European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1194

4.6.2026

DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2026/1194

tas-26 ta’ Mejju 2026

li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali għal ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini

(riformulazzjoni)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 22(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Għandhom isiru għadd ta’ emendi fid-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE (2). Fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li dik id-Direttiva tiġi riformulata.

(2)

L-Artikolu 20(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u l-Artikolu 22(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jikkonferixxu fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini d-dritt li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati f’elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Id-dritt, li huwa affermat ukoll fl-Artikolu 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), jesprimi b’mod speċifiku l-prinċipju ta’ ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta. Dan isegwi wkoll mid-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera stabbilit fl-Artikolu 20(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u fl-Artikolu 21 TFUE u fl-Artikolu 45 tal-Karta.

(3)

L-arranġamenti dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali huma stabbiliti fid-Direttiva 94/80/KE.

(4)

Fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2020, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jiġu aġġornati, iċċarati u msaħħa r-regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali sabiex jiġi żgurat li jappoġġaw il-parteċipazzjoni wiesgħa u inklużiva taċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ dan, waqt li titqies l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tad-Direttiva 94/80/KE għal elezzjonijiet suċċessivi u biex jitqiesu l-bidliet introdotti bl-emendi għat-Trattati, jenħtieġ li diversi dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu aġġornati.

(5)

Il-proċedura elettorali relatata mal-elezzjonijiet muniċipali taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzawhom, f’konformita’ mat-tradizzjonijiet speċifiċi tagħhom u mal-istandards internazzjonali u Ewropej. B’mod konformi mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jenħtieġ li l-Istati Membri mhux biss jirrikonoxxu u jirrispettaw id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jivvutaw u joħorġu bħala kandidat imma li jiżguraw ukoll aċċess faċli għad-drittijiet elettorali tagħhom billi jneħħu kemm jista’ jkun ostakoli għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjonijiet.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (“ċittadini tal-Unjoni mhux ċittadini tal-Istat Membru”) ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-reġistrazzjoni u l-parteċipazzjoni f’dawn l-elezzjonijiet għandhom jiġu ċċarati biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux ċittadini ta’ dak l-Istat Membru jiġu ttrattati daqs dawk li huma ċittadini tiegħu. B’mod partikolari, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jfittxu li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jenħtieġ li jiġu ttrattati b’mod ugwali fir-rigward ta’ kwalunkwe perjodu ta’ residenza li jrid jiġi ssodisfat bħala kundizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt, kif ukoll il-provi meħtieġa sabiex tintwera l-konformità ma’ tali kundizzjoni.

(7)

Apparti minn hekk, iċ-ċittadini tal-Unjoni mhux ċittadini tal-Istat Membru ma għandhomx ikunu meħtieġa jissodisfaw xi kundizzjonijiet speċjali biex jeżerċitaw id-dritt li jivvutaw jew li joħorġu bħala kandidat f’elezzjonijiet muniċipali sakemm ma jkunx iġġustifikat, b’mod eċċezzjonali, it-trattament differenti taċ-ċittadini tal-Istat Membri u dawk li mhumiex minħabba ċirkostanzi speċifiċi għal tal-aħħar li jiddistingwuhom minn dawk tal-ewwel.

(8)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju miċ-ċittadini tal-Unjoni tad-dritt tagħhom li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, dawn iċ-ċittadini għandhom jiddaħħlu fir-reġistru elettorali fi żmien biżżejjed minn qabel il-jum tal-votazzjoni. Il-formalitajiet applikabbli għar-reġistrazzjoni għandhom ikunu kemm jista’ jkun sempliċi. Sabiex jiġu rreġistrati, jenħtieġ li jkun biżżejjed għaċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati li jipproduċu l-istess dokumenti bħall-votanti li huma ċittadini. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu li l-votanti li huma ċittadini tal-Unjoni mhux ċittadini tal-Istat Membru jipproduċu dokument tal-identità validu u dikjarazzjoni formali li jinkludu elementi li juru l-intitolament tagħhom li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet. Ladarba jkunu rreġistrati, iċ-ċittadini tal-Unjoni mhux ċittadini tal-Istat Membru jenħtieġ li jibqgħu fuq ir-reġistru elettorali bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Unjoni li huma ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jibqgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot. Jekk applikabbli, iċ-ċittadini tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni ta’ kuntatt lill-awtoritajiet kompetenti biex dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jżommuhom aġġornati fuq bażi regolari.

(9)

Filwaqt li l-Istati Membri huma kompetenti biex jiddeterminaw id-dritt tal-vot jew tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fir-rigward ta’ ċittadini li jirrisjedu barra t-territorju tagħhom, il-fatt li ċittadini tal-Unjoni mhux ċittadini tal-Istat Membru jkunu ddaħħlu fir-reġistru elettorali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom ma għandux fih innifsu jikkostitwixxi raġuni għat-tneħħija tagħhom mir-reġistru elettorali tal-Istat Membru domiċiljari tagħhom.

(10)

Tista’ tkun ordnata ċaħda mid-dritt tal-kandidatura b’deċiżjoni individwali tal-awtoritajiet kemm tal-Istat Membru ta’ residenza jew tal-Istat Membru domiċiljari. Fir-rigward tas-sinifikat politiku ta’ karigi bħala persuna eletta f’elezzjoni muniċipali, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jiksbu informazzjoni mingħand l-Istat Membru domiċiljari relatata maċ-ċaħda tad-dritt tal-kandidatura fl-Istat Membru domiċiljari tal-kandidat.

(11)

Peress li d-dmirijiet ta’ tmexxija ta’ unitajiet bażiċi tal-gvern lokali jistgħu jinvolvu l-parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali u fis-salvagwardja tal-interess ġenerali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirriżervaw dawk l-uffiċċji għall-persuni taċ-ċittadinanza tagħhom stess, waqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(12)

Għandu jkun bl-istess mod possibbli li l- parteċipazzjoni minn uffiċjali muniċipali eletti f’elezzjoni ta’ assemblea parlamentari tkun riżervata għal ċittadini proprji ta’ Stat Membru.

(13)

Fejn il-liġijiet tal-Istati Membri jipprovdu li l-kariga bħala persuna eletta f’elezzjoni muniċipali hija inkompatibbli ma’ karigi oħra, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu l-iskop ta’ tali liġijiet sabiex jinkludu karigi ekwivalenti miżmuma fi Stati Membri oħra.

(14)

Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-libertà taċ-ċittadini tal-Unjoni li jagħżlu jekk jeħdux sehem jew le fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn joqogħdu tkun irrispettata u illi dawk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jesprimu x-xewqa illi jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Għaldaqstant huwa xieraq li jsiru dispożizzjonijiet mill-Istati Membri fejn il-vot mhux obbligatorju biex dawk iċ-ċittadini jiġu rreġistrati awtomatikament fuq ir-reġistru elettorali .

(15)

L-aċċessibbiltà ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-proċeduri elettorali hija komponent ewlieni fl-iżgurar tal-eżerċizzju effettiv tad-dritt minqux fl-Artikolu 20(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u fl-Artikolu 22(1) TFUE.

(16)

In-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata, fil-kuntest tal-proċeduri elettorali, jaffettwa liċ-ċittadini fl-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali tagħhom bħala parti mid-drittijiet tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni. Jaffettwa wkoll il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u li jwettqu l-obbligi tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu informazzjoni xierqa liċ-ċittadini tal-Unjoni dwar id-drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 20(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u l-Artikolu 22(1) TFUE u r-regoli u l-proċeduri rilevanti rigward il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet muniċipali u l-organizzazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li jkun mifhum li l-awtoritajiet kompetenti jinkludu l-awtoritajiet maħtura f’livell subnazzjonali meta r-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet muniċipali hija normalment eżerċitata f’dak il-livell f’konformità mal-ordni kostituzzjonali nazzjonali. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-komunikazzjonijiet, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’termini ċari u li jinftiehmu sew. Dan ifisser li l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta b’mod li l-persuna kkonċernata tkun raġonevolment mistennija tifhimha. Ir-rekwiżit għal lingwaġġ ċar u sempliċi għandu jitqies fil-kuntest tar-rekwiżiti formali għall-proċeduri amministrattivi fl-Istat Membru. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jagħmlu referenza għad-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali meta jinfurmaw lill-persuna kkonċernata dwar deċiżjoni dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ kandidat jew ta’ votant skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jinnotifikaw lil rappreżentant awtorizzat b’tali deċiżjoni.

(17)

Sabiex tittejjeb l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni elettorali, l-informazzjoni ġenerali dwar l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-votanti u tal-kandidati, id-data tal-elezzjoni u kif u fejn issir il-votazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli, pereżempju f’sit web b’aċċess ġenerali li jippermetti t-traduzzjoni awtomatika, f’mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li t-traduzzjonijiet f’tali lingwi oħrajn ikunu purament informattivi u ma jkollhomx effett legali. Jekk tqum xi kwistjoni marbuta mal-preċiżjoni tal-informazzjoni li jkun fihom dawk it-traduzzjonijiet, jenħtieġ li jkunu biss il-verżjonijiet fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru li jitqiesu legalment vinkolanti.

(18)

Kwalunkwe deroga mir-regoli ġenerali ta’ din id-Direttiva għandha tkun ġustifikata, skont l-Artikolu 22(1) tat-TFUE, bi problemi speċifiċi għal Stat Membru u għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 52 tal-Karta, inkluż mar-rekwiżit li kwalunkwe limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali għandha tkun prevista bil-liġi u għandha tkun soġġetta għall-prinċipji ta’proporzjonalità u ta’ neċessità. Barra minn hekk, kwalunkwe deroga għandha tkun f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta.

(19)

Problemi speċifiċi jistgħu jinħolqu fi Stat Membru fejn il-proporzjon ta’ ċittadini tal-Unjoni ta’ età li jivvutaw li jgħixu fih imma mhumiex ċittadini tiegħu huwa b’mod sinifikanti ħafna ogħla mill-medja. Derogi rigward id-dritt għall-vot huma ġġustifikati fejn tali ċittadini jiffurmaw aktar minn 20 % tal-elettorat totali. Tali derogi jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-kriterju tal-perjodu ta’ residenza.

(20)

L-Istati Membri li fihom il-proporzjon ta’ ċittadini tal-Unjoni mhux ċittadini tal-Istat Membru li huma ta’ età tal-vot jaqbeż l-20 % tal-għadd totali ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom età tal-vot u li joqogħdu hemm jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jistabbilixxu, f’konformità mal-Artikolu 22(1) TFUE, dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-kompożizzjoni ta’ listi ta’ kandidati.

(21)

Irid jittieħed kont tal-fatt illi, f’ċerti Stati Membri, ir-residenti li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra għandhom id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament nazzjonali. Ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jistgħu konsegwentement jitħallew barra f’dawk l-Istati Membri.

(22)

Ir-Renju tal-Belġju huwa karatterizzat b’fatturi u bilanċi speċifiċi relatati mal-fatt illi l-Artikoli 1 sa 4 tal-Kostituzzjoni tiegħu jipprovdu tliet lingwi uffiċjali u diviżjoni territorjali f’reġjuni u komunitajiet. B’riżultat ta’ dan, l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-Direttiva f’ċerti komuni jista’ jkollha effetti tali li jinneċessitaw li tkun ipprovduta l-possibilità ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva sabiex jittieħed kont ta’ dawk il-fatturi u bilanċi speċifiċi.

(23)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li regolarment tivvaluta l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u tissottometti rapport f’dan ir-rigward lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jenħtieġ li r-rapport jinkludi informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini tagħhom u, meta disponibbli, id-data statistika rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali tagħhom. Tali data statistika tista’ tinkludi data dwar ir-reġistrazzjoni tal-votanti u tal-kandidati u dwar ir-rata ta’ parteċipazzjoni elettorali, kif ukoll data aggregata anonimizzata dwar in-nazzjonalità, l-età, il-lingwa u l-post. B’kont meħud tal-kapaċità amministrattiva tagħhom u tal-fatt li ma hemm l-ebda obbligu li tinġabar jew tinħoloq data ġdida, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex jappoġġaw dak l-eżerċizzju billi jipprovdu l-informazzjoni disponibbli f’waqtha abbażi ta’ kwestjonarju ċċirkolat mill-Kummissjoni.

(24)

Meta applikabbli, l-ipproċessar tad-data personali għall-fini li l-Kummissjoni tiġi pprovduta bid-data statistika dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux ċittadini tal-Istat Membru fl-elezzjonijiet jenħtieġ li titwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), inkluż il-prinċipji tal-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, il-limitazzjoni tal-ħżin u dak tal-integrità u l-kunfidenzjalità. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-ipproċessar tad-data personali għal finijiet ta’ statistika jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, f’konformità mal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li d-data tiġi kondiviża bl-użu ta’ teknoloġiji li jsaħħu l-privatezza li jkunu mfassla speċifikament biex jimplimentaw dawk il-prinċipji. Jenħtieġ li d-data statistika pproċessata għall-finijiet ta’ din id-Direttiva tkun aggregata tant li ma jkunux jistgħu jiġu identifikati individwi.

(25)

Huwa neċessarju li l-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi żmien raġonevoli mid-dħul fis-seħħ tagħha, flimkien mal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2025/1788 (5).

(26)

Sabiex jiġi żgurat li l-lista ta’ unitajiet bażiċi tal-gvern fl-Istati Membri tibqa’ aġġornata , is-setgħa li jiġu adottati atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex temenda l-lista ta’ unitajiet bażiċi tal-gvern. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (6). B’mod partikolari, biex jiġi żgurat l-aċċess f’waqtu għall-informazzjoni kollha rigward it-tħejjija ta’ atti delegati, jenħtieġ li l-Kunsill jirċievi d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u jenħtieġ li l-esperti tiegħu jkollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(27)

L-Istati Membri, bir-ratifika tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, u l-Unjoni, bil-konklużjoni ta’ dik il-Konvenzjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE (7), impenjaw ruħhom li jiżguraw il-konformità ma’ dik il-Konvenzjoni, inkluż l-Artikolu 29 tagħha dwar il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika. Insostenn tal-parteċipazzjoni elettorali inklużiva u ugwali għall-persuni b’diżabbiltà, l-arranġamenti għaċ-ċittadini tal-Unjoni mhux ċittadini tal-Istat Membru biex jeżerċitaw id-dritt tal-vot u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali għandhom iqisu kif xieraq l-eżiġenzi taċ-ċittadini b’diżabbiltà u ta’ ċittadini anzjani.

(28)

Ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 japplikaw għad-data personali pproċessata meta tiġi implimentata din id-Direttiva.

(29)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta kummenti formali fis-17 ta’ Jannar 2022.

(30)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta, b’mod partikolari l-Artikoli 21 u 40 tagħha. Għaldaqstant, huwa essenzjali li din id-Direttiva tiġi implimentata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji billi jiġi żgurat il-ħarsien sħiħ, fost l-oħrajn tad-dritt tal-protezzjoni ta’ data personali, id-dritt ta’ nondiskriminazzjoni, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali, il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza u d-dritt għal rimedju effettiv.

(31)

Jenħtieġ li l-obbligu li din id-Direttiva tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw emenda sostantiva meta mqabbel mad-Direttivi ta’ qabel. L-obbligu li jiġu trasposti d-dispożizzjonijiet li mhumiex mibdula joħroġ mid-Direttivi ta’ qabel.

(32)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti B,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati li permezz tagħhom ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini (“ċittadini tal-Unjoni mhux ċittadini tal-Istat Membru”) jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot u li joħorġu bħala kandidati hemmhekk f’elezzjonijiet muniċipali.

2.   Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jaffetwa kwalunkwe dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tikkonċerna d-dritt tal-vot jew tal-kandidatura kemm ta’ ċittadini tiegħu li joqogħdu barra mit-territorju tiegħu kif ukoll ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu f’dak l-Istat Membru.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“unità bażika tal-gvern lokali” tfisser entità amministrattiva kif elenkat fl-Anness I li, skont il-liġijiet tal-Istat Membru rilevanti, ikun fiha waħda jew aktar korpi eletti b’suffraġju dirett universali u għandha l-poter li tamministra, fil-livell bażiku ta’ organizzazzjoni politika u amministrattiva, ċerti affarijiet lokali taħt ir-responsabilità proprja tagħha;

(b)

“elezzjonijiet muniċipali” tfisser elezzjonijiet b’suffraġju dirett universali sabiex jinħatru membri tal-kunsill rappreżentattiv u, fejn xieraq, skont il-liġijiet tal-Istat Membru rilevanti, il-kap u l-membri tal-eżekuttiv ta’ unità bażika tal-gvern lokali;

(c)

“Stat Membru ta’ residenza” tfisser Stat Membru li fih ċittadin tal-Unjoni joqgħod imma li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni ma huwiex ċittadin;

(d)

“Stat Membru domiċiljari” tfisser l-Istat Membru li tiegħu ċittadin tal-Unjoni huwa ċittadin;

(e)

“reġistru elettorali” tfisser ir-reġistru uffiċjali tal-votanti kollha intitolati għall-vot f’unità bażika tal-gvern lokali partikolari jew f’waħda mis-suddiviżjonijiet tagħha, imfassal u miżmum aġġornat mill-awtorità kompetenti skont il-liġi elettorali tal-Istat Membru ta’ residenza, jew ir-reġistru tal-popolazzjoni jekk dan jindika l-eliġibbiltà tal-vot;

(f)

“data ta’ referenza” tfisser il-ġurnata jew il-ġranet li fihom iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jissodisfaw, skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ residenza, il-ħtiġijiet għall-votazzjoni jew għall-kandidatura f’dak l-Istat Membru;

(g)

“dikjarazzjoni formali” tfisser dikjarazzjoni mill-persuna kkonċernata, li l-ineżattezzi fiha jirrendu lil dik il-persuna soġġetta għal pieni, skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

2.   Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni jekk xi unità bażika tal-gvern lokali msemmija fl-Anness I tkun, bis-saħħa ta’ xi bidla fil-liġi domestika tiegħu, mibdula minn unità oħra li jkollha l-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu jew jekk, bis-saħħa ta’ tali bidla, tali unità tkun abolita jew unitajiet oħrajn ikunu maħluqa.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 16 rigward l-emendar tal-Anness I abbażi tan-notifiki riċevuti skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet li jirregolaw id-dritt tal-vot u tal-kandidatura

Kwalunkwe persuna li, fid-data ta’ referenza:

(a)

hija ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE; u

(b)

mhijiex ċittadin tal-Istat Membru ta’ residenza, imma tissodisfa l-istess kundizzjonijiet fir-rigward tad-dritt tal-vot u li toħroġ bħala kandidat kif dak l-Istat Membru jimponi bil-liġi fuq iċ-ċittadini tiegħu,

għandha d-dritt li tivvota u li toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza f’konformità ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 4

Rekwiżiti tal-perjodu ta’ residenza

1.   Jekk, sabiex jivvutaw jew joħorġu bħala kandidati, iċ-ċittadini tal-Istat Membru ta’ residenza jridu jkunu għamlu ċertu perjodu minimu bħala residenti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, il-persuni intitolati li jivvutaw u joħorġu bħala kandidati skont l-Artikolu 3 għandhom jitqiesu li ssodisfaw dik il-kundizzjoni fejn ikunu għexu għal perjodu ekwivalenti fi Stati Membri oħra.

2.   Jekk, skont il-liġijiet tal-Istat Membru ta’ residenza, iċ-ċittadini tiegħu jkunu jistgħu jivvutaw u joħorġu bħala kandidati fl-unità bażika tal-gvern lokali li fiha jkollhom ir-residenza prinċipali tagħhom biss , jil-persuni intitolati li jivvutaw u joħorġu bħala kandidati skont l-Artikolu 3 għandhom ukoll ikunu soġġetti għal dik il-kundizzjoni.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa:

(a)

id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru li skontu l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’unità bażika tal-gvern lokali partikolari jkun soġġett għal perjodu minimu ta’ residenza f’dik l-unità;

(b)

xi dispożizzjoni nazzjonali li diġà tkun fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, li permezz tagħha l-eżerċizzju ta’ tali dritt tal-vot u ta’ kandidatura huwa soġġett għall-perjodu minimu ta’ residenza fil-parti kostitwenti tal-Istat Membru li tagħha l-unità bażika tal-gvern lokali tifforma parti.

Artikolu 5

Ineliġibbiltà

1.   Stati Membri ta’ residenza jistgħu jipprevedu li ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux ċittadini tal-Istat Membru, li permezz ta’ deċiżjoni individwali taħt il-liġi ċivili jew deċiżjoni taħt il-liġi kriminali, ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom tal-kandidatura skont il-liġi tal-Istat Membru domiċiljari tagħhom għandhom ikunu preklużi milli jeżerċitaw dak id-dritt fl-elezzjonijiet muniċipali.

2.   Applikazzjoni minn kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx ċittadin tal-Istat Membru sabiex ikun kandidat f’elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli fejn dak iċ-ċittadin mhuwiex kapaċi jipproduċi d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2), il-punt (a), jew l-istqarrija msemmija fl-Artikolu 9(2), il-punt (b).

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li ċ-ċittadini tagħhom biss jistgħu jżommu l-kariga ta’ kap elett, deputat jew membru tal-kulleġġ li jiggverna tal-eżekuttiv ta’ unità bażika tal-gvern lokali jekk eletti li jżommu l-kariga għat-tul tal-mandat tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu illi t-twettiq temporanju jew interim tal-funzjonijiet ta’ kap, deputat jew membru tal-kulleġġ li jiggverna tal-eżekuttiv ta’ unità bażika tal-gvern lokali jista’ jkun ristrett għaċ-ċittadini tagħhom stess.

Wara li jikkunsidraw it-TFUE u l-prinċipji legali ġenerali, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa, neċessarji u proporzjonati sabiex jassiguraw illi l-karigi msemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu jistgħu jitwettqu, u l-funzjonijiet interim imsemmija fit-tieni subparagrafu jkunu jistgħu jitwettqu, biss minn ċittadini tagħhom stess.

4.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu illi ċ-ċittadini tal-Unjoni mhux ċittadini tal-Istat Membru eletti bħala membri ta’ kunsill rappreżentattiv ma għandhomx jieħdu sehem kemm fid-deżinjazzjoni tad-delegati li jistgħu jivvutaw f’assemblea parlamentari u lanqas fl-elezzjoni tal-membri ta’ dik l-assemblea.

Artikolu 6

Inkompatibbiltà

1.   Il-persuni intitolati li jkunu kandidati skont l-Artikolu 3 għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet li jikkonċernaw inkompatibbiltà li japplikaw, skont il-liġijiet tal-Istat Membru ta’ residenza, għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi kariga bħala persuna eletta f’elezzjoni muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza hija inkompatibbli mal-karigi fi Stati Membri oħrajn li huma ekwivalenti għal dawk li minnhom tirriżulta l-inkompatibbiltà fl-Istat Membru ta’ residenza.

KAPITOLU II

Eżerċizzju tad-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura

Artikolu 7

Libertà li wieħed jagħżel li jivvota fl-Istat Membru ta’ residenza

1.   Il-persuni intitolati li jivvutaw skont l-Artikolu 3 (il-“votanti skont l-Artikolu 3”) għandhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvotaw f’elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza jekk ikunu esprimew ix-xewqa li jagħmlu dan.

2.   Jekk il-votazzjoni hija obbligatorja fl-Istat Membru ta’ residenza, il-votanti skont l-Artikolu 3 li ddaħħlu fir-reġistru elettorali hemmhekk għandhom ukoll ikunu obbligati li jivvutaw.

3.   L-Istati Membri fejn il-votazzjoni mhix obbligatorja jistgħu jipprovdu għar-reġistrazzjoni awtomatika tal-votanti skont l-Artikolu 3 fuq ir-reġistru elettorali.

Artikolu 8

Iskrizzjoni fir-reġistru elettorali u t-tneħħija minnu

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jippermettu lill-votanti skont l-Artikolu 3 sabiex jiddaħħal fir-reġistru elettorali suffiċjentement qabel il-ġurnata tal-votazzjoni.

2.   Sabiex isimhom jiddaħħal fir-reġistru elettorali, il-votanti skont l-Artikolu 3 għandhom jippreżentaw l-istess dokumenti bħall-votanti li huma ċittadini.

L-Istat Membru ta’ residenza jista’ wkoll jitlob li l-votanti skont l-Artikolu 3 jipproduċu dokument ta’ identità validu, flimkien ma’ dikjarazzjoni formali li turi isimhom, in-nazzjonalità tagħhom, id-data u l-post ta’ twelidhom u l-indirizz tagħhom fit-territorju elettorali tal-Istati Membri ta’ residenza. L-Istati Membri jistgħu wkoll jitolbu li d-dikjarazzjoni formali tinkludi dettalji addizzjonali ta’ kuntatt bħal numru tat-telefown jew l-indirizz elettroniku.

3.   Il-votanti skont l-Artikolu 3 li ddaħħlu f’reġistru elettorali fi Stat Membru ta’ residenza għandhom jibqgħu hemmhekk, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal votanti li huma ċittadini, sakemm jitneħħew peress illi huma ma jibqgħux jissodisfaw aktar ir-rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot. Jekk ikunu jeżistu dispożizzjonijiet biex iċ-ċittadini jiġu notifikati dwar din it-tneħħija mir-reġistru elettorali, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għall-votanti skont l-Artikolu 3 bl-istess mod.

Votanti li ddaħħlu fir-reġistru elettorali fuq talba tagħhom stess jistgħu wkoll jitneħħew minnu jekk huma jitolbu hekk.

Jekk tali votanti jiċċaqilqu għal unità bażika ta’ gvern lokali oħra fl-istess Stat Membru, huma għandhom jiddaħħlu fir-reġistru elettorali ta’ dik l-unità taħt l-istess kundizzjonijiet bħal votanti li huma ċittadini ta’ dak il-pajjiż.

4.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ kwalunkwe Stat Membru dwar id-dritt tal-vot jew tal-kandidatura ta’ ċittadini li jirrisjedu barra t-territorju tiegħu, il-fatt li l-votanti skont l-Artikolu 3 jkunu ddaħħlu fir-reġistru elettorali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom ma għandux jirriżulta fit-tneħħija tagħhom mir-reġistru elettorali tal-Istat Membru domiċiljari.

Artikolu 9

Reġistrazzjoni bħala kandidat

1.   Meta jissottomettu l-applikazzjoni tal-kandidatura, il-persuni li jkunu intitolati li joħorġu bħala kandidati skont l-Artikolu 3 għandhom jippreżentaw l-istess dokumenti ta’ sostenn bħall- kandidati li huma ċittadini. L-Istat Membru ta’ residenza jista’ jitlob lil dawk il-persuni jippreżentaw dokument tal-identità validu, flimkien ma’ dikjarazzjoni formali li turi isimhom, in-nazzjonalità tagħhom, id-data u l-post ta’ twelidhom u l-indirizz tagħhom fit-territorju elettorali tal-Istati Membri ta’ residenza.

2.   L-Istat Membru ta’ residenza jista’ wkoll jitlob lill-persuni li huma intitolati li joħorġu bħala kandidati skont l-Artikolu 3 sabiex:

(a)

fid-dikjarazzjoni formali msemmija fil-paragrafu 1 jiddikjaraw li ma ġewx imċaħħda mid-dritt tal-kandidatura fl-Istat Membru domiċiljari tagħhom;

(b)

fejn hemm dubju fir-rigward tal-kontenut tad-dikjarazzjoni formali kif imsemmija fil-punt (a), jippreżentaw qabel jew wara l-elezzjoni attestazzjoni mill-awtoritajiet amministrativi kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari tagħhom li tiċċertifika illi ma kinux imċaħħda mill-kandidatura f’dak l-Istat Membru jew illi l-ebda tali ċaħda mhija magħrufa minn dawk l-awtoritajiet;

(c)

fid-dikjarazzjoni formali msemmija fil-paragrafu 1 jiddikjaraw dettalji ta’ kuntatt addizzjonali bħal numru tat-telefown jew l-indirizz elettroniku;

(d)

fid-dikjarazzjoni formali msemmija fil-paragrafu 1 jiddikjaraw li ma għandhomx kariga uffiċjali li hija inkompatibbli fis-sens tal-Artikolu 6(2);

(e)

jindikaw l-aħħar indirizz fl-Istat Membru domiċiljari tagħhom, sakemm kellhom wieħed.

Artikolu 10

Għoti ta’ informazzjoni

L-Istati Membri li jipprovdu l-possibbiltà għaċ-ċittadini biex jivvutaw permezz ta’ votazzjoni minn qabel, votazzjoni bil-posta, jew votazzjoni elettronika jew bl-internet fl-elezzjonijiet muniċipali għandhom jiżguraw li tali mezzi ta’ votazzjoni jkunu disponibbli għall-votanti skont l-Artikolu 3 bl-istess kundizzjonijiet.

Artikolu 11

Deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni u r-rimedji legali

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza għandhom jinformaw lill-persuna kkonċernata fil-ħin u b’lingwa ċara u faċli dwar id-deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni ta’ dik il-persuna għad-dħul fir-reġistru elettorali jew dwar id-deċiżjoni li tikkonċerna l-ammissibilità tal-applikazzjoni tal-kandidatura ta’ dik il-persuna. In-notifika tal-applikazzjoni għall-kandidatura tista’ tinħareġ ukoll lil rappreżentant awtorizzat.

2.   Jekk ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx ċittadin tal-Istat Membru ma jiddaħħalx fir-reġistru elettorali jew l-applikazzjoni tad-dħul fir-reġistru elettorali ta’ dak iċ-ċittadin tiġi miċħuda jew applikazzjoni tal-kandidatura ta’ dak iċ-ċittadin tiġi miċħuda, il-persuna konċernata għandha tkun intitolata għal rimedji legali fuq termini simili skont kif il-liġijiet tal-Istat Membru ta’ residenza jipprovdu għal votanti jew persuni intitolati li jkunu kandidati li huma ċittadini tiegħu.

3.   Fil-każ li hemm żbalji fir-reġistru elettorali jew fil-lista tal-kandidati għall-elezzjonijiet muniċipali, il-persuni kkonċernati għandhom ikunu intitolati għal rimedji legali fuq termini simili għal dawk li l-liġijiet tal-Istat Membru ta’ residenza jippreskrivu liċ-ċittadini tiegħu li huma votanti u li huma intitolati joħorġu bħala kandidati.

Artikolu 12

Għoti ta’ informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtorità waħda jew aktar ikollha r-responsabilità li tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li ċ-ċittadini tal-Unjoni mhux ċittadini tal-Istat Membru jiġu infurmati fil-ħin dwar il-kundizzjonijiet u r-regoli dettaljati għar-reġistrazzjoni bħala votant jew kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 1 għandhom, jagħmlu l-informazzjoni li ġejja disponibbli f’waqtha lill-votanti rreġistrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 3 u lil ċittadini tal-Unjoni rreġistrati li jkunu intitolati li joħorġu bħala kandidati skont l-Artikolu 3:

(a)

fuq talba, l-istatus tar-reġistrazzjoni tagħhom,

(b)

id-data tal-elezzjoni u kif u fejn jistgħu jivvutaw,

(c)

il-mezzi biex tinkiseb aktar informazzjoni relatata mal-organizzazzjoni tal-elezzjoni inkluża l-lista tal-kandidati.

3.   L-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u r-regoli dettaljati għar-reġistrazzjoni bħala votant jew kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir disponibbli skont ir-rekwiżiti ta’ kwalità stipulati fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) f’waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri ta’ residenza.

L-informazzjoni ġenerali dwar l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, inkluż il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ votant jew ta’ kandidat, id-data tal-elezzjoni, u kif u fejn issir il-votazzjoni, għandha tkun disponibbli f’mill-anqas lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2018/1724, jew tkun lingwa li tinftiehem minn firxa wiesgħa ta’ ċittadini tal-Unjoni li jkunu residenti fit-territorju tal-Istat Membru ta’ residenza. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tipprovdi assistenzi għal tali traduzzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2018/1724. Tali traduzzjonijiet għandhom ikunu purament informattivi u ma għandu jkollhom l-ebda effett legali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u r-regoli dettaljati għar-reġistrazzjoni bħala votant jew kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 issir aċċessibbli, b’mod partikolari, għall-persuni b’diżabbiltà, billi jintużaw mezzi, modi u formati xierqa ta’ komunikazzjoni.

KAPITOLU III

Derogi u dispożizzjonijiet tranżitorji

Artikolu 13

Derogi

1.   Jekk, fi Stat Membru partikolari, il-proporzjon ta’ ċittadini tal-Unjoni ta’ età li jistgħu jivvutaw li joqogħdu fih imma mhumiex ċittadini ta’ dak l-Istat jaqbeż l-20 % tal-għadd totali ta’ ċittadini tal-Unjoni li huma ċittadini tal-Istat Membru u dawk li mhumiex, li joqogħdu f’dak il-pajjiż li huma ta’ età li jistgħu jivvutaw, dak l-Istat Membru jista’, permezz ta’ deroga minn din id-Direttiva:

(a)

jirrestrinġi d-dritt għall-vot lill-votanti skont l-Artikolu 3 li jkunu qagħdu f’dak l-Istat Membru għal perjodu minimu, li ma jistax ikun itwal mit-terminu li għalih il-kunsill rappreżentattiv tal-muniċipalità jkun elett;

(b)

jirrestrinġi d-dritt tal-kandidatura lill-persuni intitolati li joħorġu bħala kandidati skont l-Artikolu 3 li jkunu qagħdu f’dak l-Istat Membru għal perjodu minimu, li ma jistax ikun itwal minn darbtejn it-terminu li għalih ikun elett il-kunsill rappreżentattiv tal-muniċipalità; u

(c)

jieħu miżuri xierqa dwar il-kompożizzjoni tal-listi tal-kandidati sabiex partikolarment jinkoraġġixxi l-integrazzjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru.

2.   Ir-Renju tal-Belġju jista’, bħala deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, japplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a), għal numru limitat ta’ unitajiet ta’ gvernijiet lokali, li l-lista tagħhom għandha tkun komunikata mill-anqas sena qabel l-elezzjonijiet tal-unitajiet tal-gvern lokali li hu maħsub li jinvoka d-deroga għalihom .

3.   Fejn il-liġi ta’ Stat Membru tippreskrivi illi ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li joqogħdu fl-ewwel Stat Membru għandhom id-dritt li jivvutaw għall-parlament nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru u, għal dak l-iskop, jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru elettorali ta’ dak l-Istat Membru eżattament taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ votanti ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, l-ewwel Stat Membru jista’, permezz ta’ deroga minn din id-Direttiva, joqgħod lura milli japplika l-Artikoli 6 sa 11 fir-rigward ta’ tali ċittadini.

4.   6 snin wara l-24 ta’ Ġunju 2026 u kull 6 snin wara din, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li fih għandha tivverifika jekk l-għoti ta’ deroga lill-Istati Membri kkonċernati skont l-Artikolu 22(1) TFUE għadux ġustifikat u għandha tipproponi illi kwalunkwe aġġustament neċessarju għandu jsir. L-Istati Membri li jinvokaw derogi skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom ifornu lill-Kummissjoni b’kull informazzjoni tal-isfond neċessarja.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 14

Rapportar

Fi żmien 6 snin mill-24 ta’ Ġunju 2026 u kull 6 snin wara, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tagħha. Ir-rapport għandu jkun fih, meta disponibbli, data statistika dwar il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet muniċipali tal-votanti skont l-Artikolu 3 u persuni intitolati li joħorġu bħala kandidati skont l-Artikolu 3 u sommarju tal-miżuri meħuda f’dak ir-rigward. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jappoġġaw lill-Kummissjoni billi jipprovdu l-informazzjoni disponibbli.

Artikolu 15

Evalwazzjoni

Fi żmien għaxar snin mill-24 ta’ Ġunju 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni tad-Direttiva u tipproduċi rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-progress lejn il-kisba tal-objettivi li jinsabu fiha.

Artikolu 16

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mill-24 ta’ Ġunju 2026.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 2(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill f’perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Kunsill ikun informa lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjona. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Kunsill.

7.   Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat bl-adozzjoni tal-atti delegati mill-Kummissjoni, u dwar kwalunkwe oġġezzjoni fformulata għalihom, jew dwar ir-revoka tas-setgħa ta’ delegazzjoni mill-Kunsill.

Artikolu 17

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 8(2), (3) u (4), mal-Artikoli 9 u 10, mal-Artikolu 11(1) u (3), mal-Artikoli 12 u 14 u mal-Anness I sal-25 ta’ Ġunju 2028. Huma għandhom immedjatament jikkomunikaw it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li fiha jingħad li kull meta fil-liġijiet, fir-regolamenti u fid-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti jkun hemm referenzi għad-Direttiva/i mħassra minn din id-Direttiva dawk għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza u kif għandha titfassal dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 18

Tħassir

Id-Direttiva 94/80/KE, kif emendata bl-atti elenkati fl-Anness II , Parti A, hi mħassra b’effett mis-26 ta’ Ġunju 2028, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi fl-Anness II , il-Parti B.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f‘Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 1 sa 7, 8(1), 11(2) u 13 għandhom japplikaw mis-26 ta’ Ġunju 2028.

Artikolu 20

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. RAOUNA


(1)  L-opinjoni tal-14 ta’ Frar 2023 (ĠU C 283, 11.8.2023, p. 100).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE tad-19 ta’ Diċembru 1994 li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini (ĠU L 368, 31.12.1994, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1994/80/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2025/1788 tal-24 ta’ Ġunju 2025 li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU L, 2025/1788, 8.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/1788/oj).

(6)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/48(1)/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kusill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1724/oj).


ANNESS I

“Unità bażika tal-gvern lokali” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (a), ta’ din id-Direttiva tfisser kull waħda minn dawn li ġejjin:

—

fil-Belġju: commune/gemeente/Gemeinde, conseil de district/districtsraad/Distriktrat,

—

fil-Bulgarija: община/кметство/Общината е основната административно-териториална единица, в която се осъществява местното самоуправление,

—

fir-Repubblika Ċeka: obec, městský obvod nebo městská část územně členěného statutárního města, městská část hlavního města Prahy,

—

fid-Danimarka: kommune, region

—

fil-Ġermanja: kreisfreie Stadt bzw. Stadtkreis; Kreis; Gemeinde, Bezirk in der Freien und Hansestadt Hamburg und im Land Berlin; Stadtgemeinde Bremen in der Freien Hansestadt Bremen, Stadt-, Gemeinde-, oder Ortsbezirke bzw. Ortschaften,

—

fl-Estonja: vald, linn,

—

fl-Irlanda: counties, cities, and cities and counties,

—

fil-Greċja: δήμος, δημοτική κοινότητα,

—

fi Spanja: municipio, entidad de ámbito territorial inferior al municipal,

—

fi Franza: commune, arrondissement dans les villes déterminées par la législation interne, section de commune,

—

fil-Kroazja: općina, grad, županija,

—

fl-Italja: comune, circoscrizione,

—

f’Ċipru: δήμος, κοινότητα,

—

fil-Latvja: novads, valstspilsēta,

—

fil-Litwanja: Savivaldybė,

—

fil-Lussemburgu: commune,

—

fl-Ungerija: települési önkormányzat, területi önkormányzat, fővárosi önkormányzat,

—

f’Malta: Kunsill Lokali,

—

fin-Netherlands: gemeente,

—

fl-Awstrija: Gemeinden, Bezirke in der Stadt Wien,

—

fil-Polonja: gmina,

—

fil-Portugall: município, freguesia,

—

fir-Rumanija: comuna, orașul, municipiul, sectorul (numai în municipiul București) și județul,

—

fis-Slovenja: občina,

—

fis-Slovakkja: samospráva obce: obec, mesto, hlavné mesto Slovenskej republiky Bratislava, mesto Košice, mestská časť hlavného mesta Slovenskej republiky Bratislavy, mestská časť mesta Košice; samospráva vyššieho územného celku: samosprávny kraj,

—

fil-Finlandja: kunta, kommun, kommun på Åland, aluevaalit,

—

fl-Iżvezja: kommuner, regioner.


ANNESS II

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien mal-lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 17)

Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE

(ĠU L 368, 31.12.1994, p. 38)

 

Direttiva tal-Kunsill 2006/106/KE

(ĠU L 363, 20.12.2006, p. 409)

 

Direttiva tal-Kunsill 2013/19/UE

(ĠU L 158, 10.6.2013, p. 231)

 

PARTI B

Il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 17)

Direttiva

Il-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE

l-1 ta’ Jannar 1996

Direttiva tal-Kunsill 2006/106/KE

l-1 ta’ Jannar 2007

Direttiva tal-Kunsill 2013/19/UE

l-1 ta’ Lulju 2013


ANNESS III

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Direttiva 94/80/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2), l-ewwel subparagrafu

—

Artikolu 2(2), it-tieni subparagrafu

Artikoli 3 sa 7

Artikoli 3 sa 7

Artikolu 8(1), (2) u (3)

Artikolu 8(1), (2) u (3)

—

Artikolu 8(4) u (5)

Artikolu 9(1)

Artikolu 9(1)

Artikolu 9(2)

Artikolu 9(2)

—

Artikolu 9(3)

—

Artikolu 10

Artikolu 10(1)

Artikolu 11(1)

Artikolu 10(2)

Artikolu 11(2)

—

Artikolu 11(3)

Artikolu 11

Artikolu 12(1)

—

Artikolu 12(2)

—

Artikolu 12(3)

—

Artikolu 12(4)

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14

—

Artikolu 15

—

Artikolu 16

Artikolu 14

Artikolu 17

—

Artikolu 18

Artikolu 15

Artikolu 19

Artikolu 16

Artikolu 20

Anness

Anness I

—

Annessi II u III


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/1194/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)