IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.7.2024
COM(2024) 282 final
2024/0156(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rieżami tal-Artikolu 6 tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-kuntest tar-rieżami tal-Artikolu 6 tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”).
2.Kuntest tal-proposta
2.1.L-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati
L-Arranġament huwa ftehim informali bejn l-UE, l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Awstralja, New Zealand, it-Turkija u r-Renju Unit (il-“Parteċipanti”), li jipprovdi qafas għall-użu ordnat ta’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. Fil-prattika dan ifisser li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-Parteċipanti (li permezz tagħhom il-kompetizzjoni tkun ibbażata fuq il-prezz u l-kwalità tal-prodotti u s-servizzi esportati u mhux fuq it-termini finanzjarji offruti) u ħidma biex jiġu eliminati s-sussidji u d-distorsjonijiet kummerċjali relatati ma’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. L-Arranġament daħal fis-seħħ f’April 1978, huwa għal durata indefinita u, għalkemm jirċievi s-sostenn amministrattiv tas-Segretarjat tal-OECD, mhuwiex Att tal-OECD.
L-Arranġament huwa soġġett għal aġġornamenti regolari, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tas-suq finanzjarju u tal-politika li jaffettwaw l-għoti ta’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. L-Arranġament ġie traspost, u għalhekk sar legalment vinkolanti fl-UE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Ir-reviżjonijiet tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-Arranġament huma inkorporati fid-dritt tal-UE permezz ta’ Atti Delegati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011.
2.2.Il-Parteċipanti fl-Arranġament u t-teħid tad-deċiżjonijiet
Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta lill-Unjoni fil-laqgħat tal-Parteċipanti, kif ukoll fil-proċeduri bil-miktub għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Parteċipanti. Id-deċiżjonijiet kollha dwar l-emendi tal-Arranġament jittieħdu b’kunsens.
2.3.L-att previst tal-Parteċipanti
Qed jiġi diskuss rieżami b’mandat tal-Artikolu 6 tal-Arranġament fil-livell tal-Parteċipanti fl-Arranġament, abbażi tal-proposti mill-Unjoni u għadd ta’ Parteċipanti oħra. Dawn il-proposti jikkondividu l-għan li l-Arranġament jiġi allinjat mal-għanijiet klimatiċi internazzjonali billi tiġi estiża projbizzjoni eżistenti fuq l-appoġġ għal impjanti ta’ produzzjoni tal-enerġija bil-faħam b’emissjonijiet mhux imnaqqsa fl-Artikolu 6 għas-settur tal-enerġija mill-fjuwils fossili kollu kemm hu, ħlief f’ċirkostanzi limitati u definiti b’mod ċar.
Il-bidla hija appoġġata mill-evidenza xjentifika. Skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) fl-analiżi tagħha “Netti Żero sal-2050”, jenħtieġ li ma jsir ebda investiment ġdid fil-provvista tal-fjuwils fossili wara l-2021 f’perkors ta’ emissjonijiet żero netti. Barra minn hekk, diġà ttieħdu impenji biex isiru l-bidliet ta’ politika meħtieġa minn ħafna gvernijiet tal-OECD u aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni b’modi differenti: fil-livell nazzjonali, bl-adozzjoni ta’ politiki ta’ eliminazzjoni gradwali, kif ukoll f’dikjarazzjonijiet multilaterali bħad-Dikjarazzjoni tal-COP 26 dwar l-Appoġġ Pubbliku Internazzjonali għat-Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa. F’April 2023, il-Ministri tal-G7 għall-Klima, l-Enerġija u l-Ambjent fakkru fl-impenn tagħhom li jallinjaw il-finanzjament internazzjonali uffiċjali mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li nnutaw ukoll il-ħtieġa li jitqiesu s-sigurtà nazzjonali u l-interessi ġeostrateġiċi. Il-valur tal-analiżi tal-AIE, flimkien ma’ dak tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ġie rikonoxxut mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ Marzu 2022 li jiddikjaraw li l-Istati Membri, sa tmiem l-2023, jistabbilixxu “l-iskadenzi tagħhom ibbażati fuq ix-xjenza għat-tmiem tal-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati għal proġetti fis-settur tal-enerġija mill-fjuwils fossili, sakemm mhux f'ċirkostanzi limitati u definiti b'mod ċar li huma konsistenti ma' limitu ta' tisħin ta' 1.5°C u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi.”
L-att previst jistabbilixxi regola ġenerali li l-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u l-għajnuna marbuta ma jistgħux jingħataw għas-settur tal-enerġija tal-fjuwils fossili sakemm mhux f’ċirkostanzi limitati u definiti b’mod ċar li jkunu konsistenti ma’ limitu ta’ tisħin ta’ 1.5°C u mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Hu ma jistabbilixxix in-natura ta’ dawk iċ-ċirkostanzi iżda jħalli diskrezzjoni lill-Parteċipanti fl-approċċ tagħhom. Id-dixxiplina dwar l-użu ta’ din il-flessibbiltà tkun żgurata permezz tal-obbligi ta’ trasparenza.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Peress li huwa kruċjali li l-komunità ta’ kreditu għall-esportazzjoni tal-OECD tittraduċi b’mod adegwat l-objettivi tal-politika dwar il-klima fir-regoli tal-Arranġament u f’miżuri prattiċi, l-Unjoni se tinsisti għal ftehim dwar din l-eliminazzjoni gradwali fil-laqgħat li ġejjin. Diversi Parteċipanti oħra x’aktarx li jimbuttaw fl-istess direzzjoni u oħrajn ħabbru din is-sena li se jtemmu l-appoġġ għas-settur tal-enerġija mill-fjuwils fossili b’emissjonijiet mhux imnaqqsa. Jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ tieħu pożizzjoni dwar ir-rieżami tal-Artikolu 6 tal-Arranġament. L-Anness ta’ din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill fih l-aħħar proposta tal-UE għal żona ta’ ħatt tal-ftehim. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li tingħaqad mal-kunsens dwar Deċiżjoni tal-OECD, jekk tkun konformi ma’ din iż-żona ta’ ħatt l-art.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-att previst jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-aktar ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE. Dan minħabba l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament li jiddikjara li “[i]l-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 3 sabiex temenda l-Anness II b'riżultat ta’ emendi għal-linji gwida miftiehma mill-Parteċipanti għall-Arranġament”. Dan jinkludi modifiki fl-annessi tal-Arranġament.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-krediti għall-esportazzjoni, li huwa fl-ambitu tal-politika kummerċjali komuni. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Minħabba li l-att previst se jemenda l-Arranġament, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2024/0156 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rieżami tal-Artikolu 6 tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (“l-Arranġament”) ġew trasposti, u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-UE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(2)Skont l-Artikolu 6 tal-Arranġament, il-parteċipanti fl-Arranġament (il-“Parteċipanti”) għandhom iwettqu rieżami ta’ dan l-artikolu bl-għan li jkomplu jsaħħu t-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu sabiex jikkontribwixxi għall-għan komuni li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.
(3)Id-deċiżjoni prevista għar-rieżami tal-Artikolu 6 tal-Arranġament jenħtieġ li tkun konformi mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni Ewropea skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-politika tal-Unjoni dwar il-klima.
(4)Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-krediti għall-esportazzjoni tal-15 ta’ Marzu 2022 diġà ħabbar l-intenzjoni tal-Istati Membri li jiddeterminaw sa tmiem l-2023 fil-politiki nazzjonali tagħhom l-iskadenzi bbażati fuq ix-xjenza tagħhom stess għat-tmiem tal-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati għal proġetti fis-settur tal-enerġija mill-fjuwils fossili, sakemm ma jkunux f’ċirkostanzi limitati u definiti b’mod ċar li huma konsistenti ma’ limitu ta’ tisħin ta’ 1.5°C u l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.
(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tar-rieżami tal-Artikolu 6 tal-Arranġament, peress li d-deċiżjoni prevista tal-Parteċipanti fl-Arranġament se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u kapaċi tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għandha tkun li tingħaqad mal-kunsens tal-Parteċipanti fl-Arranġament rigward ir-rieżami tal-Artikolu 6 tal-Arranġament u artikoli relatati oħra f’konformità mal-anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President