Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fit‑8 ta’ Ottubru 2026 (1)
Kawża C‑390/25
HUS-yhtymä
bl-intervent ta’:
Cloudia OY,
SC Software OY
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24 – Artikolu 30 – Djalogu kompetittiv – Artikolu 67(5) – Piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti – Espressjoni tal-piż permezz ta’ firxiet – Preċiżazzjoni tal-piż relattiv fl-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti finali – Użu fl-avviż ta’ kuntratt ta’ firxiet li ma jurux l-ordni definittiva tal-kriterji ta’ għoti”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), li hija l-qorti tar-rinviju, tirrigwarda żewġ aspetti importanti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.
2. Minn naħa, hija toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta għall-ewwel darba d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24/UE (2) li jirregolaw id-djalogu kompetittiv, peress li proċedura ta’ għoti partikolari tiżviluppa f’diversi stadji, tipikament użata għal kuntratti kkaratterizzati minn kumplessità teknika, legali jew finanzjarja. Min-naħa l-oħra, hija tippermetti wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi kjarifiki dwar l-obbligu impost mill-Artikolu 67(5) ta’ din id-direttiva fuq l-awtoritajiet kontraenti li jindikaw il-piż relattiv mogħti lil kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt, b’mod partikolari fil-każ fejn din l-indikazzjoni sseħħ bl-użu ta’ firxiet. L-interazzjoni bejn dawn iż-żewġ aspetti tas-sistema tal-kuntratti pubbliċi prevista mid-Direttiva 2014/24 hija fil-qalba ta’ din il-kawża.
3. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima li għandha bħala suġġett proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt organizzata fil-forma ta’ djalogu kompetittiv mill-Konsorzju tal-Muniċipalitajiet tad-distretti tas-saħħa ta’ Ħelsinki u Uusimaa (li sussegwentement sar HUS-yhtymä), l-awtorità kontraenti. Il-kuntratt inkwistjoni kellu bħala għan l-akkwist ta’ sistema kompleta ta’ ġestjoni tal-kuntratti u tas-servizzi ta’ esperti relatati magħha.
4. Mill-avviż ta’ kuntratt kien jirriżulta li l-awtorità kontraenti kienet ser tipproċedi għall-għoti tal-kuntratt abbażi tal-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Fid-deskrizzjoni tal-proċedura annessa mal-avviż ta’ kuntratt, ġie ppreċiżat ukoll li t-tqabbil tal-offerti kien se jsir skont il-modalitajiet deskritti fl-istedina għall-offerti finali. Fl-istess dokument, ġie indikat ukoll li l-kriterji ta’ għoti indikattivi u l-firxiet ta’ piż relatati kienu dawn li ġejjin:
– Prezz: 30‑70 %
– Karatteristiċi funzjonali: 15‑35 %
– Kompetenza tal-grupp ta’ esperti: 15‑35 %.
5. Wara d-djalogu mwettaq ma’ erba’ kandidati magħżula minn fost dawk li ppreżentaw talbiet għal parteċipazzjoni, HUS-yhtymä bagħtet lil dawn il-kandidati stedina sabiex jippreżentaw l-offerta finali tagħhom. Minn din l-istedina rriżulta li l-piż finali tar-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz u tal-kriterji tal-għoti kien kif ġej:
“– Prezz 30 %
– Kwalità 70 %
– Funzjonalitajiet addizzjonali (35 punt)
– Intervista (35 punt)”.
6. Permezz ta’ deċiżjoni ta’ għoti u deċiżjoni ta’ rettifika sussegwentement HUS-yhtymä tat il-kuntratt lil SC Software Oy u ħatret lil Cloudia Oy bħala fornitur ta’ sostituzzjoni.
7. Cloudia Oy ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt quddiem il-qorti tal-ewwel istanza billi sostniet li l-firxa ta’ bejn 30 % u 70 % għall-piż tal-kriterji ta’ għoti, stabbilita mill-awtorità kontraenti fl-avviż ta’ kuntratt, kienet, minħabba l-portata tagħha, mhux adattata. Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet ir-rikors u annullat l-għoti tal-kuntratt. HUS-yhtymä għalhekk appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.
8. Fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiemha, il-qorti tar-rinviju għandha żewġ dubji dwar l-interpretazzjoni. Għaldqastant, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-awtorità kontraenti, fil-kuntest ta’ djalogu kompetittiv fis-sens tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandha tevalwa l-offerti ssottomessi fuq il-bażi tal-kriterji ta’ għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokument deskrittiv u l-piż mogħti lilhom, jew għandha d-dritt li tippreċiża, fis-sejħa għall-offerti finali li għandha tiġi ssottomessa lill-offerenti wara negozjati, il-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti indikati fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokument deskrittiv, b’mod partikolari meta dan il-piż, fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokument deskrittiv, ġie indikat permezz ta’ firxa fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva?
2) Jekk, fil-kuntest ta’ djalogu kompetittiv, l-awtorità kontraenti għandha d-dritt li tispeċifika, meta tfassal is-sejħa għall-offerti, il-piż indikat fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokument deskrittiv permezz ta’ firxa fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva: tista’ l-firxa ta’ piż applikata f’dan il-każ mill-awtorità kontraenti fl-istadju tal-avviż ta’ kuntratt titqies bħala kompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 jekk, b’mod partikolari, jittieħed kont, minn naħa, tal-fatt li l-firxa applikata mill-awtorità kontraenti ma tiddeterminax il-klassifikazzjoni finali tal-kriterji ta’ għoti relatati mal-prezz u mal-kwalità u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li l-kriterji ta’ għoti u l-piż relattiv tagħhom huma indikati fis-sejħa għall-offerti finali fil-firxa kkomunikata fl-istadju tal-avviż ta’ kuntratt?”
II. Analiżi
9. Iż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 fil-kuntest speċifiku tal-proċedura ta’ djalogu kompetittiv, prevista fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva.
10. Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24 jiddetermina r-regoli ġenerali dwar il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt. Il-paragrafu 5 tiegħu jikkonċerna l-obbligu għall-awtoritajiet kontraenti li jindikaw il-piż relattiv ta’ dawn il-kriterji. Dan il-paragrafu 5 jinqasam fi tliet subparagrafi.
11. L-ewwel subparagrafu jipprovdi li, l-“awtorità kontraenti għandha tispeċifika fid-dokumenti tal-akkwist, il-piż relattiv li hi tagħti lil kull wieħed mill-kriterji magħżula sabiex tiddetermina l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, għajr meta din tkun identifikata abbażi tal-prezz biss”.
12. It-tieni subparagrafu jipprevedi li “[d]awk il-proporzjonijiet jistgħu jkunu espressi billi tkun provduta sensiela b’firxa massima adattata”.
13. It-tielet subparagrafu jipprovdi li “[f]ejn għal raġunijiet oġġettivi l-ippeżar mhuwiex possibbli, l-awtorità kontraenti għandha tindika l-kriterji f’ordni li tonqos skont l-importanza”.
14. Iż-żewġ domandi preliminari jikkonċernaw it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24, f’dak li jirrigwarda l-firxiet użati minn HUS-yhtymä sabiex tesprimi l-piż relattiv bejn il-kriterji ta’ għoti li hija kellha l-intenzjoni li tuża. L-ewwel domanda tikkonċerna, essenzjalment, il-mument, fil-kuntest tal-proċedura ta’ djalogu kompetittiv, fejn l-awtorità kontraenti tista’ tiddetermina b’mod definittiv il-piż relattiv espress fl-avviż ta’ kuntratt f’diversi firxiet; it-tieni domanda tikkonċerna, min-naħa l-oħra, in-natura “adattata” tad-differenza prevista fil-firxiet użati minn HUS-yhtymä fis-suq speċifiku inkwistjoni.
15. Sabiex tingħata risposta għal dawn iż-żewġ domandi preliminari, jidher opportun, preliminarjament, li jiġu deskritti fil-qosor il-karatteristiċi essenzjali tal-proċedura ta’ djalogu kompetittiv kif irregolati mid-Direttiva 2014/24.
A. Riferiment għall-proċedura ta’ djalogu kompetittiv
16. Id-djalogu kompetittiv huwa proċedura flessibbli mfassla għal kuntratti partikolarment kumplessi. Huwa utli meta l-awtoritajiet kontraenti ma jkunux jistgħu jiddefinixxu l-mezzi xierqa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom jew jevalwaw x’jista’ joffri l-kuntratt f’termini ta’ soluzzjonijiet tekniċi, finanzjarji jew legali (3). Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, għal proġetti innovattivi jew għal servizzi jew għal provvisti li jeħtieġu attivitajiet ta’ adattament jew ta’ disinn, bħal fil-każ ta’ kuntratti ta’ ċerta kumplessità li jirrigwardaw xiri bħal prodotti sofistikati, servizzi intellettwali, bħal ċerti servizzi ta’ konsulenza (4). L-għan fundamentali tal-proċedura ta’ djalogu kompetittiv huwa dak li l-awtorità kontraenti, permezz ta’ djalogu mal-kandidati ammessi, tkun tista’ tidentifika u tiddefinixxi l-mezzi l-iktar xierqa sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tagħha, qabel ma titlob l-offerti finali.
17. Id-djalogu kompetittiv ġie introdott għall-ewwel darba fid-dritt tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2004/18 (5) preċiżament sabiex jipprevedi proċedura flessibbli li toffri lill-awtoritajiet kontraenti mezz legali u trasparenti sabiex jiddjalogaw mas-suq, meta dan ikun neċessarju, b’mod partikolari minħabba l-kumplessità tal-kuntratt. Id-Direttiva 2014/24 żammet il-loġika oriġinali tal-proċedura, iżda inkludietha f’qafas regolatorju aġġornat.
18. Il-proċedura ta’ djalogu kompetittiv ma hijiex liberament aċċessibbli għall-awtoritajiet kontraenti, iżda hija suġġetta għall-fatt li jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet ta’ użu stabbiliti fl-Artikolu 26(4) tad-Direttiva 2014/24. Għalhekk, awtorità kontraenti tista’ tuża d-djalogu kompetittiv biss jekk ikun hemm waħda jew iktar mis-sitwazzjonijiet li ġejjin: il-ħtiġijiet tagħha ma jistgħux jiġu ssodisfatti mingħajr l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet disponibbli minnufih; ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt jinvolvu soluzzjonijiet innovattivi jew ta’ disinn; il-kuntratt ma jistax jingħata mingħajr negozjati minn qabel minħabba ċirkustanzi speċifiċi relatati man-natura, mal-kumplessità jew mal-istruttura finanzjarja u legali tas-suġġett tal-kuntratt; jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma jistgħux jiġu stabbiliti bi preċiżjoni suffiċjenti.
19. Il-proċedura ta’ djalogu kompetittiv hija rregolata mill-Artikolu 30 tad-Direttiva 2014/24 u essenzjalment tinqasam f’erba’ stadji.
20. L-ewwel stadju huwa t-tnedija tal-proċedura, permezz tal-pubblikazzjoni, mill-awtorità kontraenti, ta’ avviż ta’ kuntratt. Dan l-avviż ta’ kuntratt, jew dokument deskrittiv, għandu jindika u jiddefinixxi l-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti, ir-rekwiżiti u l-kriterji tal-għoti magħżula (6). Kwalunkwe operatur ekonomiku interessat li jissodisfa l-kriterji tal-għażla jista’ jitlob li jipparteċipa fil-proċedura ta’ djalogu kompetittiv (7).
21. It-tieni fażi, hija dik tad-djalogu nnifsu li huwa l-qofol tal-proċedura. Qabel kollox, l-awtorità kontraenti tibgħat simultanjament u bil-miktub lill-operaturi magħżula stediniet sabiex jipparteċipaw fid-djalogu (8), li l-kontenut tagħhom huwa ppreċiżat fl-Anness IX tad-Direttiva 2014/24.
22. Imbagħad, l-awtorità kontraenti tibda djalogu mal-kandidati magħżula sabiex tiddetermina u tiddefinixxi l-mezzi l-iktar xierqa biex tissodisfa l-bżonnijiet tagħha. Dan id-djalogu jista’ jkopri l-aspetti kollha tal-kuntratt. Id-djalogu jista’ jsir fi stadji suċċessivi sabiex jitnaqqas in-numru ta’ soluzzjonijiet b’tip ta’ eliminazzjoni gradwali, filwaqt li fi kwalunkwe każ jiġu applikati l-kriterji tal-għoti stabbiliti fl-avviż tal-kuntratt jew fid-dokument deskrittiv (9).
23. Matul id-djalogu, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jiggarantixxu trattament ugwali tal-parteċipanti kollha, b’mod partikolari mingħajr ma jipprovdu b’mod diskriminatorju informazzjoni li tista’ tiffavorixxi lil ċerti parteċipanti fuq oħrajn(10). Matul id-djalogu, il-prinċipju tal-kunfidenzjalità għandu japplika wkoll għal: l-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jiżvelaw lill-parteċipanti l-oħra s-soluzzjonijiet proposti jew informazzjoni kunfidenzjali oħra kkomunikata minn kandidat mingħajr il-qbil ta’ dan tal-aħħar (11). Id-djalogu jintemm sakemm l-amministrazzjoni tkun f’pożizzjoni li tidentifika s-soluzzjoni jew soluzzjonijiet li jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet tagħha (12).
24. Fit-tielet fażi, wara li titlesta l-fażi ta’ djalogu, l-awtorità kontraenti għandha tibgħat lill-offerenti li jkun fadal stedina biex jissottomettu l-offerti finali tagħhom abbażi tas-soluzzjonijiet identifikati fil-fażi ta’ djalogu (13).
25. Fl-aħħar nett, ir-raba’ fażi hi dik tal-evalwazzjoni tal-offerti rċevuti abbażi tal-kriterji ta’ għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokument deskrittiv (14) u dik tal-għoti finali sussegwenti tal-kuntratt.
B. Fuq l-ewwel domanda preliminari
26. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 30 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ djalogu kompetittiv, awtorità kontraenti li esprimiet il-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokument deskrittiv permezz ta’ firxiet għandhiex il-possibbiltà li tippreċiża b’mod definittiv dan il-piż relattiv fl-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti finali li għandhom jintbagħtu lill-parteċipanti wara d-djalogu mwettaq magħhom.
27. Kif rajna, l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 jippermettu li fid-dokumenti tal-kuntratt jiġi indikat il-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti sabiex tiġi ddeterminata l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, billi jintużaw firxiet b’differenza bejn il-minimu u l-massimu adattat.
28. In-natura stess tad-djalogu kompetittiv tagħmel l-użu tal-firxiet partikolarment indikati f’dan it-tip ta’ proċedura. Fil-fatt, kif ġie rrilevat, id-djalogu kompetittiv jippreżupponi intrinsikament ir-rikonoxximent ta’ livell sinjifikattiv ta’ flessibbiltà lill-awtoritajiet kontraenti minħabba l-fatt li huma jirrikorru għal dan it-tip ta’ proċedura meta jkunu għadhom ma humiex f’pożizzjoni li jiddefinixxu preċiżament il-mezzi xierqa sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom.
29. F’dan il-kuntest, il-possibbiltà li jintużaw firxiet b’differenza massima adattata, u għalhekk mingħajr ma jiġu ddeterminati minn qabel b’mod strett il-piżijiet relattivi, tagħti marġni ta’ diskrezzjoni u flessibbiltà lill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt. Il-firxiet, jekk ikunu adattati, fl-istess ħin jipprovdu lill-parteċipanti bi kwadru preċiż biżżejjed biex jifhmu l-elementi ewlenin tal-evalwazzjoni li se twassal għall-għoti tal-kuntratt.
30. Fir-rigward tal-iskeda taż-żmien għall-indikazzjoni tal-piż relattiv skont il-firxiet, mill-Anness IX tad-Direttiva 2014/24 u b’mod partikolari mill-punt 1(e) tiegħu, moqri flimkien mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 30(2) u l-Artikolu 54 ta’ din id-direttiva, jirriżulta espliċitament li l-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti għandu jidher fl-avviż tal-kuntratt jew alternattivament fl-istedina għall-konferma tal-interess, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew fid-dokument deskrittiv.
31. Dan huwa, barra minn hekk, konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-obbligu tal-awtoritajiet kontraenti li jindikaw, fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il- “piż relattiv” ta’ kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti jimplika li r-regoli dwar il-piż għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar sa mill-bidu tal-proċedura ta’ għoti b’tali mod li awtorità kontraenti ma tistax, bħala prinċipju, tapplika regoli ta’ piż li hija ma tkunx informat preċedentement lill-offerenti (15).
32. Għalhekk huwa ċar li l-indikazzjoni tal-piż relattiv f’firxiet għandha, skont il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament, issir fil-bidu tal-proċedura ta’ djalogu kompetittiv.
33. Madankollu, fil-każ fejn l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li tuża l-firxiet, id-Direttiva 2014/24 ma tippreċiżax f’liema stadju tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, u b’mod partikolari f’liema stadju tal-proċedura kumplessa ta’ djalogu kompetittiv, dan il-piż relattiv għandu jiġi ddeterminat b’mod definittiv.
34. Fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, din id-determinazzjoni definittiva saret fi tmiem id-djalogu mal-parteċipanti magħżula, fl-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti finali.
35. F’dan ir-rigward, l-għan tal-fażi tad-djalogu huwa li jiġu identifikati u ddefiniti l-modalitajiet li jippermettu li jiġu ssodisfatti bl-aħjar mod il-bżonnijiet tal-awtorità kontraenti. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet kontraenti jwettqu diskussjonijiet strutturati mal-parteċipanti magħżula li jistgħu jkopru l-aspetti kollha tal-kuntratt u li għandhom l-għan li jiċċaraw, hekk kif iseħħ dan id-djalogu, l-informazzjoni relatata ma’ tali kuntratt. Huwa biss meta dan id-djalogu jintemm minħabba li l-awtorità kontraenti tkun identifikat is-soluzzjoni jew soluzzjonijiet li jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet tagħha li l-parteċipanti jippreżentaw l-offerti definittivi tagħhom.
36. Minn dan isegwi li, sakemm id-djalogu kompetittiv ma jkunx tlesta peress li s-soluzzjonijiet sodisfaċenti jkunu għadhom ma nstabux, l-awtorità kontraenti għandha tkun tista’ żżomm il-flessibbiltà li toffri l-proċedura ta’ djalogu kompetittiv sabiex tiddefinixxi dawn is-soluzzjonijiet. Għalhekk, f’dan l-istadju, ma huwiex strettament neċessarju li l-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti espress f’firxiet jiġi ddeterminat b’mod definittiv. Barra minn hekk, l-obbligu li l-awtorità kontraenti tkun obbligata tiddetermina b’mod definittiv dan il-piż qabel it-tmiem tal-fażi tad-djalogu jirriskja li jillimita, jew saħansitra li jneħħi mis-sinjifikat, il-flessibbiltà speċifikament offruta minn din il-proċedura.
37. Madankollu, ladarba d-djalogu kompetittiv ikun intemm, u għalhekk ladarba s-soluzzjoni jew soluzzjonijiet possibbli jkunu ġew iċċarati b’mod definittiv, l-awtorità kontraenti tista’ tiddetermina l-piżijiet relattivi finali tal-kriterji ta’ għoti, fil-limiti tal-firxiet indikati minn qabel, b’tali mod li l-parteċipanti fid-djalogu li jifdal ikunu jistgħu jieħdu dan inkunsiderazzjoni meta jippreparaw l-offerti finali tagħhom.
38. Interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti f’dan is-sens tiggarantixxi barra minn hekk l-osservanza kemm tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (16), kif ukoll tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu (17).
39. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun kif ġej: l-Artikolu 30 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ djalogu kompetittiv, awtorità kontraenti li tkun esprimiet il-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokument deskrittiv permezz ta’ firxa, ikollha l-possibbiltà li tippreċiża b’mod definittiv dan il-piż relattiv fl-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti finali li għandha tintbagħat lill-parteċipanti wara d-djalogu li jkun seħħ magħhom.
C. Fuq it-tieni domanda preliminari
40. Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 30 tal-istess direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ djalogu kompetittiv, awtorità kontraenti tistax tuża fl-avviż ta’ kuntratt firxiet għall-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li minnhom ma tirriżultax l-ordni definittiva ta’ dawn il-kriterji, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kriterji ta’ għoti u l-piż relattiv tagħhom, indikati fl-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti finali, jaqgħu fil-firxa kkomunikata fl-avviż ta’ kuntratt.
41. Il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda preliminari f’kuntest fejn, kif jirriżulta mill-punt 4 preċedenti, fis-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża pendenti quddiemha, il-firxiet użati mill-awtorità kontraenti sabiex tindika l-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt kienu jipprevedu: għall-prezz, firxa ta’ bejn 30 % ‑ 70 %; u għall-kwalità żewġ firxiet ta’ bejn 15 % ‑ 35 % rispettivament, għall-karatteristiċi funzjonali, u minn 15 % ‑ 35 % għall-kompetenza tal-grupp ta’ esperti.
42. L-użu ta’ dawn il-firxiet għalhekk ma kienx jippermetti li jiġi ddeterminat, fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, liema kienet l-ordni ta’ importanza bejn il-kriterji ta’ għoti u speċifikament liema bejn il-prezz jew iż-żewġ kriterji relatati mal-kwalità kien ikollu rwol predominanti għall-għoti finali tal-kuntratt. Fil-fatt, bl-użu ta’ tali firxiet, jista’ jkun hemm numru kbir ta’ possibbiltajiet f’żewġ sitwazzjonijiet estremi: waħda fejn, ladarba jiġu ddeterminati l-piżijiet relattivi definittivi, il-prezz kien jaffettwa b’70 % u l-kwalità bi 30 %; jew, bil-maqlub – kif kien imbagħad il-każ –, waħda fejn il-kwalità kienet taffettwa b’70 % u l-prezz bi 30 % biss.
43. F’dan il-kuntest, sabiex jiġi vverifikat jekk, kif mitlub fit-tieni domanda preliminari, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ djalogu kompetittiv, l-użu ta’ tali firxiet huwiex kompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24, inqis li huwa neċessarju li nipproċedi, qabel kollox, għal interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk din tippermettix, b’mod ġenerali, li jintużaw firxiet għall-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li minnhom ma tirriżultax l-ordni definittiva tal-kriterji ta’ għoti. Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-kuntest partikolari tal-proċedura ta’ għoti li jikkostitwixxi d-djalogu kompetittiv, approċċ speċifiku huwiex iġġustifikat jew le fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ din il-proċedura.
1. Fuq l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5)
44. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (18) kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni (19).
45. Minn perspettiva testwali, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi li l-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti jista’ jiġi espress billi tiġi prevista firxa li fiha d-differenza bejn il-minimu u l-massimu għandha tiġi adattata (20).
46. L-analiżi letterali ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’mod definittiv jekk l-indikazzjoni tal-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti f’firxiet għandhiex tindika jew le l-ordni definittiva ta’ dawn il-kriterji.
47. Fil-fatt, minn naħa, il-kunċett ta’ “piż relattiv” bħala tali ma jippreżupponix neċessarjament id-determinazzjoni ta’ ordni definittiva fost il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni.
48. Minn perspettiva terminoloġika, fl-istatistika, il-piż jikkostitwixxi operazzjoni (imsejħa wkoll ippeżar) li permezz tagħha, fil-kalkolu ta’ medja, għal kull terminu jiġi attribwit koeffiċjent (imsejjaħ piż) li jesprimi l-importanza relattiva tat-terminu nnifsu meta mqabbel mal-oħrajn. Peress li huwa “relattiv”, huwa ċar li l-piż għandu jippermetti li tiġi identifikata relazzjoni ta’ importanza bejn l-elementi kollha kkunsidrati. Madankollu, fil-każ fejn il-piż huwa espress bl-użu ta’ firxiet, minkejja li jimplika ġeneralment tal-inqas l-identifikazzjoni ta’ ordni parzjali ta’ importanza fost l-elementi, dan ma jinkludix neċessarjament dejjem ordni kompleta u univoka. Jiddependi fuq kif jiġu ddefiniti l-firxiet.
49. Għalhekk, meta l-firxiet ma jikkoinċidux (eż.: A = 40‑50 %, B = 25‑35 %, C = 15‑20 %.) l-ordni definittiva ta’ importanza bejn il-fatturi differenti se tiġi inkorporata fil-firxiet. Madankollu, meta, bħal fil-każ tal-firxiet użati fis-sejħa għall-offerti tal-kuntratt inkwistjoni, il-firxiet fil-fatt jikkoinċidu (eż.: A = 30‑50 %, B = 25‑45 %, C = 10‑30 %), allura mhux se jkun possibbli li wieħed jikkonkludi b’ċertezza dwar l-ordni konklużiva tal-fatturi qabel ma l-valuri definittivi espressi fil-firxiet jiġu ddeterminati b’mod definittiv.
50. Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li d-differenza bejn il-minimu u l-massimu indikat fil-firxa għandha tkun “adattata”. Madankollu, id-Direttiva 2014/24 ma tispeċifikax – fil-fehma tiegħi intenzjonalment – x’għandu jinftiehem b’differenza “adattata”, u b’hekk tħalli f’idejn l-interpretu u, fl-aħħar mill-aħħar, f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina, każ b’każ, il-portata ta’ dan il-kunċett.
51. F’dan il-kuntest, għalhekk, għandha ssir analiżi sistematika u teleoloġika tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tippermettix li jiġi indikat il-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti permezz ta’ firxiet li ma jiddefinixxux preliminarjament l-ordni definittiva ta’ dawn il-kriterji.
52. F’dan ir-rigward, minn perspettiva sistematika, id-dispożizzjoni inkwistjoni taqa’ fil-kuntest tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 li, kif tfakkar fil-punti 10 sa 13 iktar ’il fuq, huwa kkostitwit minn tliet subparagrafi. L-ewwel subparagrafu jipprevedi, fl-ewwel lok, l-obbligu ta’ prinċipju, impost fuq l-awtoritajiet kontraenti, li jippreċiżaw il-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt.
53. Mill-premessa 90 kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-obbligu jissodisfa r-rekwiżit li tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu. Fil-fatt, dan huwa intiż sabiex jippermetti lil kull operatur li jipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li jkun raġonevolment informat dwar il-kriterji u l-modalitajiet li ser jiġu applikati sabiex tiġi identifikata l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Dan l-obbligu jirrifletti d-dmir tal-awtoritajiet kontraenti msemmi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, li jipprovdi li dawn għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi b’mod ugwali, b’mod nondiskriminatorju u li jaġixxu b’mod trasparenti (21).
54. It-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 5, jiġifieri d-dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata, joffri l-possibbiltà lill-awtoritajiet kontraenti li jindikaw il-piż relattiv bl-użu ta’ firxiet li jiżgurawlhom marġni ta’ flessibbiltà. Din il-possibbiltà ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni ta’ opportunità. L-awtorità kontraenti tista’ tuża l-firxiet meta tqis l-aħjar billi tirrispetta l-unika kundizzjoni li “b’firxa massima [d-differenza bejn il-minimu u l-massimu tkun waħda] adattata”. Anki jekk, kif rajna, id-Direttiva 2014/24 ma tispeċifikax it-tifsira tat-terminu “differenza adattata”, huwa ċar li din għandha tirreferi għall-għan tal-obbligu li jiġi indikat il-piż relattiv li, kif rajna fil-punt preċedenti, jikkonċerna n-neċessità li tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu.
55. It-tielet subparagrafu, moqri fid-dawl tal-premessa 90, jipprovdi li l-uniku każ li fih l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jidderogaw mill-obbligu li jindikaw il-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti huwa meta dan il-piż ma jkunx jista’ jiġi stabbilit minn qabel, b’mod partikolari minħabba l-kumplessità tal-kuntratt. Madankollu, din id-deroga mill-obbligu li jiġi indikat minn qabel il-piż għandha tkun debitament iġġustifikata u mmotivata. F’dan il-każ, huwa neċessarju ukoll li, fi kwalunkwe każ, dawn l-awtoritajiet kontraenti jindikaw il-kriterji tal-għoti f’ordni dixxendenti ta’ importanza.
56. L-indikazzjoni tal-ordni dixxendenti ta’ importanza tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt tidher għalhekk, fl-istruttura tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24, bħala l-limitu li ma jistax jinqabeż neċessarju sabiex jiġi ggarantit il-limitu minimu ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza għall-kandidati fir-rigward tal-ħtieġa li jkunu jafu minn qabel l-importanza tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt. Jekk, għal raġunijiet oġġettivi u mmotivati, ma jkunx possibbli li jiġi indikat il-piż relattiv ta’ dawn il-kriterji, id-Direttiva 2014/24 tipprevedi li għalhekk għandha tiġi indikata tal-inqas l-ordni dixxendenti ta’ importanza ta’ dawn il-kriterji.
57. Madankollu, għalkemm l-indikazzjoni tal-ordni dixxendenti ta’ importanza tal-kriterji ta’ għoti tikkostitwixxi l-limitu li ma jistax jinqabeż tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-awtoritajiet kontraenti sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jinformaw minn qabel lill-kandidati bl-importanza speċifika tal-kriterji ta’ għoti, jirriżulta neċessarjament li dan il-limitu għandu wkoll jiġi osservat fl-indikazzjoni tal-piż relattiv ta’ dawn il-kriterji permezz ta’ firxiet. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, fil-fehma tiegħi, ikun illoġiku li l-possibbiltà ta’ deroga prevista b’mod eċċezzjonali u residwu fit-tielet subparagrafu — li għaliha huwa espressament previst obbligu ta’ ġustifikazzjoni u ta’ motivazzjoni — tikkostitwixxi regola iktar restrittiva u iktar limitata tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet kontraenti milli regola ta’ natura iktar ġenerali bħal dik prevista fit-tieni subparagrafu. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li jiġu previsti firxiet b’differenza “adattata” huwa intiż preċiżament sabiex jipprevjeni lill-awtoritajiet kontraenti milli jiddefinixxu piżijiet tant vagi li ma jippermettux lill-kompetituri jifhmu mill-bidu l-importanza relattiva ta’ kull kriterju ta’ għoti.
58. Tali interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni tidher barra minn hekk ikkonfermata mill-oriġini tar-regola. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjoni attwalment inkluża fl-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 ġiet introdotta fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi permezz tal-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18. Mix-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva (22) jirriżulta li l-obbligu li jiġi indikat il-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti kien ġie introdott preċiżament sabiex jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni, meqjus bħala eċċessiv, mogħti lill-awtoritajiet kontraenti bis-sempliċi obbligu, fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni, impost fuqhom li jindikaw fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż ta’ kuntratt, il-kriterji ta’ għoti li huma kienu jipprevedu l-applikazzjoni tagħhom, “meta possibbli f’ordni dixxendenti ta’ importanza” (23). Dan jikkonferma li d-dispożizzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu ma tistax tkun iktar restrittiva, f’termini ta’ limitazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet kontraenti, minn dik prevista fit-tieni subparagrafu.
59. Min-naħa l-oħra, minn perspettiva purament teleoloġika, inqis li l-aċċettazzjoni tal-possibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti li jużaw fl-avviż ta’ kuntratt firxiet li jippermettu sussegwentement li tinbidel id-determinazzjoni tal-ordni ta’ importanza tal-kriterji ta’ għoti twassal għal ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza li l-awtoritajiet kontraenti fis-sens tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24 għandhom josservaw matul il-proċedura kollha ta’ għoti ta’ kuntratt (24) u li l-osservanza tagħhom, kif ġie rrilevat fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 67(5) tad-Direttiva huwa preċiżament intiż li jiggarantixxi.
60. Fil-fatt, li jiġi aċċettat l-użu ta’ firxiet li ma jippermettux li tinftiehem l-ordni relattiva ta’ importanza jirriżerva l-possibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti li jagħtu lill-kriterji ta’ għoti, waqt l-evalwazzjoni tal-offerti, piż partikolari u għalhekk valur relattiv mhux magħruf mill-offerenti. Dan jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jagħtu importanza imprevedibbli lil kriterju wieħed jew iktar, anki wara l-ftuħ tal-offerti, sabiex b’hekk dawn ikunu jistgħu jiffavorixxu waħda jew l-oħra mill-offerti (25).
61. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar mhux biss li l-piż relattiv ta’ kull kriterju ta’ għoti għandu jiġi stabbilit b’ċarezza sa mill-istadju tat-tnedija tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, u b’hekk jippermetti lill-offerenti jiddeterminaw oġġettivament l-importanza reali ta’ kriterju ta’ għoti meta mqabbel ma’ ieħor waqt l-evalwazzjoni sussegwenti tagħhom mill-awtorità kontraenti, iżda wkoll li, bl-istess mod, il-piż relattiv ta’ kull kriterju ta’ għoti ma jistax jinbidel matul il-proċedura kollha (26).
62. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat deroga waħda għal dan l-approċċ restrittiv, f’dak li jirrigwarda s-sottokriterji ta’ għoti, bla ħsara għall-osservanza tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom (27).
63. Fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/14 ma jippermettix li jiġi indikat il-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti f’firxiet li ma jiddefinixxux minn qabel l-ordni definittiva ta’ dawn il-kriterji. Għaldaqstant, tali firxiet ma jistgħux jitqiesu bħala “adattati” skont din id-dispożizzjoni.
2. Fuq l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 fil-kuntest speċifiku tad-djalogu kompetittiv
64. Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-pekuljaritajiet speċifiċi tal-proċedura ta’ djalogu kompetittiv, kif enfasizzati fil-punti 16 sa 25 iktar ’il fuq, approċċ partikolari huwiex iġġustifikat jew le f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ għoti.
65. Kif jirriżulta minn dawn il-punti, minħabba l-għan speċifiku tagħha, jiġifieri li tippermetti lill-awtorità kontraenti, permezz ta’ djalogu mal-kandidati ammessi, tidentifika u tiddefinixxi l-mezzi l-iktar adattati sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tagħha, qabel ma titlob l-offerti finali, il-proċedura ta’ għoti tad-djalogu kompetittiv timplika r-rikonoxximent ta’ marġni ta’ diskrezzjoni enfasizzat min-naħa tal-awtorità kontraenti meta mqabbla ma’ proċeduri oħra ta’ għoti ta’ kuntratt.
66. Fil-fatt, kif diġà ġie osservat, l-awtoritajiet kontraenti għandhom interess li jużaw din il-forma proċedurali meta ma jkunux jistgħu jiddefinixxu l-mezzi xierqa sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom jew li jevalwaw is-soluzzjonijiet li s-suq jista’ joffri għall-bżonnijiet tagħhom fuq livell tekniku, finanzjarju jew legali. B’mod partikolari fil-kuntest tad-djalogu li jikkaratterizza d-djalogu kompetittiv, l-awtorità kontraenti tirraġuna f’termini ta’ funzjonalitajiet li hija għandha l-intenzjoni li tiddisponi minnhom jew ta’ twettiq li hija għandha l-intenzjoni li tilħaq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex eskluż li l-impossibbiltà għal awtorità kontraenti li tindika minn qabel konkretament il-mod li bih tissodisfa l-bżonnijiet tagħha tpoġġiha f’sitwazzjoni fejn ma tkunx tista’ inizjalment tagħti piż bi preċiżjoni tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt.
67. F’dan il-kuntest tqum il-kwistjoni tal-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha tingħata lill-awtorità kontraenti f’dak li jirrigwarda dan il-piż.
68. Ċertament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5), billi joffri l-possibbiltà li dan il-piż jiġi espress f’firxiet, jippermetti li ma jiġix iddeterminat minn qabel b’mod preċiż il-piż u għalhekk diġà jħalli marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv. Il-kunċett ta’ differenza “adattata” kif rajna, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fil-kuntest tad-djalogu kompetittiv. Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax iwassal sabiex jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti li ma jindikawx, b’deroga minn dak li huwa previst fit-tielet subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, l-ordni dixxendenti ta’ importanza tal-kriterji ta’ għoti.
69. F’dan ir-rigward, nirrileva, fl-ewwel lok, li ebda dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 2014/24 ma tipprevedi deroga jew applikazzjoni ddifferenzjata jew partikolari tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67(5) ta’ din id-direttiva fil-kuntest speċifiku tal-proċedura ta’ għoti tad-djalogu kompetittiv. L-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 għandu portata ġenerali u japplika fl-intier tiegħu għall-proċeduri kollha ta’ għoti ta’ kuntratt previsti minn din id-direttiva.
70. Fit-tieni lok, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta espliċitament li, fil-kuntest tad-djalogu kompetittiv, l-awtorità kontraenti hija obbligata tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza matul il-proċedura kollha.
71. Anki għalkemm dawn il-prinċipji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu applikati billi titqies l-ispeċifiċità tal-proċedura ta’ għoti li tikkostitwixxi d-djalogu kompetittiv li jimplika intrinsikament marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, mill-punti 59 sa 61 preċedenti jirriżulta madankollu li l-fatt li l-awtoritajiet kontraenti jiġu offruti l-possibbiltà li jibdlu l-ordni ta’ importanza tal-kriterji ta’ għoti f’mument meta huma kienu jafu bis-soluzzjonijiet proposti mid-diversi parteċipanti jimplika potenzjalment ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, u dan ukoll fil-kuntest tad-djalogu kompetittiv.
72. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li, minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rrikonoxxut lill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ djalogu kompetittiv, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24, kif interpretat fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu japplika wkoll b’mod sħiħ għal din il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.
73. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-aħħar sentenza tat-tieni domanda preliminari dwar il-fatt li l-kriterji ta’ għoti u l-piż relattiv tagħhom, indikati fl-istedina sabiex jiġu ppreżentati l-offerti finali f’dan il-każ, jaqgħu fil-firxa kkomunikata fl-avviż ta’ kuntratt tidher li hija irrilevanti għar-risposta għal din id-domanda. Fil-fatt, kwalunkwe indikazzjoni fl-istedina sabiex jiġu ppreżentati l-offerti finali ta’ kriterji ta’ għoti jew tal-valuri definittivi tal-piż relattiv tagħhom li ma humiex konformi mal-indikazzjonijiet u mal-firxa li jinsabu fl-avviż ta’ kuntratt tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza kif ukoll ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24.
74. Bħala konklużjoni, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun kif ġej: it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ djalogu kompetittiv, awtorità kontraenti ma tistax tuża fl-avviż ta’ kuntratt firxiet għall-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li minnhom ma tirriżultax l-ordni definittiva ta’ dawn il-kriterji.
III. Konklużjoni
75. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) kif ġej:
1) l-Artikolu 30 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ djalogu kompetittiv, awtorità kontraenti li tkun esprimiet il-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokument deskrittiv permezz ta’ firxa, ikollha l-possibbiltà li tippreċiża b’mod definittiv dan il-piż relattiv fl-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti finali li għandha tintbagħat lill-parteċipanti wara d-djalogu li jkun seħħ magħhom.
2) it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ djalogu kompetittiv, awtorità kontraenti ma tistax tuża fl-avviż ta’ kuntratt firxiet għall-piż relattiv tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li minnhom ma tirriżultax l-ordni definittiva ta’ dawn il-kriterji.
1 Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU L, 2023/90063 u fil‑ĠU L, 2025/90115).
3 Ara l-premessa 42 tad-Direttiva 2014/24.
4 Ara l-premessi 42 u 43 tad-Direttiva 2014/24.
5 Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132). Ara b’mod partikolari l-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva.
6 Ara l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2014/24.
7 Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2014/24.
8 Ara it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(1) u tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2014/24.
9 Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2014/24.
10 It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2014/24.
11 It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2014/24.
12 Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2014/24.
13 Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2014/24.
14 Artikolu 30(7) tad-Direttiva 2014/24.
15 Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, TNS Dimarso (C‑6/15, EU:C:2016:555, punti 24 u 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
16 Mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan il-prinċipju jeżiġi li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għalhekk jimplika li dawn ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-kompetituri kollha. Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Telecom Italia (C‑697/17, EU:C:2019:599, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Dan l-obbligu, skont ġurisprudenza stabbilita, essenzjalment għandu l-għan li jiżgura li kull operatur ikkonċernat ikun jista’ jippreżenta offerta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, abbażi tal-informazzjoni rilevanti kollha, kif ukoll li jiżgura l-esklużjoni ta’ kull riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Ara, inter alia, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Allianz Vorsorgekasse (C‑699/17, EU:C:2019:290, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Ara ex multis, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2026, AVR-Afvalverwerking (C‑692/23, EU:C:2026:4, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Ara ex multis, is-sentenza tat-22 ta’ April 2015, Drukarnia Multipress (C‑357/13, EU:C:2015:253, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.
21 Ara, fir-rigward tal-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, TNS Dimarso (C‑6/15, EU:C:2016:555, punt 21).
22 Ara r-Rapport ta’ Spjegazzjoni dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti, għal servizzi pubbliċi u għal xogħlijiet (COM/2000/275 Def) (ĠU 2001, E29 tat‑30 ta’ Jannar 2001, p. 11). Ara b’mod partikolari l-punti 6.2 u 6.3.
23 Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża TNS Dimarso (C‑6/15, EU:C:2016:160, punt 22).
24 F’dan ir-rigward, ara, ex multis, fl-aħħar lok, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2026, AESTE (C‑210/24, EU:C:2026:145, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 F’dan ir-rigward, ara wkoll, minn naħa, ir-Rapport ta’ Spjegazzjoni ċċitat iktar ’il fuq dwar il-Proposta għal Direttiva (COM/2000/275 Def), punt 6.2, u min-naħa l-oħra, in-Nota ta’ Spjegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-djalogu kompetittiv (Dokument CC/2005/04 p. 7 l-aħħar paragrafu).
26 Ara, fir-rigward tal-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 2004/18, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, TNS Dimarso (C‑6/15, EU:C:2016:555, punt 25).
27 Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-possibbiltà għal awtorità kontraenti li tiddetermina, wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti, koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż tas-sottokriterji li jikkorrispondu essenzjalment għall-kriterji preċedentement ikkomunikati lill-offerenti, jekk jiġu osservati tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel, li din id-determinazzjoni ex post ma tbiddilx il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt iddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż ta’ kuntratt, it-tieni, li hija ma tinkludix elementi li, li kieku kienu magħrufa waqt il-preparazzjoni tal-offerti, huma setgħu jinfluwenzaw din il-preparazzjoni u, it-tielet, li din ma ġietx adottata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jista’ jkollhom effett diskriminatorju fir-rigward ta’ wieħed mill-offerenti. Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, TNS Dimarso (C‑6/15, EU:C:2016:555, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).