31993L0086



Official Journal L 264 , 23/10/1993 P. 0051 - 0052
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 25 P. 0044
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 25 P. 0044


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/86/KEE

ta' l-4 ta' Ottubru 1993

li tadatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 91/157/KEE fuq batteriji u akkumulaturi li jkun fihom ċertu sustanzi perikolużi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart [1], kif ġiet emendata l-aħħar bid-Direttiva 91/692/KEE [2], u partikolarment l-Artikolu 18 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/157/KEE tat-18 ta' Marzu 1991 dwar batteriji u akkumulaturi li jkun fihom ċertu sustanzi perikolużi [3], u partikolarment l-Artikolu 10 tagħha,

Billi arranġamenti dettaljati għandhom ikunu stabbiliti għas-sistema ta' immarkar li hemm provvediment għaliha fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/157/KEE;

Billi l-apparat m'għandux għalfejn ikun immarkat, peress li l-Anness II għad-Direttiva 91/157/KEE jipprovdi għal sistema specjali ta' informazzjoni għal apparat li minnu l-konsumatur ma jistax ineħħi faċilment il-batterija jew l-akkumulatur;

Billi hemm il-bżonn ta' simbolu li juri ċar li l-batteriji jew l-akkumulaturi li jaqgħu taħt id-Direttiva 91/157/KEE għandhom jinġabru separatament minn skart domestiku ieħor;

Billi l-użu ta' dan is-simbolu għall-batteriji u l-akkumulaturi li jaqgħu taħt id- Direttiva 91/157/KEE għandu jiġi protett;

Billi l-miżuri li hemm provduti f'din id-Direttiva jaqblu ma' l-opinjoni mressqa mill-Kumitat għall-Adattament għall-Progress Xjentifiku u Teknoloġiku tal-Leġislazzjoni Komunitarja dwar l-Iskart,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għas-sistema ta' mmarkar hekk kif maħsuba mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/157/KEE fuq batteriji u akkumulaturi li jaqgħu taħt dik id-Direttiva u mmanifatturati għall-bejgħ fil-Komunità u impurtati fiha fl-1 ta' Jannar 1994 jew wara.

2. Il-batteriji u l-akkumulaturi msemmija fil-paragrafu 1 li huma prodotti jew impurtati fil-Komunità qabel l-1 ta' Jannar 1994 jistgħu jitqiegħdu fis-suq mingħajr is-simboli li għalihom hemm provediment fl-Artikoli 2 u 3 sal-31 ta' Diċembru 1995.

L-Artikolu 2

Is-simbolu li jindika l-ġbir separat għandu jikkonsisti f'waħda mil-kontenituri roll-out maqtugħha, kif muri hawn taħt:

+++++ TIFF +++++

Id-deciżjoni dwar l-għażla tas-simbolu li għandu jintuża fuq batteriji u akkumulaturi li jaqgħu taħt id-Direttiva 91/157/KEE għandhom isiru mill-persuna responsabbli għall-immarkar kif deskritt fl-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva. L-użu taż-żewġ simboli għandu jiġi kkunsidrat ekwivalenti kullimkien fil-Komunità. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-pubbliku bit-tifsira taż-żewġ simboli u jagħtuhom l-istess status fid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam ma' batteriji u akkumulaturi li jaqgħu taħt id-Direttiva 91/157/KEE. L-użu wieħed jew l-ieħor minn dawn is-simboli m'għandux jikkostitwixxi mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

L-Artikolu 3

Is-simbolu li jindika il-kontenut tal-metall tqil għandu jikkonsisti f'simbolu kimiku għall-metall konċernat, Hg, Cd jew Pb skond it-tip ta' batterija jew akkumulatur konċernat, kif deskritt fl-Anness I għad-Direttiva 91/157/KEE.

L-Artikolu 4

1. Is-simbolu deskritt fl-Artikolu 2 għandu jkopri 3 % tal-erja ta' l-akbar naħa tal-batterija jew akkumulatur, sa daqs massimu ta 5 × 5 ċm. Għaċ-ċelluli ċilindriċi s-simbolu għandu jkopri 3 % tan-nofs l-erja tal-wiċċ tal-batterija jew l-akkumulatur u għandu jkollu daqs massimu ta' 5 × 5 ċm.

Fejn id-daqs tal-batterija jew l-akkumulatur huwa tant li s-simbolu jkun iżgħar minn 0,5 × 0,5 ċm, il-batterija jew l-akkumulatur m'hemmx għalfejn ikunu mmarkati iżda simbolu ta' 1 × 1 ċm għandu jkun stampat fuq l-imballaġġ.

2. Is-simbolu msemmi fl-Artikolu 3 għandu jkun stampat taħt is-simbolu msemmi fl-Artikolu 2. Dan għandu jkopri erja ta' mill-anqas kwart tad-daqs tas-simbolu deskritt fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3. Is-simboli għandhom ikunu stampati viżibilment, leġibbilment u b'mod li ma jitħassrux.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw li l-immarkar jkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u li jsir mill-fabbrikant jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Istat Membru kkonċernat jew inkella mill-persuna responsabbli għat-tqegħid tal-batteriji jew l-akkumulaturi fuq is-suq nazzjonali.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jassiguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet kollha ta' din id-Direttiva, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-osservanza tas-simboli msemmija fl-Artikoli 2 u 3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-pieni li għandhom jiġu applikati f'każ ta' ksur tal-miżuri adottati biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva; pieni bħal dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u deterrenti fl-effett tagħhom.

L-Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1993. Dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummisjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-riferenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

L-Artikolu 8

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-4 ta' Ottubru 1993.

Għall-Kummissjoni

Yannis Paleokrassas

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39.

[2] ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 48.

[3] ĠU L 78, tas-26.3.1991, p. 38.

--------------------------------------------------