13.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1427

tat-12 ta’ Ottubru 2020

li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/83 fuq importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju f’taħlita jew f’soluzzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ u investigazzjoni parallela

(1)

F’Novembru 2008, il-Kunsill impona, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1187/2008 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju (“MSG”) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”). Il-miżuri kellhom il-forma ta’ dazju ad valorem li jvarja bejn 33,8 % u 39,7 %.

(2)

F’Jannar 2015, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/83 (3), il-Kummissjoni, wara rieżami ta’ skadenza, imponiet dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-MSG li joriġinaw mir-RPĊ (“ir-rieżami ta’ skadenza preċedenti”).

(3)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni imponiet permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/84 (4), dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-MSG li joriġinaw mill-Indoneżja.

(4)

Fil-21 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni bdiet rieżami ta’ skadenza (5), skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-MSG li joriġinaw mir-RPĊ u fl-Indoneżja. Din l-investigazzjoni ta’ rieżami għadha għaddejja.

1.2.   It-talba

(5)

Fit-8 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13 (3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, biex tinvestiga ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet tal-MSG li joriġinaw mir-RPĊ u biex tagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni. It-talba ġiet ippreżentata mill-uniku produttur tal-MSG tal-Unjoni, Ajinomoto Foods Europe SAS (iktar’ il quddiem l-“applikant”).

(6)

L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li l-miżuri antidumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-MSG qed jiġu evitati. Skont din l-evidenza:

—

bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni seħħet wara l-impożizzjoni tad-dazju antidumping definittiv permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/83;

—

din il-bidla ġejja mill-importazzjoni ta’ modifika żgħira tal-prodott ikkonċernat li ma tbiddilx il-karatteristiċi fundamentali tiegħu iżda jagħmlu jaqa’ taħt kodiċijiet doganali li normalment ma jkunux soġġetti għall-miżuri, u ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika għal tali prattika għajr l-impożizzjoni tad-dazju;

—

l-effetti rimedjanti tal-miżuri eżistenti antidumping fuq il-prodott ikkonċernat kienu qegħdin jiddgħajfu kemm fil-kwantità kif ukoll fil-prezz; kif ukoll

—

il-prezzijiet tal-prodott ftit modifikat kienu ddampjati b’relazzjoni mal-valur normali stabbilit qabel.

1.3.   Bidu

(7)

Wara li ddeterminat li teżisti biżżejjed evidenza, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, sabiex tiddetermina jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-MSG f’taħlita jew f’soluzzjoni, li jkun fihom 50 % bil-piż niexef jew aktar tal-MSG, u li joriġinaw fir-RPĊ, humiex qed jevitaw il-miżuri eżistenti.

(8)

L-investigazzjoni nbdiet permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/230 (6) (“ir-Regolament tal-bidu”). Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ir-Regolament ta’ tnedija ordna lill-awtoritajiet doganali biex jirreġistraw l-importazzjonijiet ta’ prodott ftit modifikat mir-RPĊ.

1.4.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat

(9)

Il-prodott ikkonċernat mill-evażjoni possibbli huwa l-glutamat tal-monosodju, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 (il-kodiċi TARIC 2922420010) u li joriġina mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat” jew “MSG”). Il-prodott ikkonċernat huwa soġġett għal miżuri antidumping imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/83. Jintuża prinċipalment biex itejjeb it-togħma tas-sopop, tal-brodijiet, tal-platti bil-ħut u bil-laħam u ikel lest biex jittiekel. L-MSG huwa wkoll użat fl-industrija kimika għal applikazzjonijiet mhux tal-ikel bħal deterġenti. L-MSG huwa prodott b’fermentazzjoni batterika ta’ sors taz-zokkor (pereżempju lamtu tal-qamħirrum, lamtu tal-qamħ jew lamtu tat-tapjoka, kif ukoll xropp taz-zokkor, melassa tal-kannamieli taz-zokkor u melassa tal-pitravi taz-zokkor). Huwa magħruf ukoll bil-kodiċi E621 u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (7) dwar l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel, huwa deskritt bħala kristalli bojod, prattikament bla riħa jew trab kristallin. L-isem u l-formula kimika tiegħu hija Monosodju L-glutamat monoidrat u C5H8NaNO4 · H2O, rispettivament.

(10)

Il-prodott investigat għal ċirkomvenzjoni possibbli huwa l-glutamat tal-monosodju f’taħlita jew f’soluzzjoni, li fih piż xott ta’ 50 % jew aktar ta’ glutamat tal-monosodju, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 2103 90 90, ex 2104 10 00, ex 2104 20 00, ex 3824 99 92, ex 3824 99 93 u ex 3824 99 96 (kodiċijiet TARIC 2103909011, 2103909081, 2104100011, 2104100081, 2104200011, 3824999298, 3824999389 u 3824999689) u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott investigat” jew “taħlitiet MSG”).

1.5.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu ta’ rapportar

(11)

L-investigazzjoni kopriet il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2019 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”, jew “PI”). Tul il-perjodu investigattiv, inġabret id-data li kellha tiġi investigata, fost l-oħrajn l-allegata bidla fix-xejra tal-kummerċ.

(12)

Inġabret data aktar iddettaljata għall-perjodu ta’ rappurtar mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019 (“il-perjodu ta’ rapportar” jew “PR”) sabiex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kinux qed jimminaw l-effett ta’ rimedju tal-miżuri fis-seħħ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prezzijiet u/jew kwantitajiet u l-eżistenza ta’ dumping.

1.6.   L-Investigazzjoni

(13)

Il-Kummissjoni nnotifikat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-produtturi esportaturi magħrufa fir-RPĊ, lill-importaturi/utenti magħrufa fl-Unjoni li huma kkonċernati u lill-applikant bit-tnedija tal-investigazzjoni.

(14)

Ir-Regolament tal-bidu stieden lill-partijiet interessati kollha biex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mill-bidu tal-investigazzjoni attwali. Fid-data tal-bidu, il-formola ta’ eżenzjoni, il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ u l-kwestjonarju għall-importaturi/utenti fl-Unjoni kienu disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ fuq https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2448.

(15)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament ta’ ftuħ. Il-partijiet kollha ġew infurmati li nuqqas ta’ kooperazzjoni jista’ jwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal konklużjonijiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(16)

Importatur wieħed u sitt utenti fl-Unjoni wieġbu għall-kwestjonarju. Wara talbiet għal kjarifiki dwar it-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarji, l-importatur u utent minnhom irtiraw il-kooperazzjoni tagħhom.

1.7.   Nonkooperazzjoni

(17)

L-ebda produttur esportatur jew negozjant mir-RPĊ tal-prodott ikkonċernat jew tal-prodott investigat ma ppreżenta ruħu. Fit-2 ta’ April 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-gvern tar-RPĊ dwar dan il-fatt u bl-intenzjoni tagħha li tapplika l-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(18)

Bl-istess mod, l-ebda importatur jew utent fl-Unjoni tal-prodott investigat, ma kkoopera matul din l-investigazzjoni. Il-ħames utenti li kkooperaw li ssottomettew tweġibiet għall-kwestjonarju ddikjaraw li kienu qed jimpurtaw jew jużaw il-prodott ikkonċernat u kollha kkonfermaw li ma kinux jimportaw il-prodott li qed jiġi investigat jew li kien qed jintuża.

(19)

Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, is-sejbiet kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

2.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(20)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni analizzat suċċessivament l-elementi li ġejjin sabiex tivvaluta ċ-ċirkomvenzjoni possibbli:

—

jekk kienx hemm tibdil fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ u l-Unjoni;

—

jekk din il-bidla nibtitx minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju;

—

jekk hemmx evidenza ta’ dannu jew jekk l-effetti rimedjali tad-dazju humiex qed jiġu mhedda f’termini ta’ prezzijiet u/jew ta’ kwantitajiet tal-prodott simili; kif ukoll

—

jekk hemmx evidenza ta’ dumping f’paragun mal-valuri normali li kienu ġew stabbiliti qabel għall-prodott simili.

2.2.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(21)

Sabiex tiġi stabbilita bidla possibbli fix-xejra tal-kummerċ, il-Kummissjoni analizzat il-volum tal-importazzjonijiet tal-MSG u t-taħlitiet tal-MSG matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(22)

Il-volum tal-importazzjonijiet tal-MSG ġie stabbilit abbażi tad-data tal-Eurostat fil-livell tal-kodiċi TARIC (8) għall-perjodu ta’ investigazzjoni. L-MSG bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi TARIC 2922420010.

(23)

Il-volum tal-importazzjonijiet tat-taħlitiet MSG, ma setax jiġi stabbilit fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat għar-raġunijiet li ġejjin: l-importazzjonijiet tat-taħlitiet tal-MSG allegatament saru taħt il-kodiċijiet NM 2103 90 90, 2104 10 00, 2104 20 00, 3824 90 92, 3824 90 93 u 3824 90 96. Dawn il-kodiċijiet NM għandhom kamp ta’ applikazzjoni usa’ minn dak tal-prodott investigat. Għalhekk, l-analiżi tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ abbażi ta’ importazzjonijiet taħt dawk il-kodiċijiet NM kienet tirriżulta fi stima eċċessiva tal-kwantitajiet reali tal-importazzjoni ta’ taħlitiet jew soluzzjonijiet tal-MSG.

(24)

Sabiex tistabbilixxi determinazzjoni aktar preċiża tal-volum tal-importazzjoni tat-taħlitiet MSG, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe sors ieħor aktar affidabbli, il-Kummissjoni użat il-metodoloġija li ġejja, abbażi tal-metodoloġija ssuġġerita mill-applikant fit-talba:

(25)

L-ewwel stabbiliet il-volumi ta’ esportazzjoni kkombinati tal-MSG u tat-taħlita tal-MSG magħrufa bħala “Gourmet Powder” (9), mir-RPĊ lejn l-Unjoni kif irreġistrati fl-Atlas Globali tal-Kummerċ jew “GTA” (10) taħt il-kodiċijiet doganali Ċiniżi 2922 42 20 u 2103 90 10, rispettivament. Filwaqt li d-data għal “Gourmet Powder” għandha tkopri taħlitiet li jkun fihom bejn 80 % u 99 % MSG, din tista’ tkopri wkoll esportazzjonijiet ta’ MSG pur f’pakketti għas-suq tal-konsumaturi. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li xi taħlitiet tal-MSG, b’ammonti żgħar ta’ addittivi qed jiġu esportati mir-RPĊ bħala MSG pur.

(26)

Għalhekk, sabiex jinkisbu ċifri għall-importazzjonijiet tat-taħlitiet tal-MSG, il-Kummissjoni naqqset mill-volum totali ta’ esportazzjoni stabbilit b’dan il-mod, il-volum tal-importazzjonijiet tal-MSG kif irreġistrat fil-bażi tad-data tal-Eurostat skont il-kodiċi TARIC 2922420010 (ara l-premessa (22)).

(27)

Id-differenza li rriżultat tqieset bħala determinazzjoni preċiża b’mod raġonevoli tal-volum ta’ importazzjonijiet tat-taħlitiet MSG fl-Unjoni.

(28)

Fit-28 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lill-partijiet interessati kollha bl-intenzjoni tagħha li tuża l-metodoloġija ta’ hawn fuq u stednithom biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-metodoloġija u ċ-ċifri ppreżentati. Applikant wieħed biss issottometta kummenti, fejn qabel mal-metodoloġija u ċ-ċifri.

(29)

Abbażi tal-metodoloġija deskritta hawn fuq, il-Kummissjoni kisbet id-data tal-importazzjoni li ġejja:

Importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni

(Unità: tunnellati)

 

2013

2014

2015

2016

2017

2018

RP

Il-prodott ikkonċernat

2 317

3 515

5 234

3 652

3 624

2 221

3 063

Il-prodott investigat

2 484

2 437

4 535

2 765

3 046

4 336

8 558

Sors:

GTA, Eurostat

(30)

L-importazzjonijiet tat-taħlitiet tal-MSG mir-RPĊ lejn l-Unjoni żdiedu b’244 % matul il-PI, u laħqu 8 558 tunnellata fil-PR. Fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-MSG, wara ż-żieda inizjali bejn l-2013 u l-2015 kien hemm tnaqqis fl-importazzjonijiet mill-2015 ’il quddiem, u laħqu 3 063 tunnellata fil-PR.

(31)

Fuq din il-bażi, jista’ jiġi konkluż li saret bidla fix-xejra tal-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju

(32)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jitlob li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju. Kif issemma fil-premessa (31), ġie konkluż li hemm bidla fir-rutina tal-kummerċ. Kif issemma fil-premessa (19), minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, is-sejbiet kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(33)

Fit-talba, l-applikant allega li l-produtturi Ċiniżi qed jesportaw ammonti sinifikanti ta’ taħlitiet MSG sabiex jaqgħu taħt kodiċijiet doganali li mhumiex soġġetti għall-miżuri. Dan il-proċess jimmodifika kemxejn il-prodott mingħajr ma jbiddel il-karatteristiċi fundamentali tiegħu.

(34)

Diġà fl-2015, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri infurmaw lis-servizzi tal-Kummissjoni li l-prattika kienet qed isseħħ. L-awtoritajiet doganali kienu osservaw żieda fl-importazzjonijiet tat-taħlitiet MSG b’madwar 1 % tal-melħ tal-mejda taħt kodiċijiet doganali differenti minn dawk soġġetti għall-investigazzjoni, filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ MSG pur naqsu. Fil-fehma tagħhom, l-uniku skop ta’ dik il-prattika kien li jiġi evitat id-dazju antidumping minħabba li t-taħlitiet ma biddlux il-karatteristiċi tal-prodott u kellhom l-istess applikazzjonijiet u użi bħall-MSG pur.

(35)

Deċiżjonijiet ta’ Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (“BTI”) maħruġa minn diversi amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri jikkonfermaw li qed issir din il-prattika. Dawn il-BTI (11), għal finijiet doganali, jikklassifikaw taħlitiet f’konċentrazzjonijiet ta’ 50 % sa 99 % tal-MSG taħt kodiċijiet NM u TARIC li mhumiex soġġetti għall-miżuri. Dawn id-deċiżjonijiet kollha dwar il-BTI inħarġu fil-PI, u kienu validi mid-data tal-ħruġ matul il-PI. Id-deskrizzjoni tal-oġġetti li għalihom inħarġet BTI tikkonferma li tikkonċerna l-prodott investigat. Għalhekk, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat li saru permezz ta’ din il-BTI ma jħallsux id-dazji antidumping.

(36)

Analiżi tal-BTI kif ukoll l-applikazzjonijiet għal BTI disponibbli għall-Kummissjoni jikkonfermaw li l-użu huwa l-istess bħal dak tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, xi detenturi tal-BTI huma importaturi magħrufa tal-prodott ikkonċernat minn investigazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, wieħed mid-detenturi tal-BTI ġie identifikat ukoll mill-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri bħala l-importatur tat-tranżazzjonijiet spjegati fil-premessa (34).

(37)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika għall-użu tal-prodott investigat. Kif muri mit-talba tal-applikant, il-prattika li jintużaw it-taħlitiet tal-MSG minflok l-MSG pur timponi piż ekonomiku addizzjonali fuq l-utenti, u b’hekk ikunu meħtieġa jaġġustaw il-prodott, it-tikkettar u r-riċetti tagħhom biex iqisu ż-żieda fil-volumi tal-melħ. Ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika għaliha għajr l-evażjoni tal-miżuri tal-MSG. Barra minn hekk, l-applikant iqis li ż-żieda qawwija tal-melħ fl-MSG iżżid pass żejjed għall-proċess ta’ produzzjoni li jimponi piż ekonomiku addizzjonali għall-produtturi fil-forma ta’ xogħol addizzjonali u sorveljanza, jiġifieri żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni.

(38)

Kif imsemmi fil-premessa (16) il-Kummissjoni inizjalment irċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju minn sitt utenti. Utent wieħed iċċara li kien qed juża MSG pur sabiex joħloq it-taħlitiet tal-MSG tiegħu skont il-perċentwal tal-MSG li kien applikat. Xi utenti li kkooperaw iddikjaraw li kienu qed jixtru taħlitiet ta’ MSG mill-fornituri tal-Unjoni. Ħadd minnhom ma rrapporta xi importazzjonijiet tal-prodott investigat u l-ebda wieħed minnhom ma kkummenta jew ipprovda xi ġustifikazzjoni għall-użu tiegħu.

(39)

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kkonkludiet li din il-bidla li ġejja mill-importazzjoni ta’ modifika żgħira tal-prodott ikkonċernat li ma tbiddilx il-karatteristiċi fundamentali tiegħu iżda jagħmlu jaqa’ taħt kodiċijiet doganali li normalment ma jkunux soġġetti għall-miżuri, qed isseħħ, u ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika għal tali prattika għajr l-impożizzjoni tad-dazju.

2.4.   L-effetti ta’ rimedju tad-dazju qed jiddgħajfu

(40)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni vvalutat jekk it-taħlitiet MSG importati, f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet, dgħajfux l-effetti rimedjali tal-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-MSG li joriġinaw mir-RPĊ.

(41)

Kif imsemmi fil-premessa (29), l-investigazzjoni stabbiliet li l-importazzjonijiet tat-taħlitiet MSG matul il-perjodu ta’ rapportar kienu importati fi kwantitajiet sinifikanti. Huma ammontaw għal aktar minn 10 % tal-konsum tal-Unjoni fil-PR. Il-konsum tal-Unjoni huwa bbażat fuq iċ-ċifri stmati mill-applikant, jiġifieri [77 000 – 79 000] (12) tunnellata.

(42)

Il-Kummissjoni qabblet il-prezz medju tal-esportazzjoni tat-taħlitiet MSG matul il-perjodu ta’ rapportar (stabbilit bl-istess metodoloġija bħal dik imsemmija fil-premessa (24)), aġġustat kif xieraq minn FOB (13) għal-livell CIF (14), bil-prezzijiet medji mhux dannużi tal-industrija tal-Unjoni kif stabbilit matul il-PIR tar-rieżami ta’ skadenza preċedenti.

(43)

Il-paragun wera marġini sinifikanti ta’ bejgħ taħt il-prezz ta’ 93 %.

(44)

Fuq il-bażi ta’ din id-data, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet tat-taħlitiet MSG qed jimminaw l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet.

2.5.   Evidenza ta’ dumping

(45)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni evalwat jekk kienx hemm dumping fir-rigward tal-valuri normali preċedentement stabbiliti għall-prodott simili. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qabblet il-prezz medju tal-esportazzjoni tat-taħlitiet MSG matul il-perjodu ta’ rapportar ((stabbilit bl-istess metodoloġija bħal dik imsemmija fil-premessa (24)), mal-valur normali stabbilit għall-prodott simili fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti.

(46)

Il-paragun wera marġini sinifikanti ta’ dumping ta’ 99,7 %.

2.6.   Miżuri

(47)

Fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-MSG li joriġinaw fir-RPĊ kif definiti fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti ġew evitati mill-importazzjonijiet tal-prodott investigat.

(48)

L-investigazzjoni stabbiliet li kien hemm bidla fix-xejra tan-negozju bejn ir-RPĊ u l-Unjoni u li din il-bidla tiġi minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-effetti rimedjali tad-dazju qed jiġu mminati f’termini tal-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-prodott simili, filwaqt li nstab dumping sinifikanti wkoll, b’rabta mal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott simili.

(49)

Għalhekk, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping fis-seħħ għandhom jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-prodott investigat.

(50)

Skont l-Artikolu 13(1), it-tieni paragrafu tar-regolament bażiku, il-miżura li għandha tiġi estiża għandha tkun dik stabbilita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/83, “il-kumpaniji l-oħra kollha”, jiġifieri dazju antidumping definittiv ta’ 39,7 % applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju.

(51)

Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jipprevedu li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu, għandu jinġabar id-dazju antidumping fuq dawk l-importazzjonijiet reġistrati tal-prodott investigat.

3.   DIVULGAZZJONI

(52)

Il-partijiet kollha interessati ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jwasslu għall-konklużjonijiet ta’ hawn fuq. Dawn ingħataw ukoll perjodu għas-sottomissjoni tal-kummenti tagħhom wara dan l-iżvelar. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti biss mill-applikant, li appoġġja dan il-metodu.

(53)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju antidumping definittiv impost fuq “il-kumpaniji l-oħra kollha” bl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/83 fuq importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ glutamat tal-monosodju f’taħlita jew f’soluzzjoni li fih 50 % jew aktar ta’ piż xott ta’ glutamat tal-monosodju, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 2103 90 90, ex 2104 10 00, ex 2104 20 00, ex 3824 99 92, ex 3824 99 93 u ex 3824 99 96 (kodiċijiet TARIC 2103909011, 2103909081, 2104100011, 2104100081, 2104200011, 3824999298, 3824999389 u 3824999689) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.   Id-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2020/230 u bl-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1036.

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiżi permezz tal-Artikolu 1, għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta lill-entità li tkun qiegħda titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Brussels

Belgium

2.   F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, b’deċiżjoni, l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jevadux il-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/83, mid-dazju estiż permezz tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-awtoritajiet doganali huma b’dan mitluba jieqfu mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/230.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1187/2008 tas-27 ta’ Novembru 2008 li jimponi taxxa anti-dumping definittiva u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 322, 2.12.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/83 tal-21 ta’ Jannar 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 15, 22.1.2015, p. 31).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/84 tal-21 ta’ Jannar 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mill-Indoneżja (ĠU L 15, 22.1.2015, p. 54).

(5)  Notifika ta’ bidu ta’ rieżami tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fl-Indoneżja (ĠU C 20, 21.1.2020, p. 18).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/230 tad-19 ta’ Frar 2020 li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/83 fuq l-importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jagħmel importazzjonijiet bħal dawn soġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 47, 20.2.2020, p. 9).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(8)  It-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea.

(9)  Il-Gourmet Powder huwa taħlita Ċiniża tal-MSG magħrufa sew li għandha tkopri taħlitiet li jkun fihom 80 % sa 99 % MSG u klorur tas-sodju.

(10)  https://www.gtis.com/gta/secure/htscty_wta.cfm.

(11)  DE5918/15-1 u PLPL-WIT-2015-0055, it-tnejn maħruġa fl-2015 għall-klassifikazzjoni tat-taħlita MSG 99 % + Melħ 1 % taħt il-kodiċi tan-nomenklatura 3824909390; PLBTIWIT-2020-000347 maħruġa fl-2020 (li tissostitwixxi PL-WIT-2017-00240 maħruġa fl-2017), għall-klassifikazzjoni ta’ taħlita MSG 99 % + Salt 1 % taħt il-kodiċi tan-nomenklatura 38249993; DEBTI9861/20-1 maħruġa fl-2020, għall-klassifikazzjoni tat-taħlita li tikkonsisti minn 50 % jew iktar MSG taħt il-kodiċi tan-nomenklatura 3824999389; ES2015SOL00000001076-1 maħruġa fl-2016, għall-klassifikazzjoni ta’ taħlita li tikkonsisti minn 59,9 % MSG + Melħ, taħt il-kodiċi tan-nomenklatura 21039090.

(12)  Peress li hemm biss produttur wieħed tal-Unjoni u sabiex tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità ta’ tali data, il-konsum totali huwa ppreżentat fil-forma ta’ firxa.

(13)  Frank Abbord

(14)  Kost Assigurazzjoni u Nol