European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/33

14.1.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/33

tat-13 ta’ Jannar 2025

li tawtorizza eżenzjoni skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-użu ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 150 jew aktar f’kabinetti ta’ refriġerazzjoni rapida, magni tal-ġelat artiġjanali, magni tas-silġ, trolleys għall-preservazzjoni u r-riġenerazzjoni tal-ikel, kabinetti b’retarder prover, dispensuri tax-xorb iffriżat u dispensuri tal-krema kiesħa

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-punt 4 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573 jipprojbixxi l-introduzzjoni fis-suq ta’ tagħmir ta’ refriġerazzjoni awtonomu, ħlief chillers, li jkun fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 150 jew aktar, mill-1 ta’ Jannar 2025, ħlief jekk dan ikun meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ sikurezza fis-sit tal-operat.

(2)

Skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2024/573, fid-29 ta’ Lulju 2024, l-awtorità kompetenti Franċiża, u fis-17 ta’ Settembru 2024, l-awtorità kompetenti Taljana ssottomettew talbiet lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ kabinetti ta’ refriġerazzjoni rapida, magni tal-ġelat artiġjanali, magni tas-silġ, trolleys għall-preservazzjoni u r-riġenerazzjoni tal-ikel, kabinetti b’retarder prover, dispensuri tax-xorb iffriżat u dispensuri tal-krema kiesħa, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 4 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573 (“it-talbiet għal eżenzjoni”).

(3)

Il-kabinetti ta’ refriġerazzjoni rapida huma apparati refriġeranti iżolati għall-użu kummerċjali jew industrijali ddisinjati biex ibaxxu malajr it-temperatura tal-ikel imsajjar minn 65 °C għal 10 °C, jew inqas, fil-każ ta’ tkessiħ, jew biex ibaxxu malajr it-temperatura minn 65 °C għal -18 °C, jew inqas, fil-każ ta’ ffriżar.

(4)

Il-magni tal-ġelat artiġjanali huma tagħmir ta’ refriġerazzjoni għat-taħlit għall-użu kummerċjali jew industrijali ddisinjat biex jipproduċi ġelat tat-tip artiġjanali billi kontinwament idawwar it-taħlita u jkessaħha malajr għal medda ta’ temperatura ta’ bejn -7 °C u -13 °C, mingħajr l-użu ta’ apparat għall-injezzjoni bl-arja sfurzata.

(5)

Il-magni tas-silġ huma apparati għall-użu kummerċjali jew industrijali għall-produzzjoni u l-ħsad tas-silġ, li fihom il-mekkaniżmu tal-produzzjoni tas-silġ, il-kompartiment tal-ħżin u l-unità tal-kondensazzjoni huma integrati f’kabinett wieħed.

(6)

It-trolleys għall-preservazzjoni u r-riġenerazzjoni tal-ikel huma apparati tat-trasport tal-ikel magħmula minn kompartiment mobbli uniku għall-ġarr tal-ikel li huwa sseparat f’żewġ kompartimenti li jgħaddi l-ilma minnhom b’funzjoni doppja ta’ tisħin/tkessiħ, iddisinjati biex iwettqu, għal żmien limitat, funzjoni kwadrupla ta’ żamma ta’ kesħa, ta’ tisħin, ta’ żamma sħuna, u ta’ distribuzzjoni tal-ikel.

(7)

Il-kabinetti b’retarder prover huma apparati ta’ refriġerazzjoni iżolati ddisinjati biex jikkontrollaw l-umdità u t-temperatura tal-ikel minn -20 °C u +40 °C.

(8)

Dispensuri tax-xorb iffriżat huma apparati ta’ refriġerazzjoni iddisinjati biex kontinwament iħalltu preparazzjoni ta’ slush f’tank permezz ta’ auger, f’medda ta’ temperatura ta’ bejn –2,5 °C u -4 °C. Dispensuri tal-krema kiesħa huma apparati ta’ refriġerazzjoni iddisinjati biex kontinwament iħalltu preparazzjoni f’tank permezz ta’ auger, f’medda ta’ temperatura ta’ bejn -5 °C u -10 °C, flimkien ma’ inkorporazzjoni importanti tal-arja.

(9)

It-talbiet għal eżenzjoni jiddikjaraw li alternattivi teknikament fattibbli b’GWP ta’ inqas minn 150 huma disponibbli għall-biċċa l-kbira tat-tagħmir imsemmi f’dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, parti sinifikanti ħafna tal-kapaċità tal-manifattura għal ċerti tipi ta’ tagħmir bħal dan għad irid jiġi kkonvertit, fi żmien skadenzi stretti u filwaqt li jiġi żgurat li tali konverżjoni ma tikkompromettix is-sikurezza. Ħafna passi huma involuti biex titlesta l-konverżjoni u jiġi permess l-użu ta’ sustanzi alternattivi, inklużi bidliet fil-proċess tal-manifattura, l-iddisinjar mill-ġdid tat-tagħmir, u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema. Il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq għal tagħmir bħal dan daħlet fis-seħħ biss fil-11 ta’ Marzu 2024 (f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/573) u l-konverżjoni ta’ parti kbira bħal din tal-kapaċità tal-manifattura ma tistax tinkiseb, fil-prattika, sal-1 ta’ Jannar 2025. Konsegwentement, il-manifatturi jistgħu biss iqiegħdu fis-suq it-tagħmir tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2025 jew jesportawh mit-12 ta’ Marzu 2025 jekk jiġu kkonvertiti għall-użu ta’ sustanzi alternattivi. Meta titqies l-iskala meħtieġa tal-konverżjoni, din tirriżulta f’kostijiet sproporzjonati u tista’ tirriżulta wkoll fi skarsezza ta’ tali tagħmir fis-suq tal-Unjoni. Jintuża wkoll ċertu tagħmir, f’setturi vulnerabbli bħan-nurseries, id-djar tal-anzjani u l-isptarijiet. Fit-talbiet għal eżenzjoni, ġie ddikjarat li jeħtieġ aktar żmien biex tiġi ffaċilitata l-bidla għal refriġeranti alternattivi b’GWP ta’ inqas minn 150, filwaqt li tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista ta’ tali tagħmir fis-suq tal-Unjoni.

(10)

Il-Kummissjoni vvalutat it-talbiet imressqa mill-awtoritajiet kompetenti Franċiża u Taljana u tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(5), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/573 huma ssodisfati. Il-Kummissjoni tqis li perjodu ta’ 18-il xahar ikun biżżejjed biex jippermetti l-konverżjoni għal alternattivi li huma disponibbli, filwaqt li jiġu evitati kostijiet sproporzjonati għall-manifatturi li għadhom ma kkonvertewx f’dan iż-żmien.

(11)

F’konformità mal-punt 4 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573, il-projbizzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni tat-tipi ta’ tagħmir imsemmija fit-talbiet għal eżenzjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll mill-1 ta’ Jannar 2025.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, stabbilit bl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2024/573,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’deroga mill-Anness IV, il-punt 4, tar-Regolament (UE) 2024/573, it-tqegħid fis-suq tat-tipi tat-tagħmir ta’ refriġerazzjoni awtonomu li ġej li jkun fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 150 jew aktar huwa awtorizzat mill-1 ta’ Jannar 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2026, dment li jkun ittikkettat skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2024/573:

(a)

kabinetti ta’ refriġerazzjoni rapida b’kapaċità ta’ tagħbija sħiħa minn 25 kg sa 100 kg ta’ oġġetti tal-ikel;

(b)

magni tal-ġelat artiġjanali b’kapaċità ta’ tkessiħ ogħla minn 2 kW;

(c)

magni tas-silġ b’kapaċità ta’ produzzjoni tas-silġ minn 200 kg sa 2 000 kg kull 24 siegħa;

(d)

trolleys għall-preservazzjoni u r-riġenerazzjoni tal-ikel b’potenza input nominali minn 1,5 kW sa 10,5 kW;

(e)

kabinetti b’retarder prover b’potenza assorbita minn 1 kW sa 2 kW;

(f)

dispensuri tax-xorb iffriżat u dispensuri tal-krema kiesħa b’kapaċità ta’ tagħbija sħiħa mkessħa akbar minn 3 litri.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/33/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)