SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

11 ta’ Ġunju 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Rekwiżiti komuni għas-servizzjanti tal-kreditu u għax-xerrejja tal-kreditu – Direttiva (UE) 2021/2167 – Artikolu 10 – Kuntratt ta’ ċessjoni f’daqqa ta’ krediti dubjużi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li la tipprevedi forma bil-miktub għal dan it-tip ta’ kuntratt u lanqas l-issuġġettar taċ-ċessjonarju għal superviżjoni prudenzjali”

Fil-Kawża C‑65/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Brindisi (il-Qorti Distrettwali ta’ Brindisi, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar 2025, fil-proċedura

IFIS NPL INVESTING SpA

vs

JM,

OT,

VR,

CL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn I. Ziemele, Presidenta tal-Awla, A. Kumin (Relatur) u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal JM, OT, VR u CL, minn L. Bardaro u S. Bardaro, avvocati,

–

għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistita minn M. Cherubini,m avvocato dello Stato, E. Cicatelli, C. De Nicol, procuratori dello Stato,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Manzaneque Valverde, P. A. Messina u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni kemm tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll tal-prinċipji ta’ protezzjoni effettiva, ta’ trasparenza u ta’ bona fide.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IFIS NPL INVESTING SpA (iktar ’il quddiem “Ifis”) u JM, OT, VR u CL dwar l-irkupru forzat, permezz ta’ sekwestru ta’ proprjetà immobbli, ta’ kreditu li Ifis tallega li għandha fil-konfront ta’ dawn l-erba’ persuni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2015/849

3

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73, u rettifika fil-ĠU L, 2024/90601), applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali, tinkludi, fl-Artikolu 2 tagħha, definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għalhekk, skont dan l-Artikolu 2(1), id-Direttiva 2015/849 tapplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għall-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fil-punt 3 ta’ din id-dispożizzjoni.

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta[l-]kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1 u rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2, u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29)] […]

(2)

‘istituzzjoni finanzjarja’ tfisser:

(a)

intrapriża, li ma tkunx istituzzjoni ta’ kreditu, li twettaq waħda jew aktar mill-attivitajiet inklużi fil-punti (2) sa (12), (14) u (15) tal-Anness I [tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, fil-ĠU 2020, L 203, p. 95)], inklużi l-attivitajiet ta’ uffiċċji ta’ kambju tal-munita;

[…]”

Id-Direttiva 2013/36

5

L-Anness I tad-Direttiva 2013/36, bit-titolu “Lista ta’ attivitajiet soġġetti għar-rikonoxximent reċiproku”, jipprovdi, fil-punti 2 sa 12, 14 u 15 tiegħu:

“2.

Self li jinkludi, fost l-oħrajn: kreditu tal-konsumaturi, ftehimiet ta’ kreditu b’rabta ma’ proprjetà immobbli, fatturaġġ riversibbli u irriversibbli (recourse u non-recourse factoring), il-finanzjament ta’ transazzjonijiet kummerċjali (inkluż il-forfeiting).

3.

Leasing finanzjarju.

4.

Servizzi tal-pagament […]

5.

Il-ħruġ u l-amministrazzjoni ta’ mezzi oħra ta’ ħlas […]

6.

Garanziji u impenji.

7.

Negozju għall-kont proprju jew f’isem il-klijenti fi kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

strumenti tas-suq tal-flus (ċekkijiet, kambjali, ċertifikati ta’ depożiti, eċċ.);

(b)

kambju (tal-valuti);

(c)

futures u opzjonijiet finanzjarji;

(d)

strumenti tal-kambju u tar-rata tal-imgħax;

(e)

titoli trasferibbli.

8.

Parteċipazzjoni f’ħarġiet ta’ titoli u l-forniment ta’ servizzi relatati ma’ tali kwistjonijiet.

9.

Pariri lill-impriżi dwar l-istruttura tal-kapital, l-istrateġija industrijali u kwistjonijiet u pariri relatati kif ukoll servizzi relatati mal-fużjonijiet u x-xiri ta’ impriżi.

10.

Intermedjazzjoni fis-suq monetarju.

11.

Ġestjoni ta’ portafolli u pariri.

12.

Żamma sikura u amministrazzjoni ta’ titoli

[…]

14.

Servizzi tal-kustodja sikura.

15.

Ħruġ ta’ flus elettroniċi.”

Id-Direttiva 2021/2167

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2021/2167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2021 dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE (ĠU 2021, L 438, p. 1), bit-titolu “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas u rekwiżiti komuni għal:

(a)

servizzjanti tal-kreditu tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv [li ma jrendix] jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni, li jaġixxu f’isem xerrej tal-kreditu;

(b)

xerrejja tal-kreditu tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni.”

7

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

[…]

(d)

it-trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu, jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, li jkun ġie ttrasferit qabel id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(2).”

8

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Relazzjoni mal-mutwatarju, komunikazzjoni tat-trasferiment u komunikazzjonijiet sussegwenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, ċerti rekwiżiti imposti fuq ix-xerrejja tal-kreditu u fuq is-servizzjanti tal-kreditu fir-relazzjonijiet tagħhom mal-mutwatarji. Dan l-Artikolu 10 jelenka, fil-paragrafu 2 tiegħu, l-elementi li x-xerrej tal-kreditu jew is-servizzjant tal-kreditu huma obbligati jikkomunikaw lill-mutwatarju, fuq karta jew fuq mezz ieħor li jservi għal żmien twil, wara t-trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur abbażi ta’ kuntratt ta’ kreditu li ma jrendix jew iċ-ċessjoni tal-kuntratt ta’ kreditu li ma jrendix innifsu.

9

L-Artikolu 32 tal-istess direttiva, bit-titolu “Traspożizzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sad-29 ta’ Diċembru 2023, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni [Ewropea].

2.   Huma għandhom japplikaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 mit-30 ta’ Diċembru 2023.

[…]”

10

L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2021/2167, bit-titolu “Dħul fis-seħħ” jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

Id-dritt Taljan

11

Konformement mal-Artikolu 106(1) tad-decreto legislativo n. 385 – Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 385, li jistabbilixxu Test Uniku tal-Liġijiet fil-Qasam Bankarju u ta’ Kreditu), tal-1 ta’ Settembru 1993 (GURI Nru 230, tat-30 ta’ Settembru 1993, Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 92), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, “[i] l-eżerċizzju fir-rigward tal-pubbliku tal-attività ta’ għoti ta’ finanzjamenti taħt kwalunkwe forma huwa rriżervat għall-intermedjarji finanzjarji awtorizzati, irreġistrati f’reġistru ad hoc miżmum mill-[Banca d’Italia (il-Bank tal-Italja)]”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Ifis bdiet quddiem it-Tribunale di Brindisi (il-Qorti Distrettwali ta’ Brindisi, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, proċedura ta’ sekwestru ta’ proprjetà immobbli kontra JM, OT, VR u CL, billi invokat kreditu fil-konfront tagħhom, iggarantit minn proprjetajiet immobbli. Ifis issostni li hija saret il-proprjetarja ta’ dan il-kreditu wara diversi ċessjonijiet suċċessivi. Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-imsemmi kreditu jmur lura għal ordni ta’ ħlas maħruġa matul is-sena 1997 favur bank Taljan.

13

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, minn naħa, Ifis ipproduċiet quddiemha kuntratti ta’ ċessjoni ta’ krediti, li jinkludu, f’daqqa, il-listi tal-krediti li huma s-suġġett ta’ dawn iċ-ċessjonijiet. Madankollu, dawn il-kuntratti ta’ ċessjoni, minkejja li ġew konklużi bil-miktub, la kienu konklużi fil-forma ta’ att pubbliku u lanqas fil-forma ta’ skrittura privata awtentikata. Fi kwalunkwe każ, dawn ma għandhomx data ċerta, li tista’ tiġi invokata kontra terzi.

14

Min-naħa l-oħra, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li n-numru kbir ta’ ċessjonijiet ta’ krediti li seħħew f’dan il-każ kienu bejn entitajiet li mhux kollha kienu rreġistrati fir-Reġistru tal-intermedjarji finanzjarji msemmi fid-dispożizzjoni ċċitata fil-punt 11 ta’ din is-sentenza u li huwa s-suġġett ta’ superviżjoni prudenzjali mill-Bank tal-Italja. Tali reġistrazzjoni tippreżupponi l-eżistenza ta’ organizzazzjoni interna speċifika għal finijiet ta’ prevenzjoni, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

15

Skont il-qorti tar-rinviju, minn dan jirriżulta saħansitra dubju dwar il-fatt li Ifis hija effettivament u legalment proprjetarja tad-dritt ta’ kreditu li hija tinvoka insostenn tar-rikors tagħha.

16

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kuntratti ta’ ċessjoni f’daqqa ta’ krediti dubjużi li fid-dawl tagħha għandha tiġi evalwata l-kawża li għandha quddiemha.

17

Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali la tipprevedi li dan it-tip ta’ kuntratti għandu jkun is-suġġett ta’ kitba, u wisq inqas ta’ att pubbliku jew ta’ skrittura privata awtentikata, u lanqas ta’ modalitajiet li jistgħu jagħtuh data ċerta.

18

Barra minn hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali lanqas ma timponi li ċ-ċessjonarji f’daqqa ta’ krediti dubjużi jkunu rreġistrati fir-Reġistru tal-intermedjarji finanzjarji u, għaldaqstant, la huma, effettivament, obbligati li jikkonformaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni nazzjonali kontra l-ħasil tal-flus li għaliha huma suġġetti l-persuni fiżiċi u ġuridiċi rreġistrati f’dan ir-reġistru, u lanqas ma huma obbligati li jadottaw id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-organizzazzjoni interna meħtieġa minn tali reġistrazzjoni. Tali ċessjonarji lanqas ma huma suġġetti għas-superviżjoni prudenzjali eżerċitata mill-Bank tal-Italja.

19

Il-qorti tar-rinviju għandha, għalhekk, dubji dwar jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali, ikkunsidrata globalment, tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Jekk dan ikun il-każ, tqum ukoll il-kwistjoni dwar liema konsegwenzi għandhom jinsiltu minn dan u, b’mod partikolari, jekk id-diversi ċessjonijiet ta’ krediti li seħħew fil-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha jistgħux jitqiesu, kompletament jew parzjalment, bħala invalidi jew, minn tal-inqas, bħala li ma jistax jiġi infurzat, b’tali mod li t-titolu eżekuttiv invokat minn Ifis insostenn tar-rikors tagħha għandu jitqies bħala ineżistenti.

20

Il-Qorti tar-rinviju tkompli tesponi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża li għandha quddiemha hija preċedenti għal-leġiżlazzjoni li żgurat it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2021/2167 fl-ordinament ġuridiku Taljan u li daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Awwissu 2024. Minn dak iż-żmien ’l hawn, tali dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni għebu u ċ-ċessjonijiet f’daqqa ta’ krediti dubjużi issa huma rregolati b’mod iktar komplet. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha madankollu dubji dwar jekk din id-direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipproduċi effett retroattiv parzjali.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Brindisi (il-Qorti Distrettwali ta’ Brindisi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus, kif ukoll il-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni effettiva, ta’ trasparenza, ta’ bona fide oġġettiva bil-korollarji tagħha f’termini ta’ obbligi ta’ informazzjoni, għandhom jitqiesu[, u jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet,] li jipprekludu leġiżlazzjoni interna dwar it-trasferimenti en bloc [ċessjoni f’daqqa] (jew kumulattivi) ta’ self improduttiv [li ma jrendix], – dik applikabbli għal dan il-każ u li tippreċedi l-approvazzjoni tad-decreto legislativo del 30 luglio 2024, n. 116 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 116 tat-30 ta’ Lulju 2024, li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Awwissu 2024, li jimplimenta d-Direttiva [(2021/2167] – li għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

a)

ma kinitx tipprevedi forma bil-miktub ad substantiam jew ad probationem, b’mod partikolari fil-forom tal-att pubbliku jew tal-iskrittura privata awtentikata jew, fi kwalunkwe każ, modalitajiet li għandhom jiġu adatti sabiex jiżguraw li hemm data preċiża. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-kontraent ittrasferit ikun konsumatur;

(b)

ma kinitx tipprevedi, sad-dħul fis-seħħ tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq, xi obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistri [tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi] ssorveljati għal entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ trasferiment en bloc, peress li ma jwettqux attivitajiet finanzjarji, kif stabbilit mill-[Corte Suprema di Cassazione, (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja)] u li, għaldaqstant, huma awtomatikament eżentati, anke minħabba l-assenza ta’ obbligu ta’ att pubbliku, mir-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus [?]

2)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li hemm l-inkompatibbiltà murija, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif deskritta, timponi jew le, sabiex tipproteġi l-effettività tal-interessi tal-Komunità, is-sanzjoni radikali tan-nullità:

(a)

tat-trasferimenti [ċessjonijiet ta;’ krediti] mwettqa matul il-perjodu ta’ qabel l-approvazzjoni tad-digriet ta’ implimentazzjoni tad-[Direttiva 2021/2167];

(b)

ta’ poteri ddelegati għall-ġbir ta’ djun mogħtija lil entitajiet mhux irreġistrati f’reġistru [tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi] ssorveljat mill-awtorità indipendenti tas-settur u responsabbli għall-verifika tal-konformità mal-leġiżlazzjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus?”

Fuq l-ammissibbiltà

22

Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jsostnu li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

23

Skont il-Gvern Taljan, il-preżentazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tal-kuntest ġuridiku nazzjonali hija inkompleta u, fuq ċerti punti, żbaljata. Teżisti wkoll inċertezza fir-rigward tal-għan preċiż tat-tieni domanda. Barra minn hekk, dan il-gvern u l-Kummissjoni jsostnu li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija mitluba interpretazzjoni ma humiex indikati b’mod suffiċjentement preċiż.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2024, ENGIE Deutschland, C‑293/23, EU:C:2024:992, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

In-neċessità li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tal-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li hija tagħmel jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, EU:C:1993:26, punt 6, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2025, Braila Winds, C‑391/23, EU:C:2025:799, punt 30).

26

L-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjonijiet tar-rinviju għandha tkun tippermetti, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li kemm il-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll il-partijiet l-oħra kkonċernati jeżerċitaw id-dritt mogħti lilhom mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jippreżentaw osservazzjonijiet. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li dan id-dritt jiġi ssalvagwardjat, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-persuni kkonċernati (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2025, Braila Winds, C‑391/23, EU:C:2025:799, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi deskrizzjoni suffiċjenti tal-kuntest fattwali u legali tat-tilwima fil-kawża prinċipali li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti u li tippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet li wasslu sabiex il-qorti tar-rinviju jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-Gvern Taljan li jgħid li l-preżentazzjoni tad-dritt nazzjonali hija inkompleta, jew saħansitra żbaljata, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tivverifika jew tqiegħed inkwistjoni l-eżattezza tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti nazzjonali, peress li din l-interpretazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2024, Volvo Group Belgium, C‑436/23, EU:C:2024:1023, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għaldaqstant, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttivi 2021/2167 u 2015/849, kif ukoll il-prinċipji ta’ protezzjoni effettiva, ta’ trasparenza, u ta’ bona fide oġġettiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ ċessjoni f’daqqa ta’ krediti dubjużi li, fir-rigward tal-perijodu preċedenti għat-tmiem tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2021/2167, ma kinitx tipprevedi li tali kuntratti kellhom ikunu s-suġġett ta’ att bil-miktub u li minnha kien jirriżulta li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-attività tagħhom kienet tikkonsisti fit-twettiq ta’ tali ċessjonijiet ta’ krediti ma kinux is-suġġett ta’ superviżjoni prudenzjali mill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

30

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2021/2167, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 10 tagħha jipprevedi ċerti rekwiżiti li x-xerrejja ta’ kreditu li ma jrendux u s-servizzjanti ta’ kreditu li ma jrendux għandhom josservaw fir-relazzjonijiet tagħhom mal-mutwatarji. B’mod partikolari, l-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva jelenka l-elementi li x-xerrej tal-kreditu jew is-servizzjant tal-kreditu għandhom jikkomunikaw lill-mutwatarju fuq karta jew fuq mezz ieħor li jservi għal żmien twil, wara t-trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur abbażi ta’ kuntratt ta’ kreditu li ma jrendix jew iċ-ċessjoni tal-kuntratt ta’ kreditu li ma jrendix innifsu.

31

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2021/2167, adottata fl-24 ta’ Novembru 2021, konformement mal-Artikoli 32 u 33 tagħha, daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Diċembru 2021, u li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada fid-29 ta’ Diċembru 2023.

32

Barra minn hekk, għalkemm, konformement mal-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri meħuda għat-traspożizzjoni tagħha b’effett mit-30 ta’ Diċembru 2023, mill-Artikolu 2(5)(d) tagħha jirriżulta li din ma tapplikax għat-trasferiment tad-drittijiet tal-kreditur skont kuntratt ta’ kreditu, jew għaċ-ċessjoni tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, ittrasferiti qabel id-29 ta’ Diċembru 2023.

33

Peress li mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja donnu jirriżulta li l-elementi li jikkostitwixxu t-tilwima fil-kawża prinċipali seħħew qabel id-data tad-29 ta’ Diċembru 2023, id-Direttiva 2021/2167 ma hijiex applikabbli ratione temporis għal din it-tilwima.

34

Sa fejn il-qorti tar-rinviju tipprevedi l-impożizzjoni ta’ applikazzjoni retroattiva tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2021/2167, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jiġu kkritikati talli jkunu għadhom ma adottawx il-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha fl-ordinament ġuridiku tagħhom (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Għalkemm, konformement ma’ ġurisprudenza daqstant stabbilita, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha għandhom jastjenu milli jadottaw dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu serjament l-ilħuq tar-riżultat previst minn din id-direttiva (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND, C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata), direttiva jista’ jkollha effett dirett biss wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għaldaqstant, huwa eskluż li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2021/2167 jiġi interpretat fis-sens li l-obbligi stabbiliti fih japplikaw retroattivament.

37

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2015/849, minn qari flimkien tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika biss għall-entitajiet li jwettqu ċerti attivitajiet ekonomiċi speċifiċi elenkati f’dan l-Artikolu 2(1). Issa, fost dawn l-attivitajiet ma hemmx ix-xiri jew is-servizzjar ta’ krediti dubjuż.

38

Għaldaqstant, la d-Direttiva 2021/2167 u lanqas id-Direttiva 2015/849 ma japplikaw għal leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ ċessjoni f’daqqa ta’ krediti dubjużi li għandhom il-karatteristiċi miġbura fil-qosor fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

39

Fit-tielet u l-aħħar lok, għandu jitfakkar li huwa biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni li l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A, C‑89/14, EU:C:2015:537, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali la timplimenta d-Direttiva 2021/2167, la timplimenta d-Direttiva 2015/849, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt preċedenti, u lanqas ma timplimenta xi regola oħra tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prinċipji li tagħhom il-qorti tar-rinviju titlob ukoll interpretazzjoni fil-kuntest tal-ewwel domanda tagħha lanqas ma huma applikabbli għal din il-leġiżlazzjoni.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2021/2167, b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha, u d-Direttiva 2015/849 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ ċessjoni f’daqqa ta’ krediti dubjużi li, fir-rigward tal-perijodu preċedenti għat-tmiem tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2021/2167, ma kinitx tipprevedi li tali kuntratti kellhom ikunu s-suġġett ta’ att bil-miktub u li minnha kien jirriżulta li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-attività tagħhom kienet tikkonsisti fit-twettiq ta’ tali ċessjonijiet ta’ krediti ma kinux is-suġġett ta’ superviżjoni prudenzjali mill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Fuq it-tieni domanda

41

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva (UE) 2021/2167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2021 dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE, b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha, u d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

ma japplikawx għal leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ ċessjoni f’daqqa ta’ krediti dubjużi li, fir-rigward tal-perijodu preċedenti għat-tmiem tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2021/2167, ma kinitx tipprevedi li tali kuntratti kellhom ikunu s-suġġett ta’ att bil-miktub u li minnha kien jirriżulta li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-attività tagħhom kienet tikkonsisti fit-twettiq ta’ tali ċessjonijiet ta’ krediti ma kinux is-suġġett ta’ superviżjoni prudenzjali mill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.