|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3131 |
3.6.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-22 ta’ Mejju 2025
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2023/133 fir-rigward tas-sostituzzjoni ta’ membru tal-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939
(C/2025/3131)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE” (1)), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1939. Il-Kulleġġ tal-UPPE jikkonsisti mill-Kap Prosekutur Ewropew u Prosekutur Ewropew wieħed għal kull Stat Membru. Il-Kap Prosekutur Ewropew jinħatar bi qbil komuni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill minn fost lista ristretta ta’ kandidati kwalifikati mħejja mill-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (il-“bord tal-għażla”). Il-Prosekuturi Ewropej jinħatru mill-Kunsill minn fost tliet kandidati kwalifikati nnominati minn kull Stat Membru, wara li jkunu rċevew opinjoni motivata mill-bord tal-għażla. |
|
(2) |
Il-membri attwali tal-bord tal-għażla nħatru għal perjodu ta’ erba’ snin mill-20 ta’ Jannar 2023 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/133 (2). Membru wieħed tal-bord tal-għażla ġie sostitwit f’Ġunju 2024 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1777 (3). |
|
(3) |
Fis-7 ta’ Marzu 2025, membru wieħed tal-bord tal-għażla, is-Sa Tuire Tamminiemi, irriżenjat. Il-Kunsill ġie informat dwar dan. |
|
(4) |
Jenħtieġ li jinħatar mill-aktar fis possibbli membru ġdid tal-bord tal-għażla biex jissostitwixxi lis-Sa Tuire TAMMINIEMI, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tal-bord tal-għażla. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis il-ħtieġa għal bilanċ ġeografiku, bilanċ bejn il-ġeneri u rappreżentanza xierqa tas-sistemi legali tal-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPEpproponiet lis-Sa Johanna HERVONEN, Kap Prosekutur tad-distrett tal-prosekuzzjoni tal-Finlandja tan-Nofsinhar, bħala membru ġdid tal-bord tal-għażla. |
|
(6) |
Is-Sa Johanna HERVONEN għalhekk jenħtieġ li tinħatar bħala membru ġdid tal-bord tal-għażla u f’konformità mar-Regola II tar-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696 (4), jenħtieġ li tinħatar għall-bqija tal-mandat tal-predeċessur tagħha. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2023/133 tiġi emendata skont dan. |
|
(8) |
Sabiex jiġi żgurat li s-Sa Johanna HERVONEN tkun tista’ tassumi l-funzjonijiet tagħha malajr u tipparteċipa fl-attivitajiet li għaddejjin tal-bord tal-għażla, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2023/133, l-isem “is-Sa Tuire TAMMINIEMI” huwa sostitwit bl-isem “is-Sa Johanna HERVONEN”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BARANOWSKI
(1) ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1939/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/133 tas-17 ta’ Jannar 2023 li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (ĠU L 17, 19.1.2023, p. 90, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/133/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1777 tal-20 ta’ Ġunju 2024 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/133 fir-rigward tas-sostituzzjoni ta’ membru tal-bord tal-għażla (ĠU L, 2024/1777, 24.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1777/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696 tat-13 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 282, 12.11.2018, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1696/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3131/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)