|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2431 |
5.12.2025 |
Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali
L-UNJONI EWROPEA,
u
L-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Liechtenstein”,
it-tnejn li huma, minn hawn ’il quddiem imsejħin, individwalment, “Parti Kontraenti” u, flimkien, “Partijiet Kontraenti”,
BILLI l-Partijiet Kontraenti għandhom relazzjoni twila u mill-qrib fir-rigward tal-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet fiskali, li kienet tikkonsisti, inizjalment, fl-applikazzjoni ta’ miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (1), u li aktar tard ġiet żviluppata fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (2) (“il-Ftehim”), kif emendat bil-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (3), abbażi tal-iskambju awtomatiku reċiproku tal-informazzjoni bl-implimentazzjoni tal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (“l-Istandard Globali”),
BILLI, wara l-ewwel rieżami komprensiv tal-Istandard Globali tal-OECD, ġew approvati emendi tal-Istandard Globali mill-Kumitat tal-OECD dwar l-Affarijiet Fiskali f’Awwissu 2022 u dawn ġew adottati mill-Kunsill tal-OECD fit-8 ta’ Ġunju 2023 bir-Rakkomandazzjoni riveduta tiegħu dwar l-Istandards Internazzjonali għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni fi Kwistjonijiet Fiskali (“l-aġġornament tal-Istandard Globali”),
BILLI r-rieżami komprensiv tal-OECD identifika l-kumplessità dejjem akbar tal-istrumenti finanzjarji u l-ħolqien u l-użu ta’ tipi ġodda ta’ assi diġitali u rrikonoxxa l-ħtieġa li l-Istandard Globali jiġi adattat biex tiġi żgurata konformità fiskali komprensiva u effettiva,
BILLI l-aġġornament tal-Istandard Globali espanda l-ambitu tar-rapportar biex jinkludi prodotti finanzjarji diġitali ġodda, bħal Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati u Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali, li joffru alternattivi kredibbli għall-Kontijiet Finanzjarji tradizzjonali, li diġà huma soġġetti għar-rapportar skont l-Istandard Globali,
BILLI l-Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi (“CARF”, Crypto-Asset Reporting Framework) il-ġdid tal-OECD, li ġie introdott b’mod parallel mal-aġġornament tal-Istandard Globali, iservi bħala mekkaniżmu komplementari fil-livell globali u huwa mfassal speċifikament biex jindirizza l-iżvilupp rapidu u t-tkabbir tas-suq tal-Kriptoassi,
BILLI kien meqjus li huwa essenzjali li tiġi żgurata interazzjoni effiċjenti bejn dawk iż-żewġ oqfsa, b’mod partikolari biex jiġu limitati każijiet ta’ rapportar doppju, billi: (i) il-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati u l-Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali jiġu esklużi mill-ambitu tal-CARF, minħabba l-kopertura tagħhom skont l-Istandard Globali aġġornat; (ii) il-Kriptoassi fl-ambitu tal-Istandard Globali aġġornat jitqiesu bħala Assi Finanzjarji għall-fini tar-rapportar ta’ Kontijiet ta’ Kustodja, Interessi ta’ Ekwità jew Dejn f’Entitajiet tal-Investiment (ħlief f’każijiet ta’ forniment ta’ servizzi li jagħmlu tranżazzjonijiet ta’ skambju għall-klijenti jew f’isimhom, li huma koperti skont il-CARF), investimenti indiretti fil-Kriptoassi permezz ta’ prodotti finanzjarji tradizzjonali oħra jew prodotti finanzjarji tradizzjonali maħruġa fil-forma ta’ kriptoassi; u (iii) tiġi prevista dispożizzjoni fakultattiva għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti biex iwaqqfu r-rapportar tar-rikavat gross għal assi li huma kklassifikati bħala Kriptoassi skont iż-żewġ oqfsa, meta tali informazzjoni tiġi rrapportata skont il-CARF, filwaqt li jkomplu jirrapportaw skont l-Istandard Globali l-informazzjoni l-oħra kollha, bħall-bilanċ tal-kont,
BILLI l-CARF ġie implimentat fl-Unjoni Ewropea permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 (4), li emendat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (5), u dawk id-dispożizzjonijiet ser japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026, u l-Liechtenstein huwa impenjata li jimplimenta l-CARF fil-leġiżlazzjoni domestika tiegħu u li japplika dawk id-dispożizzjonijiet mill-istess data,
BILLI bil-għan li jiġu limitati l-każijiet ta’ rapportar doppju, il-Partijiet Kontraenti jenħtieġ li japplikaw id-delineazzjoni bejn il-Ftehim, il-CARF u d-Direttiva (UE) 2023/2226 b’mod konsistenti mad-delineazzjoni bejn l-Istandard Globali aġġornat u l-CARF,
BILLI, bil-għan li jittejbu l-affidabbiltà u l-użu tal-informazzjoni skambjata, l-aġġornament tal-Istandard Globali jintroduċi rekwiżiti tar-rapportar aktar dettaljati u proċeduri msaħħa tad-diliġenza dovuta,
BILLI l-aġġornament tal-Istandard Globali jżid kategorija ġdida “Kont Eskluż” għall-Kontijiet ta’ Kontribuzzjoni Kapitali u limitu de minimis għar-rapportar ta’ Kontijiet Depożitarji li fihom Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati,
BILLI l-Kummentarji għall-aġġornament tal-Istandard Globali jinkludu kategorija fakultattiva ġdida “Istituzzjoni Finanzjarja Mhux Rapportanti” għal Entitajiet ta’ Investiment li huma organizzazzjonijiet ġenwini mingħajr skop ta’ qligħ (“Entità Mingħajr Skop ta’ Qligħ Kwalifikata”) u jordnaw li, sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar iċ-ċirkomvenzjoni potenzjali tar-rapportar, l-applikazzjoni ta’ dik l-għażla jenħtieġ li tkun soġġetta għal proċeduri ta’ verifika adegwati għal kull Entità mill-awtorità tat-taxxa tal-ġuriżdizzjoni li fiha dik l-Entità tkun soġġetta għar-rapportar bħala Entità ta’ Investiment,
BILLI l-Liechtenstein ser jeżerċita l-għażla li jinkludi l-kategorija l-ġdida “Entità Mingħajr Skop ta’ Qligħ Kwalifikata” u ser jistabbilixxi l-mekkaniżmi legali u amministrattivi biex jiżgura li kwalunkwe Entità li titlob l-istatus ta’ “Entità Mingħajr Skop ta’ Qligħ Kwalifikata” tiġi kkonfermata li tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti qabel ma tali Entità tiġi ttrattata bħala Istituzzjoni Finanzjarja Mhux Rapportanti fil-Liechtenstein, u billi l-Istati Membri, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2023/2226, mhux se jeżerċitaw dik l-għażla,
BILLI l-Kummentarji tal-Mudell ta’ Ftehim bejn l-Awtoritajiet Kompetenti tal-OECD u l-Istandard Komuni ta’ Rapportar, kif emendati bl-aġġornament tal-Istandard Globali, jenħtieġ li jintużaw bħala sorsi ta’ spjegazzjoni jew interpretazzjoni sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-applikazzjoni,
BILLI l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Liechtenstein huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”),
BILLI l-konklużjonijiet dwar suq intern estiż omoġenju u r-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent mhux tal-UE adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’Ġunju 2024 japprezzaw il-kooperazzjoni kostruttiva, trasparenti u miftuħa mal-Liechtenstein, u jirrikonoxxu r-rati għoljin u affidabbli ta’ traspożizzjoni tal-Liechtenstein fiż-ŻEE, kif ukoll il-qafas legali stabbilit dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni għal finijiet ta’ taxxa,
BILLI l-Liechtenstein u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma sħab fit-tul u affidabbli fil-kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni għal finijiet ta’ taxxa, u r-regoli globali minimi tat-taxxa. Il-Liechtenstein jipprevedi miżuri li jikkorrispondu għal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji,
BILLI d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għandha l-għan li tipprevjeni l-użu ħażin tas-suq uniku għall-fini tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u hija, meta jkun xieraq, allinjata mal-Istandards Internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni adottati mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF, Financial Action Task Force) fi Frar 2012 (ir-“Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF”) u l-emendi sussegwenti ta’ dawk l-istandards,
BILLI l-Liechtenstein, abbażi tas-sħubija tiegħu fiż-ŻEE, implimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 permezz tal-Liġi dwar id-Diliġenza Dovuta Professjonali għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus, tal-Kriminalità Organizzata u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu tal-11 ta’ Diċembru 2008 (7) u permezz tal-Ordinanza dwar id-Diliġenza Dovuta Professjonali għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus, tal-Kriminalità Organizzata u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu tas-17 ta’ Frar 2009 (8),
Billi, mill-10 ta’ Lulju 2027, id-Direttiva (UE) 2015/849 ser tiġi sostitwita bid-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u bir-Regolament (UE) 2024/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10),
BILLI d-Direttiva (UE) 2024/1640 u r-Regolament (UE) 2024/1624 jistabbilixxu l-bażi għal qafas robust u armonizzat, li jiżgura approċċ koeżiv u komprensiv sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea,
BILLI d-Direttiva (UE) 2024/1640 u r-Regolament (UE) 2024/1624 ser jiġu implimentati u applikati fil-Liechtenstein f’konformità mal-proċeduri tal-Ftehim taż-ŻEE,
BILLI r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data li japplikaw ukoll għall-iskambji ta’ informazzjoni koperti minn dan il-Protokoll Emendatorju,
BILLI l-Liechtenstein, abbażi tas-sħubija tiegħu fiż-ŻEE, implimenta r-Regolament (UE) 2016/679 permezz tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-4 ta’ Ottubru 2018,
BILLI l-Istati Membri u l-Liechtenstein għandhom fis-seħħ: (i) salvagwardji xierqa biex jiġi żgurat li l-informazzjoni li tasal skont il-Ftehim tibqa’ kunfidenzjali u tintuża biss mill-persuni jew mill-awtoritajiet ikkonċernati għall-finijiet tal-valutazzjoni, tal-ġbir, tal-irkupru, tal-infurzar, tal-prosekuzzjoni, tas-sorveljanza jew tad-determinazzjoni ta’ appelli relatati mat-taxxi, kif ukoll għal kwalunkwe fini ieħor awtorizzat; u (ii) l-infrastruttura għal relazzjoni effettiva ta’ skambju (inklużi proċessi stabbiliti biex jiġu żgurati skambji ta’ informazzjoni f’waqthom, akkurati, siguri u kunfidenzjali, komunikazzjonijiet effettivi u affidabbli, u kapaċitajiet biex jissolvew minnufih mistoqsijiet u tħassib dwar skambji jew talbiet għal skambji u biex jiġu amministrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-Ftehim),
Billi l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti, l-Awtoritajiet Kompetenti li jibagħtu u l-Awtoritajiet Kompetenti riċeventi, bħala kontrolluri tad-data, jenħtieġ li jżommu l-informazzjoni pproċessata f’konformità mal-Ftehim għal mhux aktar milli meħtieġ biex jintlaħqu l-finijiet tiegħu u billi, minħabba d-differenzi fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u tal-Liechtenstein, il-perjodu massimu taż-żamma jenħtieġ li jiġi stabbilit b’referenza għall-istatut tal-preskrizzjonijiet ipprovdut mil-leġiżlazzjoni domestika dwar it-taxxa ta’ kull kontrollur tad-data,
BILLI l-ipproċessar ta’ informazzjoni skont il-Ftehim huwa meħtieġ u proporzjonat għall-fini li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u tal-Liechtenstein jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod korrett u inekwivoku lill-kontribwenti kkonċernati, jamministraw u jinfurzaw il-liġijiet tagħhom dwar it-taxxa f’sitwazzjonijiet transfruntiera, jivvalutaw il-probabbiltà li ssir evażjoni tat-taxxa u jevitaw aktar investigazzjonijiet mhux meħtieġa,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Ftehim huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
il-kliem introduttorju bejn it-titolu u l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “L-UNJONI EWROPEA, U L-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Liechtenstein’,it-tnejn li huma, minn hawn ’il quddiem imsejħin, individwalment, ‘Parti Kontraenti’ u, flimkien, ‘Partijiet Kontraenti’, JAFFERMAW MILL-ĠDID l-interess komuni li jkomplu jiżviluppaw ir-relazzjoni privileġġata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Liechtenstein, FTIEHMU LI JIKKONKLUDU L-FTEHIM LI ĠEJ:” ; |
|
(2) |
fl-Artikolu 1(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:
; |
|
(3) |
l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
|
|
(4) |
l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
|
|
(5) |
l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:
|
|
(6) |
fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Jekk il-konsultazzjoni tkun relatata ma’ nuqqas ta’ konformità sinifikanti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, u l-proċedura deskritta fil-paragrafu 1 ma tipprevedix soluzzjoni adegwata, l-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru jew tal-Liechtenstein tista’ tissospendi l-iskambju ta’ informazzjoni skont dan il-Ftehim lejn, rispettivament, il-Liechtenstein jew Stat Membru speċifiku, billi tavża bil-miktub lill-Awtorità Kompetenti kkonċernata l-oħra. Din is-sospensjoni ser ikollha effett immedjat. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, nuqqas ta’ konformità sinifikanti jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal, nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-salvagwardja tad-data ta’ dan il-Ftehim jew ir-Regolament (UE) 2016/679, nuqqas mill-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru jew tal-Liechtenstein li tipprovdi informazzjoni f’waqtha jew adegwata kif meħtieġ skont dan il-Ftehim jew li tiddefinixxi l-istatus ta’ Entitajiet jew kontijiet bħala Istituzzjonijiet Finanzjarji mhux Rapportanti u Kontijiet Esklużi b’mod li jfixkel il-finijiet ta’ dan il-Ftehim.” |
|
(7) |
l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 9 Terminazzjoni Kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tagħti avviż ta’ terminazzjoni bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra. Din it-terminazzjoni ssir effettiva fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 12-il xahar wara d-data tal-avviż ta’ terminazzjoni. Fil-każ ta’ terminazzjoni, l-informazzjoni kollha riċevuta qabel skont dan il-Ftehim tibqa’ kunfidenzjali u soġġetta għar-Regolament (UE) 2016/679.” |
|
(8) |
l-Anness I huwa emendat kif ġej:
|
|
(9) |
fl-Anness II, il-paragrafi li ġejjin jiżdiedu wara l-paragrafu 6:
|
|
(10) |
fl-Anness III, jitħassar is-subparagrafu (ac). |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan il-Protokoll Emendatorju jirrikjedi li jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti f’konformità mal-proċeduri tagħhom stess. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija ta’ dawn il-proċeduri. Dan il-Protokoll Emendatorju għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ Jannar wara li tasal l-aħħar notifika. L-emendi introdotti minn dan il-Protokoll Emendatorju għandu jkollhom effett minn dik id-data.
Artikolu 3
Lingwi
Dan il-Protokoll Emendatorju għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bl-Iżvediż, b’kull test ugwalment awtentiku.
B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Protokoll Emendatorju.
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/48/oj).
(2) ĠU L 379, 24.12.2004, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2004/897/oj.
(3) ĠU L 339, 24.12.2015, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2015/2453/oj.
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L, 2023/2226, 24.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2226/oj).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/16/oj).
(6) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj).
(7) Il-Gazzetta Legali tal-Liechtenstein 2009 Nru 47.
(8) Il-Gazzetta Legali tal-Liechtenstein 2009 Nru 98.
(9) Id-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, u li temenda u tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L, 2024/1640, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1640/oj.
(10) Ir-Regolament (UE) 2024/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L, 2024/1624, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1624/oj).
(11) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI TAL-PARTIJIET KONTRAENTI
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR L-ARTIKOLU 5 TAL-FTEHIM
Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li l-Artikolu 5 tal-Ftehim huwa allinjat mal-aħħar standard tal-OECD dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali minqux fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD. Għalhekk, il-Partijiet Kontraenti jaqblu, rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Ftehim, li l-kummentarju dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq l-Introjtu u fuq il-Kapital fil-verżjoni attwali meta jiġi ffirmat il-Protokoll Emendatorju jenħtieġ li jkun sors ta’ interpretazzjoni.
Meta l-OECD tadotta verżjonijiet ġodda tal-kummentarju dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq l-Introjtu u fuq il-Kapital fis-snin sussegwenti, kull Stat Membru jew il-Liechtenstein, meta jaġixxi bħala l-ġuriżdizzjoni rikjesta, jista’ japplika dawk il-verżjonijiet bħala sors ta’ interpretazzjoni, billi jissostitwixxi dawk preċedenti. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lil-Liechtenstein u l-Liechtenstein għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea meta japplikaw is-sentenza preċedenti. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkoordina t-trażmissjoni tan-notifika mill-Istati Membri lil-Liechtenstein u l-Kummissjoni Ewropea għandha tittrażmetti n-notifika mil-Liechtenstein lill-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tan-notifika.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR ID-DĦUL FIS-SEĦĦ U L-EFFETT TAL-PROTOKOLL EMENDATORJU
Il-Partijiet Kontraenti jiddikjaraw li huma jistennew li r-rekwiżiti kostituzzjonali tal-Liechtenstein u r-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar id-dħul fi ftehimiet internazzjonali ser jiġu ssodisfati fil-ħin biex il-Protokoll Emendatorju jkun jista’ jidħol fis-seħħ u jkollu effett fl-ewwel jum ta’ Jannar 2026. Huma ser jieħdu l-miżuri kollha fis-setgħa tagħhom sabiex jilħqu dak l-għan.
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/2431/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)