European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5117

19.9.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/5117)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Cabrales”

Nru ta’ Referenza tal-UE: PDO-ES-0081-AM04 — 25.6.2025

1.   Isem il-prodott

“Cabrales”

2.   Tip ta’ Indikazzjoni Ġeografika

☐

IĠP

☑

DOP

☐

IĠ

3.   Industrijali

☑

Prodott agrikolu

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Spanja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Isem

Id-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel Agrikolu

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-emendi deskritti u ġġustifikati hawn taħt ma jinvolvux bidla fl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew fl-użu ta’ dak l-isem. Dawn ma jinvolvux bidliet fl-oriġini, fil-metodu jew fil-karatteristiċi li jiġu attribwiti għall-oriġini u għalhekk ma jinvolvux riskju li tiġi invalidata r-rabta jew kwalunkwe restrizzjoni ġdida fuq il-kummerċjalizzazzjoni minħabba li, għalkemm waħda minn dawn l-emendi tinvolvi l-inklużjoni bħala alternattiva ta’ tip ta’ materjal ieħor aktar sod għall-imballaġġ, wieħed mill-formati tal-prodott il-ġodda li qed jiġi offrut, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-prodott finali minn azjendi tal-ġobon fiż-żona ġeografika diġà huwa kopert mid-dokumenti attwali.

Għalhekk huma “emendi standard” skont it-tifsira tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Bidla fl-imballaġġ

Deskrizzjoni

Din l-emenda taffettwa t-Taqsima B “Deskrizzjoni tal-prodott” u t-Taqsima E “Metodu ta’ produzzjoni” tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, kif ukoll it-Taqsima 3.2, “Deskrizzjoni tal-prodott” u t-Taqsima 3.5. “Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ” tad-dokument uniku.

3.1.   Preżentazzjoni tal-prodott.

Hija proposta l-inkorporazzjoni ta’ żewġ forom ġodda tal-preżentazzjoni tal-prodott (nofsijiet u porzjonijiet), kif deskritta hawn taħt.

“Il-prodott jista’ jiġi kkummerċjalizzat sħiħ, f’nofsijiet jew f’porzjonijiet, dment li jiġi imballat u l-oriġini tiegħu tista’ tiġi identifikata.”

Ir-referenza għar-Regolament tad-DOP, li issa tħassar, tħassret. Din ir-referenza kienet semmiet il-preżentazzjoni u t-tgeżwir (l-imballaġġ) tal-prodott u kienet tinkludi l-possibbiltà li jintużaw materjali oħrajn għall-imballaġġ għall-prodott f’porzjonijiet. Dan l-aspett issa se jiġi kopert fit-Taqsima E tal-ispeċifikazzjoni emendata, ifformulata kif ġej:

“Il-prodott jiġi imballat f’karta speċjali għall-użu alimentari. Inkella, għall-porzjonijiet, jistgħu jintużaw materjali oħrajn aktar sodi sabiex jiġi kkonservat il-prodott.”

Barra minn hekk, biex tiġi pprovduta ċarezza fil-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjoni u tiġi evitata konfużjoni possibbli, żdied it-test li ġej mal-paragrafu dwar l-imballaġġ fit-Taqsima E tal-ispeċifikazzjoni, li diġà huwa inkluż fid-dokument uniku kurrenti:

“L-imballaġġ irid isir fiż-żona ġeografika definita sabiex jiġu garantiti l-kundizzjonijiet ottimali għall-iżgurar tal-kwalità tal-prodott. Dan jippermetti lill-produtturi tal-ġobon infushom jissalvagwardjaw l-awtentiċità tal-prodott u jagħmel il-kontrolli ta’ traċċabbiltà aktar faċli.”

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Bidla fil-metodu ta’ produzzjoni

Deskrizzjoni

Din l-emenda taffettwa t-Taqsimiet B) “Deskrizzjoni tal-prodott”, D). b) 4. “Prova li l-prodott oriġina fiż-żona” u E) “Metodu ta’ produzzjoni” tal-ispeċifikazzjoni, u t-Taqsima 3.2 tad-dokument uniku.

3.2.   Metodu tal-produzzjoni

Il-formulazzjoni tal-istadji ta’ “tmelliħ”, “tneħħija tal-moffa” u “maturazzjoni” ġiet emendata.

It-test li ġej:

“Il-ġobniet imbagħad jiġu mmellħa: jixxerred melħ niexef fuq il-wiċċ u jitħallew joqogħdu għal 12-il siegħa, li wara jiddawru u jiġu mmellħa fuq in-naħa l-oħra, u jitħallew joqogħdu għal tal-inqas 12-il siegħa oħra, u wara titneħħielhom il-moffa.

Wara li jkunu tħallew esposti għall-arja għal madwar 15-il jum, jittieħdu fl-għerien naturali għall-maturazzjoni.”

ġie ssostitwit bi:

“Il-ġobniet imbagħad jiġu mmellħa: jixxerred melħ niexef fuq il-wiċċ u jitħallew joqogħdu għal 12-il siegħa, li wara jiddawru u jiġu mmellħa fuq in-naħa l-oħra, u jitħallew joqogħdu għal tal-inqas 12-il siegħa oħra.

Il-ġobniet tista’ titneħħielhom il-moffa waqt jew wara t-tmelliħ.

Wara li jkunu tħallew esposti għall-arja għal madwar 15-il jum, jittieħdu fl-għerien naturali għall-maturazzjoni finali.”

U l-formulazzjoni li ġejja:

“Jiġi maturat għal tal-inqas xahrejn li jibdew jgħoddu mill-produzzjoni tal-baqta.”

“Il-proċess tal-maturazzjoni jsir fl-għerien reġistrati sorveljati mill-Bord Regolatorju.”

ġiet sostitwita b’dan li ġej:

“Maturat għal tal-inqas xahrejn mid-data tal-produzzjoni tal-baqta, fil-biċċa l-kbira fl-għerien.”

“Il-proċess ta’ maturazzjoni jitlesta f’għerien reġistrati sorveljati mill-Bord Regolatorju.”

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Cabrales”

Nru ta’ Referenza tal-UE: PDO-ES-0081-AM04 — 25.6.2025

1.   Isem/Ismijiet

“Cabrales”

2.   Tip ta’ Indikazzjoni Ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

☐

IĠ

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Spanja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

0406 – Ġobon u baqta

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Ġobon bil-vini blu magħmul mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqra, tan-nagħġa jew tal-mogħża jew taħlita ta’ żewġ tipi ta’ ħalib jew tat-tlieta li huma – li dejjem irid ikun sħiħ – b’kompożizzjoni bilanċjata f’termini tax-xaħam u tal-proteini.

Jiġi maturat għal tal-inqas xahrejn li jibdew jgħoddu mill-produzzjoni tal-baqta, l-aktar fl-għerien.

Karatteristiċi tal-ġobniet maturati:

· Forma: ċilindrika bi ġnub lixxi,

· għoli: bejn 7 ċentimetri u 15-il ċentimetru.

· Piż u dijametru: varjabbli. Id-dijametru qatt ma jrid ikun inqas mill-għoli tal-ġobon.

· Qoxra: ratba, irqiqa, kremuża, ta’ kulur griż – oranġjo fil-kannella b’partijiet possibbli sofor jagħtu fl-aħmar.

Pejst: Konsistenza kremuża, għalkemm bi grad li jvarja ta’ koeżjoni, skont il-livell ta’ fermentazzjoni tal-ġobon. Kumpatt u mingħajr toqob. Abjad f’xi partijiet, b’vini blu jagħtu fl-aħdar. Togħma kemxejn pikkanti, li tkun iktar qawwija fil-ġobniet magħmula minn ħalib tan-nagħġa jew tal-mogħża pur, jew minn taħlita tat-tnejn.

Xaħam: mhux inqas minn 45 % fil-materja niexfa.

Kontenut ta’ ndewwa minimu ta’ 30 %

Il-prodott jista’ jiġi ppreżentat għall-bejgħ sħiħ jew f’nofsijiet jew f’porzjonijiet.

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati ddeżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

Il-bhejjem jingħalfu skont prattiki tradizzjonali, billi jintużaw direttament il-mergħat u dan jiġi ssupplimentat bil-foraġġ.

Il-ħalib mhux ipproċessat tal-baqra, tan-nagħġa jew tal-mogħża, minn farms tal-bhejjem li jinsabu fiż-żona ġeografika definita. It-tames irid ikun esklużivament ta’ oriġini mill-annimali.

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

Kemm il-produzzjoni tal-ħalib u kemm l-ipproċessar u l-maturazzjoni tal-ġobon iridu jsiru fiż-żona ġeografika definita.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Il-prodott jiġi imballat f’karta speċjali għall-użu alimentari. Inkella, għall-porzjonijiet, jistgħu jintużaw materjali oħrajn aktar reżistenti sabiex jiġi ppreservat il-prodott.

L-imballaġġ irid isir fiż-żona ġeografika definita sabiex jiġu garantiti l-kundizzjonijiet ottimali għall-iżgurar tal-kwalità tal-prodott. Dan jippermetti lill-produtturi tal-ġobon infushom jissalvagwardjaw l-awtentiċità tal-prodott u jagħmel il-kontrolli ta’ traċċabbiltà aktar faċli.

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

It-tikketti kummerċjali fuq il-ġobniet irid ikollhom il-kliem “Denominación de Origen Protegida Cabrales” kif ukoll il-logo tal-UE għad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti.

Irid ikollhom ukoll tikketta sekondarja, kull waħda bin-numru tas-serje uniku tagħha, ikkodifikata skont il-format tal-ġobon li qed tiċċertifika. Dawn it-tikketti sekondarji jridu jkunu approvati, ivverifikati u pprovduti mill-korp ta’ spezzjoni, b’tali mod li ma jistgħux jerġgħu jintużaw.

4.7.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-ħalib xieraq għall-produzzjoni tal-ġobon “Cabrales” tinkludi l-irħula ta’ Arangas, Arenas, Asiego, Berodia, Bulnes, Camarmeña, Canales, Carreña, Escobar, Inguanzo, La Molina, La Salce, Ortiguero, Pandiello, Puertas, Poo, Sotres u Tielve fil-muniċipalità ta’ Cabrales, u Oceño, Cáraves u Rozagas fil-muniċipalità ta’ Peñamellera Alta, li kollha jaqgħu fiż-żona Picos de Europa fil-provinċja tal-Asturji.

Il-ġobon isir ukoll u jiġi maturat fiż-żona ta’ produzzjoni.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Sommarju tar-rabta

Karattru speċifiku tal-prodott

L-ispeċifiċità tal-ġobon “Cabrales”, li jagħmlu uniku minn ġobniet oħrajn, hija ddeterminata mill-karatteristiċi organolettiċi tiegħu (il-qoxra u l-konsistenza).

Speċifiċità taż-żona

Din hija riflessa fil-fatturi naturali u umani li ġejjin:

 

1 - Fatturi naturali

Il-Picos de Europa, li jinsabu fix-Xlokk tal-provinċja tal-Asturji u li jestendu f’Leon u f’Cantabria, huma magħmula minn ktajjen ta’ muntanji li jitilgħu mix-xaqliba tat-Tramuntana tal-Muntanji Kantabrijani, u minn mergħat wesgħin f’altitudnijiet ta’ ’l fuq minn 800 metru.

 

2 - Fatturi umani

Minħabba l-iżolament li ġarrbu l-ġenerazzjonijiet tal-abitanti f’din iż-żona, l-ekonomija tagħhom hija bbażata fuq l-użu u l-isfruttament sħiħ tar-riżorsi naturali.

L-ewwel nett, ir-riżorsi tal-insedjamenti tal-bniedem fil-Picos de Europa tradizzjonalment kienu bbażati fuq l-użu tal-mergħat fis-sajf għall-alimentazzjoni ta’ firxa ta’ bhejjem, li ġeneralment kienu jiġu mill-villaġġi fil-fruntieri tal-Picos. Matul is-sajf, il-bhejjem huma liberi li jimirħu fil-mergħat b’aċċess diffiċli tal-“peña” (l-isem mogħti lill-Picos de Europa mir-residenti lokali). Kull raħal żgħir għandu l-mandretta tiegħu, li tintuża b’mod komunali, iżda hija magħmula minn merħliet varji, kull waħda l-proprjetà ta’ resident differenti. Fis-sajf, jingħaddu lil ftit residenti li huma responsabbli biex jieħdu ħsieb u jimmaniġġjaw il-bhejjem, filwaqt li l-oħrajn jibqgħu fir-raħal u jiffukaw fuq il-ħsad u t-tkabbir tal-ħuxlief.

It-tieni, bis-saħħa tal-għarfien espert speċifiku tal-produtturi lokali u l-fatt li diffikultajiet fil-komunikazzjoni kienu jfissru li l-punti tal-konsum kienu ’l bogħod, il-ħalib beda jiġi ttrasformat f’ġobon mill-bdiewa tal-bhejjem infushom.

Rabta kawżali bejn in-natura speċifika taż-żona u l-produzzjoni u l-karatteristiċi tal-prodott

(a)

Għerien tal-maturazzjoni

L-eżistenza ta’ għerien u grotti ta’ daqsijiet u ta’ karatteristiċi differenti hija konsegwenza tal-formazzjonijiet karstiċi, kif ukoll tad-dinamika partikolari bejn l-ajra u l-ilma fil-massa tal-ġebla tal-ġir tal-Picos de Europa, li hija waħda mill-eħxen fl-Ewropa.

L-għerien tal-maturazzjoni xi drabi jkunu qrib il-mandretta jew id-dar tal-pastoralist, iżda l-maġġoranza jinsabu ’l bogħod u l-aċċess għalihom mill-mogħdijiet imserrpin tal-muntanja huwa diffiċli. Dawn jinsabu f’altitudnijiet ta’ bejn 800 u 1 200 metru, u dawk f’altitudnijiet ogħla jitqiesu li huma preferibbli.

Il-kundizzjonijiet li jrid jissodisfa għar sabiex ikun xieraq għall-maturazzjoni tal-ġobon “Cabrales” huma li ġejjin: irid ikun fond, b’daħla li tħares lejn it-Tramuntana; irid ikollu tal-anqas żewġ fetħiet lejn barra (waħda għall-aċċess u l-oħra għall-ventilazzjoni) biex jinħoloq kurrent tal-arja ġewwa magħruf bħala “soplado”; u jrid ikollu ilma ġieri. Dan iwassal biex l-arja fl-għar tiċċaqlaq kemxejn u tagħtih umdità għolja ħafna (ta’ aktar minn 90 %), filwaqt li t-temperatura tinżamm bejn 6 °C u 10 °C.

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-ħitan ikunu miksija bil-moffa, prinċipalment il-Penicillium roqueforti, u l-kurrenti tal-arja jew “soplados” iħollu l-ispori tagħha, li jaqgħu fuq il-ġobon, jinbtu u jinfirxu fil-massa tal-ġobon.

Sabiex ikunu jistgħu jimmaturaw biżżejjed, il-ġobniet iridu jibqgħu fl-għerien għal xahrejn sa 5 xhur fuq xkafef tal-injam (“talhjaameras”). Matul dan iż-żmien jiddawru u jitnaddfu perjodikament.

Wara l-proċess tal-maturazzjoni, il-ġobniet jintużaw biex jitkebbu f’weraq tal-aġġru (Acer pseudoplatanus) biex ikunu aktar faċli li jiġu mmaniġġjati meta jitqiegħdu għall-bejgħ. Illum il-ġurnata, għall-ġobniet koperti mid-denominazzjoni ta’ oriġini, din il-prattika ġiet sostitwita bl-użu ta’ imballaġġ tal-karta għall-użu alimentari bil-weraq stampat fuqha.

(b)

Reputazzjoni

Hemm rakkonti li jixhdu r-reputazzjoni tal-ġobon “Cabrales”. Pereżempju, il-kitbiet ta’ Jovellanos (is-seklu 18), id-Diccionario Geográfico ta’ Madoz, ippubblikat fil-bidu tas-seklu 19, u l-Memorias Asturianas ta’ González Solís, kollha jistqarru li l-ġobniet “Cabrales” ġew ippreżentati fil-Wirja Agrikola ta’ Madrid fl-1857, fost prodotti Asturjani oħrajn.

Fl-1911, fir-rapport tagħhom dwar it-trobbija ta’ bhejjem tal-ħalib f’Santander, l-aħwa Alvarado bdew il-vjaġġ tagħhom fir-reġjun ta’ Cabrales, fejn ixxabbtu mal-Picos de Europa biex raw b’għajnejhom stess l-għerien tal-bdiewa tal-bhejjem li jagħmlu l-ġobon famuż “Cabrales”.

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://run.gob.es/wzoCabralN25


(1)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5117/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)