1.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/52


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta' April 2009

li tawtorizza għajnuna Finlandiża għal żrieragħ u żerriegħa ta’ ċereali għas-sena tal-ħsad 2009

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 3078)

(It-testi bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

(2009/361/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 182(2), l-ewwel subparagrafu tiegħu, b’rabta mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Bl-ittra tal-10 ta’ Diċembru 2008, il-Gvern Finlandiż talab l-awtorizzazzjoni, għas-snin 2009 - 2010, biex jagħti għajnuna lill-bdiewa għal ċerti kwantitajiet ta’ tipi ta’ żrieragħ u żerriegħa taċ-ċereali li huma prodotti biss fil-Finlandja minħabba l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-klima tagħha.

(2)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 182(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Finlandja għandha tgħaddi lill-Kummissjoni rapport sodisfaċenti dwar ir-riżultati tal-għajnuna awtorizzata. Konsegwentement, tista’ tingħata għajnuna nazzjonali għal żrieragħ ikkultivati fl-2009.

(3)

Il-Finlandja talbet awtorizzazzjoni biex tagħti għajnuna għal kull ettaru ta’ ċerti erjas ikkultivati bl-ispeċi taż-żrieragħ tal-Gramineae (ħaxix) and tal-Leguminosae (legumi) kif stabbiliti fl-Anness XIII għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (2), bl-eċċezzjoni tal-Phleum pratense L. (Timothy), u għal ċerti erjas ikkultivati b’żerriegħa ta’ ċereali.

(4)

L-għajnuna proposta għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 182(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. L-għajnuna tikkonċerna tipi ta’ żrieragħ u ta’ żerriegħa ta’ ċereali kkultivati fil-Finlandja li huma adattati għall-kundizzjonijiet tal-klima ta’ dak il-pajjiż u li ma jitkabbrux fi Stati Membri oħrajn. L-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni għandha tkun limitata għat-tipi elenkati fil-lista ta’ varjetajiet Finlandiżi li huma prodotti fil-Finlandja biss.

(5)

Għandu jkun hemm dispożizzjoni biex il-Kummissjoni tkun informata dwar il-miżuri meħuda mill-Finlandja biex tikkonforma mal-limiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni,

(6)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009, il-Finlandja hija awtorizzata li tagħti għajnuna lil dawk stabbiliti fit-territorju tagħha li jkabbru żrieragħ u żerriegħa ta’ ċereali ċertifikati msemmija fl-Anness, f’ammonti skont il-limiti stipulati f’dak l-Anness.

L-awtorizzazzjoni għandha tkopri esklussivament il-varjetajiet elenkati fil-katalogu nazzjonali Finlandiż u li jitkabbru fil-Finlandja biss.

Artikolu 2

Il-Finlandja għandha tiżgura, b’sistema ta’ spezzjoni xierqa, li l-għajnuna tingħata biss għall-varjetajiet elenkati fl-Anness.

Artikolu 3

Il-Finlandja għandha tibgħat lill-Kummissjoni lista tal-varjetajiet ċertifikati konċernati u kwalunkwe emenda f’din il-lista u tinformaha dwar l-erjas u l-kwantitajiet ta’ żrieragħ u żerriegħa ta’ ċereali li jirċievu l-għajnuna.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Magħmula fi Brussell, it-30 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.


ANNESS

Żrieragħ

Eleġibbli

:

erjas li fihom jiġu kkultivati ż-żrieragħ tal-Gramineae (ħaxix) u tal-Leguminosae (legumi) ċertifikati tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness XIII għar-Regolament (KE) Nru 73/2009 bl-eċċezzjoni tal-Phleum pratense L. (Timothy).

L-għajnuna massima għal kull ettaru

:

EUR 220

Il-baġit massimu

:

EUR 442 200

Żerriegħa ta’ ċereali

Eleġibbli

:

erjas li fihom tiġi kkultivata żerriegħa ċertifikata ta’ qamħ, ħafur, xgħir u sikrana.

L-għajnuna massima għal kull ettaru

:

EUR 73

Il-baġit massimu

:

EUR 2 190 000