IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.3.2021
COM(2021) 117 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/974 dwar statistika ta’ trasport ta’ merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/974 dwar statistika ta’ trasport ta’ merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni
1.INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (UE) 2018/974 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 10 għall-finijiet li ġejjin:
Øbiex jiżdied il-livell limitu għall-kopertura statistika tat-trasport tal-merkanzija permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma interni sabiex jitqiesu t-tendenzi ekonomiċi u tekniċi (ara l-Artikolu 2(5));
Øbiex jiġu adattati d-definizzjonijiet jew jingħataw oħrajn ġodda sabiex jitqiesu d-definizzjonijiet rilevanti li jkunu ġew emendati jew adottati fil-livell internazzjonali (ara l-Artikolu 3);
Øbiex jiġu riflessi l-bidliet fil-kodiċi u n-nomenklatura fil-livell internazzjonali jew fl-atti leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni (ara l-Artikolu 4(4)).
Skont l-Artikoli 2(5), 3 u 4(4), meta teżerċita dik is-setgħa, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew ir-rispondenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni trid tiġġustifika l-azzjonijiet previsti f’dawk l-atti delegati, bl-użu, meta xieraq, ta’ analiżi tal-kosteffettività li tivvaluta l-piż fuq ir-rispondenti u l-ispejjeż tal-produzzjoni.
Kif speċifikat fl-Artikolu 10(4), qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni trid tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
2.BAŻI ĠURIDIKA
Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2018/974, li fl-Artikolu 10(2) jispeċifika li s-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mis-7 ta’ Diċembru 2016. Il-Kummissjoni meħtieġa tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Dan ir-rapport jissodisfa dak ir-rekwiżit għall-ewwel darba.
3.EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA
Il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa li tadotta atti delegati li ngħatatilha permezz tar-Regolament (UE) Nru 2018/974.
Il-Kummissjoni tiddiskuti regolarment it-titjib potenzjali fl-istatistika tat-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni mal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Istatistika tat-Trasport minn Passaġġi fuq l-Ilma Interni u l-Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-Istatistika dwar it-Trasport. Dawn id-diskussjonijiet iqisu wkoll l-ispejjeż u l-piżijiet possibbli fuq il-pajjiżi u r-rispondenti.
Il-ħtiġijiet statistiċi fil-kuntest tal-Istrateġija Komprensiva għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti
u l-inizjattivi tal-politika stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistgħu jirrikjedu li l-Kummissjoni tadotta atti delegati fil-futur. Tali atti se jgħinu biex l-istatistika tal-passaġġi fuq l-ilma interni tiġi adattata għat-tendenzi ekonomiċi u tekniċi u biex jiġu riflessi l-bidliet fid-definizzjonijiet, fil-kodiċi u fin-nomenklatura fil-livell tal-UE jew f’dak internazzjonali.
4.KONKLUŻJONI
Il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati li ngħatatilha permezz tar-Regolament (UE) 2018/974.
Il-Kummissjoni tqis li għandu jkompli jkollha dawn is-setgħat delegati peress li jista’ jkollha bżonn tadotta atti delegati fil-futur biex tappoġġa l-iżviluppi fl-istatistika tal-passaġġi fuq l-ilma interni.