Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid‑19 ta’ Ġunju 2025 (1)

Kawża C‑738/22 P

Google LLC,

Alphabet Inc.

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Apparati portabbli intelliġenti – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Sistema operattiva Google Android – Restrizzjonijiet kuntrattwali – Irbit tal-applikazzjonijiet ta’ tiftix u browser Google Search u Chrome mal-ħanut ta’ applikazzjonijiet Play Store – Obbligi antiframmentazzjoni – Ħlasijiet ta’ esklużività – Effetti ta’ esklużjoni – Kompetitur ipotetikament daqstant effiċjenti – Ġustifikazzjoni oġġettiva – Ksur uniku u kontinwu – Kalkolu mill-ġdid tal-multa”






Werrej


I. Daħla

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Il-fatti

B. Id-deċiżjoni kontenzjuża

C. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

1. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

2. Is-sentenza appellata

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

IV. Evalwazzjoni

A. Fuq il-konstatazzjoni tal-ksur (l-ewwel sal-ħames aggravju)

1. Fuq l-evalwazzjoni tal-FDAM (l-ewwel u t-tieni aggravju)

a) Fuq ir-rabta kawżali bejn il-FDAM u l-effetti ta’ esklużjoni tagħhom (l-ewwel, it-tielet u r-raba’ parti tal-ewwel aggravju)

1) It-teħid inkunsiderazzjoni tal-FTD fl-analiżi tal-FDAM (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju)

2) Fuq id-distinzjoni bejn il-parametru predefinit u l-preinstallazzjoni (it-tielet parti tal-ewwel aggravju)

i) Assenza ta’ evalwazzjoni ġdida tal-fatti fil-kuntest tal-appell

ii) Assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ prattika iżolata mill-kuntest tagħha

3) Fuq l-allegat komponent favur il-kompetizzjoni tal-FDAM u r-rekwiżit ta’ evalwazzjoni kontrofattwali (ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju)

b) Fuq il-kapaċità tal-FDAM li jeskludu kompetituri daqstant effiċjenti (it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju)

1) Fuq l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni tal-FDAM f’dak li jirrigwarda l-“kompetituri daqstant effettivi” u r-raġunijiet tal-aġir tal-utenti

i) Il-punt tat-tluq tal-ġurisprudenza dwar l-irbit

ii) Konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-effetti ta’ esklużjoni tal-FDAM

– Il-ħolqien ta’ “vantaġġ tal-istatus quo” permezz tal-preinstallazzjoni

– Fuq il-possibbiltà għall-OEMs li jippreinstallaw servizzi ta’ tiftix kompetituri u li jistabbilixxuhom b’mod predefinit

– Mezzi biex jintlaħqu l-utenti għajr il-preinstallazzjoni

– Konnessjoni bejn il-kwoti tal-użu u l-preinstallazzjoni

– Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest

iii) Evalwazzjoni

2) Fuq l-irbit tal-applikazzjoni Google Search u tal-Play Store

3) Fuq l-irbit ta’ Chrome mal-Play Store u Google Search

c) Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni tal-FDAM

2. Fuq l-evalwazzjoni tal-FAF (it-tielet u r-raba’ aggravju)

a) Fuq il-portata tal-abbuż relatat mal-FAF u l-effetti tiegħu (it-tielet aggravju)

1) Fuq l-istabbiliment tal-aġir kontenzjuż fir-rigward tal-FAF (l-ewwel parti tat-tielet aggravju)

2) Fuq l-attribuzzjoni tal-allegati effetti ta’ esklużjoni (it-tieni parti tat-tielet aggravju)

b) Fuq il-ġustifikazzjoni tal-FAF (ir-raba’ aggravju)

c) Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni tal-FAF

3. Fuq il-ksur uniku u kontinwu (il-ħames aggravju)

4. Konklużjoni dwar l-istabbiliment tal-ksur

B. Il-multa (is-sitt aggravju)

C. Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni tal-appell

V. Fuq l-ispejjeż

VI. Konklużjoni


I.      Daħla

1.        Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Android) (2), il-verb “to google” jirreferi għall-azzjoni li tikkonsisti “fl-użu tal-magna tat-tiftix ta’ Google sabiex tinkiseb informazzjoni dwar xi ħadd jew xi ħaġa fuq il-World Wide Web”. Kif tirrileva ġustament il-Qorti Ġenerali, ftit huma l-impriżi li jiksbu reputazzjoni tant kbira li jitnissel verb minn isimhom. Dan il-fatt waħdu juri l-importanza li kisbet Google fil-ħajja ta’ kuljum.

2.        L-omnipreżenza tal-magna tat-tiftix ta’ Google fil-ħajja ta’ kuljum tal-maġġoranza tal-popolazzjoni dinjija, b’mod partikolari fil-kuntest tal-użu ta’ apparati portabbli intelliġenti li jaħdmu bis-sistema operattiva tagħha tal-Android (iktar ’il quddiem “OS”), hija legalment (ukoll) dovuta għall-abbuż minn pożizzjoni dominanti?

3.        Din hija, essenzjalment, il-kwistjoni li fuqha huwa bbażat dan l-appell.

4.        Din il-kwistjoni tqum fil-kuntest fattwali tal-kundizzjonijiet li, fost l-oħrajn, il-manifatturi ta’ apparati portabbli intelliġenti kienu obbligati jissodisfaw sabiex jiksbu liċenzji għall-applikazzjonijiet l-iktar importanti ta’ Google Play Store, Google Search u Chrome.

5.        Fid-Deċiżjoni C (2018) 4761 final (3), li fil-parti l-kbira tagħha ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni Ewropea qieset li dawn il-kundizzjonijiet kienu jinkludu diversi ksur tal-projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti prevista fl-Artikolu 102 TFUE.

6.        Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet ikkontestati tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tintalab teżamina, fost l-oħrajn, il-kwistjoni dwar jekk il-prova ta’ tali abbuż teħtieġx analiżi kontrofattwali tal-istat tal-kompetizzjoni mingħajr l-aġir ikkontestat kif ukoll analiżi tal-kapaċità li dan l-aġir jipproduċi effett ta’ esklużjoni għall-impriżi meqjusa effiċjenti daqs l-impriża dominanti.

7.        Il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari f’Servizio Elettrico Nazionale et (4), Unilever Italia Mkt.  Operations (5), European Superleague Company (6), Google u Alphabet  vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (7) u Il‑Kummissjoni vs Intel Corporation (8), diġà jipprovdu gwida konsiderevoli biex jiġu indirizzati dawn il-mistoqsijiet.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

8.        Il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-fatti li wasslu għall-kawża fil-punti 2 sa 72 tas-sentenza appellata li, għall-finijiet ta’ din il-proċedura ta’ appell, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

A.      Il-fatti

9.        Google LLC hija kumpannija stabbilita f’Mountain View, California (l-Istati Uniti), li tispeċjalizza fil-prodotti u servizzi marbuta mal-internet u li topera, fost l-oħrajn, fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Google hija sussidjarja ta’ Alphabet Inc. (iktar ’il quddiem, flimkien, “Google” jew l-“appellanti”).

10.      Id-dħul primarju ta’ Google jiġi mill-prodott ewlieni tagħha: il-magna tat-tiftix Google Search. Il-mudell kummerċjali ta’ Google huwa bbażat fuq l-interazzjoni bejn, minn naħa, prodotti u servizzi marbuta mal-internet li spiss huma offruti mingħajr ħlas lill-utenti u, min-naħa l-oħra, servizzi ta’ reklamar online, li minnhom hija tikseb il-parti l-kbira tad-dħul tagħha. Dan id-dħul huwa prinċipalment iġġenerat minn Google Search. Il-mudell kummerċjali ta’ Google huwa għalhekk ibbażat qabel kollox fuq iż-żieda fin-numru ta’ utenti tas-servizzi ta’ tiftix online tagħha sabiex tkun tista’ tbigħ is-servizzi ta’ reklamar online tagħha. Barra minn hekk, meta l-utenti jinteraġixxu mal-prodotti u s-servizzi tagħha, Google tiġbor data li tippermettilha ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tippreżenta tweġibiet ta’ tiftix u reklami rilevanti.

11.      Il-mudell kummerċjali ta’ Google inizjalment ġie żviluppat fl-ambjent tal-kompjuters personali (PC), li għalihom il-browser kien il-punt prinċipali ta’ dħul fuq l-internet. Sussegwentement, madankollu, Google xtaqet tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-internet mobbli u l-bidla probabbli fl-imġiba tal-utenti li dan kien ser iwassal għaliha f’dak li jirrigwarda t-tiftix ġenerali mwettaq online, b’mod partikolari fid-dawl tal-opportunitajiet offruti mill-ġeolokalizzazzjoni. F’dan il-kuntest, Google żviluppat strateġija sabiex tiżgura li l-utenti jwettqu wkoll it-tiftix tagħhom fuq l-apparati portabbli permezz ta’ Google Search.

12.      F’dan il-kuntest, Google akkwistat, fl‑2005, l-impriża li inizjalment kienet żviluppat l-OS Android għal apparati portabbli intelliġenti. Skont il-Kummissjoni, f’Lulju 2018, madwar 80 % tal-apparati portabbli intelliġenti użati fl-Ewropa u fid-dinja kienu jaħdmu bl-Android.

13.      Meta Google tiżviluppa verżjoni ġdida tal-Android, hija tippubblika l-kodiċi tas-sors online taħt liċenzja b’sors miftuħ (liċenzja tal-Android Open Source Project; iktar ’il quddiem il-“liċenzja AOSP”) mingħajr ħlas. Dan jippermetti lil terzi jniżżlu u jemendaw dan il-kodiċi biex joħolqu verżjonijiet emendati tal-Android, imsejħa “forks” (fork hija software ġdid maħluq mill-kodiċi tas-sors ta’ software eżistenti).

14.      L-OS Android tagħmel parti minn “ekosistema” li tintegra elementi oħra bħas-servizzi kollha ta’ Google Mobile (is-sett ta’ GMS jew Google Mobile Services; iktar ’il quddiem is-“sett ta’ GMS”), li jinkludi, fost l-oħrajn, il-ħanut tal-applikazzjonijiet Play Store, l-applikazzjoni Google Search u l-browser Chrome.

15.      Il-kodiċi tas-sors tal-Android b’aċċess liberu jkopri l-karatteristiċi bażiċi ta’ OS, iżda mhux l-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-Android li Google hija l-proprjetarja tagħhom. Il-fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali (iktar ’il quddiem l-“OEMs”) li jixtiequ jiksbu applikazzjonijiet u servizzi ta’ Google għandhom għalhekk jikkonkludu ftehimiet ma’ Google. Google tikkonkludi wkoll tali ftehimiet mal-operaturi ta’ networks mobbli (iktar ’il quddiem l-“ONM”) li jixtiequ jinstallaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi proprjetarji ta’ Google fuq l-apparati mibjugħa lill-utenti finali.

16.      Uħud minn dawn il-ftehimiet huma s-suġġett tal-kawża ineżami.

B.      Id-deċiżjoni kontenzjuża

17.      Fit‑18 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha imponiet multa fuq Google LLC u, parzjalment, fuq Alphabet Inc. għal ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

18.      Qabelxejn, il-Kummissjoni identifikat erba’ tipi ta’ swieq rilevanti, jiġifieri, (i) is-suq globali (bl-esklużjoni taċ-Ċina) għall-OSs taħt liċenzja għal apparati portabbli intelliġenti, (ii) is-suq globali (minbarra ċ-Ċina) għall-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android, (iii) id-diversi swieq nazzjonali, fi ħdan iż-ŻEE, għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiftix ġenerali u, (iv) is-suq globali għall-browsers tal-internet mhux speċifiċi għal OS iddisinjati għall-użu fuq apparati mobbli (9). Skont il-Kummissjoni, matul il-perijodu rilevanti, Google kellha pożizzjoni dominanti fl-ewwel tlieta minn dawn is-swieq(10). Dawn il-konstatazzjonijiet ma għadhomx ikkontestati fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell ineżami.

19.      Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li Google kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha f’dawn is-swieq billi imponiet restrizzjonijiet kuntrattwali antikompetittivi fuq l-OEMs u fuq l-ONMs (iktar ’il quddiem ir-“restrizzjonijiet kontenzjużi”). Il-Kummissjoni identifikat erba’ ksur distinti li jammontaw għal tliet settijiet ta’ restrizzjonijiet kuntrattwali.

20.      L-ewwel restrizzjonijiet kienu jinsabu fil-Ftehimiet ta’ Distribuzzjoni tal-Applikazzjonijiet Mobbli (iktar ’il quddiem il-“FDAM”) u kienu jikkostitwixxu, skont il-Kummissjoni, żewġ każijiet ta’ rbit (l-ewwel u t-tieni ksur) (11):

–        minn naħa, l-obbligu għall-OEMs li jippreinstallaw l-applikazzjoni Google Search sabiex ikunu jistgħu jiksbu liċenzja għall-użu tal-ħanut tal-applikazzjonijiet Play Store (l-ewwel sett); billi imponiet dan, Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq globali (minbarra ċ-Ċina) għall-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android mill‑1 ta’ Jannar 2011 sad-data tad-deċiżjoni kontenzjuża;

–        min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li l-OEMs jippreinstallaw il-browser Chrome sabiex ikunu jistgħu jiksbu liċenzja għall-użu tal-Play Store u ta’ Google Search (it-tieni sett); billi imponiet dan, Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq globali (minbarra ċ-Ċina) tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android mill‑1 ta’ Awwissu 2012 sad-data tad-deċiżjoni kontenzjuża.

21.      Kif spjegat il-Qorti Ġenerali, dawn iż-żewġ settijiet ta’ prodotti huma komplementari. B’hekk, is-sett Chrome-Play Store u Google Search jikkoinċidi mas-sett Google Search-Play Store sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-FDAM, li inizjalment ma kinux jinkludu l-browser Chrome fost l-applikazzjonijiet inklużi fis-sett tal-GMS. Skont il-Kummissjoni, l-għan taż-żewġ settijiet kien li jippermettu lil Google tilħaq lill-utenti, sabiex iwettqu t-tiftix ġenerali tagħhom permezz ta’ Google Search, jew bħala applikazzjoni ġenerali ta’ tiftix, jew bħala l-magna tat-tiftix tal-browser Chrome (12).

22.      It-tieni, sabiex jiksbu liċenzja għall-Play Store u Google Search, l-OEMs kellhom jikkonkludu Ftehim Antiframmentazzjoni (iktar ’il quddiem il-“FAF”) li jobbligahom ma jbigħux apparati li jaħdmu b’verżjonijiet ta’ Android mhux approvati minn Google (it-tielet ksur). Għaldaqstant, il-konklużjoni ta’ FDAM kienet possibbli biss wara l-konklużjoni ta’ FAF. Meta rrikjediet dan, Google kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq għall-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android u għas-servizzi ta’ tiftix ġenerali mill‑1 ta’ Jannar 2011 sad-data tad-deċiżjoni kontenzjuża (13).

23.      It-tielet, il-ftehimiet ta’ tqassim tad-dħul (iktar ’il quddiem il-“FTD”) kienu jinkludu restrizzjonijiet li permezz tagħhom Google kienet tagħti lill-OEMs u lill-ONMs perċentwali tad-dħul mir-reklamar tagħha, bil-kundizzjoni li dawn il-fabbrikanti jew dawn l-operaturi jkunu aċċettaw li ma jippreinstallawx servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur fuq kwalunkwe apparat li jagħmel parti minn portfolio ddefinit maqbul reċiprokament (iktar ’il quddiem il-“FTD abbażi ta’ portfolio”) (ir-raba’ ksur). Billi rrikjediet dan, Google kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali għas-servizzi ta’ tiftix ġenerali mill‑1 ta’ Jannar 2011 sal‑31 ta’ Marzu 2014 (14). Sussegwentement, Google kkonkludiet FTD abbażi ta’ apparat, li permezz tagħhom il-ħlas ta’ partijiet mid-dħul minn Google kien suġġett għall-kundizzjoni li l-OEMs u l-ONMs ma jippreinstallaw ebda servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur fuq apparat partikolari li għalih kienu jitħallsu partijiet mid-dħul. Dawn il-FTD abbażi ta’ apparat ma ġewx iddikjarati illegali mill-Kummissjoni.

24.      Skont il-Kummissjoni, l-għan tar-restrizzjonijiet inkwistjoni kien li tiġi protetta u kkonsolidata l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali, fi ħdan iż-ŻEE, tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali u, għaldaqstant, id-dħul miksub minn Google permezz ta’ reklami marbuta mat-tiftix. L-għan komuni u l-interdipendenza tar-restrizzjonijiet kontenzjużi wasslu lill-Kummissjoni biex tikklassifikahom bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

25.      Sabiex tippenalizza dak li qieset li kienu prattiki abbużivi, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 4 342 865 000 fuq Google LLC, li minnha EUR 1 921 666 000 in solidum ma’ Alphabet Inc. Barra minn hekk, il-Kummissjoni obbligat lil Google ittemm l-aġir kontenzjuż fi żmien 90 jum min-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża.

C.      Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

1.      Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

26.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2018, Google ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Quddiem il-Qorti Ġenerali, it-talbiet ta’ Google kienu sostnuti mill-Application Developers Alliance (iktar ’il quddiem l-“ADA”), mill-Computer and Communications Industry Association (iktar ’il quddiem is-“CCIA”), minn Gigaset Communications GmbH (iktar ’il quddiem “Gigaset”), minn HMD global Oy (iktar ’il quddiem “HMD”) u minn Opera Norway AS, li qabel kienet Opera Software AS (iktar ’il quddiem “Opera”).

27.      It-talbiet tal-Kummisssjoni kienu sostnuti minn mill-BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV (iktar ’il quddiem il-“BDZV”), mill-Bureau européen des unions de consommateurs BEUC (iktar ’il quddiem il-“BEUC”), minn FairSearch AISBL, minn Qwant, minn Seznam.cz, a.s. (iktar ’il quddiem “Seznam”) u mill-Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV (iktar ’il quddiem il-“VDZ”).

28.      Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kawża fuq il-bażi ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali kkonsolidata tal-proċess. Fis-sentenza appellata, ċerta data kunfidenzjali magħrufa mill-partijiet prinċipali ġiet issostitwita mill-firxiet użati fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kontenzjuża disponibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni (15).

2.      Is-sentenza appellata

29.      Fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Settembru 2022, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet tikkonċerna l-FTD abbażi ta’ portfolio, jiġifieri r-raba’ element tal-ksur uniku u kontinwu.

30.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq Google LLC għal EUR 4 125 000 000, b’Alphabet Inc. responsabbli in solidum għal EUR 1 520 605 895.

31.      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors u kkundannat lill-partijiet kollha għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

32.      Permezz ta’ att tat‑30 ta’ Novembru 2022, Google appellat mis-sentenza appellata.

33.      Bħal quddiem il-Qorti Ġenerali, Google hija sostnuta fl-appell mill-ADA, miċ-CCIA, minn Gigaset, minn HMD u minn Opera.

34.      Il-Kummissjoni hija sostnuta fl-appell, ukoll bħal quddiem il-Qorti Ġenerali, mill-BDZV, mill-BEUC, minn FairSearch, minn Qwant, minn Sezto u mill-VDZ.

35.      Permezz ta’ digrieti tad‑19 ta’ Jannar (16) u tat‑18 ta’ April 2023 (17), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba tal-appellanti, ordna li d-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll ċerta informazzjoni li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 98 tar-risposta tal-Kummissjoni jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti. L-elementi kkonċernati kienu diġà s-suġġett ta’ trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ dawn l-istess partijiet fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza.

36.      Google titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

–        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        iktar sussidjarjament, tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u tiffissa l-ammont tal-multa imposta fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża għal ammont sinjifikattivament inqas; u

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ Google marbuta ma’ dawn il-proċeduri u mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

37.      L-ADA, iċ-CCIA, Gigaset, HMD u Opera jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ t-talbiet ta’ Google u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell; u

–        tordna lil Google tbati l-ispejjeż.

39.      Il-BEUC, FairSearch u Seznam jitolbu wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tordna lil Google tbati l-ispejjeż.

40.      Il-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali u wieġbu l-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tat‑28 ta’ Jannar 2025.

IV.    Evalwazzjoni

41.      Insostenn tal-appell tagħha, Google tinvoka sitt aggravji, li minnhom l-ewwel ħamsa jirrigwardaw il-konstatazzjoni tal-ksur (A), filwaqt li s-sitt aggravju jikkritika l-mod kif il-Qorti Ġenerali eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tibdel il-multa (B).

A.      Fuq il-konstatazzjoni tal-ksur (l-ewwel sal-ħames aggravju)

42.      Kif ġie espost fil-punti 19 sa 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ksur uniku u kontinwu kkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża kien jinkludi erba’ ksur distinti li jammontaw għal tliet settijiet ta’ restrizzjonijiet kuntrattwali:

–        il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM, li skonthom liċenzja għall-Play Store tista’ tinkiseb biss jekk Google Search tkun preinstallata (l-ewwel sett) u liċenzja għall-Play Store u Google Search tkun tista’ tinkiseb biss jekk Chrome tkun preinstallata (it-tieni sett);

–        il-FAF, li skonthom liċenzja għall-Play Store u Google Search setgħet tinkiseb biss jekk l-OEMs ma jbigħux apparati li jaħdmu b’verżjonijiet ta’ Android mhux approvati minn Google;

–        u finalment il-FTD abbażi ta’ portfolio, li skonthom jista’ jinkiseb perċentwali tad-dħul mir-reklamar ta’ Google jekk ma jkunux preinstallati servizzi ta’ tiftix kompetituri.

43.      Il-konstatazzjoni li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni fl-appell ineżami. Għalhekk, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huma definittivi.

44.      Permezz tal-ewwel u tat-tieni aggravju tagħha, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-FDAM (1). It-tielet u r-raba’ aggravju jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-FAF (2). Finalment, permezz tal-ħames aggravju tagħha, Google tikkritika l-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu (3).

1.      Fuq l-evalwazzjoni tal-FDAM (l-ewwel u t-tieni aggravju)

45.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Google tikkontesta l-evalwazzjoni tar-rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM u l-allegati effetti ta’ esklużjoni tagħhom (a). Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kontenzjuża għalkemm il-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet il-kapaċità tal-FDAM li jipproduċu effett ta’ esklużjoni fir-rigward ta’ impriżi meqjusa bħala effiċjenti daqs Google nnifisha (b).

a)      Fuq ir-rabta kawżali bejn il-FDAM u l-effetti ta’ esklużjoni tagħhom (l-ewwel, it-tielet u r-raba’ parti tal-ewwel aggravju)

46.      Skont l-ewwel aggravju ta’ Google, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tar-rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM u l-kapaċità tagħhom li jeskludu l-kompetizzjoni.

47.      Fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, Google tressaq erba’ argumenti, li t-tieni wieħed minnhom jissovrapponi ħafna l-argument imressaq minn Google fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha. Għalhekk ser nindirizza dan it-tieni argument fil-punt 99 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet fil-kuntest tat-tieni aggravju.

48.      Fil-kuntest tat-tliet argumenti l-oħra mressqa fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, Google ssostni, l-ewwel, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni l-FTD bħala element kuntestwali (1). It-tieni, hija wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li ma kienx neċessarju li ssir distinzjoni bejn l-effetti tal-parametru predefinit u dawk tal-preinstallazzjoni (2). Fl-aħħar, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni (jew l-assenza tagħha) li kienet teżisti mingħajr il-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM (3).

49.      Skont il-Kummissjoni, l-ewwel aggravju huwa ineffettiv, peress li huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li analiżi kontrofattwali hija l-uniku mod sabiex jiġi stabbilit jekk aġir jistax jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Madankollu, tali argument ma jsib ebda sostenn fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Analiżi kontrofattwali hija biss mod wieħed, iżda mhux l-uniku mod, sabiex jiġi stabbilit jekk aġir jistax jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

50.      Ċertament, skont il-ġurisprudenza, l-effetti attwali jew potenzjali tal-prattiki eżaminati jistgħu jiġu stabbiliti b’riferiment għal sensiela ta’ indizji, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun obbligata tuża sistematikament għodda waħda sabiex tipprova l-eżistenza ta’ tali rabta kawżali (18).

51.      Madankollu, l-argumenti mressqa minn Google fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha jirrigwardaw mhux biss l-evalwazzjoni tan-neċessità li l-Qorti Ġenerali twettaq analiżi kontrofattwali, iżda wkoll ċerti aspetti meħuda inkunsiderazzjoni minn din il-qorti fl-evalwazzjoni tan-natura abbużiva tal-FDAM. Minn dan isegwi li dawn l-argumenti jistgħu jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li fuqhom huwa bbażat id-dispożittiv tas-sentenza appellata u jistgħu jwasslu, jekk jitqiesu fondati, għall-annullament ta’ din is-sentenza (19).

52.      Konsegwentement, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ineffettività għandha tiġi miċħuda.

1)      It-teħid inkunsiderazzjoni tal-FTD fl-analiżi tal-FDAM (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju)

53.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni, għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-FDAM, l-effetti tal-FTD abbażi ta’ apparat, li ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni, kif ukoll l-effetti tal-FTD abbażi ta’ portfolio, li n-natura abbużiva tagħhom ma kinitx, skont il-Qorti Ġenerali, stabbilita. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma pprovatx li l-allegati effetti ta’ esklużjoni ġew ikkawżati mill-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM.

54.      Dan l-argument iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk prattika meqjusa abbużiva mill-Kummissjoni, iżda mhux mill-Qorti Ġenerali, tistax madankollu tittieħed inkunsiderazzjoni bħala element kuntestwali waqt l-analiżi tal-effetti tal-komponenti l-oħra ta’ ksur uniku u kontinwu, meqjusa abbużivi.

55.      Kif stabbilit fil-punti 23 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ksur uniku u kontinwu ta’ Google kien jinkludi, skont il-Kummissjoni, il-FTD abbażi ta’ portfolio. Dawn il-ftehimiet kienu jagħtu lill-OEMs u lill-ONMs perċentwali mid-dħul mir-reklamar ta’ Google, bil-kundizzjoni li dawn il-manifatturi jew dawn l-operaturi jkunu aċċettaw li ma jippreinstallawx servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur fuq kwalunkwe apparat li jaqa’ taħt portfolio miftiehem. B’hekk, jekk l-OEM jew l-ONM ikkonċernati jippreinstallaw servizz ġenerali ta’ tiftix kompetitur fuq kwalunkwe apparat li jaqa’ taħt portfolio predefinit u miftiehem, huma jkollhom jirrinunzjaw għal kwalunkwe parti mid-dħul fir-rigward tal-portfolio kollu (20).

56.      Skont id-deċiżjoni kontenzjuża, dawn il-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jimplimentaw ħlasijiet ta’ esklużività, li l-għan tagħhom kien li jiġi żgurat li Google kellha drittijiet esklużivi sabiex tippreinstalla applikazzjonijiet ta’ servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-apparati portabbli (21). Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni wettqet, fost l-oħrajn, analiżi tal-kapaċità tal-prattika kkontestata li teskludi kompetituri daqstant effiċjenti, test imsejjaħ “test tal-kompetitur daqstant effiċjenti” (iktar ’il quddiem it-“test AEC”) (22).

57.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-konstatazzjoni tan-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio ma ġietx ipprovata b’mod suffiċjenti fid-dritt minħabba żbalji mwettqa mill-Kummissjoni waqt l-evalwazzjoni tal-kopertura tagħhom tas-suq u l-implimentazzjoni tat-test AEC (23). Kif diġà ġie stabbilit fil-punti 29 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali għalhekk annullat id-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tan-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio. Il-Kummissjoni ma kkontestatx din il-konstatazzjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell. Għalhekk, il-konklużjoni li hija ma stabbilixxietx in-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio hija legalment vinkolanti.

58.      Mill‑2013 ’il quddiem, Google progressivament issostitwixxiet il-FTD abbażi ta’ portfolio b’FTD abbażi ta’ apparat. Fil-kuntest ta’ FTD abbażi ta’ apparat, il-parti ta’ OEM jew ta’ ONM mid-dħul ta’ Google kien jiddependi min-numru ta’ apparati mibjugħa konformi mal-obbligu li ma jiġux preinstallati servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetituri. B’hekk, il-FTD abbażi ta’ apparat kienu jippermettu lil OEM jew lil ONM joffru, għall-istess tip ta’ apparat, uħud li kienu jippromwovu s-servizz ta’ tiftix ġenerali ta’ Google b’mod esklużiv u oħrajn li kienu joffru wkoll servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetituri. Il-Kummissjoni ma qisitx li dawn il-FTD abbażi ta’ apparat kienu abbużivi (24).

59.      Għalkemm, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali, la l-FTD abbażi ta’ apparat u lanqas il-FTD abbażi ta’ portfolio ma kienu abbużivi meta jittieħdu waħedhom, il-Qorti Ġenerali ħadithom inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-FDAM (25). Skont il-Qorti Ġenerali, dan kien iġġustifikat għaliex id-deċiżjoni kontenzjuża ġustament ħadet inkunsiderazzjoni l-FTD abbażi ta’ apparat u portfolio bħala elementi tal-kuntest fattwali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni kkawżati mill-aspetti l-oħra tal-ksur uniku u kontinwu u għalhekk ukoll l-FDAM. Il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari li, indipendentement mill-klassifikazzjoni tal-FTD fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-effetti kkombinati tal-prattiki stabbiliti minn Google tawha l-benefiċċju, fir-rigward ta’ Google Search, ta’ preinstallazzjoni esklużiva li tkopri, tal-inqas sal‑2016, iktar minn nofs l-apparati kollha kkummerċjalizzati fiż-ŻEE li jaħdmu b’OS abbażi ta’ Android (26).

60.      Qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-approċċ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjoni li prattika tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE għandha dejjem tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (27). Min-naħa l-oħra, awtorità tal-kompetizzjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-effetti li prattika setgħet tipproduċi li kieku seħħew ċerti ċirkustanzi partikolari – li ma kinux prevalenti fis-suq fil-mument tal-implimentazzjoni ta’ din il-prattika (28).

61.      F’dan il-kuntest, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element fattwali ma jiddependix, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, fis-sentenza AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni, mill-kwistjoni dwar jekk dan l-element jikkostitwixxix aġir li, fih innifsu, huwa kklassifikat bħala abbużiv (29). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fis-sentenza Sony Optiarc u Sony Optiarc America vs Il‑Kummissjoni li, meta grupp ta’ prattiki jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu, minn dan ma jistax jiġi dedott li kull waħda minn dawn il-forom ta’ aġir għandu, fih innifsu u meħud waħdu, neċessarjament jiġi kklassifikat bħala ksur distint (30). Fis-sentenza Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li żewġ prattiki li kienu legali meta ġew analizzati waħedhom u meħuda waħedhom kienu tqiesu abbużivi minħabba li, flimkien, kienu jiddevjaw mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu u kellhom effetti antikompetittivi (potenzjali) (31).

62.      Fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-effetti magħquda tal-FDAM u tal-FTD kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minħabba n-natura komplementari tad-diversi prattiki ta’ Google. Ir-riżultat tal-obbligu kuntrattwali marbut mal-FTD li ma tiġix installata xi ħaġa oħra għajr Google Search għat-tiftix ġenerali kien li l-possibbiltà teoretika li jiġi preinstallat servizz li jikkompeti mal-applikazzjonijiet ta’ Google, minkejja li bħala prinċipju huwa permess mill-FDAM, ġiet effettivament eskluża, mill‑2011 sal‑2016, għal mill-inqas nofs l-apparati ta’ Google Android mibjugħa fiż-ŻEE. Fi kliem ieħor, il-FTD żguraw lil Google li s-servizz ta’ tiftix tagħha biss kien installat fuq l-apparati kkonċernati, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi tal-FDAM (b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk is-servizzi ta’ tiftix kompetituri setgħux jikkumpensaw il-vantaġġ ta’ Google permezz tal-preinstallazzjoni flimkien mas-servizz rispettiv tagħha) (32).

63.      F’dan il-kuntest, il-FTD kienu biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa jekk is-servizzi ta’ tiftix kompetituri setgħux jikkumpensaw il-vantaġġ mogħti lil Google mill-FDAM (33). Għaldaqstant, u kuntrarjament għal dak li tallega Google, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli ma qisitx li l-FTD ma kinux ikopru l-apparati kollha koperti mill-FDAM meta ħadet inkunsiderazzjoni l-ewwel element għall-evalwazzjoni tat-tieni wieħed.

64.      Madankollu, Google u Gigaset isostnu li l-effetti antikompetittivi tal-FDAM ma humiex stabbiliti, għaliex, f’xenarju kontrofattwali mingħajr dawn il-ftehimiet, il-FTD kien ikollhom l-istess effetti ta’ esklużjoni għad-detriment tas-servizzi ta’ tiftix kompetituri.

65.      Madankollu, sempliċement ma huwiex possibbli li l-FDAM jiġu injorati u li l-effetti tal-FTD jiġu analizzati b’mod iżolat. Dan peress li l-OEM ikkonċernat kien ippreinstalla s-servizz ta’ tiftix Google Search, suġġett tal-FTD, fuq numru kbir (34) ta’ apparati permezz tal-FDAM sabiex jikseb aċċess għall-Play Store, li huwa indispensabbli għalihom u li fir-rigward tiegħu Google kellha pożizzjoni dominanti.

66.      Minħabba din l-interazzjoni tal-FDAM u tal-FTD, il-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ tiftix ġenerali ma telqux mill-istess pożizzjoni bħal Google fir-rigward tal-konklużjoni ta’ FTD. Dan peress li s-servizz ta’ tiftix Google Search ta’ Google kien diġà preinstallat mill-bidu fuq numru kbir ta’ apparati portabbli intelliġenti, filwaqt li l-fornituri l-oħra kellhom l-ewwel jagħmlu sforz sabiex jiksbu l-preinstallazzjoni tas-servizz tagħhom b’mod parallel ma’ dak ta’ Google. B’kuntrast ma’ dan, minħabba l-FDAM, ebda fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ tiftix ma seta’ jikseb esklużività fuq l-apparati kkonċernati.

67.      Kuntrarjament għal dak li sostnew Google u Gigaset waqt is-seduta, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) dwar l-effetti kkombinati ta’ tali prattiki marbuta mill-qrib huma rilevanti wkoll fil-kawża ineżami, minkejja d-differenzi bejn iż-żewġ kawżi. Ċertament, f’dik il-kawża, il-Kummissjoni ma kkontestatx iż-żewġ prattiki inkwistjoni b’mod iżolat, iżda biss fil-kombinazzjoni tal-prattiki, filwaqt li, fil-kawża ineżami, hija kkonstatat li kemm il-FDAM kif ukoll il-FTD abbażi ta’ portfolio kienu abbużivi. Madankollu, dan ma jfissirx li l-effetti taż-żewġ prattiki għandhom jiġu analizzati b’mod iżolat hawnhekk, minkejja li, fattwalment oriġinaw flimkien.

68.      Il-qsim artifiċjali ta’ żewġ prattiki tant marbuta b’mod inseparabbli sabiex jiġu analizzati l-effetti tagħhom ma jkunx realistiku u lanqas ma jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti kkombinati taż-żewġ partijiet (35). Kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali, f’dan ir-rigward għandha ssir distinzjoni bejn l-ipoteżijiet teoretiċi ta’ kompetizzjoni u r-realtà prattika (36). Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, fi swieq bħal dawk inkwistjoni fil-kawża ineżami, ikkaratterizzati minn effetti dinamiċi ta’ network, jista’ jkun prattikament impossibbli li jiġi analizzat kif kull element kuntestwali fih innifsu u meħud f’iżolazzjoni kkontribwixxa b’mod konkret għall-effetti ta’ esklużjoni.

69.      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom stess bħala abbużivi jew le, il-FTD setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-effetti tal-FDAM. Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq id-distinzjoni bejn il-parametru predefinit u l-preinstallazzjoni (it-tielet parti tal-ewwel aggravju)

70.      Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-provi relatati mal-parametru prestabbilit kienu rilevanti għall-analiżi tal-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM. Madankollu, kienu biss dawn tal-aħħar (u mhux il-FDAM fl-intier tagħhom, inklużi r-regoli dwar il-parametru predefinit (37)) li ġew ikkonstatati bħala abbużivi fid-deċiżjoni kontenzjuża. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali vvalidat l-analiżi tal-FDAM magħmula mill-Kummissjoni mingħajr ma talbitha tipprova r-rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni u l-allegati effetti ta’ esklużjoni tagħhom.

71.      Il-parametru predefinit jirreferi għall-parametru ta’ servizz bħala dak predefinit f’applikazzjoni partikolari. Il-preinstallazzjoni tfisser li l-applikazzjonijiet jiġu preloaded fuq l-apparati fl-istadju tal-konfigurazzjoni qabel ma jiġu kkummerċjalizzati (38).

72.      Il-Qorti Ġenerali evalwat l-argumenti ta’ Google dwar id-distinzjoni bejn il-preinstallazzjoni u l-parametru predefinit fil-punti 320 sa 418 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti, hija analizzat il-kritika ta’ Google li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx fid-deċiżjoni kontenzjuża li l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni kienu jagħtu lok għal “vantaġġ tal-istatus quo”. Kif ġie stabbilit, pereżempju, fil-punti 321 u 331 tas-sentenza appellata, dan it-terminu jfisser li l-utenti għandhom it-tendenza li jużaw dak li diġà huwa preinstallat fuq l-apparat tagħhom u huwa offrut lilhom.

73.      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, l-ewwel, fil-punti 327 sa 335 tas-sentenza appellata, li d-distinzjoni ssuġġerita minn Google bejn il-parametri predefiniti u l-preinstallazzjoni kienet nieqsa minn rilevanza prattika. Ma kienx faċli li ssir tali distinzjoni, peress li kemm Google kif ukoll atturi oħra użaw it-terminu “predefinit” f’sens wiesa’ u ħawdu l-kunċetti ta’ parametru predefinit u ta’ preinstallazzjoni. Barra minn hekk, ma kienx ikkontestat li l-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni tagħti fiha nnifisha vantaġġ fuq applikazzjonijiet kompetituri. Finalment, il-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM kienu jinkludu wkoll dispożizzjonijiet dwar it-tqegħid ipprivileġġjat jew il-parametri predefiniti.

74.      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-provi kkritikati minn Google setgħu jiġu invokati sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tendenza ġenerali li “tiffriża” s-sitwazzjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, strettament, il-provi kinux jikkonċernaw il-parametru predefinit, il-preinstallazzjoni jew it-tqegħid ipprivileġġjat. Konsegwentement, ma kienx neċessarju, preliminarjament, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “vantaġġ tal-istatus quo”, li ssir distinzjoni preċiża, kif xtaqet Google, bejn l-effetti tal-parametru predefinit u l-effetti tal-preinstallazzjoni.

75.      Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, il-Qorti Ġenerali evalwat, fil-punti 340 sa 394 tas-sentenza appellata, il-provi invokati fid-deċiżjoni kontenzjuża li jirriżultaw minn Google stess, minn HP, minn Nokia, minn Amazon u minn Mozilla, minn analiżi ta’ Yandex kif ukoll mill-ftehim ta’ preinstallazzjoni konkluż bejn Microsoft u Verizon; fil-punti 395 sa 408, minn ċerti paraguni li saru fid-deċiżjoni kontenzjuża bi studju ta’ FairSearch, minn data pprovduta minn Microsoft u minn NetMarketShare kif ukoll mill-paragun tad-dħul ta’ Google mill-apparati li jaħdmu bl-Android u bl-iOS; u, fil-punti 409 sa 418, minn ċerti elementi relatati ma’ Chrome b’riferiment għall-paragun tad-dħul ta’ Google permezz ta’ Safari u ta’ Chrome, u minn stħarriġ ta’ Opera.

76.      Fil-punt 418 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-diversi argumenti mressqa minn Google sabiex tirribatti l-vantaġġ mogħti mill-preinstallazzjoni tal-applikazzjonijiet Google Search u Chrome fuq l-apparati tal-Google Android ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni abbażi tad-diversi punti stabbiliti fid-deċiżjoni kontenzjuża f’dan ir-rigward.

77.      Billi kkritikat dawn il-konstatazzjonijiet, Google ssostni fl-appell tagħha li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża meta kkonstatat, fil-punt 349 tas-sentenza appellata, li l-argumenti eżaminati fiha kienu validi fil-kuntest taż-żewġ termini inkwistjoni. Madankollu, skont Google, il-motivi tal-Qorti Ġenerali, stabbiliti fil-punti 329 sa 334 tas-sentenza appellata (miġbura fil-qosor fil-punti 73 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet), għaliex ma kienx neċessarju li ssir distinzjoni preċiża bejn iż-żewġ termini, ma humiex konvinċenti. F’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali deskritta fil-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet hija żbaljata.

78.      L-argument ta’ Google huwa parzjalment inammissibbli peress li huwa intiż li jikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (i). Min-naħa l-oħra, dan l-argument ma jistax jirnexxi, peress li jmur kontra l-prinċipji stabbiliti iktar ’il fuq li l-effetti antikompetittivi ta’ prattika għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tagħha (ii).

i)      Assenza ta’ evalwazzjoni ġdida tal-fatti fil-kuntest tal-appell

79.      Minn naħa, l-argumenti ta’ Google huma inammissibbli sa fejn huma intiżi, fir-realtà, li jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, din il-qorti għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-provi (39), ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiemha. Tali żnaturament għandu jiġi sostanzjat mill-appellant u għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (40).

80.      Madankollu, fil-kritika tagħha miġbura fil-qosor fil-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Google ma ssostnix li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li hija evalwat u tali żnaturament lanqas ma jirriżulta b’mod manifest mill-proċess. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni dwar jekk il-fatti u l-provi dwar il-parametru predefinit humiex rilevanti wkoll għall-preinstallazzjoni u l-mod kif id-diversi atturi ħawdu dawn it-termini huma kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi. Tali evalwazzjoni hija differenti mill-istħarriġ ta’ żnaturament li jfittex li jeżamina jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx b’mod żbaljat il-provi b’mod manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħha (41). F’dan ir-rigward, Google naqset milli turi ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-prova u l-ġbir tal-provi li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

ii)    Assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ prattika iżolata mill-kuntest tagħha

81.      Min-naħa l-oħra, l-argumenti ta’ Google jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex l-obbligu li tevalwa l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM b’mod iżolat mill-kuntest tagħhom, b’mod partikolari l-obbligi fir-rigward tal-parametru predefinit u ta’ tqegħid ipprivileġġjat. Din il-kwistjoni tirrigwarda l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti mill-Qorti Ġenerali u l-konklużjonijiet ġuridiċi li ġibdet minnhom , li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ appell (42).

82.      Madankollu, kif diġà ġie stabbilit fil-punti 60, 61, 67 u 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-premessa ta’ Google li, sabiex jiġu stabbiliti l-effetti antikompetittivi ta’ prattika, hija għandha tiġi analizzata b’mod iżolat mill-kuntest tagħha hija żbaljata. Kif ġie spjegat f’dawk il-punti, il-klassifikazzjoni ta’ prattika bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE għandha dejjem tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha tal-każ speċifiku. B’dan il-mod, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element fattwali ma jiddependix mill-kwistjoni dwar jekk dan jirriżultax minn prattika kklassifikata fiha nnifisha bħala abbużiva. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta prattiki differenti – kemm abbużivi u kemm legali, skont il-każ – ikunu tant marbuta mill-qrib li l-effetti tagħhom jitħalltu ma’ xulxin u ma jkunux jistgħu jiġu analizzati f’iżolament minn xulxin.

83.      Fid-dawl ta’ dan kif ukoll tal-evalwazzjoni awtonoma tal-provi mill-Qorti Ġenerali, li ma ġietx validament ikkontestata minn Google, din il-qorti kellha raġun ma teħtieġx li l-Kummissjoni tagħmel distinzjoni preċiża bejn il-preinstallazzjoni u l-parametru predefinit fl-evalwazzjoni tal-provi sabiex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM joħolqux “vantaġġ tal-istatus quo”.

84.      Minn dan isegwi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda wkoll.

3)      Fuq l-allegat komponent favur il-kompetizzjoni tal-FDAM u r-rekwiżit ta’ evalwazzjoni kontrofattwali (ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju)

85.      Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, Google tikkritika l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma rrikjedietx li l-Kummissjoni twettaq analiżi kontrofattwali sabiex tevalwa jekk mudell ta’ liċenzja miftuħa bħal dik ta’ Android, li tiegħu hija kienet irrikonoxxiet il-komponent favur il-kompetizzjoni, kienx ikun possibbli mingħajr ir-regoli kkontestati tal-FDAM.

86.      Google ssostni li, matul l-investigazzjoni amministrattiva kollha u quddiem il-Qorti Ġenerali, hija kienet spjegat li l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM kienu l-korrispettiv mhux monetarju li hija kienet tirċievi mill-OEMs inkambju għall-provvista mingħajr ħlas tal-OS Android, tal-Play Store, tas-sett tal-GMS u ta’ servizzi oħra relatati. Dan l-iskambju mhux monetarju ppermetta iktar opportunitajiet ta’ distribuzzjoni għall-kompetituri u iktar kompetizzjoni minn kwalunkwe ftehim ta’ liċenzjar realistiku ieħor.

87.      Google tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni pprojbixxiet dan l-iskambju mhux monetarju li sar possibbli mill-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM mingħajr qatt ma eżaminat jekk alternattivi realistiċi kinux jirriżultaw f’opportunitajiet ta’ distribuzzjoni ugwali jew ikbar għall-kompetituri.

88.      Skont Google, billi kkonfermat dan l-approċċ, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM kellhomx effetti antikompetittivi. Fil-fatt, dan kien jeħtieġ analiżi tal-mod kif il-kompetizzjoni kienet tiżvolġi mingħajr l-aġir ikkontestat. F’dan il-każ, dan kien jimplika li jiġi eżaminat jekk sistema ta’ liċenzjar miftuħa u mingħajr ħlas bil-vantaġġi kollha tagħha kinitx tkun realistika mingħajr l-iskambju mhux monetarju implikat fil-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM.

89.      Fil-punti 590 sa 594 tas-sentenza appellata, ikkontestati minn Google f’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kritika ta’ Google li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-allegati effetti tal-aġir kontenzjuż.

90.      Għall-kuntrarju, Google ma tikkontestax il-punti 599 sa 619 tas-sentenza appellata, li jittrattaw l-argumenti tagħha dwar il-ġustifikazzjoni oġġettiva tal-FDAM.

91.      Fil-punti 590 sa 594 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat li l-Kummissjoni kienet ittrattat l-argumenti ta’ Google fid-deċiżjoni kontenzjuża, iżda ċaħdithom għaliex l-aġir meqjus abbużiv la kien jirrigwarda l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-Android u lanqas il-fatt li hija miftuħa u mingħajr ħlas. Għall-kuntrarju, aspett wieħed biss tal-FDAM kien ikkonċernat, li l-effetti tiegħu kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni, jiġifieri, il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet taw vantaġġ kompetittiv lil Google minħabba l-“vantaġġ tal-istatus quo” maħluq minnhom, li ma setax jiġi kkumpensat minn kompetituri u kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq il-mertu għad-detriment tal-konsumaturi.

92.      Kuntrarjament għal dak li ssostni Google fl-appell, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta, fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, ma rrikjedietx li l-Kummissjoni teżamina, fil-kuntest ta’ analiżi kontrofattwali, kif il-kompetizzjoni setgħet tiżvolġi fis-swieq rilevanti mingħajr il-kundizzjonijiet inkwistjoni.

93.      Huwa minnu li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-rabta kawżali bejn l-aġir abbużiv ikkontestat u l-effetti antikompetittivi tiegħu. Madankollu, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tinvoka sensiela ta’ provi. Hija ma hijiex obbligata tuża sistematikament għodda waħda, b’mod partikolari analiżi kontrofattwali, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ tali rabta kawżali (43). Dan huwa partikolarment minnu meta tali analiżi ma tkunx meħtieġa fiċ-ċirkustanzi tal-kawża attwali sabiex jiġu stabbiliti l-effetti (b’mod partikolari dawk potenzjali) tal-aġir inkwistjoni.

94.      Sabiex jiġi stabbilit l-abbuż minn pożizzjoni dominanti, huwa biżżejjed li jiġi pprovat li l-aġir kontenzjuż huwa kapaċi jipproduċi effetti ta’ esklużjoni. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li jiġu pprovati l-effetti attwali tiegħu. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li – b’differenza mill-kompetituri tagħha – hija biss l-impriża dominanti li kienet f’pożizzjoni li tinfluwenza b’mod diskriminatorju l-aġir tal-klijenti jew tal-utenti għad-detriment ta’ dawn il-kompetituri tista’ tkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-aġir inkwistjoni kien kapaċi jippreġudika kompetizzjoni effettiva u mhux distorta (44).

95.      Kif ġie stabbilit fil-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM taw lil Google vantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-“vantaġġ tal-istatus quo” li jirriżulta minn dawn il-kundizzjonijiet u li ma setax jiġi kkumpensat mill-kompetituri.

96.      Bla ħsara għall-eżami tat-tieni parti tal-ewwel aggravju kif ukoll tat-tieni aggravju fil-punti 99 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali għalhekk stabbilixxiet li d-deċiżjoni tal-utenti li jużaw Google Search u Chrome minflok applikazzjonijiet kompetituri kienet ġiet influwenzata b’mod diskriminatorju mill-“vantaġġ tal-istatus quo” li l-kompetituri ma setgħux jikkumpensaw. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija kellha raġun ma titlobx analiżi kontrofattwali addizzjonali.

97.      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Google, il-Kummissjoni ma tistax tkun meħtieġa tirrifletti, fil-kuntest ta’ tali analiżi, dwar il-mod kif l-impriża dominanti setgħet taġixxi li kieku ma adottatx l-aġir abbużiv ikkontestat. Ix-xenarju kontrofattwali, għalkemm ipotetiku, għandu madankollu jkun realistiku u kredibbli (45). Minn naħa, f’kawża bħal dik inkwistjoni, il-funzjonament tas-swieq inkwistjoni huwa kkaratterizzat minn varjabbli bħall-innovazzjoni, l-aċċess għad-data, l-aspetti multidimensjonali, l-aġir tal-utenti u l-effetti ta’ network (46). Min-naħa l-oħra, dan il-funzjonament u, b’mod partikolari, l-imġiba tal-utenti diġà ġew influwenzati b’mod sostanzjali mill-istrateġiji ta’ Google. Għalhekk, ma jidhirx possibbli li jiġu stabbiliti previżjonijiet realistiċi jew plawżibbli ta’ għażliet li Google setgħet tagħżel minflok il-FDAM, u lanqas kif dawn l-għażliet influwenzaw is-swieq inkwistjoni.

98.      Minn dan isegwi li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda wkoll.

b)      Fuq il-kapaċità tal-FDAM li jeskludu kompetituri daqstant effiċjenti (it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju)

99.      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-konstatazzjoni li l-utenti ta’ spiss ma jniżżlux applikazzjonijiet ta’ tiftix u browsers kompetituri kienet suffiċjenti sabiex jiġu stabbiliti l-effetti antikompetittivi tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM. Madankollu, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti Ġenerali rrikonoxxew li ma kienx hemm restrizzjonijiet tekniċi jew finanzjarji għall-utenti li jniżżlu servizzi kompetituri. Għalhekk, huma kellhom jeżaminaw jekk id-deċiżjoni tal-utenti li ma jniżżlux b’mod iktar frekwenti applikazzjonijiet kompetituri kinitx dovuta għall-preferenza u għall-kwalità superjuri tal-applikazzjonijiet ta’ Google iktar milli għall-“vantaġġ tal-istatus quo” allegatament maħluq mill-preinstallazzjoni.

100. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kontenzjuża għalkemm hija ma kinitx stabbilixxiet il-kapaċità tal-FDAM li jeskludu kompetituri daqstant effiċjenti.

101. Peress li l-argumenti mressqa minn Google f’dawn iż-żewġ partijiet tal-appell tagħha jikkoinċidu parzjalment, ser nindirizzahom flimkien.

102. L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali kellhiex teżiġi li l-Kummissjoni tesponi mhux biss il-kapaċità tal-FDAM li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, iżda wkoll il-kapaċità partikolari tagħhom li jeskludu kompetituri effiċjenti daqs Google. F’dan il-kuntest, ser neżamina qabelxejn l-argument ta’ Google li jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma eżaminatx jekk id-deċiżjoni tal-utenti li ma jniżżlux b’mod iktar frekwenti applikazzjonijiet ta’ tiftix u browsers kompetituri kinitx dovuta għall-preferenzi tal-utenti iktar milli għall-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM (1). Sussegwentement ser neżamina l-argumenti speċifiċi ta’ Google mressqa fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha dwar l-irbit tal-applikazzjoni Google Search u l-Play Store (2) kif ukoll l-irbit ta’ Chrome mal-Play Store u Google Search (3).

1)      Fuq l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni tal-FDAM f’dak li jirrigwarda l-“kompetituri daqstant effettivi” u r-raġunijiet tal-aġir tal-utenti

103. Skont il-Kummissjoni, l-argumenti ta’ Google ma jistgħux jintlaqgħu, peress li huma bbażati fuq il-premessa li l-istabbiliment ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni jeħtieġ fil-każijiet kollha analiżi tal-effiċjenza tal-kompetituri (ipotetiċi jew attwali). F’każijiet ta’ rbit bħal dawk inkwistjoni hawnhekk, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetizzjoni fuq il-mertu, ma huwiex neċessarju li jiġi evalwat jekk dawn humiex kapaċi jipproduċu effetti ta’ esklużjoni fuq il-kompetituri daqstant effikaċi, iżda biss jekk dawn humiex kapaċi jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

104. Huwa paċifiku li l-Artikolu 102    TFUE ma huwiex intiż li jipproteġi lill-kompetituri inqas effiċjenti (47). Dan ifisser, a contrario, li, f’każ bħall-kawża ineżami, l-istabbiliment tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti dejjem jeħtieġ eżami dwar jekk il-prattika inkwistjoni hijiex kapaċi tipproduċi effetti ta’ esklużjoni fir-rigward ta’ kompetituri daqstant effettivi? U, jekk iva, kif għandha ssir tali evalwazzjoni?

105. Sabiex tinstab risposta għal dawn id-domandi, huwa utli, l-ewwel nett, li jitfakkar il-punt tat-tluq tal-ġurisprudenza dwar l-irbit (i). It-tieni nett, huwa meħtieġ li jinġabru fil-qosor it-tweġibiet tal-Qorti Ġenerali għall-kritika ta’ Google li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM kienu llimitaw il-kompetizzjoni (ii). Fl-aħħar nett, f’dan il-kuntest, għandha tiġi evalwata l-kritika ta’ Google dwar il-proċedura segwita mill-Qorti Ġenerali (iii).

i)      Il-punt tat-tluq tal-ġurisprudenza dwar l-irbit

106. Il-punt tat-tluq tal-ġurisprudenza dwar il-każijiet ta’ rbit minn impriża dominanti huwa li dawn għandhom, bħala prinċipju, jiġu kklassifikati bħala abbużivi (48). Prattika li tikkonsisti fl-issuġġettar tal-akkwist ta’ prodott li jorbot – li jirriżulta minn suq iddominat – għall-akkwist ta’ prodott marbut, li joriġina minn suq ġar, upstream jew downstream, effettivament ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetizzjoni fuq il-mertu. Dan huwa minħabba li l-klijenti ġeneralment ma jagħżlux il-prodott marbut minħabba l-valur intrinsiku tiegħu jew minħabba l-għażla libera tiegħu, iżda jixtruh biss sabiex jiksbu l-prodott li jorbot li huwa importanti għalihom. Fil-fatt, mill-perspettiva ta’ dawn il-klijenti, fid-dawl tal-pożizzjoni dominanti tal-fornitur kif ukoll tal-kompetizzjoni diġà mdgħajfa fis-suq rilevanti, ħafna drabi ma jeżistux prodotti alternattivi aċċettabbli. Dan jissuġġerixxi li tali aġir ta’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq għall-prodott li jorbot joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq għall-prodott marbut. Effiċjenti kemm huma effiċjenti l-kompetituri (attwali jew potenzjali) tal-impriża dominanti f’dan l-aħħar suq, dawn diffiċilment jistgħu jikkumpensaw l-effett ta’ lieva li jirriżulta mill-irbit tal-prodott li jorbot mis-suq l-ieħor. Għaldaqstant, f’tali każ, l-effetti antikompetittivi, tal-inqas dawk potenzjali, tal-aġir inkwistjoni, jistgħu jiġu preżunti (49).

107. Madankollu, fis-sentenza (definittiva) tagħha f’Microsoft vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, f’kawża simili għal dik inkwistjoni, li l-Kummissjoni kellha raġun meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, ma llimitatx ruħha li tistabbilixxi li l-aġir kontenzjuż kien każ ta’ rbit, iżda eżaminat ulterjorment jekk dan kienx kapaċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fil-fatt, għalkemm Microsoft issuġġettat l-akkwist tal-Windows-OS tagħha għall-akkwist simultanju tal-applikazzjoni integrata Media Player, l-utenti kienu teoretikament jistgħu jiksbu media players terzi permezz ta’ tniżżil sussegwenti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li, b’mod partikolari minħabba l-inerzja tal-utenti, din baqgħet possibbiltà teoretika ħafna u li l-media players kompetituri, irrispettivament mill-kwalità tagħhom, ma setgħux jikkumpensaw għall-vantaġġ kompetittiv miksub minn Microsoft permezz tal-preinstallazzjoni (50).

108. Dan huwa l-approċċ segwit mill-Kummissjoni fil-kawża ineżami.

ii)    Konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-effetti ta’ esklużjoni tal-FDAM

109. Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 292 tas-sentenza appellata, fil-kawża ineżami, il-partijiet ma kinux qegħdin jargumentaw dwar il-possibbiltà li l-utenti jkunu jistgħu, skont il-FDAM, jiksbu applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix u browsers li jikkompetu ma’ dawk li huma s-suġġett ta’ rbit. Fil-fatt, huma kollha rrikonoxxew l-eżistenza teoretika ta’ din il-possibbiltà li ma kinitx ipprojbita mir-regoli tal-FDAM. Għall-kuntrarju, huma argumentaw dwar l-inċentivi li l-utenti jista’ jkollhom biex jagħmlu dan.

110. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 295 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ġustament sostniet li l-eżami tal-effetti tal-każijiet ta’ rbit inkwistjoni kien meħtieġ qabel ikun jista’ jiġi konkluż li l-irbit inkwistjoni kien ta’ ħsara għall-kompetizzjoni.

111. Kif il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor fil-punti 304 sa 312 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-applikazzjonijiet kompetituri ta’ tiftix u browsers ma setgħux jikkumpensaw il-vantaġġ mogħti lil Google permezz tal-irbit ta’ Google Search u tal-Play Store kif ukoll ta’ Chrome, il-Play Store u Google Search.

112. Fil-punti 317 sa 596 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni motiv, l-argument ta’ Google li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kritika ta’ Google dwar ħames punti, jiġifieri, il-ħolqien ta’ “vantaġġ tal-istatus quo” permezz tal-preinstallazzjoni (punti 320 sa 418), il-possibbiltà għall-OEM li jippreinstalla u jiffissa bħala l-parametru predefinit servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetituri (punti 419 sa 538), il-mezzi l-oħra tal-kompetituri sabiex jilħqu lill-utenti (punti 539 sa 567), ir-rabta kawżali bejn il-kwoti tal-użu ta’ Google u l-preinstallazzjoni (punti 568 sa 584) u, finalment, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest kollu (punti 585 sa 596).

113. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ttrattat diversi drabi argumenti li jenfasizzaw il-kwalità allegatament ogħla tas-servizzi ta’ Google bħala raġuni għall-imġiba tal-utenti u għall-ishma mis-suq ta’ Google. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, huwa ċar għaliex, fil-fehma tagħha, ma kien meħtieġ l-ebda eżami ulterjuri tal-effetti tal-FDAM, speċjalment fid-dawl ta’ effetti ta’ esklużjoni possibbli fuq il-kompetituri daqstant effiċjenti ta’ Google. Huwa utli, għall-finijiet ta’ eżami ulterjuri, li jinġabru fil-qosor il-konstatazzjonijiet rilevanti tas-sentenza appellata.

–       Il-ħolqien ta’ “vantaġġ tal-istatus quo” permezz tal-preinstallazzjoni

114. Fil-punt 331 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li Google rrikonoxxiet li l-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni tagħti fiha nnifisha vantaġġ meta mqabbla mal-applikazzjonijiet kompetituri, peress li l-applikazzjoni hija disponibbli fuq l-apparat matul l-ewwel użu tiegħu u ma għandhiex bżonn tiġi installata qabel l-użu tiegħu. Dan iżid il-probabbiltà li l-utenti jippruvaw l-applikazzjonijiet li huma preinstallati.

115. Fil-punt 418 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-diversi argumenti mressqa minn Google sabiex tirribatti l-vantaġġ mogħti mill-preinstallazzjoni tal-applikazzjonijiet Google Search u Chrome fuq l-apparati tal-Google Android ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ħolqien ta’ “vantaġġ tal-istatus quo” mid-diversi punti esposti fid-deċiżjoni kontenzjuża f’dan ir-rigward.

–       Fuq il-possibbiltà għall-OEMs li jippreinstallaw servizzi ta’ tiftix kompetituri u li jistabbilixxuhom b’mod predefinit

116. Fil-punti 426 sa 428 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu preinstallati applikazzjonijiet oħra ta’ tiftix, li, fid-dawl tal-effetti kkombinati tal-FDAM u tal-FTD kif ukoll tal-ishma mis-suq għal Google Search u Chrome (li fihom Search kellha tiġi stabbilita bħala l-applikazzjoni ta’ tiftix predefinita (51)) u tal-evoluzzjoni tagħhom, id-dibattitu dwar l-għażliet disponibbli għall-kompetituri sabiex jiġi kkumpensat il-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM baqa’ fil-biċċa l-kbira teoretiku. Fil-prattika, il-fornituri tal-applikazzjonijiet kompetituri ma kinux f’pożizzjoni li jikkumpensaw permezz ta’ ftehimiet ta’ preinstallazzjoni l-vantaġġ kompetittiv li Google żgurat għaliha nnifisha permezz tal-preinstallazzjoni ta’ Google Search u ta’ Chrome fuq prattikament l-apparati kollha tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE.

117. Wara li eżaminat l-ilmenti ta’ Google f’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 537 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tikkonkludi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetituri kienu liberi li jipprovdu lill-OEMs u lill-ONMs l-istess preinstallazzjoni bħal dik ipprovduta għall-applikazzjoni Google Search u Chrome fuq l-apparati tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE. Madankollu, dan ma kienx il-każ matul parti kbira mill-perijodu tal-ksur u, tal-inqas, parti mill-ispjegazzjoni tal-assenza ta’ tali preinstallazzjoni tinsab fl-effetti magħquda tal-FDAM, tal-FTD u tal-FAF.

118. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 514 (b’riferiment għall-punti 294 u 483, ir-raba’ inċiż) tas-sentenza appellata, id-dikjarazzjoni ta’ Google li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ONMs ma għandhomx interess li jippreinstallaw applikazzjonijiet kompetituri peress li l-parti l-kbira tal-użu ta’ tiftix iseħħ b’Google timplika li dawn l-applikazzjonijiet huma inqas attraenti. Skont il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kontenzjuża esponiet ir-raġunijiet għalfejn tali ipoteżi ma setgħetx issir fil-kawża ineżami, fid-dawl tar-rilevanza tad-diversi soluzzjonijiet tekniċi proposti mill-kompetituri ta’ Google għall-utenti jew għall-innovazzjoni (b’mod partikolari s-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat f’lingwa partikolari jew intiżi għal grupp speċifiku ta’ utenti).

–       Mezzi biex jintlaħqu l-utenti għajr il-preinstallazzjoni

119. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-possibbiltà li jintlaħqu l-utenti b’mod partikolari permezz tat-tniżżil ta’ applikazzjonijiet kompetituri u l-aċċess għas-servizzi ta’ tiftix kompetituri permezz tal-browser, kif ukoll dwar il-kritika li l-Kummissjoni ħawdet il-vantaġġ kompetittiv u l-esklużjoni antikompetittiva, tinsab fil-punt 567 tas-sentenza appellata. Sussegwentement, il-Kummissjoni kellha raġun tqis li, anki kieku l-utenti kienu liberi li jniżżlu applikazzjonijiet li jikkompetu mal-applikazzjoni Google Search u Chrome jew li jimmodifikaw il-parametri predeterminati, jew kieku l-iżviluppaturi tal-browsers tal-web mobbli setgħu joffru l-applikazzjonijiet tagħhom lill-ONM, dan ma kienx il-każ b’mod suffiċjenti għal parti kbira mill-perijodu tal-ksur minħabba l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM.

–       Konnessjoni bejn il-kwoti tal-użu u l-preinstallazzjoni

120. Fir-rigward tal-istabbiliment tal-konnessjoni bejn il-kwoti tal-użu u l-preinstallazzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 575 tas-sentenza appellata, li, f’sitwazzjoni bħal din, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddetermina preċiżament jekk il-kwoti tal-użu ta’ Google setgħux jiġu spjegati mhux biss mill-preinstallazzjoni – kif hija taħseb – iżda wkoll, jew pjuttost, mill-kwalità superjuri allegata minn Google. Fil-fatt, il-preinstallazzjoni ma kinitx ikkontestata, b’tali mod li l-apparati kollha tal-Google Android kellhom l-applikazzjoni Google Search u Chrome, filwaqt li l-impatt tal-kwalità fuq l-assenza ta’ preinstallazzjoni jew tniżżil ta’ applikazzjoni kompetitriċi kien sempliċement iddikjarat minn Google, fejn il-provi prodotti f’dan ir-rigward la kienu suffiċjenti u lanqas partikolarment rilevanti.

121. Barra minn hekk, kif ippreċiżat il-Qorti Ġenerali fil-punti 577 u 578 tas-sentenza appellata, anki jekk jitqies li Google Search u Chrome huma ta’ kwalità superjuri għas-servizzi offruti mill-kompetituri, dan ma kienx ikun determinanti peress li ma ġiex allegat li d-diversi servizzi offruti mill-kompetituri ma kinux teknikament kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Barra minn hekk, kif jidher mill-elementi fil-proċess, il-bżonnijiet tal-konsumaturi ma kinux neċessarjament issodisfatti minn dik li kwalitattivament hija l-aħjar soluzzjoni. Anki jekk jitqies li Google tista’ ssostni li s-servizzi tagħha jirrappreżentaw tali soluzzjoni, varjabbli oħra minbarra l-kwalità teknika, bħall-protezzjoni tal-ħajja privata jew it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi lingwistiċi speċifiċi tat-talbiet ta’ tiftix ukoll kellhom rwol.

122. Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 582 tas-sentenza appellata, fid-dawl tal-marki mogħtija fil-Play Store għall-applikazzjonijiet ta’ Google u għal dawk tal-kompetituri tagħha invokati mill-Kummissjoni, li l-evalwazzjoni kwalitattiva tad-diversi servizzi kompetituri baqgħet simili. Għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, dan seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex hija tikkonstata li l-kwalità rispettiva tad-diversi servizzi ta’ tiftix u browsers kompetituri ma kinitx kriterju determinanti fl-użu tagħhom, peress li kollha kienu joffru servizz li kapaċi jissodisfa d-domanda.

123. Għalhekk, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 583 tas-sentenza appellata, fid-dawl tat-tendenza li tiġi ffriżata s-sitwazzjoni assoċjata mal-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni tal-FDAM u fl-assenza ta’ prova tal-impatt preċiż tal-kwalità superjuri allegata minn Google fir-rigward tal-applikazzjonijiet ġenerali ta’ tiftix u browser tagħha, il-Kummissjoni ġustament qieset li l-kwoti tal-użu ta’ Google jikkorroboraw il-“vantaġġ tal-istatus quo” marbut mal-preinstallazzjoni.

–       Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest

124. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 596 tas-sentenza appellata, li Google ma kinitx stabbilixxiet li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha fl-evalwazzjoni tal-aġir kontenzjuż.

iii) Evalwazzjoni

125. Kuntrarjament għal dak li ssostni Google, fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, li ma humiex ikkontestati b’mod validu minn Google, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina wkoll mhux biss jekk il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni kkontestati setgħux jirrestrinġu l-kompetizzjoni, iżda wkoll jekk dawn kellhomx il-kapaċità li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni, speċjalment fuq il-kompetituri daqstant effiċjenti bħal Google.

126. Bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk każijiet ta’ rbit bħal dak deskritt fil-punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet jeżiġux ġeneralment il-prova tal-eżistenza ta’ effetti (potenzjalment) antikompetittivi, bħala prinċipju huwa neċessarju, sabiex tintwera n-natura abbużiva ta’ prattika ta’ esklużjoni, l-ewwel, li din il-prattika tkun ibbażata fuq l-użu ta’ mezzi li jaqgħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetizzjoni fuq il-merti u, it-tieni, li din il-prattika kellha l-kapaċità li tipproduċi effetti ta’ esklużjoni (52).

127. Għalkemm dawn iż-żewġ aspetti huma kundizzjonijiet li jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ prattika (53), f’ċerti ċirkustanzi, l-użu minn impriża f’pożizzjoni dominanti ta’ riżorsi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-mertu jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż (54).

128. L-analiżi tal-kapaċità ta’ kompetitur ipotetiku (55), daqstant effikaċi, iżda mhux dominanti, li jirreplika l-aġir kontenzjuż ġiet żviluppata għal każijiet li fihom tali analiżi tagħmel sens sabiex jiġi eżaminat jekk dan l-aġir għandux jitqies li huwa bbażat fuq l-użu ta’ mezzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetizzjoni u/jew jekk jistax jipproduċi effetti antikompetittivi (56). Din l-analiżi, inizjalment żviluppata fil-forma tat-test AEC għall-prattiki marbuta mal-prezzijiet (57), tista’, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tkun rilevanti kemm għall-prattiki marbuta mal-prezzijiet kif ukoll għall-prattiki mhux marbuta mal-prezzijiet, skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi (58).

129. Skont il-ġurisprudenza, meta impriża tipprovdi lil awtorità tal-kompetizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, provi f’dan is-sens, din l-awtorità għandha tevalwa dawn il-provi u, jekk ikun il-każ, tindika r-raġunijiet għalfejn hija ma tqishomx rilevanti (59). Bl-istess mod, meta l-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha fuq test AEC, il-Qorti Ġenerali għandha tevalwa l-argumenti mressqa mill-impriża f’dan ir-rigward (60). Madankollu, fil-kawża ineżami, ma jidhirx li Google pproduċiet tali provi fir-rigward tal-FDAM matul il-proċedura amministrattiva u li l-Kummissjoni ma evalwatx b’mod korrett dawn il-provi, u lanqas li l-Kummissjoni nnifisha ma bbażat ruħha fuq test AEC li ma tteħidx debitament inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

130. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza diġà rrikonoxxiet li l-analiżi ta’ prattika fid-dawl tal-effetti tagħha fir-rigward tal-kompetituri daqstant effiċjenti hija biss metodu fost oħrajn sabiex jiġi evalwat jekk prattika tistax tipproduċi effetti ta’ esklużjoni. Konsegwentement, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma jistgħux ikunu obbligati legalment li jużaw dan il-metodu f’kull każ (61).

131. Iktar u iktar, mill-ġurisprudenza jirriżulta li jista’ jkun hemm każijiet fejn sempliċement ma jkunx jagħmel sens li l-analiżi tan-natura antikompetittiva ta’ prattika tkun ibbażata fuq il-kwistjoni dwar jekk kompetitur ipotetiku jistax jirriproduċi dan l-aġir. Dan huwa speċjalment il-każ meta tali analiżi ma tkunx xierqa għaliex l-istruttura tas-suq tirrendi prattikament impossibbli d-dħul jew il-preżenza kontinwa ta’ kompetitur daqstant effiċjenti jew ir-replikazzjoni tal-aġir inkwistjoni minn dan il-kompetitur.

132. Fi kliem ieħor, jekk ma jistax ikun hemm kompetitur ipotetiku daqstant effikaċi bħall-impriża dominanti jew jekk kompetitur ma jkunx jista’ jikkompeti mill-bidu, ikun kemm ikun effiċjenti, mela effettivament ma jkun jagħmel ebda sens li jiġi analizzat id-dannu tal-aġir tal-impriża dominanti fir-rigward tal-effiċjenza tal-kompetituri (ipotetiċi) tagħha. Tali sitwazzjoni tista’ teżisti, pereżempju, fil-każ ta’ suq fejn l-impriża dominanti jkollha sehem mis-suq kbir ħafna, ikollha vantaġġi strutturali sostanzjali jew fejn ikun hemm ostakoli kbar għad-dħul (62).

133. Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, fil-kawża ineżami, is-swieq rilevanti jaqgħu taħt l-ekonomija diġitali, fejn varjabbli bħall-innovazzjoni, l-aċċess għad-data, l-aspetti multidimensjonali, l-imġiba tal-utenti jew l-effetti ta’ network għandhom rwol importanti. F’tali “ekosistema” diġitali, li tiġbor flimkien diversi kategoriji ta’ fornituri, klijenti u konsumaturi u toħloq interazzjonijiet bejniethom fuq pjattaforma, il-prodotti jew is-servizzi li huma parti mis-swieq rilevanti li jiffurmaw din l-ekosistema jistgħu jissovrapponu jew ikunu interkonnessi minħabba l-komplementarjetà orizzontali jew vertikali tagħhom (63). Dawn is-swieq huma kkaratterizzati minn ostakoli kbar għad-dħul u minn interazzjonijiet kumplessi li jinfluwenzaw u jiddeterminaw lil xulxin (64).

134. Minn dan isegwi li, fil-kawża ineżami, ma huwiex realistiku li s-sitwazzjoni ta’ Google titqabbel ma’ dik ta’ kompetitur ipotetiku daqstant effiċjenti. Fil-fatt, Google kellha pożizzjoni dominanti f’diversi swieq tal-ekosistema tal-Android (65) u għalhekk setgħet tibbenefika minn effetti ta’ network li jippermettulha tiżgura li l-utenti kienu jużaw Google Search. Konsegwentement, hija kisbet aċċess għal data li, min-naħa tagħha, ippermettitilha ttejjeb is-servizz tagħha. L-ebda kompetitur ipotetiku daqstant effiċjenti ma seta’ jsib ruħu f’sitwazzjoni bħal din.

135. Li jkun meħtieġ, f’dawn iċ-ċirkustanzi, paragun bejn Google u kompetitur ipotetiku daqstant effiċjenti jippreġudika l-projbizzjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi wkoll il-prattiki li għandhom l-effett jew l-għan attwali jew potenzjali li jipprekludu, fi stadju iktar bikri, lil impriżi potenzjalment kompetituri saħansitra milli jidħlu fis-suq u, b’dan il-mod, jipprekludu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fih. Tali prattika tista’ b’mod partikolari tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ ostakoli għad-dħul jew fl-użu ta’ miżuri oħra ta’ mblukkar jew ta’ mezzi oħra differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-mertu (66).

136. Dan japplika wkoll għall-kompetituri li diġà huma attivi fis-suq iżda li (għadhom) ma humiex daqstant effiċjenti. Fil-fatt, speċjalment fis-swieq fejn l-ostakoli għad-dħul huma għoljin, fejn il-kompetizzjoni hija diġà mdgħajfa minħabba l-preżenza tal-impriża dominanti, din tal-aħħar jista’ jkollha rwol importanti fl-għan li żżomm il-kompetizzjoni (67).

137. Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li jista’ jkun hemm każijiet fejn ma jkunx possibbli li jiġi analizzat jekk l-imġiba tal-klijenti jew tal-utenti hijiex attribwibbli għall-karatteristiċi kwalitattivi tas-servizzi jew tal-prodotti tal-impriża dominanti. Dan japplika meta d-deċiżjoni tal-utenti favur l-impriża dominanti tkun diġà influwenzata mill-aġir ta’ din tal-aħħar li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetizzjoni fuq il-mertu u għalhekk ikun distort.

138. B’hekk, fis-sentenza Servizio Elettrico Nazionale et, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, f’każ fejn jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-mod kif il-klijenti jew l-utenti jkunu għamlu l-għażla tagħhom kien ippreġudikat sabiex jiffavorixxi impriża dominanti għad-detriment tal-kompetituri tagħha, l-eżistenza ta’ tali preġudizzju kienet tipprekludi l-konstatazzjoni li din l-għażla kienet attribwibbli għall-prestazzjoni aqwa tal-impriża dominanti. Fil-fatt, is-sempliċi eżistenza ta’ dan il-preġudizzju tagħmilha, mid-definizzjoni tagħha stess, impossibbli li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi għad-differenzi. F’każ fejn id-distorsjoni hija attribwibbli għall-aġir tal-impriża dominanti, id-differenza fir-rigward tan-numru ta’ klijenti jew ta’ utenti għandha għalhekk tiġi attribwita lill-impriża dominanti (68).

139. Minn dan isegwi li, f’każ fejn jiġi stabbilit li l-imġiba tal-klijenti ġiet influwenzata b’mod diskriminatorju, dan huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-aġir kontenzjuż jista’ jipproduċi effetti ta’ esklużjoni (69). Dan għandu japplika a fortiori fil-każ ta’ strateġija ta’ rbit bħal dik inkwistjoni fil-kawża ineżami.

140. Għaldaqstant, f’tali każ, sabiex tiġi stabbilita n-natura antikompetittiva tal-aġir kontenzjuż, la huwa neċessarju, la possibbli u lanqas utli li jiġi analizzat jekk dan l-aġir setax ukoll jintwera minn kompetitur ipotetiku daqstant effikaċi.

141. Għalhekk, fil-kawża ineżami, kif enfasizza notevolment u b’mod konvinċenti l-BEUC waqt is-seduta, l-ebda kompetitur ipotetiku ma seta’ jkun “effiċjenti” daqs Google fir-rigward tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali, peress li ħadd ma seta’ jikkumpensa l-vantaġġ tal-preinstallazzjoni. Bl-istess mod, prattikament l-ebda kompetitur ma seta’ jikseb il-preinstallazzjoni, peress li ħadd ma kellu pożizzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ Google fis-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet bħall-Play Store.

142. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li prattika għandha titqies li taqa’ lil barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetizzjoni fuq il-mertu jekk tkun ibbażata fuq l-użu ta’ riżorsi inerenti għaż-żamma ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, ebda kompetitur ipotetiku ma jista’ jadotta tali prattika, anki jekk kien daqstant effiċjenti, peress li ma għandux pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti (70).

143. Mill-konstatazzjonijiet miġbura fil-qosor fil-punti 109 sa 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li Google ma tikkontestax, b’mod issostanzjat, il-kunċett tal-mod li bih l-utenti jiddeċiedu li jużaw is-servizzi ta’ Google iktar milli s-servizzi kompetituri ġie distort minħabba l-vantaġġ mogħti lil Google mill-preinstallazzjoni li ma setgħetx tiġi kkumpensata mill-kompetituri tagħha. Il-preinstallazzjoni tal-applikazzjonijiet ta’ Google, min-naħa tagħha, ġiet implimentata mill-OEMs għaliex dan kien neċessarju sabiex tinkiseb liċenzja għall-Play Store indispensabbli, li fir-rigward tiegħu Google kellha pożizzjoni dominanti.

144. Għalhekk, ġie stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-għażla tal-utenti kienet distorta minħabba l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni, li Google kisbet billi użat mezz li ma jaqax fil-kamp tal-applikazzjoni tal-kompetizzjoni fuq il-mertu. Dan huwa biżżejjed, minn naħa, sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet inkwistjoni setgħu jipproduċu effetti ta’ esklużjoni abbużivi u, min-naħa l-oħra, sabiex jagħmilha impossibbli li wieħed ikun jaf jekk l-għażla tal-utenti kinitx (ukoll) dovuta għall-kwalità allegatament superjuri tal-applikazzjonijiet ta’ Google.

145. Għaldaqstant, l-allegazzjoni ta’ Google li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma talbitx il-prova li l-effetti ta’ esklużjoni tal-FDAM ma kinux dovuti għall-kwalità superjuri ta’ Google u li kienu kapaċi jeskludu kompetituri daqstant effiċjenti (it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju) għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq l-irbit tal-applikazzjoni Google Search u tal-Play Store

146. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li għadhom kif ġew żviluppati, l-allegazzjonijiet speċifiċi ta’ Google dwar l-allegat żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ma analizzatx jekk is-sett Google Search-Play Store kienx kapaċi jeskludi servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetituri daqstant effiċjenti ma għandhom l-ebda possibbiltà li jirnexxu. Konsegwentement, ser nindirizza dawn l-argumenti fil-qosor biss b’mod sussidjarju.

147. L-ewwel, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kopertura tas-suq tal-prattika kontenzjuża. Analiżi tal-kopertura tas-suq hija meħtieġa fi kwalunkwe każ f’każ ta’ abbuż ta’ esklużjoni. Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet dan fir-rigward tal-FTD. B’dan il-mod, hija kkonkludiet b’mod illoġiku li l-kopertura tas-suq tal-FDAM kienet sinjifikattiva, filwaqt li qieset li kopertura tas-suq simili kienet insuffiċjenti fil-każ tal-FTD.

148. Madankollu, dan it-tip ta’ argument ma jistax jikkontesta l-validità tal-approċċ tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, peress li l-każijiet ta’ rbit inkwistjoni mingħajr dubju jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetizzjoni fuq il-merti minħabba l-karatteristiċi tagħhom kif stabbiliti mill-Qorti Ġenerali, l-analiżi tal-kopertura tagħhom tas-suq, li, fi kwalunkwe każ, ġiet żviluppata għall-prattiki marbuta mal-prezzijiet, ma kinitx meħtieġa fil-kawża ineżami sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ dawn il-prattiki (71).

149. It-tieni, Google ssostni mill-ġdid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Google Search, l-approċċ tal-Kummissjoni li skontu ma kienx neċessarju li jiġi stabbilit l-effett ta’ esklużjoni tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni b’riferiment għall-kompetituri daqstant effiċjenti.

150. Dan l-argument għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 125 sa 145 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, Google, fi kwalunkwe każ, ma tikkontestax fl-appell tagħha l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, miġbura fil-qosor fil-punti 118, 121 u 122 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li skonthom, għall-utenti, ma kinitx biss il-kwalità li kellha rwol u li, barra minn hekk, l-evalwazzjoni kwalitattiva tad-diversi servizzi kompetituri baqgħet simili. L-istess japplika għall-konstatazzjonijiet fattwali esposti fil-punti 115 sa 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li skonthom is-servizzi kompetituri ta’ tiftix ma setgħux jikkumpensaw il-“vantaġġ tal-istatus quo”.

151. Finalment, skont Google, il-Qorti Ġenerali naqset inġustament milli tanalizza jekk l-opportunitajiet differenti disponibbli biex jintlaħqu l-utenti (preinstallazzjoni flimkien mal-applikazzjoni ta’ Google kif ukoll it-tniżżil u l-aċċess permezz tal-browser), mhux biss b’mod iżolat, iżda wkoll flimkien, setgħux jippermettu lill-kompetituri daqstant effiċjenti jibqgħu kompetittivi.

152. Madankollu, dan l-argument jammonta wkoll għal tentattiv li tinkiseb evalwazzjoni ġdida tal-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, li ma humiex, bħala tali, ikkontestati minn Google. Barra minn hekk, Google ma tispjegax x’kien ikun, b’mod speċifiku, il-valur miżjud ta’ analiżi tal-opportunitajiet li jifdal “flimkien” meta mqabbla mal-analiżi ta’ dawn l-opportunitajiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali.

3)      Fuq l-irbit ta’ Chrome mal-Play Store u Google Search

153. L-argumenti speċifiċi mressqa minn Google dwar l-opportunitajiet għall-kompetituri daqstant effiċjenti li jikkumpensaw il-vantaġġ maħluq mill-irbit tal-browser Chrome mal-Play Store u Google Search lanqas ma jistgħu jikkontestaw il-konstatazzjonijiet stabbiliti iktar ’il fuq.

154. L-ewwel, skont Google, il-Qorti Ġenerali analizzat il-legalità tal-irbit ta’ Chrome b’riferiment għal suq ġeografiku differenti minn dak iddefinit fid-deċiżjoni kontenzjuża. B’dan il-mod, hija la analizzat il-kopertura tas-suq tal-prattika kontenzjuża, la l-vantaġġ mogħti lil Google mill-preinstallazzjoni, u lanqas il-kwistjoni dwar jekk l-opportunitajiet rimanenti tal-kompetituri kinux jeskludu l-konstatazzjoni ta’ esklużjoni.

155. Dan l-argument ma jistax jirnexxi, peress li huwa bbażat fuq il-premessa li l-kopertura tas-suq tas-sett Chrome-Play Store u Google Search kien kellha tiġi stabbilita sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ din il-prattika. Madankollu, kif ġie espost fil-punt 148 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ma kienx neċessarju fil-kawża ineżami.

156. It-tieni, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali ttrasponiet b’mod żbaljat il-konklużjonijiet dwar l-irbit ta’ Google Search b’analoġija għall-irbit ta’ Chrome.

157. Madankollu, l-argumenti mressqa minn Google insostenn ta’ din il-kritika huma inammissibbli, peress li huma intiżi li jiksbu evalwazzjoni ġdida mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-differenzi fattwali bejn l-implikazzjonijiet u l-effetti tal-preinstallazzjoni ta’ Google Search u ta’ Chrome. Barra minn hekk, Google la turi żnaturament u lanqas żball ta’ liġi fl-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 439 sa 465 tas-sentenza appellata, li skonthom is-servizzi tal-browsers kompetituri ma setgħux jikkumpensaw il-vantaġġ mogħti mill-preinstallazzjoni ta’ Chrome minkejja li kien hemm iktar kompetizzjoni relatata mal-browsers milli mas-servizzi ta’ tiftix ġenerali.

c)      Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni tal-FDAM

158. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Google ma rnexxilhiex tirrileva żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-argumenti li hija kienet ressqet fl-ewwel istanza fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM. Konsegwentement, l-ewwel żewġ aggravji għandhom jiġu miċħuda.

2.      Fuq l-evalwazzjoni tal-FAF (it-tielet u r-raba’ aggravju)

159. Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali kitbet mill-ġdid il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-FAF u evalwat b’mod żbaljat ir-rabta bejn dawn il-ftehimiet u l-allegati effetti tagħhom (a). Skont ir-raba’ aggravju, il-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod żbaljat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma taċċettax il-ġustifikazzjonijiet ta’ Google għall-obbligi li jinsabu fil-FAF meqjusa abbużivi (b).

a)      Fuq il-portata tal-abbuż relatat mal-FAF u l-effetti tiegħu (it-tielet aggravju)

160. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Google tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli interpretat mill-ġdid l-aġir abbużiv ikkonstatat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-FAF (ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet) (1) u talli attribwixxiet l-allegati effetti ta’ esklużjoni għal aġir li ma kienx ġie meqjus abbużiv mill-Kummissjoni (2).

1)      Fuq l-istabbiliment tal-aġir kontenzjuż fir-rigward tal-FAF (l-ewwel parti tat-tielet aggravju)

161. Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali espandiet il-konstatazzjoni ta’ abbuż tal-FAF u wettqet żball ta’ liġi billi inkludiet prattika leġittima fl-aġir meqjus abbużiv.

162. Kif ġie espost fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex jiksbu liċenzja għall-Play Store u Google Search, l-OEMs kellhom jikkonkludu FAF. B’dan il-mod, huma impenjaw ruħhom li ma jbigħux apparati li jaħdmu b’verżjonijiet ta’ Android mhux approvati minn Google. Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-FDAM kienet possibbli biss wara li ġie konkluż FAF.

163. Il-Qorti Ġenerali spjegat, fil-punti 806 sa 808 tas-sentenza appellata, li l-FAF kien jipprevedi l-obbligu li jiġi osservat standard ta’ kompatibbiltà minima għall-implimentazzjoni tal-kodiċi tas-sors tal-Android.

164. Dan l-obbligu kien ikopri l-apparati kollha mibjugħa minn OEM li kkonkluda FAF jekk dawn l-apparati kienu jaħdmu bl-Android jew fork tal-Android (72). Sabiex tiġi pprovata l-kompatibbiltà tagħhom mal-istandards preskritti, l-apparati kellhom jgħaddu minn testijiet. Il-forks tal-Android li kienu għaddew minn dawn it-testijiet ġew ikklassifikati bħala “forks tal-Android kompatibbli” mill-Qorti Ġenerali, filwaqt li l-forks tal-Android li ma kinux ġew ittestjati jew li ma kinux għaddew mit-testijiet ġew ikklassifikati bħala “forks tal-Android mhux kompatibbli” (73).

165. Kif ippreċiżat il-Qorti Ġenerali fil-punti 810, 811 u 828 tas-sentenza appellata, in-natura abbużiva tal-FAF ġiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kontenzjuża biss sa fejn dawn kienu jimponu fuq l-OEMs l-obbligu li jiżguraw il-kompatibbiltà mal-istandards preskritti tal-apparati kollha mibjugħa minnhom u li l-OS tagħhom kienet Android jew fork tal-Android, inklużi l-apparati li fuqhom l-applikazzjonijiet ta’ Google ma kinux preinstallati. Fi kliem ieħor, il-FAF tqiesu li kienu abbużivi biss sa fejn kienu jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ apparati portabbli intelliġenti b’forks tal-Android mhux kompatibbli bħala OS anki jekk l-ebda applikazzjoni Google ma kienet preinstallata fuq dawn l-apparati.

166. Skont il-Qorti Ġenerali, dan irriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni kienet qieset li l-obbligi ta’ kompatibbiltà kienu ġġustifikati fil-każ ta’ apparati portabbli intelliġenti li fuqhom kienu preinstallati l-applikazzjonijiet ta’ Google.

167. Issa Google tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kitbet mill-ġdid dawn il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u li estendiethom għal prattika li bl-ebda mod ma kienet meqjusa abbużiva mill-Kummissjoni.

168. Fil-fatt, Google ssostni li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kklassifikat biss bħala abbużiv l-obbligu għall-OEMs li josservaw l-obbligi ta’ kompatibbiltà tal-FAF sabiex jiksbu liċenzja għall-Play Store u Google Search. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-prattika abbużiva, pereżempju fil-punti 828 u 864 tas-sentenza appellata, bħala l-prattika “intiża biex ixxekkel l-iżvilupp u l-preżenza fis-suq ta’ apparati li jaħdmu b’fork tal-Android mhux kompatibbli”.

169. Permezz ta’ din l-amplifikazzjoni tal-abbuż ikkontestat, il-Qorti Ġenerali inkludiet b’mod illegali l-prattika leġittima ta’ Google li tikkonsisti fl-għoti ta’ liċenzji għall-interfaċċi ta’ programmazzjoni ta’ applikazzjonijiet proprjetarji tagħha (iktar ’il quddiem l-“APIs” (74)) biss meta dawn jintużaw fuq apparati tal-Android kompatibbli. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tar-rabta kawżali bejn l-allegat abbuż u l-effetti allegati tiegħu.

170. Madankollu, kif toġġezzjona l-Kummissjoni, din il-kritika hija bbażata fuq sommarju ineżatt tas-sentenza appellata.

171. Fil-fatt, fil-punti 812, 815 u 816 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, b’mod partikolari billi rreferiet għall-premessa 1036 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Kummissjoni kienet akkużat lil Google, fil-kuntest tas-sentenza Microsoft vs Il‑Kummissjoni (75) u l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi stabbilit li sett ta’ prodotti jew ta’ obbligi huwa essenzjalment abbużiv (76), li adottat prattika antikompetittiva intiża li ċċaħħad minn swieq kummerċjali l-forks tal-Android mhux kompatibbli. Dan kien dovut b’mod partikolari għall-fatt li, skont id-deċiżjoni kontenzjuża, il-forks tal-Android mhux kompatibbli kienu jikkostitwixxu theddida kompetittiva kredibbli għal Google, l-obbligi antiframmentazzjoni kienu jostakolaw l-iżvilupp ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli, u li l-forks tal-Android kompatibbli ma kinux jikkostitwixxu theddida kompetittiva kredibbli għal Google. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-obbligi inkwistjoni li jirrestrinġu l-kompetizzjoni ssaħħet bl-indisponibbiltà tal-APIs proprjetarji ta’ Google għall-iżviluppaturi tal-forks tal-Android mhux kompatibbli, li naqqset l-inċentiv għall-iżviluppaturi biex jiddisinjaw applikazzjonijiet maħsuba biex jaħdmu fuq tali OS.

172. Il-Qorti Ġenerali kompliet, fil-punt 828 tas-sentenza appellata, billi rrilevat li l-Kummissjoni b’hekk ikkritikat lil Google talli ssuġġettat l-għoti ta’ liċenzji tal-Play Store u Google Search għal sett ta’ obbligi li jirrestrinġu l-libertà tal-OEMs li jixtiequ jiksbu dawn il-liċenzji, preċiżament sa fejn jipprojbixxu lill-OEMs milli jikkummerċjalizzaw kwalunkwe apparat ieħor li jaħdem b’fork tal-Android mhux kompatibbli. Il-Kummissjoni ma kkontestatx id-dritt ta’ Google li timponi rekwiżiti ta’ kompatibbiltà għall-apparati li fuqhom kienu installati l-applikazzjonijiet tagħha. Madankollu, hija qieset li l-prattika ta’ Google li tipprevjeni l-iżvilupp u l-preżenza fis-suq ta’ apparati li jaħdmu b’fork tal-Android mhux kompatibbli kienet abbużiva. Għalhekk, kien neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni rnexxilhiex tistabbilixxi li, kif ikkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża, Google kienet implimentat prattika intiża li teskludi l-forks tal-Android mhux kompatibbli, u jekk din il-prattika setgħetx tiġi kklassifikata bħala antikompetittiva fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

173. Kuntrarjament għal dak li ssostni Google, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jiżvelaw ebda bidla fid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża.

174. Billi tikkritika dawn il-partijiet tas-sentenza appellata, Google tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, talli indikat l-esklużjoni tal-forks tal-Android mhux kompatibbli bħala l-għan tal-obbligi ta’ kompatibbiltà li jinsabu fil-FAF li kienu tqiesu abbużivi mill-Kummissjoni. Madankollu, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx sostituzzjoni illegali tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda sempliċement ġabret fil-qosor il-kritika essenzjali ta’ din tal-aħħar dwar in-natura abbużiva tal-FAF (77).

175. Mis-sommarju tal-premessa 1036 tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-Qorti Ġenerali, riprodott fil-punt 171 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-korrettezza tagħha ma hijiex ikkontestata minn Google, jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament esponiet f’din il-premessa (u fit-taqsimiet segwenti tad-deċiżjoni kontenzjuża msemmija fil-premessa 1036) li l-obbligi tal-FAF inkwistjoni kienu kapaċi preċiżament jirrestrinġu l-kompetizzjoni peress li kienu jostakolaw l-iżvilupp ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli. Il-Kummissjoni spjegat li dawn tal-aħħar biss kienu jikkostitwixxu theddida għal Google u li l-iżvilupp tagħhom kien ristrett peress li l-OEMs ma baqgħux jikkummerċjalizzawhom, peress li inkella huma ma kinux jistgħu jiksbu liċenzja għall-applikazzjonijiet ta’ Google.

176. Dan jimplika, mil-lat purament loġiku, li l-Kummissjoni akkużat lil Google li adottat prattika il kienet intiża li teskludi forks tal-Android mhux kompatibbli peress li kienu jikkostitwixxu theddida għaliha. Fl-analiżi ta’ jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet dan il-fatt b’mod suffiċjenti, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ma kitbitx mill-ġdid id-deċiżjoni kontenzjuża.

177. Barra minn hekk, fuq eżami iktar mill-qrib, jidher li l-essenza tal-kritika ta’ Google fil-fatt tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 853 sa 856 u 863 tas-sentenza appellata. Hemmhekk, il-Qorti Ġenerali inkludiet il-prattika ta’ Google li kienet tikkonsisti fir-riżerva tal-APIs proprjetarji tagħha għall-forks tal-Android kompatibbli bħala element kuntestwali fl-evalwazzjoni tagħha tal-FAF.

178. Skont Google, il-fatt li l-OEMs kienu jikkummerċjalizzaw biss apparati ta’ Android kompatibbli ma huwiex dovut għall-obbligi kkontestati tal-FAF sabiex tinkiseb liċenzja għall-Play Store u Google Search, iżda għar-rieda tal-OEMs li jkollhom aċċess għall-APIs ta’ Google. Madankollu, il-prattika ta’ Google li dawn l-APIs jiġu rriżervati għal apparati kompatibbli ma kienet ġiet ikkritikata la mill-Kummissjoni u lanqas mill-Qorti Ġenerali.

179. Madankollu, kif spjegajt fil-punti 60, 61, 67 u 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa korrett li tiġi evalwata prattika kkritikata bħala abbużiva fid-dawl tal-kuntest kollu tagħha. Fil-fatt ikun artifiċjali u mhux realistiku li tiġi analizzata prattika f’iżolazzjoni mill-kuntest ġuridiku u fattwali konkret tagħha. B’dan il-mod, l-inklużjoni ta’ element kuntestwali f’din l-evalwazzjoni ma tiddependix fuq jekk l-element innifsu tqiesx abbużiv. Hekk kif FairSearch spjegat b’mod konvinċenti waqt is-seduta, speċjalment fil-kuntest tal-preżenza ta’ impriża dominanti bħal Google, ma jkunx xieraq li jiġu injorati l-kundizzjonijiet tas-suq maħluqa minn din l-impriża stess.

180. Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet aggravju ma hijiex fondata.

2)      Fuq l-attribuzzjoni tal-allegati effetti ta’ esklużjoni (it-tieni parti tat-tielet aggravju)

181. Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, li jsegwi l-argumenti li għadhom kif ġew eżaminati, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta attribwixxiet l-allegati effetti ta’ esklużjoni għall-obbligi ta’ kompatibbiltà kkontestati tal-FAF. Pjuttost, il-fatt li l-OEMs ma kellhom l-ebda inċentiv biex jikkummerċjalizzaw forks tal-Android mhux kompatibbli kien attribwibbli għall-fatt li huma ma setgħux jaċċedu għall-APIs proprjetarji ta’ importanza strateġika ta’ Google.

182. Kieku l-Qorti Ġenerali kienet wettqet analiżi kontrofattwali, kienet issib li, kieku l-obbligi tal-FAF ma kinux jeżistu, il-forks tal-Android mhux kompatibbli kienu jkunu eżattament fl-istess sitwazzjoni: minħabba l-prattika (leġittima) ta’ Google fir-rigward tal-APIs tagħha, dawn kienu bl-istess mod jiġu affaċċjati bil-problema li l-OEMs ma xtaqux jikkummerċjalizzawhom.

183. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet irrikonoxxiet dan il-fatt fl-ispjegazzjonijiet tagħha dwar il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fil-punti 226 sa 233 tas-sentenza appellata. Għalhekk, hija kkonstatat, fil-punt 229, li verżjoni alternattiva ta’ Android setgħet, qabelxejn, ma tkunx kompetitur kredibbli, b’mod partikolari għaliex ir-replikazzjoni tal-applikazzjonijiet proprjetarji ta’ Google (li ma kinux disponibbli għal tali verżjoni) kienet teħtieġ iż-żmien u investiment sinjifikattiv.

184. Għaldaqstant, billi ddeċidiet, fil-punt 893 tas-sentenza appellata, li analiżi kontrofattwali ma kinitx neċessarja għaliex il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet l-effetti antikompetittivi tal-FAF b’mod suffiċjenti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

185. Dan l-argument ma jistax jirnexxi.

186. Kif ġie espost fil-punti 93, 94 u97 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata twettaq analiżi kontrofattwali fi kwalunkwe każ fl-evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi potenzjali jew attwali ta’ prattika. B’mod partikolari, dan ma huwiex meħtieġ meta, mill-bqija, dawn l-effetti jiġu stabbiliti b’mod suffiċjenti. Barra minn hekk, speċjalment fil-kuntest attwali ta’ swieq diġitali kumplessi ħafna, jista’ ma jkunx xieraq li ssir spekulazzjoni dwar għażliet ipotetiċi ta’ azzjoni li l-parteċipanti fis-suq setgħu jieħdu fl-assenza tal-aġir ikkontestat tal-impriża dominanti. L-aħħar iżda mhux l-inqas, kif issostni l-Kummissjoni stess u kif esponiet il-Qorti Ġenerali, pereżempju, fil-punt 850 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tipprova li dan l-aġir kien l-uniku motiv ta’ effett ta’ esklużjoni; huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li dan ikkontribwixxa għal dan l-effett.

187. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-pożizzjoni dominanti ta’ Google li kien hemm riskju li verżjonijiet oħra tal-Android ma kinux inizjalment kompetituri kredibbli, b’tali mod li l-eventwali eżistenza ta’ tali verżjonijiet ma kinitx tikkontesta l-konstatazzjonijiet fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti fis-suq, ma tfissirx li dawn il-verżjonijiet ma eżerċitaw ebda pressjoni kompetittiva fuq Google. Pjuttost, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 844 sa 847, li l-forks tal-Android mhux kompatibbli kienu jikkostitwixxu theddida kompetittiva għal Google, mingħajr ma Google ma tefgħet f’dubju l-provi esposti fihom.

188. Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tielet aggravju għandha wkoll tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tielet aggravju fl-intier tiegħu.

b)      Fuq il-ġustifikazzjoni tal-FAF (ir-raba’ aggravju)

189. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma rrikonoxxietx il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi tal-FAF.

190. Kif esponiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 876 tas-sentenza appellata, aġir ma jkunx abbużiv jekk ikun iġġustifikat minn vantaġġi favur il-kompetizzjoni jew iservi interessi leġittimi, u hija l-impriża dominanti li għandha l-oneru li tipprova li dan huwa effettivament il-każ (78).

191. Madankollu, l-argumenti mressqa minn Google sabiex issostni l-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni ta’ dan huma fil-parti l-kbira tagħhom inammissibbli, peress li huma intiżi li jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma jiġi allegat ebda żnaturament ta’ dawn il-fatti (79). Pjuttost, evalwazzjoni ta’ dawn l-argumenti kif ukoll tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kkontestati fihom juru li Google sempliċement ma setgħetx tistabbilixxi li l-komponenti antikompetittivi kkontestati tal-FAF kienu oġġettivament neċessarji u ġġustifikati.

192. L-ewwel, fil-punt 880 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-kobor attwali tal-Android filwaqt li l-FAF kienu fis-seħħ sabiex jirribattu l-argument li l-obbligi imposti mill-FAF kienu neċessarji għas-sopravivenza ta’ din l-OS fis-suq. Pjuttost, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina kif l-Android seta’ jevolvi mingħajr l-obbligi inkwistjoni.

193. Madankollu, kif diġà ssemma diversi drabi, ma humiex il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali li għandhom jeżaminaw kif is-suq seta’ jevolvi mingħajr l-aġir ikkontestat (80). Fid-dawl tal-assenza ta’ argumenti sostenibbli min-naħa ta’ Google dwar il-ħtieġa konkreta tal-obbligi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat ruħha fuq il-pożizzjoni dominanti ta’ Google u l-kobor tal-Android meta kkonstatat li l-eżempji mogħtija minn Google ta’ OS oħra li jaħdmu bħala “sors miftuħ” ma kinux jagħmlu kredibbli l-allegata theddida għas-sopravivenza tal-Android.

194. It-tieni, skont Google, il-Qorti Ġenerali naqset, b’mod żbaljat, milli tieħu inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu ta’ Google li tipproteġi mhux biss il-verżjonijiet tal-Android kompatibbli mal-applikazzjonijiet ta’ Google minn inkompatibbiltajiet u minn frammentazzjoni, iżda l-ekosistema kollha tal-Android, jiġifieri, anki l-verżjonijiet mingħajr applikazzjonijiet ta’ Google. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti relatati ta’ Google.

195. Din il-kritika hija infondata, peress li l-Qorti Ġenerali evalwat l-argumenti ta’ Google f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fil-punti 882 sa 884, 886 u 889 sa 891 tas-sentenza appellata. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari fil-punt 891, li Google ma kinitx ipprovat il-ħtieġa tal-esklużjoni tal-forks tal-Android mhux kompatibbli għas-sopravivenza tal-“ekosistema tal-Android”.

196. It-tielet, Google tallega li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-obbligi tal-AFA kienu conditio sine qua non sabiex tiġi offruta OS b’sors miftuħ taħt liċenzja mingħajr ħlas. B’dan il-mod, hija ċaħħdet lill-impriżi dominanti mill-possibbiltà li fil-futur iniedu tali “mudell b’sors miftuħ ġestit”; minn issa ’l quddiem, dawn l-impriżi jkunu jistgħu jagħżlu biss bejn mudell magħluq u mudell kompletament b’sors miftuħ.

197. Madankollu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, din il-kritika lanqas ma hija fondata. Fil-fatt, mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 878, 882 u 890 tas-sentenza appellata, jirriżulta li impriża dominanti tibqa’ perfettament intitolata tuża “mudell b’sors miftuħ ġestit” b’restrizzjonijiet proporzjonati u ġġustifikati. Eżempju f’dan ir-rigward huwa l-obbligi ta’ kompatibbiltà tal-FAF għal apparati ma’ applikazzjonijiet ta’ Google, li ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni. Madankollu, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 886 ta’ din is-sentenza, id-dritt għal impriża li tibbenefika mill-benefiċċji ekonomiċi marbuta mas-servizzi li hija tiżviluppa ma jimplikax li għandu jiġi rrikonoxxut lilha d-dritt li tipprekludi lil kull kompetitur milli jeżisti fis-suq.

198. Ir-raba’ u l-aħħar, skont Google, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-argumenti tagħha li jallegaw li strateġija fil-qasam tat-trade marks li tirriżerva t-trade marks “Google” u “Android” għall-apparati kompatibbli, proposta mill-Kummissjoni bħala għażla inqas restrittiva, ma kinitx tikkostitwixxi alternattiva prattikabbli.

199. Dan l-argument huwa inammissibbli, peress li Google tikkritika l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali dwar strateġija ta’ trade marks u tirrepeti l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza f’dan ir-rigward, mingħajr ma tistabbilixxi żnaturament tal-provi jew żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-provi fil-punt 883 tas-sentenza appellata.

200. Fid-dawl ta’ dan kollu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

c)      Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni tal-FAF

201. Għandu jiġi konkluż li Google ma rnexxilhiex tistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali wettqet xi żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-argumenti ta’ Google fl-ewwel istanza dwar in-natura abbużiva tal-obbligi ta’ kompatibbiltà tal-FAF. Għaldaqstant, it-tielet u r-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq il-ksur uniku u kontinwu (il-ħames aggravju)

202. Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha wara li kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet in-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio. Fil-fatt, din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq id-determinazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, kompost minn erba’ ksur distinti (is-sett MADA-Google Search, is-sett MADA-Chrome, il-FAF u l-FTD abbażi ta’ portfolio). Wara li sparixxew l-FTD abbażi ta’ portfolio, element essenzjali u indiviżibbli ta’ dan il-ksur uniku u kontinwu, il-bqija tad-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx tibqa’ tinżamm lanqas.

203. Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli peress li Google ma kkontestatx fl-ewwel istanza l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, u lanqas ma allegat li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata fl-intier tagħha jekk wieħed mill-komponenti tagħha jiġi annullat.

204. Din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda. Huwa minnu li appellant ma jistax jinvoka, fl-istadju tal-appell, motivi u argumenti ġodda li ma kinux is-suġġett ta’ dibattitu fl-ewwel istanza. Madankollu, huwa possibbli li jiġi ppreżentat appell billi jiġu invokati, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravji li rriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (81).

205. Madankollu, il-ħames aggravju ta’ Google huwa ineffettiv fil-mertu.

206. Jekk sensiela ta’ atti jew ta’ aġir kontinwu jagħmlu parti minn “pjan ġenerali” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, dawn jistgħu flimkien jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu (82). Anki jekk dan it-terminu sa issa ntuża prinċipalment sabiex juri l-unità u l-kontinwità tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE mwettaq minn diversi impriżi, dan jista’ jkun rilevanti wkoll fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (83).

207. Fil-kawża ineżami, kif esponiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 18, 64 sa 72 u 1018 sa 1029 tas-sentenza appellata, minħabba l-għan komuni tagħhom u l-effetti kkombinati tagħhom, il-Kummissjoni ddeskriviet ir-restrizzjonijiet inkwistjoni mhux biss bħala erba’ ksur separati, iżda wkoll bħala ksur uniku u kontinwu. Dan speċjalment peress li dawn ir-restrizzjonijiet kienu jagħmlu parti minn strateġija ġenerali ta’ Google intiża sabiex tistabbilixxi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tat-tiftix ġenerali online fi żmien meta l-importanza tal-internet mobbli kienet qiegħda tiżdied b’mod sinjifikattiv. L-għan komuni ta’ din l-istrateġija kien li jiġi żgurat li Google jkollha l-aqwa aċċess possibbli għat-tiftix ġenerali mwettaq mill-konsumaturi fuq l-apparati portabbli intelliġenti.

208. Kif ġustament issostni Google, l-annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni huwa possibbli biss jekk l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-kumplament tal-miżura. Din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta meta l-annullament parzjali ta’ miżura jkollu bħala effett li jbiddel is-sustanza tagħha (84).

209. Madankollu, fil-kawża ineżami, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tar-raba’ ksur fil-forma ta’ FTD abbażi ta’ portfolio ma jbiddilx, kif issostni Google, is-sustanza ta’ din il-miżura fir-rigward tat-tliet ksur l-oħra kif ukoll tal-ksur uniku u kontinwu kkostitwit minnhom.

210. Minn naħa, kif ġie spjegat, b’mod partikolari, fil-punti 60 sa 69 u 179 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-annullament tal-konstatazzjonijiet dwar il-FTD abbażi ta’ portfolio ma jaffettwax il-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tat-tliet ksur l-oħra. Is-sempliċi fatt li dawn il-partijiet l-oħra jibqgħu fis-seħħ jipprekludi l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fl-intier tagħha (85).

211. Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, ikkonfermati mill-Qorti Ġenerali, dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu jibqgħu validi wkoll minkejja l-eliminazzjoni tal-FTD abbażi ta’ portfolio bħala ksur indipendenti.

212. Kif sostniet il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punti 1021 sa 1023 u 1025 tas-sentenza appellata, iċ-ċirkustanzi fattwali tal-ksur stabbilit juru li l-ewwel u t-tieni restrizzjoni inkwistjoni, jiġifieri s-sett MADA-Google Search, is-sett MADA-Chrome u l-FAF, li ġew ikklassifikati bħala tliet ksur distinti, kienu jagħmlu parti minn strateġija ġenerali. Din l-istrateġija kienet tikkonsisti fl-irbit ta’ kundizzjonijiet speċjali mal-użu tal-OS Android, minn naħa, ta’ ċerti applikazzjonijiet u servizzi, min-naħa l-oħra. Din kienet intiża li tantiċipa l-iżvilupp tal-internet mobbli, filwaqt li tippreżerva l-mudell kummerċjali ta’ Google stess, li huwa bbażat fuq id-dħul li hija tikseb essenzjalment mill-użu tas-servizz ġenerali ta’ tiftix tagħha. Fil-kuntest ta’ din l-istrateġija ġenerali segwita minn Google, il-preżervazzjoni tal-pożizzjoni dominanti li hija kellha, matul il-perijodu kollu tal-ksur, fis-swieq nazzjonali għas-servizzi ta’ tiftix ġenerali kellha għalhekk importanza determinanti, li għaliha kkontribwixxew l-ewwel u t-tieni restrizzjoni inkwistjoni.

213. Dawn il-konstatazzjonijiet, li Google ma tikkontestax il-bażijiet fattwali tagħhom, ma jurux żball ta’ liġi fir-rigward tal-konklużjoni li, anki wara l-eliminazzjoni tal-FTD abbażi ta’ portfolio bħala ksur awtonomu, il-FDAM u l-FAF komplew jirrappreżentaw sistema interkonnessa li kienet isservi għall-implimentazzjoni ta’ strateġija ġenerali abbużiva sabiex jintlaħaq għan identiku.

214. Barra minn hekk, mid-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-punti 60 sa 69 u 179 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-FTD abbażi ta’ portfolio, anki jekk ma humiex ikklassifikati bħala ksur indipendenti, kienu komponent indiviżibbli tal-istrateġija ġenerali ta’ Google. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-elementi għall-evalwazzjoni tal-ksur. Kuntrarjament għal dak li ssostni Google, dan japplika kemm fil-kuntest tal-konstatazzjoni ta’ ksur distint kif ukoll f’dak tal-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu (86).

215. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

4.      Konklużjoni dwar l-istabbiliment tal-ksur

216. Peress li ebda wieħed mill-ewwel ħames aggravji ma huwa fondat, għandhom jiġu kkonfermati l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza u l-karatteristiċi tal-ksur.

B.      Il-multa (is-sitt aggravju)

217. Permezz tas-sitt u l-aħħar aggravju tagħha, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet erba’ żbalji ta’ liġi fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward tal-multa. B’dan il-mod, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod korrett l-eliminazzjoni tal-FTD abbażi ta’ portfolio bħala ksur indipendenti waqt il-kalkolu l-ġdid tal-multa, hija de facto żiedet il-multa għall-partijiet l-oħra tal-ksur.

218. Kif stabbilixxiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 19 tas-sentenza appellata, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 4 342 865 000 fuq Google LLC, li minnha EUR 1 921 666 000 huma in solidum ma’ Alphabet Inc. Fid-determinazzjoni ta’ dan l-ammont, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ rilevanti fiż-ŻEE, fir-rigward tal-ksur uniku u kontinwu, li kisbet Google matul l-aħħar sena ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (2017), u applikat koeffiċjent tal-gravità (11 %). Il-Kummissjoni mbagħad immultiplikat l-ammont miksub bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (madwar 7.52) u żiedet miegħu ammont addizzjonali (ekwivalenti għal 11 % tal-valur tal-bejgħ fl‑2017) sabiex tiskoraġġixxi impriżi simili milli jwettqu l-istess prattiki. Il-Kummissjoni qieset ukoll li ma kienx xieraq li jiġi kkonstatat li kien hemm ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti, jew li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kapaċità finanzjarja sinjifikattiva ta’ Google sabiex iżżid jew tbaxxi l-ammont tal-multa.

219. Fil-punti 1016 u 1029 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tan-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio kien jimplika ħtieġa li din id-deċiżjoni tiġi rriformata wkoll sa fejn din stabbilixxiet il-parteċipazzjoni ta’ Google fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE li kienet tikkostitwixxi r-raba’ ksur. Madankollu, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-istabbiliment ta’ ksur uniku u kontinwu bħala parti minn strateġija ġenerali, sostnuta mill-ewwel u mit-tieni parti ta’ dan il-ksur, jiġifieri, il-FDAM u l-FAF, ma kienx illegali.

220. Fil-punti 1036 sa 1112 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sussegwentement esponiet l-aspetti li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tikkalkola l-multa mill-ġdid. B’dan il-mod, hija spjegat li kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-istess valur tal-bejgħ bħall-Kummissjoni (punt 1072), iżda li l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità fiss ta’ 11 % ta’ dan il-valur tal-bejgħ iddeterminat mill-Kummissjoni ma kinitx tirrifletti b’mod suffiċjenti l-implimentazzjoni u l-intensità tal-ksur fil-perijodu rilevanti (punt 1081). Fir-rigward tal-intensità tal-ksur, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn tliet perijodi, jiġifieri mill‑1 ta’ Jannar 2011 sal‑1 ta’ Awwissu 2012, mill‑1 ta’ Awwissu 2012 sal‑31 ta’ Marzu 2014, u mill‑31 ta’ Marzu 2014 sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, fit‑18 ta’ Lulju 2018. Skont il-Qorti Ġenerali, l-intensità tal-ksur kienet partikolarment għolja matul it-tieni perijodu (punti 1082 sa 1094).

221. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ffissat il-multa għal EUR 4 125 000 000 minflok EUR 4 342 865 000, li minnhom EUR 1 520 605 895 in solidum ma’ Alphabet Inc. (punti 1099 u 1100).

222. Qabel ma tindirizza l-kritika ta’ Google f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni Ewropea mill-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (87) skont l-Artikolu 261 TFUE tawtorizza lill-qorti kompetenti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tal-penalità, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penalità imposti (88).

223. Huwa minnu li l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja (89). Madankollu, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea meta twettaq stħarriġ fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha f’dak li jirrigwarda l-multa, il-qrati tal-Unjoni huma obbligati, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, li jeżaminaw kull ilment fuq il-bażi ta’ kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità jew it-tul tal-ksur (90).

224. Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali biss għandha l-ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-mod kif il-Kummissjoni evalwat f’kull każ partikolari l-gravità tal-aġir illegali. Fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, l-ewwel, li jeżamina sa fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir speċifiku fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u, it-tieni, li jqis jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumenti kollha mressqa insostenn tat-talba għall-annullament tal-multa jew għat-tnaqqis tagħha (91).

225. Permezz tal-ewwel ilment tagħha f’dan ir-rigward, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha peress li ma kellhiex l-opportunità li tikkummenta dwar l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu l-ġdid, b’mod partikolari l-intensità allegatament ogħla tal-ksur matul it-tieni perijodu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta kkonstatat li l-perijodu bejn l‑2012 u l‑2014 kien deċiżiv għall-iżvilupp tal-kompetituri ta’ Google.

226. Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ żnaturament tal-provi, din ma hijiex issostanzjata biżżejjed. Fil-fatt, Google ma ssemmi ebda element allegatament żnaturat, iżda sempliċement issostni li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża li t-tranżizzjoni lejn l-internet mobbli seħħet mill‑2007; għalhekk, xejn ma kien jindika li l-perijodu bejn l‑2012 u l‑2014 kien partikolarment importanti għall-kompetituri ta’ Google, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali. Madankollu, fuq il-bażi ta’ din id-dikjarazzjoni ġenerali, ma jistax jiġi kkonstatat żnaturament tal-provi.

227. L-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Google hija wkoll infondata.

228. Sa minn meta rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward ta’ sanzjoni, huwa għandu jkun konxju li l-Qorti Ġenerali tista’ tevalwa din il-penalità fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u tieħu dawk iċ-ċirkustanzi inkunsiderazzjoni meta tikkalkolaha mill-ġdid. L-osservanza tad-drittijiet tad-difiża teħtieġ f’dan il-kuntest li l-partijiet ikunu jistgħu jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom fir-rigward taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, iżda mhux li l-Qorti Ġenerali titlobhom jikkummentaw dwar il-kalkolu mill-ġdid attwalment previst (92). Fil-kawża ineżami, fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza, Google talbet speċifikament lill-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni l-intensità tal-ksur u hija ma tallegax li ma setgħetx tagħmel sottomissjonijiet dwar l-elementi fattwali kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali għal din l-evalwazzjoni.

229. Sussegwentement, permezz tat-tieni lment tagħha, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza peress li bbażat ruħha, fl-evalwazzjoni tal-intensità u t-tul tal-ksur, fuq elementi kuntestwali bħall-FTD, il-politika ta’ Google fir-rigward tal-APIs tagħha jew il-ftehim ta’ Google ma’ Apple, li ma kinux ġew ikklassifikati bħala abbużivi fihom innifishom.

230. Madankollu, diġà spjegajt fil-punti 60 sa 69 u 179 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-elementi kuntestwali ta’ aġir abbużiv, speċjalment meta dawn jirriżultaw minn aġir ieħor tal-impriża dominanti nnifisha, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ksur.

231. Fil-kuntest tat-tielet ilment tagħha, Google ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ne ultra petita peress li applikat il-koeffiċjent ta’ gravità b’mod li ebda waħda mill-partijiet ma kienet talbet.

232. Din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll.

233. Kif diġà spjegajt xi mkien ieħor, il-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, toffrilha wkoll il-possibbiltà li żżid il-multa (93). Ma hemm ebda projbizzjoni ta’ reformatio in peius la fl-ewwel istanza u lanqas fl-appell. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ammont tal-multa, il-qrati tal-Unjoni ma humiex marbuta mit-talbiet tal-partijiet, sakemm jaderixxu mas-suġġett tal-kawża kif iddefinit fir-rikors għal annullament u fl-appell (94). Ma huwiex ikkontestat li dan huwa l-każ fil-kawża ineżami.

234. Finalment, permezz tar-raba’ lment tagħha, Google ssostni li l-multa ffissata mill-Qorti Ġenerali hija sproporzjonata u mmotivata b’mod insuffiċjenti.

235. Dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll.

236. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta tistabbilixxi l-fatturi li ppermettewlha tiddetermina l-gravità u t-tul tal-ksur. Għalkemm hija ma hijiex obbligata tipprovdi ċ-ċifri kollha relatati ma’ kull wieħed mill-istadji intermedjarji tal-metodu ta’ kalkolu, hija madankollu għandha tispjega l-ponderazzjoni u l-evalwazzjoni li hija għamlet tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni. L-obbligu tal-Kummissjoni li timmotiva suffiċjentement ir-rilevanza u l-ponderazzjoni tal-fatturi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina l-metodu li hija ffavorixxiet ma jimplikax li hija obbligata tipprovdi ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa jew li hija obbligata tispjega fid-dettall il-kalkoli interni li hija wettqet (95).

237. L-istess għandu japplika għall-Qorti Ġenerali.

238. Għaldaqstant , wieħed jista’ ċertament jistaqsi għaliex, fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali sempliċiment ma inkludietx fir-raġunament tagħha l-kalkolu li hija kienet wettqet sabiex tikseb l-ammont ikkwantifikat tal-multa fid-dawl tan-natura estiża tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni. Huwa wkoll permess li wieħed ma jogħġbux dan l-approċċ u li jqis li l-preżentazzjoni ta’ dawn il-kalkoli kienet tiċċara r-raġunament tal-Qorti Ġenerali u tiffaċilita x-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, dan ma jfissirx li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali għandu jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

239. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, meta tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Huwa biss fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tal-penalità huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li għandha tikkonstata li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont tal-multa (96).

240. Fil-kawża ineżami, l-ewwel, il-Qorti Ġenerali esponiet b’mod estensiv, f’madwar 80 punt, l-aspetti li hija ħadet inkunsiderazzjoni għall-kalkolu mill-ġdid tal-multa, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-gravità u t-tul tal-ksur kontenzjuż. It-tieni, il-multa l-ġdida, imnaqqsa bi ftit iktar minn EUR 200 000 000 meta mqabbla ma’ dik oriġinali (inizjalment minn EUR 4 342 865 000 sa EUR 4 125 000 000 illum), ma tidhirx, anki fid-dawl tal-eliminazzjoni tal-FTD abbażi ta’ portfolio bħala abbuż indipendenti, eċċessiva sal-punt li hija sproporzjonata. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari fil-punti 1015 sa 1029 tas-sentenza appellata, l-aspetti l-oħra tal-ksur kif ukoll l-istrateġija ġenerali unika u kontinwa tiegħu, li amplifikat l-impatt tiegħu, jippersistu minkejja din l-eliminazzjoni.

241. Minn dan isegwi li lanqas is-sitt aggravju ta’ Google ma jista’ jintlaqa’.

C.      Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni tal-appell

242. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sitt aggravji kollha għandhom jiġu miċħuda u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

V.      Fuq l-ispejjeż

243. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

244. L-ewwel, skont l-Artikolu 138(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu; meta jkun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li l-appellanti tilfu fl-aggravji tagħhom, hemm lok li dawn tal-aħħar jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni. Peress li ppreżentaw l-appell flimkien, huma għandhom ibatu dawn l-ispejjeż in solidum.

245. Sussegwentement, skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent fl-ewwel istanza li jkun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. Peress li l-ADA, iċ-CCIA, Gigaset, HMD u Opera, minn naħa, u l-BDZV, il-BEUC, FairSearch, Qwant, Seznam u VDZ, min-naħa l-oħra, ipparteċipaw fil-fażijiet bil-miktub u/jew orali ta’ din il-proċedura tal-appell, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

VI.    Konklużjoni

246. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

–        tiċħad l-appell.

–        tikkundanna lil Google LLC u lil Alphabet Inc., minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

–        tikkundanna lill-Order Application Developers Alliance, il-BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV, il-Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC), il-Computer & Communications Industry Association, FairSearch AISBL, Gigaset Communications GmbH, HMD global Oy, Opera Norway AS, Qwant, Seznam.cz, a.s. u l-Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: L-Ingliż.


2      Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2022 (T‑604/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:541, punt 54).


3      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 4761 final tat‑18 ta’ Lulju 2018 li tirrigwarda proċeduri skont l-Artikolu 102 [TFUE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.40099 – Google Android) (sommarju jinsab taħt ĠU 2019, C 402, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).


4      Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022 (C‑377/20, EU:C:2022:379).


5      Sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023 (C‑680/20, EU:C:2023:33).


6      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023 (C‑333/21, EU:C:2023:1011).


7      Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024 (C‑48/22 P, EU:C:2024:726).


8      Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2024 (C‑240/22 P, EU:C:2024:915).


9      Punt 120 tas-sentenza appellata, u l-premessi 217 u 402 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


10      Punt 121 tas-sentenza appellata u l-premessa 439 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


11      Punti 274 u 300 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-premessi 752, 753, 1009 u 1010 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


12      Punti 274, 300 u 314 sa 316 tas-sentenza appellata.


13      Punti 803 u 805 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-premessi 1015 u 1016 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


14      Punti 621 u 622 tas-sentenza appellata, u l-premessa 1192 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


15      Punt 38 tas-sentenza appellata.


16      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Jannar 2023, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2023:44)


17      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ April 2023, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2023:44)


18      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google and Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punti 223 sa 230).


19      Ara, dwar dan il-kriterju, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs Intel Corporation (C‑240/22 P, EU:C:2024:915, punt 90).


20      Ara l-punti 623 u 631 tas-sentenza appellata.


21      Premessi 1195 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża u punt 637 tas-sentenza appellata.


22      Ara l-premessi 1225 sa 1271 tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll il-punti 700 sa 711, 733 u 734 tas-sentenza appellata.


23      Ara l-punti 679 sa 698 u 733 sa 802 tas-sentenza appellata.


24      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 197 u 1292 tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll il-punti 452, 632, 633 u 1090 tas-sentenza appellata.


25      Ara l-punti 419 sa 538 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punti 426, 428, 434, 443, 446 sa 452, 457, 480, 481, 494, 495 u 537.


26      Punti 451, 452, 1018 u 1019 tas-sentenza appellata, li jirreferu għall-premessa 822 u għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 908 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


27      Sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 72); tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.  Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 40, 44, 52 u 62); tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 130); tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punti 166 u 168); u tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs Intel Corporation (C‑240/22 P, EU:C:2024:915, punti 179 u 331).


28      Sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 70); tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.  Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 43).


29      Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012 (C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 140).


30      Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022 (C‑698/19 P, EU:C:2022:480, punti 64 u 80).


31      Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024 (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punti 170 sa 172 u 240 sa 247).


32      Punti 451 u 452 tas-sentenza appellata; ara wkoll il-punti 495 u 537 ta’ din is-sentenza.


33      Ara l-punti 112 sa 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Ara l-punti 336 sa 338 u 565 tas-sentenza appellata.


35      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, paragrafi 240 sa 247), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑48/22 P, EU:C:2024:14, punti 177 sa 182).


36      Punt 428 tas-sentenza appellata.


37      Ara, f’dan il-kuntest, il-punti 332 u 333 tas-sentenza appellata.


38      Ara l-punt 330 tas-sentenza appellata.


39      Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Global Silicones Council et vs ECHA (C‑559/21 P, EU:C:2023:842, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punti 38 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Ara, f’dan is-sens, ibid.


42      Ara d-digriet tad‑29 ta’ Settembru 2010, EREF vs Il‑Kummissjoni (C‑74/10 P u C‑75/10 P, EU:C:2010:557, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punti 223 sa 229).


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 98 sa 102).


45      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Servier et (C‑176/19 P, EU:C:2024:549, punt 353).


46      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata.


47      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs Intel Corporation (C‑240/22 P, EU:C:2024:915, punt 26).


48      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni (C‑333/94 P, EU:C:1996:436, punt 37); tat‑12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il‑Kummissjoni (T‑30/89, EU:T:1991:70, punti 100 u 101); u tas‑6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni (T‑83/91, EU:T:1994:246, punti 136 u 137).


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 78 u 91 et seq.).


50      Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007 (T‑201/04, EU:T:2007:289, punti 857, 867 sa 869, 977 u 1034 sa 1058).


51      Punti 336 sa 493 tas-sentenza appellata.


52      Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 61), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos f’Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2021:998, punti 42 sa 46).


53      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos f’Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2021:998, punti 47 sa 50).


54      Sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 78), u tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 39 u 57). Ara wkoll is-sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs Il‑Kummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punt 91), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 134 sa 138, 147, 148 u 152). Ara, barra minn hekk, is-sentenza (sussegwentement annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja) tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Intel vs Il‑Kummissjoni (T‑286/09, EU:T:2014:547, punti 198 sa 210); il-kwistjoni issa terġa’ tqum fil-kawża pendenti T‑1129/23.


55      L-analiżi tirrigwarda kompetituri daqstant effikaċi ipotetiċi u mhux il-kompetituri attwali tal-impriża f’pożizzjoni dominanti; ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 78, 79, 82, 91 u 101); tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 56 u 59); u tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs Intel Corporation (C‑240/22 P, EU:C:2024:915, punti 311 u 343).


56      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 82), u tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs Intel Corporation (C‑240/22 P, EU:C:2024:915, punt 181).


57      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 40 sa 43); tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 38); tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark  (C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 57 et seq.); tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 56 u 57); u tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs Intel Corporation (C‑240/22 P, EU:C:2024:915, punt 181). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos f’Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2021:998, punt 70).


58      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022 Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 79 sa 83), u tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 59); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos f’Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2021:998, punti 68 sa 71). Ara, madankollu, il-konklużjonijiet tiegħi f’Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑48/22 P, EU:C:2024:14, punt 192 et seq.).


59      Sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 138 u 139), u tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 52 sa 62).


60      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 141 sa 144), u tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 265).


61      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:651, punti 57 u 58); tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 81); tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 57 u 58); u tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 264).


62      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:651, punti 57 sa 61); tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 82) (“meta dan [it-test] jista’ jsir”); tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 57); u tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 266 sa 269). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:343, punti 71 sa 74) u f’Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑48/22 P, EU:C:2024:14, punt 192 et seq.).


63      Ara l-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata.


64      Ara, pereżempju, il-punt 294 tas-sentenza appellata.


65      Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 129 u 131), u tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 167).


67      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi f’Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑48/22 P, EU:C:2024:14, punti 191 sa 198). Ara wkoll il-punt 73 tal-abbozz tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal‑2024 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 [TFUE] għal prattiki ta’ esklużjoni abbużivi mill-impriżi dominanti, kif ukoll il-Policy Brief tal-Persunal ta’ Marzu 2023, intitolat “A dynamic and workable effects-based approach to abuse of dominance”, p. 5 et seq., it-tnejn li huma disponibbli fuq Application of Article 102 TFEU – Kummissjoni Ewropea.


68      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 99); ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 1069).


69      Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 102)


70      Ibid., punti 78, 91 u 101.


71      Ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza esposta fil-punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, f’dan is-sens ukoll, speċjalment fir-rigward tas-swieq diġitali, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 265), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja parzjalment biss tirreferi għas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 138 u 139), mingħajr ma ssemmi b’mod speċifiku l-kriterju tal-kopertura tas-suq li kien dispensabbli f’din il-kawża minħabba l-pożizzjoni dominanti fis-suq ta’ Google.


72      Kif ġie espost fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fork huwa software ġdid stabbilit mill-kodiċi sors tas-software eżistenti.


73      Punt 808 tas-sentenza appellata.


74      API hija sett partikolari ta’ regoli u speċifikazzjonijiet li l-programm ta’ software jsegwi sabiex jaċċessa u juża s-servizzi u r-riżorsi pprovduti minn programm ta’ software jew hardware ieħor li jimplimenta wkoll dik l-API. Essenzjalment, l-APIs jippermettu programmi ta’ software u hardware, jew programmi ta’ software differenti, sabiex jikkomunikaw bejniethom (premessi 89 u 90 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Skont Google, l-APIs jippermettu b’mod partikolari lill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet tal-Android jieħdu vantaġġ mis-servizzi proprjetarji ta’ Google, bħal Google Maps.


75      Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007 (T‑201/04, EU:T:2007:289).


76      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


77      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punti 70 sa 73).


78      Sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni (27/76, EU:C:1978:22, punt 184); tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punti 40 sa 42); u tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 165 sa 167).


79      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 79 u 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


80      Ara l-punti 97 u 186 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81      Sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 102).


82      Sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 81); tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 258); u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41).


83      Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ April 2024, Heureka Group (Tqabbil tax-xiri online) (C‑605/21, EU:C:2024:324, punti 62 u 79), u tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punti 891 sa 895); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Heureka Group (Tqabbil tax-xiri online)  (C‑605/21, EU:C:2023:695, punti 90 u 91).


84      Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punti 35 sa 39).


85      Ara, f’dan is-sens, ibid., punti 51 u 52.


86      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Sony Optiarc u Sony Optiarc America vs Il‑Kummissjoni (C‑698/19 P, EU:C:2022:480, punti 64 u 80).


87      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


88      Sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 692); tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63); u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 193).


89      Sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64); tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 213); u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 194).


90      Sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 200); tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch Austria vs Il‑Kummissjoni (C‑626/13 P, EU:C:2017:54, punt 82);u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 195).


91      Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128); tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 244); u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 192).


92      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni (C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punti 158, 159 u 180 sa 183).


93      Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni (C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 61).


94      Ara l-konklużjonijiet fil-kawżi magħquda Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2014:2439, punt 273).


95      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Iacp et (C‑39/18 P, EU:C:2019:584, punti 31 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


96      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punti 197 u 198 u l-ġurisprudenza ċċitata).