SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Marzu 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikoli 1, 3 u 4 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘suċċessjoni’ – Legat legali mogħti abbażi tal-appoġġ mogħti mill-persuna li tagħti l-appoġġ lid-deċedut matul il-ħajja ta’ dan tal-aħħar – Ġurisdizzjoni ġenerali ta’ qorti ta’ Stat Membru biex tiddeċiedi dwar suċċessjoni fl-intier tagħha”

Fil-Kawża C‑618/24 (Isergartler ) ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Settembru 2024, fil-proċedura

XK,

TR,

VQ

vs

SM,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen (Relatur), R. Frendo u A. Kornezov, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal XK, TR u VQ, minn M. Kinberger, Rechtsanwalt,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u W. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifika fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn XK, TR u VQ, li jirrisjedu fil-Ġermanja, u SM, residenti fl-Awstrija, fil-kuntest tal-proċedura ta’ suċċessjoni miftuħa wara l-mewt, li seħħet fl-2021, tal-ex sieħba ta’ SM, li kienet ġiet appoġġjata minn dan tal-aħħar bħala l-persuna li tagħti l-appoġġ sal-mewt tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 7 sa 9, 11, 14, 34 u 59 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprovdu:

“(7)

Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b'diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b'mod effettiv.

(8)

Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, dan ir-Regolament għandu jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, jew, skont il-każ, l-aċċettazzjoni, l-infurzabbiltà u l-infurzar tad-deċiżjonijiet, strumenti awtentiċi u tranżazzjonijiet ġudizzjarji u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

(9)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jestendi għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta, jiġifieri kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, sew jekk permezz ta’ trasferiment volontarju taħt trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato.

[…]

(11)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oqsma tal-liġi ċivili għajr is-suċċessjoni. Għal finijiet ta’ ċarezza, għadd ta’ kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu li għandhom rabta ma’ kwistjonijiet ta’ suċċessjoni għandhom jiġu espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(14)

Drittijiet ta’ proprjetà, interessi u assi maħluqa jew ittrasferiti b'modi oħra għajr is-suċċessjoni, bħala eżempju, permezz ta’ donazzjonijiet, għandhom ikunu esklużi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, għandha tkun il-liġi speċifikata minn dan ir-Regolament bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni li tiddetermina jekk donazzjonijiet jew forom oħra ta’ trasferimenti inter vivos li jirriżultaw fi dritt in rem qabel il-mewt għandhomx jagħtu lok għal restituzzjoni jew teħid f'kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ kalkolu tal-ishma tal-benefiċjarji skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

[…]

(34)

Fl-interess tal-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja, l-għoti ta’ deċiżjonijiet kontradittorji fi Stati Membri differenti għandu jiġi evitat. Għal dak l-għan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi regoli proċedurali ġenerali simili għal dawk ta’ strumenti oħrajn tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili.

[…]

(59)

Fid-dawl tal-objettiv ġenerali tiegħu, li hu r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ suċċessjonijiet, irrispettivament minn jekk tali deċiżjonijiet kinux mogħtija fi proċedimenti kontenzjużi jew mhux kontenzjużi, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli relatati mar-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet simili għal dawk ta’ strumenti oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti. […]

2.   Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(e)

obbliġi ta’ manteniment ħlief dawk li jirriżultaw minħabba mewt;

[…]

(g)

drittijiet ta’ proprjetà, interessi u assi maħluqa jew ittrasferiti b'modi oħra minbarra bis-suċċessjoni, pereżempju permezz ta’ rigali, proprjetà konġunta bid-dritt tas-superstiti, il-pjanijiet ta’ pensjoni, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni u arranġamenti ta’ natura simili, mingħajr preġudizzju għall-punt (i) tal-Artikolu 23(2);

[…]”

5

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘suċċessjoni’ tfisser is-suċċessjoni għall-patrimonju tad-deċedut u tkopri l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato;

6

Skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni ġenerali”, il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha.

7

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Regola ġenerali”, jipprovdi:

“Dment li ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt.”

8

L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għażla ta’ liġi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuna tista' tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.

[…]”

9

L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Il-liġi determinata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha.

2.   Dik il-liġi tirregola, b'mod partikolari:

[…]

(h)

il-parti tal-patrimonju li persuna tista' tiddisponi minnha, l-ishma riżervati u restrizzjonijiet oħrajn fuq it-trasferiment causa mortis, kif ukoll talbiet li persuni qrib tad-deċedut jista' jkollhom kontra l-patrimonju jew l-eredi;

(i)

kwalunkwe obbligu li jitraddu jew li jingħata kont ta’ xi rigali, avvanzi jew legati meta jiġu ddeterminati l-ishma tal-benefiċjarji differenti; u

[…]”

Id-dritt Awstrijak

10

L-Artikolu 677 tal-Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ABGB”), jipprovdi:

“1.   Persuna qrib id-deċedut li, matul it-tliet snin qabel il-mewt tagħha, tkun tatha appoġġ sinjifikattiv għal mill-inqas sitt xhur għandha dritt, f’dan ir-rigward, għal legat legali, sakemm ma jkunx ingħata rigal jew sakemm ma tkunx ġiet miftiehma remunerazzjoni.

2.   ‘Appoġġ’ ifisser kull attività intiża biex tiżgura sa fejn huwa possibbli lill-persuni dipendenti l-għajnuna u l-assistenza meħtieġa u ttejjeb il-possibbiltajiet tagħhom li jgħixu ħajja indipendenti u konformi mal-ħtiġijiet tagħhom.

3.   Il-persuni viċini tad-deċedut huma dawk li jappartjenu għaċ-ċirku tal-eredi legali tiegħu, il-konjuġi tagħhom, sieħeb, irreġistrat jew le, u wliedhom, kif ukoll is-sieħeb de facto tad-deċedut u wliedu.”

11

L-Artikolu 678 tal-ABGB jipprovdi:

“1.   L-ammont tal-legat huwa ddeterminat min-natura, mit-tul u mill-portata tal-benefiċċji.

2.   Il-legat huwa dovut, fi kwalunkwe każ, minbarra s-sehem irriżervat tas-suċċessjoni; dan huwa dovut flimkien ma’ vantaġġi oħra marbuta mas-suċċessjoni, sakemm id-deċedut ma jkunx ipprovda mod ieħor. Il-benefiċjarju jista’ jiġi mċaħħad mil-legat biss għal raġunijiet ta’ diżeredazzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ex sieħba ta’ SM mietet fl-2021 u li, sad-data tal-mewt tagħha, hija kellha r-residenza tagħha fl-Awstrija.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Bezirksgericht Zell am See (il-Qorti Distrettwali ta’ Zell am See, l-Awstrija), is-suċċessjoni tad-deċeduta ġiet attribwita lil XK, lil TR u lil VQ, it-tlieta li huma residenti fil-Ġermanja.

14

SM, li appoġġja lid-deċeduta bħala l-persuna li tat l-appoġġ matul it-tliet snin ta’ qabel il-mewt tagħha, jitlob il-ħlas ta’ somma ta’ EUR 57200 dovuta lilu abbażi tal-appoġġ li huwa ta lid-deċeduta matul il-ħajja tagħha, billi jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq l-Artikolu 677 tal-ABGB, li jipprovdi, f’dan ir-rigward, l-għoti ta’ “legat legali” (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

15

Il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija) ċaħdet ir-rikors imressaq f’dan ir-rigward minn SM minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. Hija qieset li, għalkemm il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet, ċertament, fid-dritt nazzjonali, fil-forma ta’ legat legali, hija kienet intiża, fir-realtà, sabiex tikkumpensa l-appoġġ mogħti mill-persuna li tagħti l-appoġġ lid-deċedut matul il-ħajja tiegħu. Konsegwentement, skont din il-qorti, tali miżura kellha tiġi kklassifikata bħala “kreditu” li jaqa’ taħt id-dritt tal-obbligi, u għaldaqstant ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

16

SM appella minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Linz, l-Awstrija), li, permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2024, laqgħet dan l-appell. Din il-qorti qieset, essenzjalment, li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 jestendi għall-aspetti kollha tad-dritt ċivili tas-suċċessjoni. Issa, peress li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi legat legali, li n-natura tiegħu hija analoga għal dik ta’ sehem irriżervat tas-suċċessjoni, il-fatt li l-elementi li jikkostitwixxu tali dritt twieldu matul il-ħajja tad-deċedut ma jistax, skont din il-qorti, jiġġustifika l-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija qorti ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi.

17

XK, TR u VQ ippreżentaw appell quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tal-Oberlandesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Linz). Huma jsostnu, essenzjalment, li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

18

SM isostni, min-naħa l-oħra, li din il-miżura tixbah id-dritt ta’ werriet b’sehem irriżervat u li din għandha, għaldaqstant, titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “suċċessjoni”, fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012.

19

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-imsemmija miżura taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012, u b’mod partikolari tal-Artikolu 4 tiegħu.

20

F’dan ir-rigward, din il-qorti tindika, qabel kollox, li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, legat li jeżisti indipendentement minn kull dispożizzjoni testamentarja stabbilita mid-deċedut. Din il-miżura hija simili għas-sehem irriżervat tas-suċċessjoni, li miegħu din tkun dovuta, sa fejn il-benefiċjarju jista’ jiġi mċaħħad minnha biss għal raġuni ta’ diżeredazzjoni. Madankollu, analoġija tista’ tiġi stabbilita wkoll ma’ regoli li jaqgħu taħt id-dritt kuntrattwali jew tal-arrikkiment indebitu peress li l-miżura msemmija hija intiża bħala remunerazzjoni għal ċerti servizzi. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li din il-miżura tillimita l-awtonomija tar-rieda tal-persuna fir-rigward tal-eżitu tas-suċċessjoni tagħha.

21

Sussegwentement, din il-qorti tippreċiża li d-duttrina hija kondiviża fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali miżura taqax taħt id-dritt tas-suċċessjoni jew taħt id-dritt tal-obbligi.

22

Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tenfasizza li hija, fl-aħħar mill-aħħar, inklinata li tqis li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “suċċessjoni” fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012. F’dan ir-rigward, hija tirreferi, minn naħa, għall-effetti tas-suċċessjoni marbuta magħha u, min-naħa l-oħra, għall-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “suċċessjoni causa mortis”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, adottata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm ‘suċċessjoni’ meta jiġi invokat id-dritt għal [kumpens mis-suċċessjoni dovut għall-appoġġ imressaq mill-persuna li tagħti l-appoġġ (Pflegevermächtnis)] skont l-Artikolu 677 tal-[ABGB] (il-Kodiċi Ċivili Awstrijak)?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, u tal-5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji), C-671/18, EU:C:2019:1054, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Effettivament, il-fatt li, fuq livell formali, il-qorti tar-rinviju indikat, fid-domandi tagħha, ċerti dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, billi tislet mill-elementi kollha pprovduti minn dik il-qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 26, u tat-22 ta’ Jannar 2026, Secab, C‑423/23, EU:C:2026:32, punt 29).

26

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, permezz tad-domanda tagħha, jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kunċett ta’ “suċċessjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu sabiex jiddeċiedu dwar suċċessjoni fl-intier tagħha. Din id-domanda timplika għalhekk ukoll li jiġi evalwat jekk miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tiegħu. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 3(1)(a) tar-regolament imsemmi li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “suċċessjoni”. Konsegwentement, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju timplika l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-istess regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 1 u mal-Artikolu 3(1)(a) tiegħu.

27

Barra minn hekk, fir-rigward tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka tagħti legat wara l-mewt ta’ persuna li s-suċċessjoni tagħha tinfetaħ, indipendentement minn kull dispożizzjoni testamentarja stabbilita mid-deċedut, lil ċerti qraba tiegħu, għall-appoġġ li jkunu tawh matul ċertu perijodu li ppreċeda din il-mewt, meta huma ma jkunu rċevew ebda rigal jew remunerazzjoni għal dan l-appoġġ. Barra minn hekk, dan il-legat huwa dovut, fi kwalunkwe każ, minbarra s-sehem irriżervat tas-suċċessjoni, peress li l-benefiċjarju jista’ jiġi mċaħħad minnha biss fil-preżenza ta’ motiv ta’ diżeredazzjoni.

28

Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 1 u mal-Artikolu 3(1)(a) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li legat legali li jingħata, wara l-mewt ta’ persuna li s-suċċessjoni tagħha tkun infetħet, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “suċċessjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, indipendentement minn kull dispożizzjoni testamentarja stabbilita mid-deċedut, lil ċerti qraba tiegħu, għall-appoġġ li huma pprovdewlu matul ċertu perijodu li ppreċeda din il-mewt, meta huma ma jkunu rċevew, għal dan l-appoġġ, ebda rigal jew remunerazzjoni, fejn dan il-legat huwa dovut, fi kwalunkwe każ, minbarra s-sehem irriżervat tas-suċċessjoni, fejn il-benefiċjarju jista’ jiġi mċaħħad minnu biss għal raġunijiet ta’ diżeredazzjoni.

29

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu biss inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha minnha (sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat-8 ta’ Mejju 2025, Pielatak, C‑410/23, EU:C:2025:325, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 650/2012, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4 tiegħu jipprevedi li huma l-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu li għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu “dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha”.

31

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “suċċessjoni” fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, dan japplika għas-“suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti [causa mortis]”.

32

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012 jippreċiża li, għall-finijiet tiegħu, “suċċessjoni” tfisser is-suċċessjoni għall-patrimonju tad-deċedut u tkopri l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato”

33

Ċertament, kif irrilevat il-Kummissjoni, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012, li jirrigwardaw, rispettivament, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif ukoll id-definizzjonijiet li fih, tirreferi għall-kunċett ta’ “suċċessjoni causa mortis” (“Rechtsnachfolge von Todes wegen”), filwaqt li dik tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li jirregola l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, tirreferi għall-kunċett ta’ “suċċessjoni” (“Erbsachen”). Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, f’numru kbir ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari dawk bil-lingwa Bulgara, Spanjola, Daniża, Ingliża, Franċiża, Kroata, Taljana, Litwana, Maltija, Finlandiża u Svediża, dawn id-dispożizzjonijiet ma fihomx tali differenza terminoloġika.

34

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-każ ta’ diverġenza bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas, C‑372/88, EU:C:1990:140, punti 18 u 19, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2025, Hakamp, C‑203/24, EU:C:2025:662, punt 34).

35

Fi kwalunkwe każ, xejn ma jippermetti li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-kunċetti ta’ “suċċessjoni causa mortis” u ta’ “suċċessjoni”, fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012, tifsiriet distinti, b’mod li għandu jitqies li dawn jikkoinċidu.

36

Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 1(2) ta’ dan l-istess regolament jelenka każijiet ta’ esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, l-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu id-“[d]rittijiet ta’ proprjetà, interessi u assi maħluqa jew ittrasferiti b’modi oħra għajr is-suċċessjoni, bħala eżempju, permezz ta’ donazzjonijiet”. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2)(e) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li huma wkoll esklużi l-“obbliġi ta’ manteniment ħlief dawk li jirriżultaw minħabba mewt”.

37

Madankollu, dawn l-esklużjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, UM (Kuntratt li jittrasferixxi proprjetà causa mortis)C‑277/20, EU:C:2021:708, punt 34).

38

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li dispożizzjoni li tinsab fi ftehim dwar is-suċċessjoni li tikkonsisti, bħal rigal fis-sens tal-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, f’donazzjoni, iżda li tidħol fis-seħħ biss mal-mewt tad-deċedut ma taqax taħt din l-esklużjoni iżda taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, UM (Kuntratt li jittrasferixxi proprjetà causa mortis)C‑277/20, EU:C:2021:708, punt 35).

39

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li tgħid li l-għan prinċipali ta’ regola tad-dritt nazzjonali kien jikkonċerna s-suċċessjoni tal-persuna deċeduta u mhux il-kwistjonijiet marbuta ma’ waħda mill-esklużjonijiet elenkati fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, bħall-kwistjonijiet marbuta mar-reġim matrimonjali, sabiex tqis li din kienet tirrigwarda s-suċċessjoni għall-finijiet tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf, C‑558/16, EU:C:2018:138, punt 40).

40

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “suċċessjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012 huwa ddefinit b’mod wiesa’ sa fejn, kif imsemmi fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, dan ikopri l-“forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt”, inklużi l-miżuri li l-għan prinċipali tagħhom jikkonċerna s-suċċessjoni tal-persuna deċeduta u li jidħlu fis-seħħ mal-mewt tad-deċedut.

41

Fit-tieni lok, ebda element tal-kuntest li jifformaw parti minnu l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(1)(a) tiegħu ma jinvalida din l-interpretazzjoni. B’mod partikolari, mill-premessa 9 tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan għandu japplika “għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta, jiġifieri kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt”. Barra minn hekk, l-Artikolu 23(1) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li l-liġi magħżula skont l-Artikolu 21 jew 22 tiegħu tirregola s-“suċċessjoni fl-intier tagħha”.

42

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 650/2012, minn naħa, mill-premessi 7 u 8 tiegħu jirriżulta li l-għan tiegħu huwa, b’mod partikolari, li jgħin lill-eredi u lil-legatarji, lill-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll lill-kredituri tas-suċċessjoni biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Oberle, C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 49).

43

Barra minn hekk, skont l-għan ġenerali ta’ dan ir-regolament, kif imsemmi fil-premessa 59 tiegħu, li tirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri fil-qasam tas-suċċessjonijiet, il-premessa 34 tal-imsemmi regolament tenfasizza li dan tal-aħħar huwa intiż biex jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet kontradittorji fi Stati Membri differenti. Dan l-għan huwa marbut mal-prinċipju tal-unità tas-suċċessjoni, ikkonkretizzat b’mod partikolari fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 650/2012, li jipprevedi li l-liġi applikabbli skont dan ir-regolament hija intiża biex tirregola “suċċessjoni fl-intier tagħha”. Issa, dan il-prinċipju tal-unità tas-suċċessjoni huwa l-bażi wkoll tar-regola stabbilita fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, sa fejn dan l-artikolu jippreċiża, huwa wkoll, li l-imsemmija regola tiddetermina l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri sabiex jiddeċiedu “dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha” (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Oberle, C‑20/17, EU:C:2018:485, punti 53 sa 55).

44

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li , sabiex jikkontribwixxi għas-soluzzjoni effettiva tat-tilwim dwar suċċessjoni, ir-Regolament Nru 650/2012 ifittex li jiffavorixxi trattament unitarju tas-suċċessjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li twassal għal frammentazzjoni ta’ din is-suċċessjoni tkun inkompatibbli mal-għanijiet tal-imsemmi regolament (sentenza tas-7 ta’ April 2022, V A u Z A (Ġurisdizzjoni sussidjarja fil-qasam tas-suċċessjoni), C‑645/20, EU:C:2022:267, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija intiża biex tikkumpensa ċerti servizzi pprovduti. Għaldaqstant, hija tippreżenta, f’dan ir-rigward, ċerta analoġija ma’ kreditu li jaqa’ taħt id-dritt tal-obbligi, sa fejn hija intiża biex tikkumpensa lill-qraba tad-deċedut għas-sostenn mogħti lilu, mingħajr ma jkunu bbenefikaw, matul il-ħajja tiegħu, minn donazzjoni jew minn remunerazzjoni miftiehma.

46

Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din il-miżura, indipendentement mill-klassifikazzjoni ta’ “legat” adottata mid-dritt nazzjonali, għandha rabta strutturali stretta mal-qasam tas-suċċessjoni, peress li hija intiża biex tapplika biss wara l-mewt tal-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha, u li s-sistema tagħha tidher għalhekk marbuta mill-qrib magħha. B’mod partikolari, id-dritt Awstrijak applikabbli jindika li l-miżura msemmija tapplika indipendentement minn kull dispożizzjoni testamentarja stabbilita mid-deċedut u, fi kwalunkwe każ, minbarra s-sehem irriżervat tas-suċċessjoni u li din tista’ tiġi miċħuda biss għal raġunijiet ta’ diżeredazzjoni. Barra minn hekk, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tibbenefika biss lill-persuni viċini tad-deċedut iddefiniti bħala dawk li jappartjenu għaċ-ċirku tal-eredi legali tiegħu, il-konjuġi tagħhom, sieħeb, irreġistrat jew le, u wliedhom, kif ukoll is-sieħeb de facto tad-deċedut u wliedu. Minn dan isegwi li l-għan prinċipali tal-imsemmija miżura jikkonċerna d-drittijiet ta’ min jagħti l-appoġġ fil-kuntest tas-suċċessjoni.

47

Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-Regolament Nru 650/2012 ma jeskludix espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li lanqas ma jidher li tali miżura taqa’ taħt waħda mill-esklużjonijiet imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza jew taħt wieħed mill-każijiet l-oħra ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 650/2012.

48

Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, jidher, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li din għandha twettaq, li din l-istess miżura tirrigwarda prinċipalment il-qasam tas-suċċessjoni, għall-finijiet tar-Regolament Nru 650/2012.

49

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 1 u mal-Artikolu 3(1)(a) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li legat legali li jingħata, wara l-mewt ta’ persuna li s-suċċessjoni tagħha tkun infetħet, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “suċċessjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, indipendentement minn kull dispożizzjoni testamentarja stabbilita mid-deċedut, lil ċerti qraba tiegħu, għall-appoġġ li huma pprovdewlu matul ċertu perijodu li ppreċeda din il-mewt, meta huma ma jkunu rċevew, għal dan l-appoġġ, ebda rigal jew remunerazzjoni, fejn dan il-legat huwa dovut, fi kwalunkwe każ, minbarra s-sehem irriżervat tas-suċċessjoni, fejn il-benefiċjarju jista’ jiġi mċaħħad minnu biss għal raġunijiet ta’ diżeredazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 1 u mal-Artikolu 3(1)(a) tiegħu,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

legat legali li jingħata, wara l-mewt ta’ persuna li s-suċċessjoni tagħha tkun infetħet, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “suċċessjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, indipendentement minn kull dispożizzjoni testamentarja stabbilita mid-deċedut, lil ċerti qraba tiegħu, għall-appoġġ li huma pprovdewlu matul ċertu perijodu li ppreċeda din il-mewt, meta huma ma jkunu rċevew, għal dan l-appoġġ, ebda rigal jew remunerazzjoni, fejn dan il-legat huwa dovut, fi kwalunkwe każ, minbarra s-sehem irriżervat tas-suċċessjoni, fejn il-benefiċjarju jista’ jiġi mċaħħad minnu biss għal raġunijiet ta’ diżeredazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.