il-preferenza tal-UE trid madanakollu tiġi applikata.

Artikoli 6, 7 u 8

Il-proposta ma toħloqx dritt ta' ammissjoni, peress li din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri biex jiddeterminaw il-volumi ta' ammissjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tagħhom bil-għan ta' trasferiment intra-ażjendali. Madanakollu, id-dritt għandu jintuża skont l-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali li jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza temporanja ta' ċerti kategoriji ta' persuni naturali relatati mal-kummerċ u l-investiment.

Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu r-raġunijiet obbligatorji u possibbli għal rifjut (kif ukoll għal irtirar u rifjut ta’ tiġdid), notevolment nuqqas li jkunu ssodisfati l-kriterji u l-penalizzazzjoni ta’ min jimpjega għal xogħol mhux iddikjarat jew impjieg illegali, skont id-Direttiva 2009/52/KE tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar sanzjonijiet u l-eżistenza ta’ kwoti. Fil-każ ta' nuqqas ta' osservanza tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5, Stati Membri għandhom jipprovdu għal penali xierqa, bħal multi, li jiġu imposti fuq l-entità ospitanti, li tinżamm responsabbli.

Artikoli 9, 10, 11, u 12

Applikanti li jissodisfaw il-kriterji ta’ ammissjoni għandhom jirċievu permess ta’ residenza speċifiku li jintitola lid-detentur biex jaħdem bħala ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali taħt il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 14. Ebda permess tax-xogħol addizzjonali ma jkun meħtieġ. Awtorità kompetenti għandha tkun indikata mill-Istati Membri biex tirċievi l-applikazzjonijiet u toħroġ il-permessi. Din in-nomina għandha tapplika bla ħsara għar-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra fir-rigward tal-eżaminazzjoni u deċiżjoniji fuq l-applikazzjonijiet. Barra minn hekk, din in-nomina li tirċievi l-applikazzjonijiet u toħroġ il-permessi m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jaħtru awtoritajiet oħra (e.ż. uffiċċji konsulari) li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz jew l-entità ospitanti jistgħu japplikaw magħhom u li jistgħu joħorgu l-permess.

Id-dewmien tal-permess tar-residenza għandu jkun limitat għal tliet snin għal diretturi u speċjalisti u sena għal apprendisti gradwati. Żmien qasir (30 jum) huwa awtorizzat sabiex ikunu pproċessati l-applikazzjonijiet, akkompanjar mill-varji salvagwardji proċedurali, inkluż il-possibbiltà ta’ sfida legali kontra deċiżjonijiet li jirrifjutaw applikazzjoni u r-rekwiżit għall-awtoritajiet li jagħtu raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet. Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul inkluż kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom ikunu disponibbli.

Tita' tiġi stabbilita proċedura mgħaġġla (‘fast-track’) għal gruppi rikonoxxuti ta’ impriżi li jiġu rikonoxxuti għal dan l-għan.

Artikoli 13 u 14

Sabiex ikun żgurat trattament indaqs mal-ħaddiema kkollokati koperti mid-Direttiva 96/71, id-drittijiet mogħtija lil ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma allineati mad-drittijiet li diġà jgawdu ħaddiema kkollokati. Dan l-Artikolu jiddikjara wkoll l-oqsma fejn it-trattament indaqs irid ikun rikonoxxut. Minħabba n-natura temporanja ta' trasferiment intra-ażjendali, trattament indaqs fir-rigward edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, akkomodazzjoni soċjali u servizzi ta’ konsulenza minn servizzi ta’ impjieg ġew ikkunsidrati irrilevanti. Ftehimiet bilaterali eżistenti jibqgħu japplikaw, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Fil-każ ta' mobbiltà bejn l-Istati Membri, japplika bħala regola r-Regolament (KE) Nru. 859/2003. Il-permess tar-residenza mogħti lil ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali jippermettilhom jaħdmu, taħt ċerti kundizzjonijiet, fl-entitajiet kollha li jappartjenu fl-istess grupp ta’ impriżi.

Artikolu 15

Dan l-Artikolu jinkludi d-derogi mid-Direttiva 2003/86/KE kkunsidrati neċessarji sabiex tkun imwaqqfa skema attraenti għal ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali u jsegwi raġunament differenti mid-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja, li hija għodda biex tinkoraġġixxi integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jistgħu raġonevolament isiru residenti permanenti. B'konformità ma' skemi li diġà jeżistu fl-Istati Membri u f'pajjiżi oħra, tipprovdi għal riunifikazzjoni immedjata tal-familja fl-ewwel Stat ta' residenza. Sabiex tikseb dan l-għan, hija tistipula wkoll li miżuri possibbli ta’ integrazzjoni nazzjonali jistgħu jkunu imposti biss ladarba l-membri tal-familja jkunu f’territorju tal-UE.

Artikolu 16

Dan l-Artikolu jipprovdi għal mobbiltà ġeografika għal ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali u tippermettilhom li jaħdmu f’entitajiet differenti ta’ l-istess kumpanija transnazzjonali stbbilita fi Stati Membri differenti u fil-proporjetà tal-klijenti tagħhom. Skont dan, ċittadin ta’ pajjiż terz li kien ammess bħala ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali jista’ jkun awtorizzat li jwettaq parti mix-xogħol f’entità tal-istess grupp stabbilita fi Stat Membru ieħor, fuq il-bażi tal-ewwel permess ta’ residenza u ta' dokument addizzjonali li jelenka l-entitajiet tal-grupp ta' impriżi li fihom hu jew hi hija awtorizzata li taħdem.. It-tieni Stat Membru jeħtieġ ikun infurmat bil-kundizzjonijiet ewlenin ta' din il-mobbiltà. It-tieni Stat Membru jista’ jeħtieġ permess ta’ residenza jekk it-terminu ta’ żmien tax-xogħol jaqbeż it-tnax-il xahar iżda jista’ ma jeħtieġx li ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali jitlaq mit-territorju tiegħu sabiex jissottometti applikazzjonijiet.

Artikoli 17,18, 19, 20, 21u 22

Id-dispożizzjonijiet tas-soltu huma stabbiliti dwar implimentazzjoni, statistiċi annwali u punti ta’ kuntatt nazzjonali.

2010/0209 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2)(a) u (b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ttrasmetta l-abbozz ta' att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[5],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[6],

Wara li aġixxa skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Bl-għan li jistabbilixxi gradwalment qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, it-Trattat jipprovdi sabiex miżuri jkunu adottati fil-qasam tal-immigrazzjoni li huma ġusti fil-konfront ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(2)       It-Trattat jipprovdi li l-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni ta’ immigrazzjoni immirata li tiżgura, f'kull stajdu, il-ġestjoni effiċjenti tal-flussi ta' migrazzjoni u trattament ġust lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Idtati Membri. Għal dak il-għan il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw miżuri dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza, u standards dwar il-kwistjoni minn Stati Membri tal-viżi fit-tul u permessi ta' residenza, kif ukoll id-definizzjoni tad-drittijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru, inklużi kundizzjonijiet li jirregolaw il-libertà tal-moviment u r-residenza fi Stati Membri oħra.

(3)       Il-Komunikazzjoni mill-kummissjoni fit-titlu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[7] tistabbilixxi l-għan tal-Unjoni li ssir ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv minn fuq l-impriżi u tqabbil aħjar tal-provvista tal-ħaddiema mat-talba għax-xogħol. Miżuri biex isir iktar faċli li maniġers, speċjalisti u apprendisti gradwati minn pajjiżi terzi jidħlu fl-Unjoni fil-qafas ta' trasferiment intra-ażjendali għandhom jiġu kkunsidrati f'dan il-kuntest iktar wiesa'.

(4)       Il-Programm ta' Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009, jirrikonoxxi li l-migrazzjoni tax-xogħol tista' tagħti kontribut biex tiżdied il-kompetittività u l-vitalità ekonomika u li, fil-kuntest tal-isfidi demografiċi importanti li se jikkonfrontaw lill-UE fil-futur b'talba ikbar għal ħaddiema, politiki dwar l-immigrazzjoni flessibbli għandhom jagħtu kontribut importanti għall-iżvilupp u l-prestazzjoni ekonomika tal-UE għat-tul. Għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex ikomplu jimplimentaw il-Pjan ta' Politika tal-2005 dwar il-Migrazzjoni Legali[8].

(5)       Bħala riżultat tal-globalizzazzjoni tal-kummerċ, żieda fil-kummerċ u t-tkabbir u l-firxa ta’ korporazzjonijiet multinazzjonali, fis-snin reċenti movimenti ta’ impjegati maniġerjali u impjegati tekniċi ta’ fergħat u sussidjarji ta’ kumpaniji multinazzjonali, temporanjament rikolati għal xogħlijiet qosra f’unitajiet oħra tal-kumpanija, kisbu ritmu.

(6)       Dawn it-trasferimenti intra-ażjendali ta’ persunal ewlieni jirriżultaw f’ħiliet ġodda u għarfien, innovazzjoni u żieda fl-opportunitajiet ekonomiċi għall-kumpaniji ospitanti, għalhekk fl-avvanzar tal-ekonomija bbażata fuq l-għarfien fl-Ewropa filwaqt li jinkoraġġixxu flussi ta’ investiment fl-UE. Trasferimenti amministrati sew minn pajjiżi terzi għandhom ukoll il-potenzjal li jifaċċilitaw trasferimenti mill-UE għal kumpaniji f’pajjiżi terzi u li jpoġġu lill-UE f’pożizzjoni iktar b’saħħitha fir-relazzjoni tagħha ma’ sħab internazzjonali. Faċilitazzjoni ta’ trasferimenti intra-ażjendali tippermetti lill-gruppi multinazzjonali biex jużaw ir-riżorsi umani tagħhom bl-aħjar mod.

(7)       Din l-iskema hija ta’ benefiċċju wkoll għall-pajjiżi ta’ oriġini tal-emigranti peress li din il-migrazzjoni temporanja tinkoraġġixxi trasferimenti ta’ ħiliet, għarfien, teknoloġija u kompetenzi.

(8)       Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr ħsara għall-prinċipju ta' preferenza tal-Unjoni rigward l-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri kif dikjarat fid-dispożizzjonijiet relevanti tal-Atti ta' Adeżjoni. Skont dak il-prinċipju, l-Istati Membri għandhom, matul kwalunkwe perjodu meta jiġu applikati miżuri nazzjonali jew dawk li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali, jagħtu preferenza lil ħaddiema li huma ċittadini ta' Stati Membri fuq ħaddiema li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi rigward l-aċċess għas-suq tax-xogħol tagħhom.

(9)       Din id-Direttiva tistabbilixxi proċedura trasparenti u ssimplifikata għall-ammissjoni ta’ ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali, bbażata fuq definizzjoni komuni u kriterji armonizzati.

(10)     Għall-għan ta' din id-Direttiva, ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali jinkludu maniġers, speċjalisti u apprendisti gradwati bi kwalifika ta' edukazzjoni ogħla. Id-definizzjoni tagħhom tibni fuq obbligi speċifiċi tal-Unjoni taħt il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi[9] (GATS) u ftehimiet kummerċjali bilaterali. Dawk l-obbligi magħmula taħt il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi ma jkoprux kundizzjonijiet ta' dħul, soġġorn u xogħol. Għaldaqstant, din id-Direttiva tikkumplimenta u tiffaċilita l-applikazzjoni ta' dawk l-obbligi. Madanakollu, l-ambitu tat-trasferimenti intra-ażjendali koperti minn din id-Direttiva hija usa' minn dik applikata minn ftehimiet kummerċjali, peress li t-trasferimenti mhux neċessarjament isiru fi ħdan is-settur tas-servizzi u jistgħu joriġinaw f'pajjiż terz li mhux parti minn ftehim kummerċjali.

(11)     Ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali għandhom jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet ta' xogħol bħal ħaddiema kkollokati li min jimpjeghom huwa stabbilit fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, kif definit mid-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 rigward l-ippustjar ta' ħaddiema fil-qafas tal-provvediment ta’ servizzi[10]. Dak ir-rekwiżit huwa maħsub biex jipproteġi lill-ħaddiema u jiggarantixxi kompetizzjoni ġusta bejn l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru u dawk stabbiliti f'pajjiż terz, minħabba li jiżgura li dan tal-aħħar ma jkunx jista' jibbenefika minn standards iktar baxxi ta' xogħol biex jieħu vantaġġ kompetittiv.

(12)     Sabiex ikun żgurat li l-ħiliet ta' min jingħata trasferiment intra-ażjendali jkunu speċifiċi għall-entità ospitanti, Stati Membri jistgħu jirrikjedu li l-ħaddiem ittrasferit ikun ħadem mal-istess grupp ta' impriżi għal mill-inqas 12-il xahar qabel it-trasferiment.

(13)     Peress li trasferimenti intra-ażjendali jikkonsistu f'emigrazzjoni temporanja, l-applikant għandu jippreżenta evidenza li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun jista’ jittrasferixxi lura lejn entità li tappartjeni lill-istess grupp u stabbilita f’pajjiż terz fi tmiem it-trasferiment. Dik l-evidenza tista' tikkonsisti mid-dispożizzjonijiet relevanti taħt il-kuntratt tax-xogħol. Ittra ta' trasferiment għandha tiġi ppreżentata biex tagħti evidenza li l-maniġer jew speċjalista li hu ċittadin ta' pajjiż terz għandu l-kwalifiki professjonali meħtieġa mill-Istat Membru fejn ikun se jiġi ammess biex jokkupa l-post jew il-professjoni regolata.

(14)     Ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw biex jiġu aċċettati bħala apprendisti gradwati għandhom jipprovdu evidenza tal-kwalifiki ta' edukazzjoni ogħla meħtieġa, jiġifieri kwalunkwe diploma, ċertifikat jew evidenza oħra ta' kwalifiki formali li jagħtu xhieda li l-applikant ikun spiċċa programm ta' edukazzjoni ogħla post-sekondarju ta' mill-inqas tliet snin. Barra minn hekk, iridu jippreżentaw ftehim ta' taħriġ, inkluża deskrizzjoni tal-programm ta' taħriġ, il-perjodu u l-kundizzjonijiet tiegħu fejn l-apprendisti jkollhom superviżjoni, u jagħti prova li dawn ikunu se jibbenefikaw minn taħriġ ġenwin u mhux użati bħala ħaddiema normali.

(15)     Sakemm din il-kundizzjoni tkun f'kunflitt tal-prinċipju tal-Unjoni dwar il-preferenza kif mistqarra fid-dispożizzjonijiet relevanti tal-Atti ta' Adeżjoni, ebda test tas-suq tax-xogħol ma jkun meħtieġ, minħabba li dan il-kriterju ikun f'kontradizzjoni mal-għan tat-twaqqif ta' skema trasparenti u ssimplifikata għall-ammissjoni ta' ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali.

(16)     Sabiex ikunu ffaċilitati l-verifiki, jekk it-trasferiment jinvolvi diversi postijiet fi Stati Membri differenti, l-applikant għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-entitajiet ospitanti anċillari bl-informazzjoni relevanti.

(17)     Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta' ammissjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tagħhom bil-għan ta' trasferiment intra-ażjendali u li ma jagħtux permessi ta' residenza għal impjieg in ġenerali u għal ċerti professjonijiet, setturi ekonomiċi jew reġjuni.

(18)     Stati Membri għandhom jipprovdu għal penali xierqa, bħal multi, li jiġu imposti fil-każ ta' nuqqas ta' osservanza tal-kundizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva. Il-penali jistgħu jiġu imposti fuq l-entità ospitanti.

(19)     Dispożizzjoni għal proċedura unika li twassal għal titlu wieħed konġunt, li jinkludi kemm permess ta’ residenza kif ukoll ta’ xogħol, għandha tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tar-regoli preżentament applikabbli fl-Istati Membri.

(20)     Tista' tiġi stabbilita proċedura mgħaġġla (‘fast-track’) għal gruppi ta’ impriżi li jiġu rikonoxxuti għal dak il-għan. Għandu jingħata għarfien abbażi ta' kriterji oġġettivi li l-Istat Membru jippubblika u li jiżguraw trattament indaqs bejn l-applikanti. Għandu jingħata għal massimu ta' tliet snin, minħabba li l-kriterji jeħtieġ jiġu kkunsidrati mill-ġdid fuq bażi regolari. Tali għarfien għandu jkun ristrett għal korporazzjonijiet transnazzjonali li jippreżentaw kredenzjali li juru l-abbiltà tagħhom biex josservaw l-obbligi tagħhom u jissupplixxu informazzjoni dwar trasferimenti intra-ażjendali mistennija. Kull tibdil importanti li jkollu effett fuq il-kapaċità tal-korporazzjoni li tonora dawk l-obbligi u kull informazzjoni kumplimentari dwar trasferimenti futuri għandhom jiġu rrappurtati bla dewmien lill-awtorità relevanti. Għandu jkun hemm provvedimenti għal sanzjonijiet xierqa bħal multi, il-possibbiltà li jiġi rtirat l-għarfien, u rifjut ta' applikazzjonijiet għal permessi fil-futur.

(21)     Ladarba Stat Membru jkun iddeċieda li jippermetti d-dħul ta' ċittadin ta' pajjiż terz li jissodisfa l-kriterji stipulati f'din id-Direttiva, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għandu jirċievi permess ta' residenza speċifiku (permess ta' ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali) li jippermetti lid-detentur iwettaq, taħt ċerti kundizzjonijiet, ix-xogħol tiegħu f'diversi entitajiet li jappartjenu għall-istess korporazzjoni transnazzjonali, inklużi entitajiet li jinsabu fi Stat Membru ieħor.

(22)     Din id-direttiva m'għandux ikollha effett fuq il-kundizzjonijiet għall-provvista ta' servizzi fil-qafas tal-Artikolu 56 tat-Trattat. B'mod partikolari, din id-Direttiva m'għandux ikollha effett fuq it-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg li, skont id-Direttiva 96/71/KE, japplikaw għal ħaddiema kkollokati minn impriża stabbilita fi Stat Membru biex jipprovdu servizz fit-territorju ta' Stat Membru ieħor. Din id-Direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta' pajjiżi terzi ppustjati minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru fil-qafas tal-provvediment ta' servizzi skont id-Direttiva 96/71/KE Bħala riżultat, ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-pussess ta' permess għal trasferiment intra-ażjendali ma jistgħu igawdu mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 rigward l-ikkollokar ta' ħaddiema fil-qafas tal-provvediment ta' servizz Din id-Direttiva m'għandhiex tagħti lil impriżi stabbiliti f'pajjiż terz trattament iktar favorevoli minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru, skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 96/71/KE.

(23)     Trattament indaqs għandu jingħata taħt il-liġi nazzjonali rigward dawk il-fergħat tas-sigurtà soċjali ddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/04 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi soċjali tas-sigurtà[11]. Peress li din id-Direttiva hija mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet inklużi fi ftehimiet bilaterali, id-drittijiet ta' sigurtà soċjali li jgawdu minnhom ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali li huma ċittadini ta' pajjiż terz fuq il-bażi ta' ftehim bilaterali konkluż bejn l-Istat Membru fejn tħallew jidħlu u l-pajjiż ta' oriġini tagħhom jistgħu jissaħħu meta mqabbla mad-drittijiet ta' sigurtà soċjali li kieku kienu jingħataw taħt liġi nazzjonali. Din id-Direttiva ma tagħtix iktar drittijiet minn dawk diġà provduti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom interessi transkonfinali bejn l-Istati Membri.

(24)     Sabiex is-sett ta' regoli speċifiku stabbilit minn din id-Direttiva jsir iktar attraenti u sabiex tkun tista' tipproduċi l-benefiċċji kollha mistennija għall-kompetittività tan-negozju fl-Unjoni, ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali minn pajjiż terz għandhom jingħataw kundizzjonijiet favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru li l-ewwel jagħti l-permess ta' residenza abbażi ta' din id-Direttiva. Dan id-dritt għandu jwarrab ostakolu importanti biex ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali potenzjali jaċċettaw it-trasferiment. Sabiex tiġi ppreżervata l-għaqda tal-familja, il-membri tal-familja għandhom ikunu jistgħu jingħaqdu mal-ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali fi Stat Membru ieħor taħt il-kundizzjonijiet determinati mil-liġi nazzjonali ta' tali Stat Membru.

(25)     Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal ċittadini ta' pajjiż terz li japplikaw għal residenza fi Stat Membru bħala riċerkaturi sabiex iwettqu proġett ta' riċerka, minħabba li dawn jaqgħu fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta' Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika biex jitħallew jidħlu ċittadini ta' pajjiżi terzi bil-għan ta' riċerka xjentifika[12].

(26)     Peress li l-għanijiet ta’ proċedura ta’ ammissjoni speċjali u l-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza għall-iskop ta’ trasferimenti intra-ażjendali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jistgħux jinkisbu fi grad għoli biżżejjed mill-iIstati Membri u, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx oltre dak li huwa neċessarju sabiex tikseb dawk l-għanijiet.

(27)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta dwar id-Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(28)     [Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda, rigward l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-Protokoll fuq imsemmi, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbuta minn jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.]

(29)     Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta minnha jew sugġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1 Suġġett

Din id-Direttiva tiddetermina:

(a)          il-kundizzjonijiet għad-dħul u residenza għal iktar minn tliet xhur fit-territorju tal-Istati Membri minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi u mill-membri tal-familja tagħhom fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali;

(b)          il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza għal iktar minn tliet xhur ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, imsemmija f'punt (a), fi Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru li l-ewwel ħareġ il-permess ta' residenza lil ċittadin ta' pajjiż terz abbażi ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2 Ambitu

1.           Din id-Direttiva għandha tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu barra mit-territorju ta’ Stat Membru u li japplikaw biex ikunu ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali.

2.           Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

(a)     ċittadini ta' pajjiż terz li japplikaw biex jirrisjedu fi Stat Membru bħala riċerkaturi, skont it-tifsira tad-Direttiva 2005/71/KE, sabiex iwettqu proġett ta’ riċerka;

(b)     ċittadini ta' pajjiżi terzi li, taħt ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi li jgawdu drittijiet ta’ moviment ħieles ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni jew huma impjegati minn impriża stabbilita f’dawk il-pajjiżi terzi;

(c)     ċittadini ta' pajjiżi terzi li jwettqu attivitajiet f'isem impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor fil-qafas ta' provvediment ta' servizzi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk ikkollokati minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru fil-qafas ta' provvediment ta' servizzi skont id-Direttiva 96/71/KE.

Artikolu 3 Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)          ‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser kwalunkwe persuna li mhix ċittadin tal-Unjoni, fi ħdan it-tifsira fl-Artikolu 20(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(b)          ‘trasferiment intra ażjendali’ tfisser sekondar temporanju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz minn impriża stabbilita barra t-territorju ta’ Stat Membru u li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun marbut magħha permezz ta’ kuntratt tax-xogħol, ma’ entità li tappartjeni lill-impriża jew lill-istess grupp ta’ impriżi li huwa stabbilit f’dan it-territorju;

(c)          ‘ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali’ tfisser kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz suġġett għal trasferiment intra-ażjendali;

(d)          ‘entità ospitanti’ tfisser l-entità, irrilevanti mill-forma legali tagħha, stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru li fih huwa trasferit ċittadin ta’ pajjiż terz;

(e)          ‘maniġer’ tfisser kwalunwke persuna li taħdem f’pożizzjoni għolja, li tirregola prinċipalment il-ġestjoni tal-entità ospitanti, li tirċievi superviżjoni jew direzzjoni ġenerali prinċipalment mill-bord ta’ diretturi jew l-azzjonisti tal-kumpanija jew l-ekwivalenti; din il-pożizzjoni tinkludi: it-tmexxija tal-entità ospitanti jew dipartiment jew sotto-diviżjoni tal-entità ospitanti, is-superviżjoni u l-kontroll tax-xogħol ta' impjegati oħra li jagħmlu superviżjoni, sew jekk professjonali sew jekk maniġerjali, bl-awtorità li personalment iħaddmu jew ikeċċu jew jirrakkomandaw l-ingaġġ jew it-tkeċċija jew azzjonijiet oħra rigward il-persunal;

(f)           ‘speċjalista’ tfisser kwalunkwe persuna li tippossjedi għarfien mhux komuni essenzjali u speċifiku għall-entità ospitanti, filwaqt li jittieħed kont mhux biss tal-għarfien speċifiku tal-entità ospitanti, iżda wkoll ta' jekk il-persuna għandhiex livell għoli ta' kwalifika rigward tip ta' xogħol jew sengħa li tirrikjedi għarfien tekniku speċifiku;

(g)          ‘apprendist gradwat’ tfisser kwalunkwe persuna bi kwalifika ta’ edukazzjoni ogħla li jiġi ttrasferit sabiex iwessa' l-għarfien u l-esperjenza tiegħu/tagħha f'kumpanija bi tħejjija għal pożizzjoni maniġerjali fi ħdan il-kumpanija;

(h)          ‘kwalifika ta’ edukazzjoni għola’ tfisser kwalunkwe diploma, ċertifikat jew xi prova oħra ta' kwalifiki formali maħruġ minn awtorità kompetenti li tiċċertifika t-twettiq b’suċċess ta’ programm ta’ edukazzjoni ogħla post-sekondarju ta' mill-inqas tliet snin, jiġifieri sett ta’ korsijiet provduti minn stabbiliment edukattiv rikonoxxut bħala istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla mill-Istat li fih hija allokata;

(i)           ‘membri tal-familja’ tfisser ċittadini ta' pajjiż terz li jirreferi għalihom l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE[13];

(j)           'permess ta' trasferiment intra-ażjendali' tfisser kwalunkwe awtorizzazzjoni li għandha l-marka ‘ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali' li tagħti d-dritt lid-detentur li jirresjedi u jaħdem fit-territorju ta’ Stat Membru taħt it-termini ta' din id-Direttiva;

(k)          ‘proċedura ta’ applikazzjoni unika’ tfisser il-proċedura li twassal, fuq il-bażi ta’ applikazzjoni waħda għall-awtorizzazzjoni ta’ residenza u xogħol ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru, għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni;

(l)           'grupp ta' impriżi' għall-għanijiet ta' din id-Direttiva tfisser żewġ impriżi jew iktar rikonoxxuti bħala b'rabtiet bejniethom kif ġej taħt il-liġi nazzjonali: impriża, f'relazzjoni diretta jew indiretta ma' impriża oħra: għandha l-maġġoranza tal-kapital sottoskritt ta' dik l-impriża; jew tikkontrolla l-maġġoranza tal-voti marbutin mal-kapital sottoskritt ta' dik l-impriża; jew tista' tappunta iktar minn nofs il-membri tal-ġestjoni amministrattiva jew korp superviżorju ta' dik l-impriża;

(m)         'l-ewwel Stat Membru' tfisser l-Istat Membru li l-ewwel joħroġ permess ta' residenza lil ċittadin ta' pajjiż terz abbażi ta' din id-Direttiva;

(n)          'ftehim kollettiv applikabbli uiniversalment' tfisser ftehim kollettiv li jrid jiġi osservat mill-impriżi kollha fl-ispazju ġeografiku u fil-professjoni jew industija kkonċernata. Fin-nuqqas ta' sistema li permezz tagħha ftehimiet kollettivi jistgħu jiġu ddikjarati universalment applikabbli, Stati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw rwieħhom fuq ftehimiet kollettivi li huma ġeneralment applikabbli għall-entitajiet kollha simili fl-ispazju ġeografiku u fil-professjoni jew industrija kkonċernata, u/jew ftehimiet kollettivi li jkunu ġew konklużi minn dawk li jħaddmu jew unjins li huma l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u li huma applikati fit-territorju kollu.

Artikolu 4 Dispożizzjonijiet iktar favorevoli

1.           Din id-Direttiva għandha tapplika bla ħsara għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli ta’:

(a)     Leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inkluż ftehimiet bilaterali u multilaterali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda u wieħed jew iktar pajjiżi terzi min-naħa l-oħra;

(b)     ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn Stat Membru wieħed jew iktar u pajjiż terz wieħed jew aktar.

2.           Din id-Direttiva m'għandhiex ikollha impatt fuq id-dritt ta' Stati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għal persuni li għalihom tapplika rigward l-Artikoli 3(i), 12, 14 u 15.

KAPITOLU II KUNDIZZJONIJIET TA’ AMMISSJONI

Artikolu 5 Kriterji għal ammissjoni

1.           Bla ħsara għall-Artikolu 10, ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex ikun ammess skont it-termini ta’ din id-Direttiva għandu:

(a)     jippreżenta evidenza li l-entità ospitanti u l-impriża stabbilita f'pajjiż terz jappartjenu lill-istess impriża jew grupp ta' impriżi;

(b)     jippreżenta prova li hu jew hi kien impjegat, fl-istess grupp, għal mill-inqas 12-il xahar immedjatament qabel id-data tat-trasferiment intra-ażjendali u li hu jew hi jkun jista’ jittrasferixxi lura lejn entità li tappartjeni f’dak il-grupp u stabbilita f’pajjiż terz fi tmiem ix-xogħol;

(c)     jippreżenta ittra ta’ trasferiment mingħand min iħaddmu li tinkludi:

(i)      il-perjodu tat-trasferiment u l-post fejn tinsab l-entità jew entitajiet ospitanti tal-Istat Membru kkonċernat;

(ii)      evidenza li hu jew hi se jieħdu pożizzjoni ta' maniġer, speċjalista jew apprendist gradwat fl-entità jew entitajiet ospitanti fl-Istat Membru kkonċernat;

(iii)     ir-remunerazzjoni mogħtija matul it-trasferiment;

(d)     tiġi ppreżentata evidenza li tiċċertifika li hu jew hi għandha l-kwalifiki professjonali meħtieġa fl-Istat Membru fejn hu jew hi se tiġi ammessa għall-pożizzjoni ta’ maniġer jew speċjalista jew, għal apprendisti gradwati, il-kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla meħtieġa;

(e)     tiġi ppreżentata dokumentazzjoni li tiċċertifika li hu jew hi tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati taħt il-liġi nazzjonali għal ċittadini tal-Unjoni sabiex jeżerċitaw il-professjoni regolata fejn min qed jieħu t-trasferiment ikun se jaħdem;

(f)      jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu, kif determinat mil-liġi nazzjonali, u applikazzjoni għal viża jew viża, jekk meħtieġ;

(g)     mingħajr ħsara għal ftehimiet bilaterali eżistenti, jippreżenta evidenza li għandu, jew jekk tipprovdiha l-liġi nazzjonali, li jkun applika għal, assikurazzjoni tas-saħħa għar-riskji kollha normalment koperti għal ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat għal perjodi fejn m'hemmx tali kopertura tal-assikurazzjoni jew dritt simili għal benefiċċji pprovduti rigward, jew bħala riżultat tal-kuntratt tax-xogħol;

(h)     ikun kkunsidrat li ma jippreżentax theddida għall-politika pubblika, s-sigurtà tal-pubbliku jew is-saħħa pubblika.

2.           Stati Membri għandhom jirrikjedu li l-kundizzjonijiet kollha fil-liġi, fir-regolamenti jew fid-dispożizzjonijiet amministrattivi u/jew ftehimiet kollettivi universalment applikabbli li japplikaw għal ħaddiema f'qagħda simili fil-fergħat tax-xogħol rilevanti ikunu ssodisfati rigward ir-remunerazzjoni mogħtija waqt it-trasferiment.

Fin-nuqqas ta' sistema li permezz tagħha ftehimiet kollettivi jistgħu jiġu ddikjarati universalment applikabbli, Stati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw rwieħhom fuq ftehimiet kollettivi li huma ġeneralment applikabbli għall-entitajiet kollha simili fl-ispazju ġeografiku u fil-professjoni jew industrija kkonċernata, u/jew ftehimiet kollettivi li jkunu ġew konklużi minn dawk li jħaddmu jew unjins li huma l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u li huma applikati fit-territorju kollu.

3.           Minbarra l-evidenza stipulata fil-paragrafi 1 u 2, kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex ikun ammess bħala apprendist gradwat għandu jippreżenta ftehim ta’ taħriġ, inkluża deskrizzjoni tal-programm ta’ taħriġ, id-dewmien tiegħu u l-kundizzjonijiet li taħthom huwa jew hija ssorvelja jew issorveljat f’dan il-programm.

4.           Meta t-trasferiment jikkonċerna entitajiet ospitanti kkollokati f'diversi Stati Membri, kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika sabiex ikun ammess taħt it-termini ta’ din id-Direttiva għandu jippreżenta l-evidenza tal-avviż imsemmi skont l-Artikolu 16 (1) (b).

5.           Kwalunkwe modifika li taffettwa l-kundizzjonijiet għal ammissjoni kif stabbilit f'dan l-Artikolu għandha tkun notifikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 6 Raġunijiet għal rifjut

1.           L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ma jkunux issodisfati jew meta d-dokumenti ppreżentati jkunu ġew akkwistati b’mod frawdulenti, ffalsifikati jew imbagħbsa.

2.           L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni jekk min jimpjega jew l-entità ospitanti kienu ġew sanzjonati b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali għal xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali.

3.           L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal raġunijiet ta' volumi ta' ammissjonijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

4.           Meta t-trasferiment jikkonċerna entitajiet ospitanti kkollokati f'diversi Stati Membri, l-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għandu jillimita l-ambitu ġeografiku tal-validità tal-permess għall-Istati Membri fejn il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 huma ssodisfati.

Artikolu 7 Irtirar jew rifjut ta’ tiġdid tal-permess

1.           L-Istati Membri għandhom jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess għal-trasferiment intra-ażjendali fil-każijiet li ġejjin:

(a)     meta kien akkwistat b’mod frawdolenti jew kien falsifikat jew imbagħbas; jew

(b)     meta d-detentur qed jirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom hu/hi kien awtorizzat jirrisjedi.

2.           L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess għal-trasferiment intra-ażjendali fil-każijiet li ġejjin:

(a)     kull meta l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 ma ġewx osservati jew m'għadhomx jiġu osservati;             jew

(b)     għal raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika.

Artikolu 8 Penali

L-Istati Membri jistgħu jżommu lill-entità ospitanti responsabbli u jipprovdu għal penali għan-nuqqas ta' osservanza tal-kundizzjonijiet ta' ammissjoni. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

KAPITOLU III PROĊEDURA U PERMESS

Artikolu 9 Aċċess għall-informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar dħul u residenza, inklużi drittijiet, u kull evidenza dokumentarja kollha meħtieġa biex issir applikazzjoni.

Artikolu 10 Applikazzjonijiet għal ammissjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjonijiet għandhomx isiru miċ-ċittadin tal-pajjiż terz jew mill-entità ospitanti ewlenija.

2.           L-applikazzjoni għandha tkun ikkunsidrata u eżaminata biss meta ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun jirrisjedi barra t-territorju tal-Istat Membru li fih hu jew hi jixtieq ikun ammess.

3.           L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn it-trasferiment intra-ażjendali l-aktar li jseħħ.

4.           L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità kompetenti biex tirċievi l-applikazzjoni u toħroġ il-permess tal-ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali.

5.           L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata fi proċedura ta' applikazzjoni unika.

6.           L-Istat Membru ikkonċernat għandu jagħti lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni tagħhom biex jiġi ammessi tkun ġiet aċċettata kull faċilità biex jiksbu l-viża meħtieġa.

7.           Proċeduri ssimplifikati jistgħu jkunu disponibbli għal gruppi ta' impriżi li jkunu ġew rikonoxxuti għal dak il-għan minn Stati Membri skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew prassi amministrattiva tagħhom.

Ir-rikonoxximent għandu jingħata għal massimu ta' tliet snin abbażi tal-informazzjoni li ġejja:

(a)     informazzjoni relatata mal-qagħda finanzjarja tal-grupp ta' impriżi bil-għan li tiżgura li l-ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali jiġi ggarantit il-livell meħtieġ ta' remunerazzjoni u drittijiet kif jipprovdi l-Artikolu 14;

(b)     evidenza li l-kundizzjonijiet ta' ammissjoni rigward trasferimenti ta' qabel jkunu ġew osservati;

(c)     evidenza li l-liġi u r-regolazzjonijiet tat-taxxa ġew osservati fil-pajjiż ospitanti;

(d)     informazzjoni relatata ma' trasferimenti futuri.

8.           Il-proċeduri ssimplifikati li jipprovdi għalihom paragrafu 7 għandhom jikkonsistu f':

(a)     eżenzjoni tal-applikant milli jippreżenta d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5 meta kienu mogħtija preċedentement u għadhom validi;

(b)     proċedura ta' ammissjoni mħaffa li tippermetti li permessi għal ħaddiema bi trasfriment intra-ażjendali jinħarġu fi żmien iqsar minn dak speċifikat fl-Artikolu 12(1); jew

(c)     faċilitazzjonijiet speċifiċi għall-viżi.

9.           Grupp ta' imrpiżi li ġie rikonoxxut skont il-paragrafu 7 għandu jinnotifika lill-awtorità relevanti kwalunkwe modifika li jkollha impatt fuq il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent.

10.         L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali xierqa, inkluż ir-revoka tar-rikonoxximent, fil-każ li ma tiġix ippreżentata l-evidenza u l-informazzjoni imsemmija f'paragrafu 7.

Artikolu 11 Permess għal ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali

1.           Ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali li jissodisfaw il-kriterji ta’ ammissjoni stabbiliti fl-Artikolu 5 u li dwarhom l-awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu deċiżjoni pożittiva għandu jinħarġilhom permess ta’ trasferiment intra-ażjendali.

2.           Il-perjodu ta’ validità tal-permess ta’ traferiment intra-ażjendali għandu jkun mill-inqas sena jew ekwivalenti għall-perjodu tat-trasferiment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, skont liema jkun l-iqsar, u jista’ jkun estiż għal massimu ta' tliet snin għal maniġers u speċjalisti u sena għal apprendisti gradwati.

3.           Il-permess ta’ trasferiment intra-ażjendali għandu jinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru permezz tal-format uniformi stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) 1030/2002[14]. Skont il-punti (a) 7.5-9 tal-Anness ta' dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jindikaw fuq il-permess tar-residenza informazzjoni relatata mal-permess għax-xogħol skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13.

4.           Taħt l-intestatura ‘tip ta’ permess’, l-Istati Membri għandhom jinkludu ‘ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali u l-isem tal-grupp ta’ impriżi kkonċernati. L-Istati Membri għandhom joħorġu lid-detentur ta' permess ta' trasferiment intra-ażjendali dokument li jelenka l-entitajiet awtorizzati biex jospitaw liċ-ċittadin ta' pajjiż terz u jirreveduha kull meta l-lista tiġi mmodifikata.

5.           L-Istati Membri m’għandhom joħorġu ebda permessi addizzjonali, b’mod partikolari permessi tax-xogħol ta’ kwalunkwe tip.

Artikolu 12 Salvagwardji proċedurali

1.           L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal ammissjoni fi Stat Membru bħala ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali jew għal reviżjoni tad-dokument addizzjonali li jipprovdi għalih l-Artikolu 11(4) u jinnotifikaw lill-applikant bil-miktub, skont il-proċeduri ta’ notifikazzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, fi żmien 30 jum mid-data li fiha l-applikazzjoni kompleta kienet ippreżentata. F’każi eċċezzjonali li jinvolvu applikazzjonijiet kumplessi inklużi applikazzjonijiet li jikkonċernaw entitajiet ospitanti anċillari fi Stati Membri oħra, l-iskadenza tista’ tiġġedded għal massimu ta’ 60 jum ieħor.

2.           Jekk l-informazzjoni provduta b’sostenn għall-applikazzjoni mhix adegwata, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-applikant fi żmien raġonevoli bl-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u jistabbilixxu skadenza għall-provvista tagħha.

3.           Kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni jew li ma ġġeddidx jew li tirtira permessi ta' trasferiment intra-ażjendali, għandha tkun notifikata bil-miktub lill-applikant u għandha tkun miftuħa għal kontestazzjoni legali fl-Istat Membru kkonċernat, skont il-liġi nazzjonali. In-notifika għandha tispeċifika r-raġunijiet għad-deċiżjoni, il-proċeduri possibbli ta’ rimedju disponibbli u l-limitu ta’ żmien biex tittieħed azzjoni.

KAPITOLU IV DRITTIJIET

Artikolu 13 Drittijiet fuq il-bażi ta' permess lil ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali

Matul il-perjodu ta' validità ta' permess għal trasferiment intra-ażjendali, id-detentur għandu jgawdi mill-inqas dawn id-drittijiet li ġejjin:

1.           id-dritt għal dħul u soġġorn fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-permess;

2.           aċċess ħieles għat-territorju kollu tal-Istat Membru li joħroġ il-permess fil-limiti stabbiliti mil-liġi nazzjonali;

3.           id-dritt li jeżerċita l-attività ta' impjieg speċifiku awtorizzata mill-permess skont il-liġi nazzjonali fi kwalinkwe entità oħra li tappartjeni għall-grupp ta' impriżi elenkati fid-dokument addizzjonali li jipprovdi għalih l-Artikolu 11(4) skont l-Artikolu 16;

4.           id-dritt li jwettaq ix-xogħol fis-siti tal-klijenti tal-entitajiet li jappartjenu għall-grupp ta' impriżi elenkati fid-dokument addizzjonali li jipprovdi għalih l-Artikolu 11(4), sakemm tinżamm ir-relazzjoni ta' impjieg mal-impriża stabbilita f'pajjiż terz.

Artikolu 14 Drittijiet

Tkun xi tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg, ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali għandhom ikunu intitolati għal:

1.           it-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg applikabbli għal ħaddiema kkollokati f'impjieg simili, kif stipulat mil-liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u/jew ftehimiet applikabbli universalment mill-Istat Membru li għalih ġew ammessi skont din id-Direttiva.

Fin-nuqqas ta' sistema li permezz tagħha ftehimiet kollettivi jkunu jistgħu jiġu ddikjarati universalment applikabbli, Stati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw rwieħhom fuq ftehimiet kollettivi li huma ġeneralment applikabbli għall-entitajiet kollha simili fl-ispazju ġeografiku u fil-professjoni jew industrija kkonċernata, u/jew ftehimiet kollettivi li jkunu ġew konklużi minn dawk li jħaddmu jew unjins li huma l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u li huma applikati fit-territorju kollu.

2.           trattament indaqs ma’ ċittadini tal-Istat Membru ospitanti rigward:

(a)     libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u sħubija ta’ organizzazzjoni li tirrappreżenta ħaddiema jew impjegati jew ta’ kwalunkwe organizzazzjoni li l-membri tagħha huma involuti f’okkupazzjoni speċifika, inkluż il-benefiċċji mogħtija minn dawn l-organizzazzjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-politika pubblika u s-sigurtà tal-pubbliku;

(b)     rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki personali oħra skont il-proċeduri nazzjonali rilevanti;

(c)     mingħajr ħsara għal ftehimiet bilaterali eżistenti, dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali rigward il-fergħat tas-sigurtà soċjali ddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru. 883/04. F’każ ta’ mobbiltà bejn l-Istati Membri u bla ħsara għal ftehimiet bilaterali eżistenti, ir-Regolament (KE) Nru 859/2003[15] għandu għaldaqstant japplika.

(d)     bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 859/2003 u għal ftehimiet bilaterali eżistenti, ħlas ta’ pensjonijiet statutorji bbażati fuq id-dħul fir-rigward ta' impjiegi preċedenti meta jiċċaqlaq lejn pajjiż terz;

(e)     aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista ta’ prodotti u servizzi magħmula disponibbli għall-pubbliku, minbarra akkomodazzjoni soċjali u servizzi ta’ konsulenza minn servizzi ta’ impjieg;

Id-dritt għal trattament indaqs stabbilit f’paragrafu 2 għandu japplika bla ħsara għad-dritt tal-Istat Membru li jirtira jew jirrifjuta li jġedded il-permess skont l-Artikolu 7.

Artikolu 15 Membri tal-familja

1.           Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE għandha tapplika, suġġett għad-derogi stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 3(1) u 8 tad-Direttiva 2003/86/KE, riunifikazzjoni tal-familja fl-ewwel Stat Membru m’għandhiex issir dipendenti fuq ir-rekwiżit li d-detentur tal-permess maħruġ fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva għandu jkollu prospetti raġonevoli sabiex jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti u jkollu perjodu minimu ta’ residenza.

3.           Permezz ta’ deroga mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86/KE, il-miżuri ta’ integrazzjoni msemmija fih jistgħu jkunu applikati mill-ewwel Stat Membru biss wara li l-persuni kkonċernati tkun ingħatatilhom ir-rijunifikazzjoni tal-familja.

4.           Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/86/KE, permessi ta’ residenza għal membri tal-familja għandhom ikunu mogħtija mill-ewwel Stat Membru, jekk il-kundizzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja jkunu ssodisfati, bħala l-aktar tard fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet ippreżentata.

5.           Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 13(2) u (3) tad-Direttiva 2003/86/KE, il-perjodu tal-validità tal-permessi ta’ residenza għal membri tal-familja għandu jkun l-istess bħal dak tal-permess ta’ residenza maħruġ għall-ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali, safejn jippermetti il-perjodu ta’ validità tad-dokumenti ta’ vjaġġjar tagħhom.

KAPITOLU V MOBBILTÀ BEJN L-ISTATI MEMBRI

Artikolu 16 Mobbiltà bejn l-Istati Membri

1.           Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jingħataw permess għal trasferiment intra-ażjendali fi Stat Membru, li jissodisfaw il-kriterji għal ammissjoni kif stipulati fl-Artikolu 5 u li japplikaw għal trasferiment intra-ażjendali fi Stat Membru ieħor għandhom jitħallew jaħdmu fi kwalunkwe entità oħra stabbilita f'dak l-Istat Membru u li tappartjeni għall-istess grupp ta' impriżi u fuq is-siti ta' klijenti ta' dik l-impriża ospitanti jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(4) ikunu ssodisfati, fuq il-bażi tal-permess ta' residenza maħruġ mill-ewwel Stat Membru u d-dokument addizzjonali li jipprovdi l-Artikolu 11(4), bil-kundizzjoni li:

(a)     it-tul ta’ żmien tat-trasferiment fl-Istat(i) Membru/i ma jkunx jaqbeż it-tnax-il xahar.

(b)     l-applikant ikun ippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor, qabel it-trasferiment tiegħu/tagħha għal; dak l-Istat Membru, d-dokumenti imsemmija fl-Artikolu 5 (1) (2) u (3) rigward it-trasferiment lejn dak l-Istat Membru u pprovda evidenza ta’ din is-sottomissjoni lill-ewwel Istat Membru.

2.           Jekk it-tul ta’ żmien tat-trasferiment fl-Istat Membru l-ieħor jaqbeż it-tnax-il xahar jew it-tul ta’ żmien massimu miftiehem imsemmi fil-paragrafu 1 (a), l-Istat Membru jista' jeħtieġ applikazzjoni ġdida għal permess ta’ residenza bħala ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali f’dak l-Istat Membru.

Meta l-leġiżlazzjoni rilevanti teħtieġ viża jew permess ta’ residenza titħaddem il-mobbiltà, dawn il-viżi jew permessi għandhom ikunu mogħtija fil-ħin f’perjodu li ma jostakolax it-twettiq ta’ xogħol, filwaqt li jħalli lill-awtoritajiet kompetenti biżżejjed ħin sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet.

L-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu li ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali jitilqu mit-territorju tagħhom sabiex jissottomettu applikazzjonijiet għal viżi jew permessi ta’ residenza.

3.           Il-perjodu massimu tal-permess tar-residenza għandu jkun limitat għal mhux iktar minn tliet snin għal diretturi u speċjalisti u sena għal apprendisti gradwati.

KAPITOLU VI DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17 Statistiċi

1.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni statistiċi dwar l-għadd ta’ permessi ta’ residenza maħruġa għall-ewwel darba jew imġedda u, safejn possibbli, dwar l-għadd ta' permessi ta' residenza irtirati għall-iskop ta’ trasferiment intra-ażjendali lil persuni li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, diżaggregati abbażi ta' ċittadinanza, età u sess, pożizzjoni tal-ħaddiem trasferit (maniġer, speċjalista u apprendist gradwat), perjodu tal-validità tal-permess u settur ekonomiku.

2.           L-istatistiċi li jirreferi għalihom paragrafu 1 għandhon jiġu kkomunikati skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007[16].

3.           L-istatistiċi li jirreferi għalihom paragrafu 1 għandhom jirrigwardaw il-perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandhom ikunu provduti lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun […….].

Artikolu 18 Rapporti

Sa [tliet snin wara d-data tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva] mill-inqas u kull tliet snin sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri inkluż kwalunkwe proposta meħtieġa.

Artikolu 19 Punti ta’ kuntatt

1.           L-Istati Membri għandhom jappuntaw punti ta’ kuntatt li għandhom ikunu responsabbli biex jirċievu u jittrasmettu l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat l-Artikolu 16.

2.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu kooperazzjoni xierqa fuq skambji tal-informazzjoni u dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 20 Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jimxu skont din id-Direttiva mhux iktar tard minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkompanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 21 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-[…] jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 22 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, [... ]

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM(2007) 637 u 638, 23.10.2007.

[2]               ĠU C 274, 19.9.1996, p. 3.

[3]               Ara WTO Doc. S/L/286 u S/C/W/273 Suppliment 1 tat-18 Diċembru 2006.

[4]               Proposta għal Direttiva dwar proċedura ta' applikazzjoni unika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi biex jirrisjedu fit-territorju ta' Stat Membru u sett komuni ta' drittijiet għal ħaddiema minn pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru.

[5]               ĠU C , , p. .

[6]               ĠU C , , p. .

[7]               COM(2010) 2020.

[8]               COM(2005) 669.

[9]               WTO Doc. S/L/286 u S/C/W/273 Suppliment 1 tat-18 Diċembru 2006.

[10]             ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

[11]             ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

[12]             ĠU L 289, 3.11.2005, p. 15.

[13]             ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12.

[14]             ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1.

[15]             ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1.

[16]             ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23.