19.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 298/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1920

tat-18 ta’ Novembru 2019

li jikkonferixxi l-protezzjoni skont l-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-isem “Ambt Delden” (DOP)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 99 tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 97(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni li bagħat in-Netherlands fit-12 ta’ Frar 2016 biex l-isem “Ambt Delden” jiġi rreġistrat bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP), u ppubblikaha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Fit-8 ta’ Mejju 2018, waslet oġġezzjoni mill-Ministeru tal-Agrikoltura Taljan f’konformità mal-Artikoli 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 (3). Il-Kummissjoni qieset li l-oġġezzjoni kienet ammissibbli skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009.

(3)

Bl-ittra tal-5 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni bagħtet din l-oġġezzjoni lill-awtoritajiet Netherlandiżi u stednithom jibgħatu l-kummenti tagħhom fi żmien xahrejn f’konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009. In-Netherlands bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu fl-iskadenza meħtieġa, fl-4 ta’ Settembru 2018.

(4)

Kif previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009, bl-ittra tat-2 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijieti tal-awtoritajiet Netherlandiżi lil min oġġezzjona, il-Ministeru tal-Agrikoltura Taljan, li ngħata xahrejn biex jibgħat il-kummenti li jista’ jkollu. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda reazzjoni oħra mill-Ministeru tal-Agrikoltura Taljan.

(5)

Skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar dan abbażi tal-evidenza li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.

(6)

Min joġġezzjona jsostni li ċerti varjetajiet ta’ dwieli użati għall-produzzjoni ta’ “Ambt Delden”, jiġifieri “Souvignier Gris B”, “Pinotin N”, “Solaris B”, “Regent N” u “Johanniter B”, huma miksuba mill-inkroċjar bejn l-ispeċi Vitis vinifera ma’ speċijiet oħrajn tal-ġenus Vitis. Min joġġezzjona huwa tal-opinjoni li dan huwa f’kontradizzjoni ċara mal-Artikolu 93(1)(a)(iv) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistipula li l-inbejjed tad-DOP għandhom jiġu prodotti minn varjetajiet ta’ dwieli li jappartjenu għall-ispeċi Vitis vinifera. Isostni wkoll li l-Istati Membri kollha, bħall-Italja, jistgħu jikklassifikaw il-varjetajiet tagħhom ta’ għeneb tal-inbid (kemm dawk li jappartjenu għall-ispeċi Vitis vinifera u varjetajiet imħallta) fuq il-bażi ta’ evidenza xjentifika u data preċiżi u li f’ebda każ tista’ varjetà miksuba minn interspeċi inkroċjata titqies li tappartjeni għall-ispeċi Vitis vinifera.

(7)

Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti li bagħat min oġġezzjona u dawk li bagħat l-applikant, u kkonkludiet li jenħtieġ li l-isem “Ambt Delden” jiġi rreġistrat bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta għar-raġunijiet li ġejjin.

(8)

Diversi elementi jridu jitqiesu b’rabta mal-allegazzjonijiet li l-prodott mhux ġej minn varjetajiet tal-għeneb li huma varjetajiet li jappartjenu għall-ispeċi Vitis vinifera. L-ewwel nett, fil-livell tal-UE ma hemm l-ebda klassifikazzjoni armonizzata ta’ varjetajiet tal-għeneb li jappartjenu għall-ispeċi Vitis vinifera. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda lista ta’ referenza jew dokument xjentifiku disponibbli mingħand korp kompetenti uffiċjali, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV), li bħalissa jippermetti li wieħed jikklassifika speċi bħala varjetà tal-ispeċi Vitis vinifera jew bħala inkroċjar tal-ispeċi Vitis vinifera ma’ speċijiet oħrajn tal-ġenus Vitis, jew li wieħed jiddistingwi bejniethom mingħajr ebda dubju. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-kwistjoni tad-definizzjoni xjentifika tiġi ttrattata b’mod ewlieni fil-valutazzjoni nazzjonali preliminari li l-Istati Membri jwettqu f’konformità mal-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Għal dan il-għan, in-Netherlands jiddependi fuq il-klassifikazzjoni inkluża fil-Katalgu tal-Varjetajiet Internazzjonali tal-Vitis (VIVC) (4), fejn il-ħames varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid ikkonċernati kollha huma kklassifikati bħala tal-ispeċi Vitis vinifera. It-tieni nett, skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 dwar l-iskrutinju ta’ oġġezzjoni, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi li tirrifjuta jew li tirreġistra d-denominazzjoni tal-oriġini abbażi tal-evidenza li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha. F’dan il-każ min qed joġġezzjona jirreferi għar-reġistru nazzjonali Ġermaniż tal-varjetajiet tad-dwieli miżmuma mill-Bundessortenamt (Uffiċċju Federali għall-Varjetajiet ta’ Pjanti) u għall-informazzjoni fil-VIVC li tindika li l-ħames varjetajiet kollha użati għall-produzzjoni tal-inbid “Ambt Delden” ġew maħluqa bl-użu ta’ ċertu livell ta’ inkroċjar bejn speċijiet differenti tal-ġenus Vitis. Madankollu, dan ma jimpedixxix is-sit web tal-VIVC milli jikklassifika dawn il-ħames varjetajiet bħala Vitis vinifera. Fl-aħħar nett, meta tieħu d-deċiżjonijiet tagħha, il-Kummissjoni trid tqis il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li bħalissa l-varjetajiet tal-għeneb tal-inbid ikkonċernati jintużaw fil-produzzjoni ta’ nbejjed b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta f’diversi Stati Membri.

(9)

Minħabba r-raġunijiet mogħtija hawn fuq, wieħed ma jistax jikkonkludi li l-prodott imsejjaħ “Ambt Delden” ġej minn varjetajiet tal-għeneb li mhumiex varjetajiet tal-ispeċi Vitis vinifera. Għalhekk l-oġġezzjonijiet li saru abbażi ta’ dan iridu jiġu rrifjutati.

(10)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u f’konformità mal-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament u li jenħtieġ li l-isem “Ambt Delden” jiġi protett u jiddaħħal fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 104 ta’ dak ir-Regolament.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Ambt Delden” (DOP) b’dan huwa protett.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)   ĠU C 100, 16.3.2018, p. 14.

(3)   ĠU L 193, 24.7.2009, p. 60.

(4)  Il-Katalgu tal-Varjetajiet Internazzjonali tal-Vitis (VIVC) huwa bażi ta’ data ta’ diversi speċijiet u varjetajiet/kultivari tad-dwieli, tal-ġenus Vitis. Il-VIVC huwa amministrat mill-Istitut tal-Geilweilerhof għat-tkabbir tal-ispeċijiet tal-għeneb (Institut für Rebenzüchtung Geilweilerhof) f’Siebodingen, il-Ġermanja, u fiha informazzjoni minn kollezzjonijiet tad-dwieli li jeżistu f’diversi istituti ta’ vitikultura madwar id-dinja. Minn April 2009, l-informazzjoni fil-bażi ta’ data ġabret flimkien informazzjoni minn 130 istituzzjoni li jinsabu f’45 pajjiż, u fiha madwar 18 000 entrata.