3.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1096

tat-22 ta' Mejju 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għal ċerti indikazzjonijiet dwar it-tikkettar taż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 75(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 29/2012 (2), l-operaturi għandhom il-possibbiltà li jinkludu indikazzjonijiet fakultattivi differenti fit-tikkettar taż-żjut taż-żebbuġa u taż-żjut mill-ilbieba taż-żebbuġ, b'ċerti kundizzjonijiet speċifiċi. B'mod partikolari, l-aċidità tista' tidher fuq it-tikketta bil-kundizzjoni li ċerti parametri fiżikokimiċi (il-valur tal-perossidu, il-kontenut tax-xama' u l-assorbiment ultravjola) jkunu indikati wkoll. Bil-għan li l-konsumaturi ma jiġux ingannati, fejn indikat fuq it-tikketta, il-valur tal-parametri fiżikokimiċi jenħtieġ li jkun il-valur massimu li dawn il-parametri jistgħu jilħqu sad-data ta' durabbiltà minima.

(2)

Meta 100 % tal-kontenut tal-kontenitur ikun inġabar f'sena waħda ta' ħsad, l-indikazzjoni tas-sena tal-ħsad fit-tikketta taż-żjut taż-żebbuġa extra verġni u verġni hija fakultattiva għall-operaturi. Billi l-ħsad taż-żebbuġ normalment jibda tard fil-ħarifa u jintemm sar-rebbiegħa tas-sena ta' wara, huwa xieraq li jiġi kkjarifikat kif is-sena tal-ħsad trid tiġi indikata fuq it-tikketta.

(3)

Sabiex jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-età ta' żejt taż-żebbuġa lill-konsumaturi, l-Istati Membri jenħtieġ jitħallew jagħmlu l-indikazzjoni tas-sena tal-ħsad obbligatorja. Madankollu, bil-għan li ma jitfixkilx il-funzjonament tas-suq uniku, tali indikazzjoni obbligatorja jenħtieġ li tkun limitata għall-produzzjoni domestika tagħhom, miksuba miż-żebbuġ maħsud fit-territorju tagħhom u maħsuba għas-swieq nazzjonali tagħhom biss. B'analoġija mal-perjodu ta' tranżizzjoni previst fir-rigward tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012, l-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu ż-żjut taż-żebbuġa diġà tikkettati sabiex jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw il-ħażniet. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' timmonitorja l-applikazzjoni ta' tali deċiżjoni nazzjonali u biex tagħmel rieżami tad-dispożizzjoni tal-Unjoni bbażata fuqha, fid-dawl ta' kwalunkwe żvilupp rilevanti fit-tħaddim tas-suq uniku, l-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

Għalhekk, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Sabiex jiġu rrispettati l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi, jenħtieġ li jkun hemm perjodu ta' tranżizzjoni għall-prodotti tikkettati skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 qabel id-data ta' applikazzjoni prevista f'dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

l-indikazzjoni tal-aċidità massima mistennija sad-data ta' durabbiltà minima msemmija fl-Artikolu 9(1)(f) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, tista' tidher biss jekk tkun akkumpanjata b'indikazzjoni, f'ittri tal-istess daqs u fl-istess firxa viżwali, tal-valur tal-perossidu, il-kontenut tax-xama' u l-assorbiment ultravjola, stabbiliti skont ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91;”;

(b)

fil-punt (e), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Għall-finijiet ta' dan il-punt, is-sena tal-ħsad għandha tiġi indikata fuq it-tikketta jew fil-forma tas-sena tal-kummerċjalizzazzjoni rilevanti f'konformità mal-Artikolu 6(c)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew fil-forma tax-xahar u s-sena tal-ħsad, f'dik l-ordni. Ix-xahar għandu jikkorrispondi għax-xahar tal-estrazzjoni taż-żejt miż-żebbuġ.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

“Artikolu 5a

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li s-sena tal-ħsad imsemmija fil-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 trid tiġi indikata fuq it-tikketta taż-żjut taż-żebbuġa msemmija f'dak il-punt tal-produzzjoni domestika tagħhom, miksuba miż-żebbuġ maħsud fit-territorju tagħhom u intiżi għas-swieq nazzjonali tagħhom biss.

Dik id-deċiżjoni ma għandhiex tipprevjeni żjut taż-żebbuġa tikkettati qabel id-data li fiha dik id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ milli jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw il-ħażniet.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dik id-deċiżjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt (1) tal-Artikolu 1, għandu japplika sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Iż-żjut taż-żebbuġa tikkettati qabel id-data msemmija fit-tieni paragrafu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw il-ħażniet.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 29/2012 tat-13 ta' Jannar 2012 dwar l-istandards ta' marketing għaż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 12, 14.1.2012, p. 14).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).