5.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/102


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1410

tal-4 ta’ Lulju 2023

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1182 fir-rigward tal-istandards armonizzati għall-isterilizzazzjoni ta’ prodotti għall-kura tas-saħħa u għall-evalwazzjoni bijoloġika tal-apparati mediċi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-apparati li jkunu konformi mal-istandards armonizzati rilevanti, jew mal-partijiet rilevanti ta’ dawk l-istandards, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iridu jitqiesu li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/745 issostitwixxa d-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE (3) u 93/42/KEE (4) mis-26 ta’ Mejju 2021.

(3)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 2406 (5), il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati eżistenti dwar l-apparati mediċi żviluppati b’appoġġ għad-Direttivi 90/385/KEE u 93/42/KEE u għall-abbozzar ta’ standards armonizzati ġodda b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2017/745.

(4)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 2406, is-CEN u s-CENELEC irrevedew ulterjorment l-istandard armonizzat EN ISO 25424:2019, li r-referenza tiegħu hija ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u rrevedew l-istandard armonizzat EN ISO 10993-10:2013, li r-referenza tiegħu mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex iqisu l-aktar progress tekniku u xjentifiku reċenti u l-ħtieġa li jiġu appoġġati r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2017/745. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-emenda EN ISO 25424:2019/A1:2022 għall-istandard armonizzat EN ISO 25424:2019 dwar l-isterilizzazzjoni ta’ prodotti għall-kura tas-saħħa u tal-istandard armonizzat rivedut EN ISO 10993-10:2023 dwar l-evalwazzjoni bijoloġika tal-apparati mediċi.

(5)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN u mas-CENELEC, ivvalutat jekk l-emenda EN ISO 25424:2019/A1:2022 għall-istandard armonizzat EN ISO 25424:2019 u l-istandard armonizzat EN ISO 10993-10:2023 jikkonformawx mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 2406.

(6)

L-emenda EN ISO 25424:2019/A1:2022 għall-istandard armonizzat EN ISO 25424:2019 u l-istandard armonizzat EN ISO 10993-10:2023 jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru, u li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/745. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu ppubblikati r-referenzi tal-emenda EN ISO 25424:2019/A1:2022 għall-istandard armonizzat EN ISO 25424:2019 u tal-istandard armonizzat EN ISO 10993-10:2023 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1182 (6) jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2017/745.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2017/745 ikunu elenkati f’att wieħed, jenħtieġ li r-referenzi tal-emenda EN ISO 25424:2019/A1:2022 għall-istandard armonizzat EN ISO 25424:2019 u tal-istandard armonizzat EN ISO 10993-10:2023 jiġu inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1182.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1182 tiġi emendata skont dan.

(10)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza tat-tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1182 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE tal-20 ta’ Ġunju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward il-mezzi mediċi attivi li jiddaħħlu f’xi parti tal-ġisem (ĠU L 189, 20.7.1990, p. 17).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2406 tal-14 ta’ April 2021 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika rigward apparati mediċi b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u apparati mediċi dijanjostiċi in vitro b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1182 tas-16 ta’ Lulju 2021 dwar l-istandards armonizzati għall-apparati mediċi abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 256, 19.7.2021, p. 100).


ANNESS

L-Anness huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata Nru 5 hija sostitwita b’dan li ġej:

Nru

Referenza tal-istandard

“5.

EN ISO 25424:2019

Sterilizzazzjoni ta’ prodotti għall-kura tas-saħħa — Sterilizzazzjoni bil-fwar b’temperatura baxxa u formaldeid — Rekwiżiti għall-iżvilupp, għall-validazzjoni u għall-kontroll ta’ rutina ta’ proċess ta’ sterilizzazzjoni għal apparati mediċi (ISO 25424:2018)

EN ISO 25424:2019/A1:2022”;

(2)

tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Referenza tal-istandard

“17.

EN ISO 10993-10:2023

Evalwazzjoni bijoloġika ta’ apparati mediċi — Parti 10: Testijiet għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda (ISO 10993-10:2021)”.