7.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/3


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/658

tas-6 ta' April 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 li tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni 2013/183/PESK.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/666 (3) tkompli tespandi l-projbizzjoni fuq l-investiment tal-UE fil-Korea ta' Fuq u magħha, fl-industrija relatata mal-armi konvenzjonali, il-metallurġija, is-setturi tax-xogħol tal-metall u dak ajruspazjali, u tipprojbixxi l-għoti ta' ċerti servizzi lil entitajiet u ċittadini fil-Korea ta' Fuq.

(3)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 329/2007 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“16.

‘Servizzi inċidentali għal’ tfisser servizzi mogħtija fuq bażi ta' tariffa jew kuntratt minn unitajiet involuti prinċipalment fil-produzzjoni ta' oġġetti li jistgħu jiġu ttrasportati, kif ukoll servizzi li tipikament ikunu relatati mal-produzzjoni ta' tali oġġetti.”.

(2)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3c

1.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti, direttament jew indirettament, ta' kwalunkwe servizz inċidentali għall-minjieri jew ta' kwalunkwe servizz inċidentali għall-manifatturar fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament, imsemmi fil-parti A tal-Anness VIII, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Korea ta' Fuq, jew għall-użu fil-Korea ta' Fuq; u

(b)

l-għoti, direttament jew indirettament, ta' servizzi tal-kompjuter u servizzi relatati kif imsemmi fil-parti B tal-Anness VIII, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Korea ta' Fuq, jew għall-użu fil-Korea ta' Fuq.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1(a), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikat fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta' servizzi inċidentali għall-minjieri u l-għoti ta' servizzi inċidentali għall-manifatturar fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament, sa fejn tali servizzi jkunu maħsuba biex jintużaw esklużivament għal skopijiet ta' żvilupp li jindirizzaw direttament il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni ċivili jew il-promozzjoni tad-denuklearizzazzjoni.

3.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1(b) ma għandhiex tapplika fir-rigward ta' servizzi tal-kompjuter u servizzi relatati, sa fejn tali servizzi jkunu maħsuba biex jintużaw esklużivament għal skopijiet uffiċjali ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew għal organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet fil-Korea ta' Fuq skont id-dritt internazzjonali.

4.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1(b) ma għandhiex tapplika fir-rigward tal-għoti ta' servizzi tal-kompjuter u servizzi relatati minn korpi pubbliċi jew minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jirċievu fondi pubbliċi mill-Unjoni jew Stati Membri biex jipprovdu dawn is-servizzi għal skopijiet ta' żvilupp li jindirizzaw direttament il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni ċivili jew il-promozzjoni tad-denuklearizzazzjoni.

5.   F'każijiet mhux koperti mill-paragrafu 4, u b'deroga mill-paragrafu 1(b), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikat fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta' servizzi tal-kompjuter u servizzi relatati, sa fejn dawk is-servizzi jkunu maħsuba biex jintużaw esklużivament għal skopijiet ta' żvilupp li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni ċivili jew il-promozzjoni tad-denuklearizzazzjoni.

6.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għall-għoti ta' servizzi sad-9 ta' Lulju 2017, dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew oriġinaw qabel it-8 ta' April 2017.”.

(3)

Fl-Artikolu 5b, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-istabbiliment ta' impriża konġunta ma' kwalunkwe interess titolari, jew it-teħid jew l-għoti tiegħu, inkluż l-akkwist b'mod sħiħ jew l-akkwist ta' ishma jew titoli oħrajn ta' natura parteċipattiva, fi kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 1 li jkun involut f'attivitajiet jew programmi tal-Korea ta' Fuq relatati man-nuklear, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħra ta' qerda massiva, jew attivitajiet fis-settur tal-minjieri, tar-raffinament, kimiku, tal-metallurġija u l-ħidma tal-metall, u l-industriji ajruspazjali jew relatati mal-armi konvenzjonali;

(b)

l-għoti ta' finanzjament jew ta' assistenza finanzjarja lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-punti (d) sa (f) tal-paragrafu 1 jew l-għoti ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja għall-iskop dokumentat ta' finanzjament ta' tali persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi;

(c)

l-għoti ta' servizzi ta' investiment li jkunu relatati direttament jew indirettament għall-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.”.

(4)

Fl-Artikolu 13(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(h)

temenda l-Anness VIII biex tiġi irfinuta jew adattata l-lista ta' oġġetti inkluża fih, b'kont meħud tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri kif ukoll kwalunkwe definizzjoni jew linja gwida li tista' tinħareġ mill-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti, jew sabiex jiżdiedu numri ta' referenza meħuda mis-sistema tal-Klassifika Ċentrali tal-Prodotti għall-oġġetti u s-servizzi promulgati mill-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti.”.

Artikolu 2

L-Anness għal dan ir-Regolament jiżdied mar-Regolament (KE) Nru 329/2007 bħala l-Anness VIII.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' April 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

L. GRECH


(1)   ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 tas-27 ta' Marzu 2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/666 tas-6 ta' April 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ara l-paġna 42 ta 'dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

“ANNESS VIII

Il-lista ta' servizzi msemmija fl-Artikolu 3c

NOTI:

1.

Il-kodiċijiet tal-Klassifika Ċentrali tal-Prodotti (CPC) huma stabbiliti fl-Uffiċċju tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti, Sensiela M, Nru 77, il-Klassifika Ċentrali Provviżorja tal-Prodotti, 1991.

2.

Huma biss il-partijiet tal-kodiċijiet tas-CPC deskritti hawn taħt li huma koperti mill-projbizzjoni.

Parti A:

Servizzi inċidentali għall-minjieri u għall-manifatturar fl-industrija kimika, ta-minjieri u tar-raffinament:

Deskrizzjoni tas-servizzi

Meħuda mill-Kodiċi CPC

Tħaffir ta' mini, tneħħija tal-materjal tal-wiċċ u ħidma oħra ta' żvilupp u tħejjija ta' proprjetajiet u siti minerali, ħlief tħaffir għal żejt u gass.

CPC 5115

Servizzi ta' konsulenza ġeoloġika, ġeofiżika, ġeokimika u xjentifika oħra peress li dawn huma marbutin mas-sejbien ta' depożiti minerali, żejt u gass u ilma ta' taħt l-art permezz tal-istudju tal-karatteristiċi tal-formazzjonijiet u l-istrutturi tal-art u tal-blat. Huma inklużi hawn is-servizzi ta' analiżi tar-riżultati ta' stħarriġ taħt wiċċ l-art, l-istudju ta' kampjuni tal-art u tal-qalba tad-dinja, u għajnuna u konsulenza fl-iżvilupp u l-estrazzjoni ta' riżorsi minerali.

CPC 86751

Il-ġbir ta' servizzi ta' informazzjoni dwar formazzjonijiet tal-art taħt il-wiċċ b'metodi differenti, fosthom metodi sismografiċi, gravimetriċi, manjettometriċi u metodi oħrajn ta' stħarriġ taħt wiċċ l-art.

CPC 86752

Il-ġbir ta' servizzi ta' informazzjoni dwar il-forma, il-pożizzjoni u/jew il-konfini ta' parti minn wiċċ id-dinja b'metodi differenti, inkluż stħarriġ ta' transitu, fotogrammetriku u idrografiku, għall-iskop tat-tħejjija ta' mapep.

CPC 86753

Attivitajiet ta' servizz f'meded ta' żejt u gass pprovduti fuq bażi ta' tariffa jew ta' kuntratt kif ġej: tħaffir direzzjonali u tħaffir mill-ġdid, “spudding in”, il-bini ta' drieki, tiswija u żarmar; għoti ta' siment lill-kisi tal-bjar taż-żejt u l-gass; ippumpjar ta' bjar u għeluq u abbandun ta' bjar.

CPC 8830

Il-manifattura ta' kokk — it-tħaddim ta' fran tal-kokk prinċipalment għall-produzzjoni ta' kokk jew semikokk mill-faħam iebes u l-linjite, ta' karbonju tal-istorta u prodotti ta' residwu bħall-qatran jew żift tal-faħam;

Agglomerazzjoni ta' kokk;

Il-manifattura ta' prodotti taż-żejt raffinat — il-produzzjoni ta' fjuwils likwidi jew gassużi (eż. etan, butan jew propan), żjut ta' illuminazzjoni, żjut ta' lubrikazzjoni jew xaħmijiet jew prodotti oħra minn żejt mhux maħdum jew minerali bituminużi jew il-prodotti ta' frazzjonament tagħhom;

Il-manifattura jew l-estrazzjoni ta' prodotti bħal dawn bħall-vażelina, ix-xema' tal-paraffina, xema' oħra taż-żejt u prodotti ta' residwu bħal dawn bħall-kokk taż-żejt u l-qatran taż-żejt;

Il-manifattura ta' fjuwil nukleari — l-estrazzjoni ta' metall tal-uranju minn pitchblende u minerali oħrajn li fihom l-uranju;

Il-manifattura ta' ligi, dispersjonijiet jew taħlitiet ta' uranju naturali jew il-komposti tiegħu;

Il-manifattura ta' uranju arrikkit u l-komposti tiegħu, il-plutonju u l-komposti tiegħu, jew ligi, dispersjonijiet jew taħlitiet ta' dawn il-komposti;

Il-manifattura ta' uranju mfaqqar f'U 235 u l-komposti tiegħu, it-torju u l-komposti tiegħu, jew ligi, dispersjonijiet jew taħlitiet ta' dawn il-komposti;

Il-manifattura ta' elementi, iżotopi jew komposti radjuattivi oħrajn; u

Il-manifattura ta' elementi ta' fjuwil mhux irradjati biex jintużaw f'reatturi nukleari.

CPC 8845

Il-manifattura ta' sustanzi kimiċi bażiċi, għajr fertilizzanti u komposti tan-nitroġenu;

Il-manifattura ta' fertilizzanti u komposti tan-nitroġenu;

Il-manifattura ta' plastik f'għamliet primarji u ta' gomma sintetika;

Il-manifattura ta' pestiċidi u prodotti agrokimiċi oħrajn;

Il-manifattura ta' żebgħa, verniċ u kisi simili, linka tal-istampar u mastiċi;

Il-manifattura ta' prodotti botaniċi;

Il-manifattura ta' sapun u deterġenti, preparazzjonijiet għat-tindif u l-lostru, fwejjaħ u preparazzjonijiet għall-kamra tal-banju u

Il-manifattura ta' fibri magħmulin mill-bniedem.

CPC 8846

Il-manifattura ta' metalli bażiċi fuq bażi ta' tariffa jew kuntratt fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8851

Il-manifattura ta' prodotti tal-metall manifatturati, minbarra makkinarju u tagħmir, fuq bażi ta' ħlas jew kuntratt, fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8852

Il-manifattura ta' makkinarju u tagħmir fuq bażi ta' tariffa jew kuntratt, fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8853

Il-manifattura ta' makkinarju tal-uffiċċju, tal-kontabbiltà u tal-kompjuters, fuq bażi ta' tariffa jew kuntratt, fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8854

Il-manifattura ta' makkinarju u apparat elettriku fuq bażi ta' tariffa jew kuntratt, fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8855

Il-manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers, fuq bażi ta' tariffa jew kuntratt, fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8858

Il-manifattura ta' tagħmir ieħor tat-trasport, fuq bażi ta' tariffa jew kuntratt, fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8859

Servizzi tat-tiswija ta' prodotti tal-metall manifatturati, minbarra makkinarju u tagħmir, fuq bażi ta' ħlas jew kuntratt, fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8861

Servizzi tat-tiswija ta' makkinarju u tagħmir fuq bażi ta' tariffa jew kuntratt, fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8862

Servizzi tat-tiswija ta' makkinarju tal-uffiċċju, tal-kontabbiltà u tal-kompjuters, fuq bażi ta' tariffa jew kuntratt, fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8863

Servizzi tat-tiswija ta' makkinarju u apparat elettriku fuq bażi ta' tariffa jew kuntratt, fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8864

Servizzi tat-tiswija ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers, fuq bażi ta' tariffa jew kuntratt, fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8867

Servizzi tat-tiswija ta' tagħmir ieħor tat-trasport, fuq bażi ta' tariffa jew kuntratt, fl-industrija kimika, tal-minjieri u tar-raffinament.

CPC 8868

Parti B:

Servizzi tal-kompjuter u servizzi relatati (CPC: 84)

Deskrizzjoni tas-servizzi

Meħuda mill-Kodiċi CPC

Servizzi ta' konsulenza relatata mal-installazzjoni ta' hardware tal-kompjuter;

Servizzi ta' implimentazzjoni ta' software;

Servizzi ta' proċessar ta' data;

Servizzi ta' bażijiet ta' data;

Servizzi ta' manutenzjoni u ta' tiswija ta' makkinarju u tagħmir tal-uffiċċju, inkluż kompjuters;

Servizzi tal-preparazzjoni tad-data;

Servizzi ta' taħriġ għall-persunal tal-klijenti.

CPC 84”.