Brussell, 5.6.2019

COM(2019) 539 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mill-Ungerija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018

{SWD(2019) 534 final}


Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mill-Ungerija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fit-22 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill iddeċieda b’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) li fl-Ungerija teżisti devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju ta’ -1,5 % tal-PDG. Fid-dawl tad-devjazzjoni sinifikanti stabbilita, fit-22 ta’ Ġunju 2018 il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjoni 2 għall-Ungerija biex tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiggarantixxi li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja tal-gvern 3 nett ma taqbiżx it-2,8 % fl-2018, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-PDG.

(2)Fl-4 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill ikkonkluda li l-Ungerija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018. Fuq din il-bażi, fl-4 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni riveduta biex l-Ungerija tieħu l-miżuri neċessarji biex ikun żgurat li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta ma tkunx ogħla minn 3,3 % fl-2019, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-PDG 4 . Huwa rrakkomanda wkoll li l-Ungerija tuża kull gwadann mhux previst biex tnaqqas id-defiċit waqt li jenħtieġ li miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-gvern ġenerali b’manjiera li tiffavorixxi t-tkabbir. Il-Kunsill stabbilixxa l-iskadenza tal-15 ta’ April 2019 biex l-Ungerija tirrapporta dwar l-azzjoni li tkun ħadet b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni.

(3)Fl-20 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni wettqet missjoni ta’ sorveljanza msaħħa fl-Ungerija għall-fini ta’ monitoraġġ fil-post skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Wara li l-eżiti proviżorji ġew trażmessi lill-awtoritajiet Ungeriżi għall-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni rrapportat l-eżiti tagħha lill-Kunsill fil-5 ta’ Ġunju 2019. Dawn is-sejbiet sussegwentement saru pubbliċi. Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonstata li l-awtoritajiet Ungeriżi mhumiex qegħdin jippjanaw li jaġixxu skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018. Matul il-missjoni, l-awtoritajiet ikkonfermaw li l-mira baġitarja tagħhom għall-2019 tibqa’ defiċit nominali ta’ 1,8 % kif inkluż fil-baġit tal-2019 adottat f’Lulju 2018, minkejja x-xenarju makroekonomiku aktar favorevoli u l-eżitu fiskali aħjar milli mistenni fl-2018.

(4)Fil-15 ta’ April 2019, l-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw rapport dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018. Fir-rapport, l-awtoritajiet tennew li l-mira tagħhom għall-2019 baqgħet defiċit nominali ta’ 1,8 % tal-PDG fl-2019, 0,4 punt perċentwali ta’ tnaqqis tal-PDG meta mqabbel mal-eżitu tal-2018. Ir-rapport ma jinkludi l-ebda pjan ta’ konformità mal-aġġustament fiskali rrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, il-firxa wiesgħa ta’ programmi ekonomiċi b’impatt fiskali elenkati fir-rapport jibqgħu fil-biċċa l-kbira mhux kwantifikati; lanqas ma r-rapport jinkludi xi projezzjoni baġitarja għall-2019. B’hekk, ir-rapport ma jikkonformax mar-rekwiżit ta’ rapportar tal-Kunsill. It-titjib fid-defiċit strutturali sottostanti jaqa’ b’mod sinifikanti taħt ir-rekwiżit iddikjarat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(5)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni ppubblikat fis-7 ta’ Mejju 2019, it-tkabbir tan-nefqa primarja nett huwa projettat li jammonta għal 6,5 % fl-2019, ferm ogħla mir-rata rakkomandata ta’ 3,3 %. Il-bilanċ strutturali huwa mistenni jitjieb b’0,4 % tal-PDG meta mqabbel mal-2018, li ma jilħaqx l-aġġustament rakkomandat ta’ 1,0 % tal-PDG. Għalhekk, iż-żewġ indikaturi jippuntaw lejn devjazzjoni mill-aġġustament rakkomandat. Id-differenza bejn il-valur referenzjarju tan-nefqa tammonta għal 1,2 % tal-PDG. Id-differenza fil-bilanċ strutturali hija kemxejn iżgħar, u tammonta għal 0,6 % tal-PDG. Il-bilanċ strutturali huwa influwenzat b’mod negattiv minn xi nuqqasijiet fid-dħul. Il-qari tal-valur referenzjarju tan-nefqa huwa affettwat b’mod negattiv qawwi mit-tkabbir potenzjali tal-PDG fuq perjodu medju applikat fil-kalkolu tiegħu, li jinkludi tkabbir potenzjali baxx ħafna tal-PDG fil-perjodu ta’ wara l-kriżi. Barra minn hekk, id-deflatur tal-PDG li fuqu huwa bbażat il-valur referenzjarju tan-nefqa ma jidhirx li jqis sew il-pressjonijiet tal-kost miżjud li jaffettwaw l-infiq pubbliku. Wara aġġustament għal dawk il-fatturi kollha, il-parametru referenzjarju tan-nefqa jidher li jirrifletti b’mod adegwat l-isforz fiskali iżda xorta għadu jindika devjazzjoni mill-aġġustament rakkomandat.

(6)Sa mill-previżjoni tal-ħarifa 2018 tal-Kummissjoni, li kienet il-bażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018, l-awtoritajiet Ungeriżi ħabbru miżuri espansjonarji ġodda fuq in-naħa tan-nefqa. Barra minn hekk, wara ż-żieda fil-pagi pubbliċi aktar mgħaġġla milli mistenni fl-2018, tħabbru żidiet ġodda fil-pagi għal xi kategoriji mill-ħarifa tal-2018 ‘il hawn. Fl-aħħar nett, riżervi ogħla fil-baġit, bl-intenzjoni espliċita tal-gvern li jużahom kollha sal-aħħar tas-sena, żiedu mal-projetazzzjonijiet tan-nefqa għall-2019. B’riżultat ta’ dan, id-devjazzjoni mill-parametru referenzjarju tan-nefqa hija mistennija li tkun ferm akbar mid-devjazzjoni misjuba fil-valutazzjoni mwettqa fil-ħarifa tal-2018.

(7)Dan iwassal għall-konklużjoni li r-reazzjoni tal-Ungerija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018 ma kinitx biżżejjed. L-isforz fiskali ma jiżgurax li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma teċċedix 3,3 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-PDG,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Ungerija ma ħaditx azzjoni effikaċi b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU C 223, 27.6.2018, p. 1.
(3)    In-nefqa pubblika primarja netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa pubblika totali bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni kompletament korrisposti mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil mhux diskrezzjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata fil-livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ snin. Miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tan-nefqa huma nnettjati.
(4)    ĠU C 460, 21.12.2018, p. 4.