|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2023/1341 |
7.12.2023 |
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-użu tal-proċedura ta' eżami għall-miżuri ta' rispons tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2023/2675 dwar il-protezzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mill-koerċizzjoni ekonomika minn pajjiżi terzi
(C/2023/1341)
Il-Kummissjoni hija impenjata li tikkoopera mill-qrib mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Istrument tal-UE Kontra l-Koerċizzjoni, fl-istadji kollha, skont ir-regoli applikabbli u l-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni tinnota li l-għoti ta' rispons komuni tal-UE ser jappoġġa l-karatteristiċi ewlenin tal-istrument, jiġifieri, id-deterrenza u l-effettività, u ser ikun l-aktar xieraq fid-dawl tan-natura sensittiva tal-istrument.
Il-Kummissjoni tenfasizza li fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, dawk is-soluzzjonijiet bl-akbar appoġġ possibbli jistgħu jinkisbu minħabba n-natura u l-impatt tal-azzjoni tal-Unjoni skont ir-regolament. L-applikazzjoni ta' dan ir-regolament teħtieġ valutazzjoni ta' kwistjonijiet ekonomiċi, ta' politika u legali kumplessi li tipprovdi marġni sostanzjali għall-għażla ta' soluzzjonijiet, u b'mod partikolari dawk li għandhom l-akbar appoġġ possibbli tal-Istati Membri tal-UE.
F'dan ir-rigward, fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha skont ir-Regolament, u skont ir-regoli u l-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni ser tagħti attenzjoni partikolari biex toffri opportunitajiet bikrija u effettivi lill-kumitat tal-Istati Membri tal-UE biex jeżamina kwalunkwe abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u jesprimi fehmiet qabel il-votazzjoni, u, f'kull ħin, biex taħdem lejn soluzzjonijiet li jiksbu l-akbar appoġġ possibbli mill-Istati Membri tal-UE fi ħdan il-kumitat. Soġġett għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, il-Kummissjoni ser tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill l-analiżi tal-miżuri previsti msemmija fl-Artikolu 13(4) fil-pront meta jiġu ppreżentati lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni ser tiġbed l-attenzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill meta l-miżuri ta' rispons tal-Unjoni previsti jkunu relatati ma' dawk deskritti fl-Artikolu 8(4).
Barra minn hekk, f'każ li kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni dwar abbozz ta' att ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni ser tqis bis-sħiħ il-fehmiet espressi fil-kumitat u ser tipprijoritizza r-ritorn lill-kumitat b'abbozz ta' att emendat, sabiex jiġi żgurat l-akbar appoġġ possibbli għal opinjoni pożittiva b'kunsens jew b'maġġoranza kwalifikata favur fir-rigward ta' abbozz ta' att emendat. Jekk ikun meħtieġ li jsir rikors għall-kumitat ta' appell, il-Kummissjoni għandha tagħti l-akbar kunsiderazzjoni lill-fehmiet espressi fil-kumitat ta' appell u taħdem lejn l-adozzjoni ta' miżuri li huma bbażati fuq l-aktar appoġġ wiesa' possibbli għal opinjoni pożittiva b'kunsens jew b'maġġoranza kwalifikata favur. Fil-każ li l-kumitat ta' appell ma jagħti l-ebda opinjoni dwar abbozz ta' att ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni taġixxi b'tali mod li tevita li tmur kontra kwalunkwe pożizzjoni predominanti fi ħdan il-kumitat ta' appell kontra l-adegwatezza tal-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1341/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)